Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0046

    Ħarsien tal-konsumaturi Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 9 ta' Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (2009/2137(INI))

    ĠU C 349E, 22.12.2010, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 349/1


    It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
    Ħarsien tal-konsumaturi

    P7_TA(2010)0046

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (2009/2137(INI))

    2010/C 349 E/01

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2009 bit-titolu “Il-monitoraġġ tar-riżultati għall-konsumatur fis-suq waħdieni: It-tieni edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” (COM(2009)0025) flimkien mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “It-tieni edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” (SEC(2009)0076),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur (COM(2009)0330),

    wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (COM(2009)0336),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2009 dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi (COM(2009)0346) flimkien mal-Abbozz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (SEC(2009)0949),

    wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Settembru 2009 dwar is-segwitu fir-rigward tas-servizzi finanzjarji bl-imnut għat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (SEC(2009)1251),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (1),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0024/2010),

    A.

    billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (it-Tabella ta' Valutazzjoni), flimkien mat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern, għandhom l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern biex ikun aktar sensittiv għall-aspettattivi u għat-tħassib taċ-ċittadini,

    B.

    billi, fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni li jmiss, il-President Barroso qiegħed jitlob għal approċċ aktar sistematiku u integrat rigward it-tkomplija tas-suq intern, pereżempju permezz ta' “inizjattiva dwar is-sorveljanza tas-suq”,

    C.

    billi 499 miljun konsumatur fl-UE għandhom rwol ċentrali fil-funzjonament effikaċi tas-suq intern u għandhom rwol kruċjali fil-kisba tal-għanijiet tal-Aġenda ta' Lisbona għaż-żieda fit-tkabbir ekonomiku, ix-xogħol u l-kompetizzjoni, minħabba li l-infiq mill-konsumatur jiġġenera nofs il-ġid tal-UE,

    D.

    billi, bħala parti mill-Istrateġija għal Wara Lisbona 2020, il-politika dwar il-konsumatur għandha tkun adattata għall-iżvilupp sostenibbli li jirrispetta l-ambjent u jagħti attenzjoni għad-dimensjoni soċjali tas-suq intern,

    E.

    billi suq intern li jirrispondi b'mod effiċjenti għad-domandi tal-konsumatur jgħin ukoll sabiex tinkiseb ekonomija innovattiva u b'saħħitha, filwaqt li jitqies li s-swieq tal-konsumatur li huma effiċjenti u sensittivi għall-ekonomija ġenerali huma katalizzaturi tal-kompetittività u tal-benessri taċ-ċittadini,

    F.

    billi suq intern li jaħdem sew għandu joffri lill-konsumaturi għażla wiesgħa ta' prodotti u servizzi ta' kwalità għolja bi prezzijiet kompetittivi u, fl-istess ħin, livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur,

    G.

    billi huwa fir-rwol tagħhom bħala konsumaturi li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-UE jesperjenzaw is-suq intern fil-ħajja ta' kuljum,

    H.

    billi l-effikaċja ta' politika tal-konsumatur titjieb jekk il-konsumaturi u l-intrapriżi jkunu jafu dwar drittijiethom u l-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni eżistenti u jkunu kapaċi japplikawhom għat-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħhom,

    I.

    billi konsumaturi kunfidenti, infurmati sew u awtorizzati huma s-soluzzjoni għall-funzjonament effiċjenti tas-swieq, minħabba li jippremjaw lin-negozjanti li jaħdmu b'mod ġust u li jirreaġixxu bl-aħjar mod għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi,

    J.

    billi politika attiva għall-konsumaturi – li tinforma u tagħti responsabilità lill-konsumaturi, li konsegwentement jesiġu prodotti u servizzi ta' kwalità għolja – se jkollha sehem importanti biex l-Unjoni Ewropea ssir kompetittiva, dinamika u innovattiva fid-dinja,

    K.

    billi l-fatt li s-swieq bl-imnut żdiedu fil-kumplessità, u partikolarment is-suq tas-servizzi bl-imnut, u dan jagħmilha dejjem iktar diffiċli għall-konsumaturi biex jagħmlu għażla infurmata meta jixtru oġġetti jew iħallsu għal servizzi,

    L.

    billi l-approċċ ikkoordinat għall-edukazzjoni tal-konsumatur huwa meħtieġ sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'fiduċja sħiħa,

    M.

    billi l-konsumaturi għandhom id-dritt għal kumpens meta jintlaqtu minn prattiki illegali, iżda fir-realtà jħabbtu wiċċhom ma' ostakli sostanzjali biex iressqu każijiet bħal dawn il-qorti minħabba l-ispejjeż kbar, il-proċeduri twal u kumplessi u r-riskji assoċjati mal-kawżi ta' litigazzjoni,

    N.

    billi t-Tabella ta' Valutazzjoni turi li erbgħa minn kull għaxar konsumaturi biss isibuha faċli biex isolvu t-tilwim bejn il-bejjiegħa u l-fornituri permezz ta' mekkaniżmi alternattivi għas-sejba ta' soluzzjoni għat-tilwim, u tlieta biss minn kull għaxra jsibuha faċli li jsolvu t-tilwim permezz tal-qorti,

    O.

    billi madwar nofs il-konsumaturi tal-UE li jagħmlu lment mhumiex sodisfatti bil-mod kif jiġi ttrattat l-ilment tagħhom, u nofshom biss jieħdu azzjoni ulterjuri,

    P.

    billi l-kriżi ekonomika żiedet il-pressjoni fuq gruppi ta' konsumaturi bi dħul baxx, li qegħdin jonfqu l-biċċa l-kbira tad-dħul tagħhom fuq ikel u akkomodazzjoni, u billi, konsegwentement, l-għadd ta' konsumaturi li qegħdin jidħlu fi djun żejda kulma jmur qiegħed jiżdied,

    Q.

    billi d-dimensjoni transkonfinali tas-swieq tal-konsumaturi qed tikber b'rata mgħaġġla bl-ispinta tal-kummerċ elettroniku iżda l-konsumaturi dejjem joqogħdu lura milli japprofittaw mill-benefiċċji li tipprovdi l-integrazzjoni tas-swieq, l-iktar minħabba li ma jħossuhomx fiduċjużi dwar il-fatt li d-drittijiet tagħhom jiġu protetti bl-istess mod għal xirjiet transkonfinali u minħabba n-nuqqas ta' ċertezza dwar id-dritt għall-kumpens,

    R.

    billi livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur huwa essenzjali għall-iżvilupp ta' kummerċ transkonfinali fi ħdan suq waħdieni li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-konsumaturi,

    S.

    billi d-dimensjoni transkonfinali tas-swieq tal-konsumatur, li qiegħda dejjem tikber, iġġib magħha sfidi ġodda għall-awtoritajiet tal-infurzar, li huma limitati minn konfini ġurisdizzjonali u l-frammentazzjoni tal-qafas regolatorju,

    T.

    billi l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali jeħtiġilhom iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiksbu l-għan tal-kisba ta' livell għoli fil-ħarsien tal-konsumatur u jipprovdu lill-konsumaturi bil-fiduċja li jisfruttaw is-suq waħdieni bil-potenzjal kollu li għandu,

    U.

    billi r-regoli dwar il-ħarsien tal-konsumatur fl-UE ftit għandhom effett jekk dawn ma jiġux trasposti, implimentati u infurzati fil-livell nazzjonali,

    V.

    billi, ladarba leġiżlazzjoni nazzjonali tkun stabbilita, il-Kummissjoni għandha tkun attiva f'li tagħti l-għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali biex japplikaw il-leġiżlazzjoni bil-mod korrett,

    W.

    billi, meta jitqies it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali, huwa għalhekk iktar importanti li l-infurzar ikun b'saħħtu u konsistenti minħabba li l-kriżi qed twassal għal żieda fil-vulnerabilità tal-konsumatur u livelli iktar baxxi ta' konformità jistgħu jwasslu għal iktar ħsara għall-konsumatur, filwaqt li l-awtoritajiet tal-infurzar jistgħu jiffaċċjaw pressjoni akbar fuq ir-riżorsi u għandhom għalhekk jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom b'attenzjoni partikolari u jimmassimizzaw l-impatt tal-attivitajiet tagħhom,

    X.

    billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu b'mod attiv għal traspożizzjoni u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumatur billi jkomplu jaħdmu flimkien mill-qrib,

    Daħla

    1.

    Huwa tal-opinjoni li l-ħatra fl-2007 ta' Kummissarju tal-Affarijiet tal-Konsumatur iddedikata u l-impenn personali qawwi, l-onestà kbira u r-rwol proattiv ħafna tagħha ssarrfu fi progress fil-politika Ewropea għall-ħarsien tal-konsumatur u fil-kwistjonijiet dwar il-konsumatur li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini tal-UE;

    2.

    Jibża' mill-fatt li l-qsim tar-responsabbiltà għall-affarijiet tal-konsumatur bejn il-portafolli ta' żewġ Kummissarji jista' jwassal għal tnaqqis tal-attenzjoni fuq il-konsumatur fil-Kummissjoni l-ġdida u li, b'mod simili, jibża' li l-istruttura organizzattiva l-ġdida fid-diversi Direttorati Ġenerali tista' toħloq frammentazzjoni jew tolqot b'mod ħażin il-koerenza u l-effikaċja tal-politika tal-konsumatur;

    3.

    Jenfasizza li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jafferma mill-ġdid – bħala dispożizzjoni ta' applikazzjoni ġenerali – li r-rekwiżiti tal-ħarsien tal-konsumatur għandhom jitqiesu fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-integrazzjoni effikaċi tal-interessi tal-konsumatur fil-politiki kollha tal-UE, u biex fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha tħares lejn l-effetti potenzjali ta' leġiżlazzjoni u politiki ġodda li jolqtu direttament jew indirettament lill-konsumatur; iħeġġeġ lil kull Direttorat Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni biex jippubblika rapport annwali dwar kif il-politika tal-konsumatur hija integrata fil-qasam tar-responsabilità tiegħu;

    4.

    Jenfasizza l-ħtieġa għal politika tal-konsumatur attiva biex tgħin liċ-ċittadini japprofittaw bis-sħiħ mis-suq intern; iqis li politika tal-konsumatur attiva hija iktar essenzjali waqt il-kriżi ekonomika attwali biex tappoġġa l-politika soċjali fil-ġlieda kontra d-diskrepanzi dejjem jikbru u biex tipproteġi lill-konsumaturi vulnerabbli u l-gruppi bi dħul baxx;

    5.

    Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, bla ma jkunu suġġetti għal xi kondizzjonament psikoloġiku min-naħa tal-produtturi li jagħmlu affermazzjonijiet tendenzjużi jew qarrieqa dwar il-prodotti, li jwasslu għal iktar kompetizzjoni bejn in-negozjanti biex jogħla l-livell tal-kwalità tal-oġġetti u s-servizzi li jipprovdu, u biex il-prezzijiet jinżammu fuq livelli kompetittivi;

    6.

    Hu tal-fehma li strateġija responsabbli min-naħa tad-dinja tan-negozju, bl-osservanza tal-prinċipju tar-responsabilità korporattiva, ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, għandhom jgħinu jispiraw fiduċja fost il-konsumaturi;

    7.

    Itenni li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom ir-rwol kruċjali li javżaw lill-awtoritajiet pubbliċi dwar il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi fil-ħajja ta' kuljum u li għandhom jitjiebu l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom biex jaġixxu b'mod effikaċi fuq il-livell tal-UE u dak nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jiġu kkonsultati kif xieraq f'kull stadju tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-konsumatur;

    8.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu s-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-konsumaturi matul ħajjithom kollha sabiex jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżguraw li jingħata tagħrif ċar u li jinftiehem, b'mod partikolari, lill-konsumaturi żgħażagħ dwar il-prodotti u s-servizzi maħsuba għalihom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu aspetti tal-konsumatur fil-kurrikuli nazzjonali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni biex it-tfal jingħataw il-kompetenzi meħtieġa biex iktar tard f'ħajjithom ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet diffiċli, u biex jitqiesu programmi edukattivi għall-ġenituri u għall-konsumaturi adulti, bl-għan li għal żmien fit-tul tiġi żviluppata u kkonsolidata s-sensibilizzazzjoni tagħhom bħala konsumaturi; jenfasizza li dawn il-programmi għandhom jissodisfaw il-bżonnijiet edukattivi u l-kapaċitajiet tal-istudenti f'kull livell, filwaqt li jintużaw metodi ta' tagħlim moderni msejsa fuq l-esperjenza u eżempji mill-ħajja reali; ifakkar li anke l-konsumatur edukat, li hu konxju minn drittijietu u jaf fejn għandu jmur fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, hu importanti biex tiġi identifikata mġiba li ma tkunx konformi;

    9.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-promozzjoni tal-konsum sostenibbli, filwaqt li jiġi enfasizzat il-fatt li l-fornituri tas-servizz u l-bejjiegħa bl-imnut, kif ukoll il-konsumaturi, għandhom jiġu edukati aktar rigward il-kunċett ta' konsum sostenibbli, sabiex ikunu jistgħu jadattaw l-imġiba tagħhom b'mod xieraq;

    10.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iniedu strateġija ta' komunikazzjoni b'għan ċar sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini tal-UE dwar ir-riskji għall-esponiment u d-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti portali fuq l-internet li huma faċli li jintużaw, kampanji li jissensibilizzaw u ċentri informattivi fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa tal-użu ta' metodi ta' komunikazzjoni speċifiċi sabiex l-informazzjoni tilħaq ukoll lill-konsumaturi li l-iktar ikunu vulnerabbli billi jiġu ggarantiti l-affidabilità, il-kredibilità u l-imparzjalità tal-entitajiet responsabbli għall-ġestjoni u l-organizzazzjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni;

    It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur

    11.

    Jafferma mill-ġdid li t-Tabella ta' Valutazzjoni hija strument importanti għal monitoraġġ aħjar tas-swieq tal-konsumatur bl-għan li tingħata informazzjoni utli sabiex jiġi żgurat li jkun hemm tfassil ta' politiki u regolamentazzjoni aħjar, iżda wkoll biex juri liċ-ċittadini li t-tħassib tagħhom qiegħed jingħata widen;

    12.

    Jilqa' l-ħames indikaturi ewlenin fit-Tabella ta' Valutazzjoni – ilmenti, prezzijiet, sodisfazzjon, tibdil tal-fornitur u sikurezza – li huma importanti fl-identifikazzjoni ta' liema swieq ikunu fl-ikbar riskju li ma jiffunzjonawx sew f'termini ta' riżultati ekonomiċi u soċjali għall-konsumaturi; iqis, madankollu, li għandhom ikunu applikati wkoll kriterji li bihom ikun jista' jitkejjel kemm jaqblu l-prodotti u s-servizzi mal-għan ta' żvilupp sostenibbli;

    13.

    Jagħraf li, minkejja li l-ħames indikaturi ma jkoprux l-aspetti kollha tal-ambjent tal-konsumatur, huma jipprovdu bażi suffiċjenti għall-istabbiliment ta' prijoritajiet u t-tfassil ta' konklużjonijiet dwar fejn tinħtieġ iktar analiżi, sakemm l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri tkun komprensiva u tkun tista' tinġabar f'bażi li tista' titqabbel faċilment;

    14.

    Iqis li l-evidenza attwali dwar l-ilmenti, il-prezzijiet, is-sodisfazzjon, it-tibdil tal-fornitur u s-sikurezza tal-konsumatur għadha mhix suffiċjenti għat-tfassil ta' konklużjonijiet definittivi u li tinħtieġ iktar data ta' kwalità tajba biex tiġi żviluppata bażi b'saħħitha ta' evidenza dwar il-konsumatur; jenfasizza li, għalhekk, l-indikaturi għandhom jiġu żviluppati iktar u li l-ġbir tad-data jeħtieġ jiġi organizzat filwaqt li jitqiesu d-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali;

    15.

    Jissuġġerixxi li, meta l-ħames indikaturi bażiċi u l-metodoloġija marbuta magħhom ikunu żviluppaw biżżejjed biex jipproduċu riżultati tajbin ħafna, il-Kummissjoni għandha tqis tinkludix fit-Tabella ta' Valutazzjoni indikaturi oħrajn għal żmien itwal, bħal dawk marbuta mal-ishma tas-swieq, il-kwalità, ir-reklamar, it-trasparenza u l-komparabilità tal-offerti, indikaturi marbuta mal-infurzar u indikaturi marbuta mas-setgħa mogħtija lill-konsumatur, is-soċjetà, l-ambjent u l-etika, kif ukoll indikaturi biex jitkejjel il-kumpens u d-dannu lill-konsumatur; iqis, madankollu, li dan għandu jsir gradwalment sabiex jiġi żgurat li t-Tabella ta' Valutazzjoni tkun waħda ffukata u li tinftiehem, bil-ħsieb li tiġi żgurata strateġija aktar komprensiva dwar il-ħarsien tal-konsumaturi, sabiex dawn ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ mill-vantaġġi li joffri s-suq intern;

    16.

    Itenni li t-Tabella ta' Valutazzjoni għandha tkopri l-kategoriji ewlenin kollha tal-infiq tal-konsumatur, sabiex jiġu identifikati s-swieq l-iktar problematiċi u sabiex twitti t-triq għal analiżi speċifika għas-settur li tkun iktar dettaljata, partikolarment fejn l-evidenza tikxef problemi li huma komuni għad-diversi swieq; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw finanzjament u reklutaġġ ta' persunal xieraq biex it-Tabella ta' Valutazzjoni tkompli tiġi żviluppata;

    17.

    Huwa konxju mill-fatt li l-konsumaturi huma inqas sodisfatti u jkollhom problemi bis-servizzi iktar milli bil-prodotti, li juri li teżisti kumplessità ikbar fir-relazzjonijiet kontrattwali u l-għoti ta' servizzi meta mqabbel mal-oġġetti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq analiżijiet bir-reqqa tas-setturi kollha problematiċi identifikati fit-Tabella ta' Valutazzjoni; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura li eżerċizzji bħal dawn jiġu segwiti, fejn ikun xieraq, b'inizjattivi leġiżlattivi speċifiċi u b'rakkomandazzjonijiet għall-politiki tal-Istati Membri, u biex il-konklużjonijiet jintbagħtu lill-Parlament;

    18.

    Jilqa' l-interess u l-kwalità tax-xogħol li sar mill-Kummissjoni fl-istudju tagħha dwar is-servizzi finanzjarji bl-imnut, ippubblikat b'segwitu għat-Tabella ta' Valutazzjoni; Jinnota wkoll il-problemi identifikati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, li komplew jitgħarrqu minħabba l-kriżi finanzjarja; jilqa, b'mod partikolari, il-konklużjonijiet li ħarġu minn dan l-istudju rigward, pereżempju, il-problemi ewlenin dwar it-trasparenza u l-komparabilità tal-ispejjeż tal-kontijiet kurrenti fl-UE; iqis li għandhom jinsiltu l-konklużjonijiet xierqa kollha rigward il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni aħjar f'dan is-settur;

    19.

    Jinnota li, filwaqt li l-ilmenti tal-konsumatur huma importanti biex jintgħaraf meta s-suq ma jkunx qed jiffunzjona sew, in-nuqqas ta' lmenti ma jfissirx dejjem li s-swieq jiffunzjonaw sew, peress li f'ċerti Stati Membri hemm inqas tendenza li l-konsumaturi jilmentaw minħabba tradizzjonijiet tal-konsumatur differenti jew perċezzjonijiet differenti dwar il-possibbiltà ta' suċċess; jinnota li, mil-lat l-ieħor, għadd kbir ta' lmenti fi Stat Membru wieħed ma għandux jiġi interpretat neċessarjament bħala sinjal ta' suq li qed ifalli iżda jista' jirriżulta mill-preżenza ta' entitajiet li jmexxu l-ilmenti b'mod effikaċi jew minn xi kampanja reċenti tal-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur;

    20.

    Jinnota li hemm iktar minn 700 organizzazzjoni ta' partijiet terzi li jiġbru lmenti tal-konsumatur fl-UE iżda l-organizzazzjoni tagħhom tvarja b'mod konsiderevoli u ftit minnhom jiġbru data dwar it-tip ta' lment u s-settur ikkonċernat; iqis li, filwaqt li dan jista' jkun suffiċjenti biex jingħataw pariri u informazzjoni, mhuwiex biżżejjed biex jiġu identifikati fallimenti potenzjali tas-suq mill-perspettiva tal-konsumatur; jistieden lill-entitajiet tal-ilmenti kollha, għalhekk, biex jadottaw metodoloġija armonizzata għall-klassifika u r-rappurtar ta' lmenti tal-konsumatur u jħeġġiġhom biex jirrapportaw data dwar ilmenti li jikkorrispondu għall-oqsma kollha – kemm dawk volontarji kif ukoll dawk rakkomandati – proposti mill-Kummissjoni fl-abbozz tar-rakkomandazzjoni tagħha; jemmen li l-iżvilupp ta' metodoloġija armonizzata se jippermetti lill-Istati Membri biex jiġbru data iktar sinifikattiva u biex joħolqu stampa iktar ċara tas-swieq tal-konsumatur nazzjonali, li jwassal għat-twaqqif ta' bażi tad-data tal-UE kollha li tkun tippermetti t-tqabbil tal-problemi tal-konsumaturi fl-UE;

    21.

    Jiġbed l-attenzjoni lejn l-analiżi tad-data dwar il-prezzijiet disponibbli li juru varjazzjonijiet transkonfinali mhux spjegati fl-għadd ta' oġġetti u servizzi; iqis li, minkejja d-differenzi bejn il-prezzijiet li ta' spiss huma marbuta mad-differenzi fid-domanda, il-livelli ta' nfiq, it-taxxi jew l-istruttura tal-ispejjeż, dawn sikwit ikunu sinjal ta' frammentazzjoni jew funzjonament ħażin tas-suq intern; jissuġġerixxi li, meta l-prezz ta' prodott speċifiku jkun ogħla mil-limitu, huwa meħtieġ li tiġi investigata r-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-importazzjoni u l-konsum u li r-raġunijiet għal-livelli differenti tal-prezzijiet jiġu eżaminati bir-reqqa;

    22.

    Jemmen li d-data tal-prezzijiet disponibbli mhijiex suffiċjenti għal monitoraġġ tajjeb tas-suq intern u jistieden lill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u lill-Eurostat biex jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jipprovdu iktar data u jiżviluppaw iktar il-metodoloġija għall-ġbir tal-prezzijiet medji ta' oġġetti u servizzi li jistgħu jitqabblu u li huma rappreżentattivi; ifakkar f'dan ir-rigward fil-bżonn li l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika jivvalidaw u jipparteċipaw aktar fil-ħidma tal-ġbir tad-data, u l-kalkolu, tal-prezzijiet medji; jenfasizza li l-preżentazzjoni ta' data aktar trasparenti dwar il-prezzijiet tagħti aktar fiduċja lill-konsumaturi u turihom ukoll li wieħed ikun qiegħed jagħti kas it-tħassib tagħhom ta' kuljum;

    23.

    Jagħraf li s-sodisfazzjon tal-konsumatur huwa indikatur importanti biex wieħed jifhem kemm is-swieq sejrin tajjeb jew ħażin f'dak li għandu x'jaqsam ma' kemm huma moqdija l-konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa iktar il-metodoloġija u t-tekniki ta' kejl għat-twettiq ta' stħarriġ dwar is-sodisfazzjon tal-konsumatur u biex tkopri setturi oħra fil-ġejjieni;

    24.

    Huwa tal-fehma li l-kapaċità li wieħed ibiddel minn fornitur għal ieħor hija karatteristika essenzjali tal-kompetizzjoni f'ekonomija bbażata fuq is-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri biex jiffaċilitaw din il-bidla fis-servizzi bl-imnut importanti kollha;

    25.

    Jinnota li l-istħarriġ juri li l-fiduċja tal-konsumatur fis-sikurezza tal-prodotti ġeneralment tkun għolja minkejja li l-perċezzjonijiet tal-konsumatur jistgħu jvarjaw b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu d-data disponibbli bħalissa dwar is-sikurezza tal-prodotti tal-konsumatur li prinċipalment tinġabar abbażi ta' rapporti dwar inċidenti u korrimenti minħabba prodotti difettużi jew permezz ta' sistemi ta' notifika tar-riskju; jisħaq, b'mod partikolari, fuq il-ħtieġa ta' viġilanza dwar is-sikurezza tal-ġugarelli;

    26.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha, fl-interess tat-titjib tas-sikurezza għall-konsumatur, biex jiġbru b'mod sistematiku u jirreġistraw dettalji dwar l-inċidenti jew il-korrimenti f'bażi tad-data komuni;

    27.

    Jinnota li l-prevalenza tal-attività transkonfinali għadha tvarja b'mod sinifikanti fl-UE, u minkejja li l-infiq medju f'akkwisti transkonfinali huwa wieħed konsiderevoli (EUR 737 għal kull persuna kull sena), il-maġġoranza l-kbira (75 %) tal-bejjiegħa bl-imnut ibigħu biss lil konsumaturi f'pajjiżhom filwaqt li kwart tal-konsumaturi tal-UE jagħmlu akkwisti transkonfinali; iqis li, filwaqt li jeżistu għadd ta' ostakli strutturali bħal-lingwa, id-distanza u d-differenzi fil-liġi dwar il-ħarsien tal-konsumatur, il-fiduċja akbar tal-konsumatur iżżid ħafna l-livelli tal-kummerċ transkonfinali; iqis li l-iżvilupp tal-kummerċ transkonfinali ma għandux iwassal għal tnaqqis fil-livell tar-regolamenti iżda, minflok, għandu jsaħħaħ il-ħtieġa tal-isforzi biex jinżamm l-ogħla livell ta' protezzjoni għall-konsumaturi fl-UE;

    28.

    Jinnota l-fatt li x-xiri minn fuq l-internet qed jinfirex iktar iżda li l-kummerċ elettroniku transkonfinali mhuwiex qed jiżviluppa bl-istess ħeffa bħax-xiri domestiku; jitlob lill-Kummissjoni biex it-Tabelli ta' Valutazzjoni li jmiss ikunu jinkludu data iktar kompluta dwar il-livell proprju tal-bejgħ transkonfinali u l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi transkonfinali;

    29.

    Jinnota li ftit iktar minn nofs il-konsumaturi tal-UE (51 %) jaħsbu li qegħdin jiġu protetti biżżejjed mill-miżuri tal-konsumatur eżistenti, iktar minn nofs (54 %) jaħsbu li l-awtoritajiet pubbliċi jipproteġu drittijiethom u proporzjoni ftit ikbar (59 %) jaħsbu li l-bejjiegħa u l-fornituri jirrispettaw drittijiethom;

    30.

    Jenfasizza l-fatt li kważi terz (30 %) tal-konsumaturi tal-UE li għamlu akkwist mill-bogħod minn fuq l-internet, it-telefown jew bil-posta, irrappurtaw xi problemi bil-kunsinna; jinnota, madankollu, li disgħa minn kull għaxar persuni li ppruvaw jibagħtu lura oġġett li xtraw jew ikkanċellaw kuntratt fi żmien il-perjodu tan-nifs irnexxielhom;

    31.

    Ifakkar li bosta Stati Membri żviluppaw għodda għall-monitoraġġ tas-swieq nazzjonali tagħhom mil-lat tal-konsumatur bħal osservatorji tal-prezzijiet jew sistemi komprensivi tal-ilmenti għat-tfassil tal-politiki, filwaqt li Stati Membri oħra ma jużawx id-data għall-monitoraġġ tas-swieq tal-konsumatur u għandhom diffikultajiet biex jaggregawha; jisħaq, għal din ir-raġuni, fuq il-ħtieġa tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

    32.

    Jenfasizza li l-parteċipazzjoni sinifikanti tal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u l-Eurostat, kif ukoll il-kooperazzjoni mill-qrib bejn dawn l-entitajiet, il-Kummissjoni, dawk li jfasslu l-politiki dwar il-konsumatur, l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tal-impriżi, se tkun importanti ħafna biex tiżgura l-kwalità u kemm tkun kompluta d-data u għal iktar żvilupp tal-bażi ta' evidenza meħtieġa; jistieden lill-Eurostat, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati kollha biex jieħdu passi biex jiffaċilitaw kooperazzjoni bħal din;

    33.

    Hu tal-fehma li d-data b'rilevanza għas-suq jista' jkollha sehem importanti biex tagħti spinta kemm lill-innovazzjoni kif ukoll lill-kompetittività; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tat-Tabella ta' Valutazzjoni, li hija biċċa għodda tajba għall-identifikazzjoni tal-preferenzi u tad-domanda tal-konsumaturi; jinnota li din id-data tista' tistimula l-innovazzjoni billi toffri inċentivi lill-impriżi biex jidħlu fi swieq ġodda u billi toħloq pressjoni fuq il-kumpaniji biex itejbu l-prodotti u s-servizzi tagħhom;

    34.

    Huwa tal-opinjoni li t-Tabella ta' Valutazzjoni, jekk tkun sostnuta minn data affidabbli li tkun tista' titqabbel faċilment fost is-27 Stat Membru, għandha sservi ta' sors mimli data komparattiva għal dawk li jfasslu l-politika fuq livell nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni, għall-konsumatur u għal oqsma oħra ta' politika u għandha tgħinhom jidentifikaw fil-livell nazzjonali s-swieq li mhux qegħdin jiffunzjonaw sew għall-konsumaturi;

    35.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi limitu għall-ambjent tal-konsumatur f'kull Stat Membru filwaqt li tqis id-differenzi fil-liġi tal-konsumatur u t-tradizzjonijiet f'dan il-qasam; itenni li t-tqabbil tal-eżitu tal-konsumatur bejn l-Istati Membri u l-istabbiliment ta' limiti fl-ambjent tal-konsumatur fl-UE jgħinu biex jidentifikaw l-aqwa prattiki u mbagħad joħolqu suq intern li jiffunzjona sew għall-konsumaturi;

    36.

    jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex kull sena jwettqu eżerċizzju ta' monitoraġġ wiesa' tas-suq sabiex jidentifikaw is-swieq li jkunu qed ifallu għall-konsumaturi u jipprovdu data kompluta li tippermetti lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tqabbel il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi fis-suq intern;

    37.

    Isostni li t-Tabella ta' Valutazzjoni ma għandhiex tintuża biss biex tipprovdi politika tal-konsumatur aħjar iżda għandha tikkontribwixxi wkoll għall-politiki kollha li jaffettwaw il-konsumaturi, biex b'hekk tiżgura integrazzjoni aħjar tal-interessi tal-konsumatur fil-politiki kollha tal-UE u l-integrazzjoni tal-objettiv ta' żvilupp sostenibbli fil-politika ta' protezzjoni tal-konsumatur; jenfasizza li t-Tabella ta' Valutazzjoni għandha tistimula wkoll dibattitu iktar ġenerali dwar kwistjonijiet tal-politika tal-konsumatur;

    38.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa, bl-appoġġ tal-Istati Membri, strateġija li tippreżenta aħjar it-Tabella ta' Valutazzjoni lil pubbliku usa', biex, fost affarijiet oħra, tiżgura l-aċċessibbiltà faċli u viżibbli fuq siti tal-internet rilevanti u biex tippromwovi t-tixrid xieraq lill-midja, l-awtoritajiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u partijiet interessati oħra; iqis li huwa meħtieġ li titkompla l-pubblikazzjoni annwali tat-Tabella ta' Valutazzjoni f'fuljett u biex dan ikun disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu b'mod xieraq fost iċ-ċittadini Ewropej il-websajt “eYou Guide”, maħluqa apposta mill-Kummissjoni bħala gwida għad-drittijiet taċ-ċittadini;

    L-infurzar tal-acquis tal-konsumatur

    39.

    Jilqa' l-ħames oqsma ta' azzjoni ta' prijorità identifikati mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur;

    40.

    Jenfasizza li l-implimentazzjoni u l-infurzar effikaċi tar-regoli tal-ħarsien tal-konsumatur tal-UE huma katalizzaturi għaż-żieda fil-fiduċja tal-konsumatur u jiskoraġġixxu bil-qawwa lill-kumpaniji li jippruvaw jonqsu milli jsegwu dawk ir-regoli; jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib u tgħin lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-konsumatur tal-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tfittex alternattivi, fuq il-bażi legali pprovduta mill-Artikolu 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għat-titjib tal-politika dwar il-protezzjoni tal-konsumatur permezz ta' miżuri ta' appoġġ u assistenza għall-politiki tal-Istati Membri, li eventwalment tkun tinkludi l-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea tal-Konsumaturi;

    41.

    Jinnota li l-infurzar fl-UE baqagħlu biex ikun uniformi u li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għandhom punti b'saħħithom kif ukoll dgħajfa; jinnota li ċ-ċifri juru differenzi importanti bejn l-Istati Membri f'termini ta' baġits għas-sorveljanza tas-suq u l-għadd ta' spetturi involuti; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom u jżidu r-riżorsi sabiex jiżguraw li l-liġijiet li jipproteġu lill-konsumaturi u li jiggarantixxu kompetizzjoni jiġu infurzati fis-swieq bl-imnut;

    42.

    Iqis li t-tisħiħ tas-sorveljanza tas-swieq u l-mekkaniżmi tal-infurzar, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom b'mod effiċjenti u komprensiv, biex jinkoraġġixxu l-fiduċja tal-konsumatur huma kruċjali minħabba li l-infiq tal-konsumatur se jkun fattur importanti għall-irkupru ekonomiku; huwa tal-opinjoni li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jingħataw iktar riżorsi biex jinvestigaw u finalment iwaqqfu l-prattiki kummerċjali illegali;

    43.

    Jenfasizza li s-swieq tal-konsumatur jevolvu bil-ħeffa u l-awtoritajiet tal-infurzar għandhom ikunu kapaċi jiffaċċaw l-isfidi l-ġodda li jġibu magħhom il-bidliet ekonomiċi u teknoloġiċi li jaffettwaw il-kapaċità tagħhom biex ikunu effikaċi f'ambjent transkonfinali bħal ma hu s-suq intern u, biex jiksbu dan, għandhom jingħaqdu l-isforzi sabiex jiġi żgurat li l-infurzar ikun effikaċi u konsistenti fl-UE; iqis li hu meħtieġ li ssir reviżjoni tal-qafas regolatorju sabiex ma jkunux jeżistu lakuni regolatorji;

    44.

    Jinkoraġġixxi l-istabbiliment fl-Istati Membri kollha ta' aġenziji indipendenti għall-ħarsien tal-konsumatur biex jagħtu tagħrif u jressqu proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi; jinkoraġġixxi, għalhekk, il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji għall-ħarsien tal-konsumatur fl-Istati Membri kollha;

    45.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex iqisu l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' Ombudsman tal-Konsumaturi; jirrimarka li istituzzjoni bħal din teżisti f'xi Stati Membri mhux biss bħala korp extraġudizzjarju għas-soluzzjoni amikevoli ta' tilwimiet tal-konsumaturi, iżda wkoll bħala istituzzjoni konsultattiva li taħdem flimkien mal-Istat biex issolvi problemi fil-kompetenza tagħha;

    46.

    Huwa tal-istess opinjoni bħall-Kummissjoni li mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim bħall-medjazzjoni u l-arbitraġġ jew ftehimiet bonarji, jistgħu jkunu konvenjenti u għażla attraenti għall-konsumaturi li ma jkunx irnexxielhom isolvu t-tilwim tagħhom b'mod informali man-negozjant jew ma' organizzazzjoni pubblika li tipprovdi s-servizzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim biex isaħħu l-livell tal-ħarsien tal-konsumatur u jimmassimizzaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni, iżda jenfasizza li dawn il-mekkaniżmi għandhom jikkomplementaw, u mhux jieħdu post, il-mezzi ġudizzjarji jew amministrattivi tal-infurzar; iqis ukoll li dati ta' skadenza fissi għat-tweġibiet ta' aġenziji u kumpaniji dwar il-prattiki differenti li jkunu ġew irrappurtati jistgħu jgħinu b'mod sinifikanti lill-konsumaturi li jkunu jridu jieħdu azzjoni biex isolvu tilwima;

    47.

    Ifakkar li l-fatti juru differenzi kbar bejn l-Istati Membri u li għad hemm il-ħtieġa għal titjib f'termini ta' mekkaniżmi ta' rimedju; ifakkar li sistemi ġudizzjarji ta' rimedju kollettiv jeżistu fi 13-il Stat Membru u jistieden lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tipprovdi segwitu għall-Green Paper tagħha tas-27 ta' Novembru 2008 dwar ir-Rimedju Kollettiv tal-Konsumaturi (COM(2008)0794);

    48.

    Jenfasizza l-ħtieġa għal taħriġ u edukazzjoni bix-xieraq tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku u tal-awtoritajiet ġudizzjarji fir-rigward tar-regoli tal-ħarsien tal-konsumatur tal-UE;

    49.

    Jinnota li r-reviżjoni tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur tindika li l-awtoritajiet li jmexxu l-każijiet transkonfinali qed ikollhom diffikultajiet minħabba n-nuqqas ta' riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina kif riżorsi adegwati jistgħu jiġu żgurati sabiex ikunu konformi mal-obbligi eżistenti skont ir-Regolament dwar il-kooperazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur;

    50.

    Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal azzjonijiet ta' infurzar konġunt (spezzjonijiet) fejn, simultanjament, l-awtoritajiet nazzjonali jeżaminaw settur speċifiku għall-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza li dawk l-azzjonijiet għandhom jitwettqu iktar sikwit (darbtejn fis-sena) abbażi ta' metodoloġija komuni u għandhom jintużaw flimkien ma' strumenti oħra;

    51.

    Jirrikonoxxi l-kumplessità legali marbuta mal-pubblikazzjoni tar-riżultati tas-sorveljanza tas-suq u l-attivitajiet tal-infurzar, u l-fatt li x-xogħol investigattiv sikwit ikun suġġett għal regoli stretti ta' kunfidenzjalità, iżda huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippubblikaw dawn ir-riżultati, inkluż it-taqsim skont il-kumpaniji individwali, f'każijiet fejn tiġi identifikata r-rikorrenza ta' prattiki illegali; iqis li dan jiżgura iktar trasparenza, jagħti iktar viżibbiltà lix-xogħol ta' infurzar li jsir mill-awtoritajiet nazzjonali u l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati sew;

    52.

    Jitlob għat-tisħiħ ta' strutturi tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri kollha sabiex il-prodotti li jiċċirkolaw fis-swieq tagħhom jilħqu standards għoljin ta' sikurezza u li prodotti difettużi jew perikolużi jitneħħew malajr mis-suq; jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tirrevedi regolarment il-linji gwida użati mis-sistema ta' twissija rapida, RAPEX, sabiex jittejjeb il-funzjonament tagħha;

    53.

    Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex iżżid il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar is-sorveljanza tas-suq min-naħa tal-Istati Membri, b'mod partikolari r-Regolament (KE) 765/2008 u, jekk ikun meħtieġ, biex tressaq il-proċeduri ta' ksur bla dewmien;

    54.

    Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tanalizza l-aħħar mezzi tekniċi ta' sorveljanza sabiex tiżgura li jkun hemm traċċabilità globali tal-prodotti fil-katina sħiħa ta' provvista (eż. bl-użu ta' tikketti RFID jew barcodes); jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq quddiem il-Parlament l-inizjattivi attwali tagħha u l-aħħar informazzjoni dwar l-iżvilupp ta' netwerk globali ta' traċċabbiltà;

    55.

    Ifakkar li n-Netwerk Ewropew taċ-Ċentri tal-Konsumatur jeħtieġ finanzjament xieraq sabiex jippromwovi l-fiduċja tal-konsumatur billi jagħti parir liċ-ċittadini dwar drittijiethom bħala konsumaturi u billi jipprovdi aċċess faċli għar-rimedju f'każijiet fejn il-konsumaturi jkunu għamlu akkwisti transkonfinali;

    56.

    Jinnota li, billi jitqies l-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li kulma jmur qiegħed jikber fl-UE, l-awtoritajiet doganali għandhom rwol importanti fil-ħarsien tal-konsumaturi minn prodotti importati li ma jkunux sikuri, u li tinħtieġ kooperazzjoni dejjem eqreb bejn is-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet doganali iżda wkoll bejn l-awtoritajiet doganali ta' diversi Stati Membri;

    57.

    Jenfasizza li l-garanzija tas-sikurezza ta' prodotti li jiċċirkolaw fi ħdan is-suq intern teħtieġ l-għaqda ta' sforzi ma' awtoritajiet ta' pajjiżi terzi; jappoġġa, għalhekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u tmexxi ftehimiet formali mal-awtoritajiet tal-infurzar f'pajjiżi terzi, partikolarment fiċ-Ċina, fl-Istati Uniti u fil-Ġappun; jinnota li d-djalogu kontinwu u l-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti huma fl-interess tal-partijiet kollha u huma fundamentali għall-bini tal-fiduċja tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna regolarment lill-Parlament dwar id-djalogu tagħha ma' pajjiżi terzi;

    *

    * *

    58.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  Testi adottati, P6_TA(2008)0540.


    Top