Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 52009IP0145

    It-tkeċċija tal-NGOs mid-Darfur Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta’ Marzu 2009 dwar it-tkeċċija tal-NGOs mid-Darfur

    ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 183—185 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 87/183


    Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
    It-tkeċċija tal-NGOs mid-Darfur

    P6_TA(2009)0145

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar it-tkeċċija tal-NGOs mid-Darfur

    2010/C 87 E/39

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza f’isem l-Unjoni Ewropea wara d-deċiżjoni tal- Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) rigward il-mandat ta’ arrest kontra l-President tas-Sudan Omar Hassan al-Bashir fis-6 ta’ Marzu 2009,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Louis Michel tal-5 ta’ Marzu 2009 dwar it-tkeċċija tal-NGOs tal-għajnuna umanitarja mis-Sudan,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur/Sudan, fejn esprima b’mod partikolari l-appoġġ tiegħu lill-ICC,

    wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-ICC u d-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta’ Lulju 2002,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni S/Res/1593 (2005) adottata mill-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-31 ta’ Marzu 2005, fejn is-sitwazzjoni fid-Darfur ġiet riferuta lill-ICC,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fl-4 ta’ Marzu 2009, il-Kamra ta’ Qabel il-Proċessi tal-ICC ħarġet mandat ta’ arrest kontra l-President tas-Sudan Omar Hassan al-Bashir, b’konnessjoni ma’ allegazzjoni ta’ reati kontra l-umanità fil-provinċja Sudaniża mimlija kunflitti tad-Darfur,

    B.

    billi, bħala reazzjoni għad-deċiżjoni tal-ICC, il-Gvern tas-Sudan iddeċieda li jkeċċi 13-il NGO ewlenin mid-Darfur;

    C.

    billi l-aġenziji ta’ għajnuna fid-Darfur qed imexxu l-ikbar operazzjoni umanitarja fid-dinja; billi n-Nazzjonijiet Uniti jirrapportaw li numru li joqrob 4,7 miljun persuna, inklużi 2,7 miljun persuna mċaqalqa internament, jeħtieġu l-għajnuna,

    D.

    billi t-tkeċċija tal-aġenziji tal-għajnuna tista’ twassal għal żieda fil-mortalità u fil-morbożità dovuta għall-waqfien tas-servizzi tas-saħħa u t-tifqigħa ta’ mard infettuż, bħad-diarrhoea u infezzjonijiet respiratorji; billi l-konsegwenzi tat-tkeċċija jistgħu jinkludu kopertura ta’ immunizzazzjoni mnaqqsa u żieda fl-imwiet fost it-tfal, jekk dawn ma jkollhomx aċċess għal servizzi terapewtiċi ta’ ikel u ta’ nutrizzjoni,

    E.

    billi l-organizzazzjonijiet tkeċċew fi żmien meta kien hemm bżonn vitali tas-servizzi tagħhom, partikolarment peress li bħalissa hemm epidemija tal-meninġite fid-Darfur tal-Punent; billi minħabba t-tkeċċija, il-persuni sofferenti se jisfaw b’aċċess limitat ferm jew mingħajr aċċess għal trattament mediku,

    F.

    billi l-prinċipju tan-NU ta’ “Responsabilità li Tipproteġi” jistipula li fejn l-awtoritajiet nazzjonali jonqsu b’mod ċar milli jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom, oħrajn għandhom ir-responsabilità li jipprovdu l-protezzjoni meħtieġa,

    G.

    billi l-Gvern tas-Sudan, bħala membru tan-NU, huwa obbligat li jikkopera mal-ICC skont ir-Riżoluzzjoni S/Res/1593 (2005), li l-Kunsill tas-Sigurtà adotta permezz tas-setgħat tiegħu skont il-Kapitolu 7 tagħha,

    H.

    billi hu ixxukkjat ħafna mill-fatt li, minn meta nħareġ il-mandat ta’ arrest, il-Gvern tas-Sudan ripetutament irrifjuta li jikkopera mal-ICC u fil-fatt żied l-atti ta’ sfida kontra l-ICC u kontra l-komunità internazzjonali,

    1.

    Jikkundanna bis-saħħa t-tkeċċija ta’ 13-il aġenzija ta’ għajnuna umanitarja mid-Darfur, bħala reazzjoni għall-mandat ta’ arrest li nħareġ mill-ICC kontra l-President al-Bashir fl-4 ta’ Marzu 2009;

    2.

    Jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-volontarji kollha tas-sezzjoni Belġjana ta’ Médecins sans Frontière li nħatfu fil-11 ta’ Marzu 2009 mill-uffiċji ta’ MSF-Belħju f’Saraf Umra, 200 km ‘il bogħod minn El Facher, il-kapitali tad-Darfur tat-Tramuntana;

    3.

    Jinsab ferm imħasseb dwar l-impatt immedjat tat-tkeċċija fuq il-provvista ta’ għajnuna umanitarja li hija fundamentali għal mijiet ta’ eluf ta’ persuni;

    4.

    Jitlob lill-Gvern tas-Sudan biex jirtira b’mod immedjat id-deċiżjoni tiegħu li jkeċċi 13-il aġenzija ta’ għajnuna umanitarja u jippermettilhom li jkomplu l-ħidma essenzjali tagħhom billi jiżguraw is-sopravivenza tal-popolazzjonijiet vulnerabbli fid-Darfur; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-Unjoni Afrikana, il-Lega Għarbija u ċ-Ċina, sabiex dawn jikkonvinċu lill-Gvern tas-Sudan biex jirtira d-deċiżjoni tiegħu;

    5.

    Jistieden lill-Gvern tas-Sudan biex jieħu passi pożittivi sabiex jiżgura li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan ma jiġux persegwitati jekk jitkellmu pożittivament dwar id-deċiżjoni tal-ICC u biex ma jwettqu l-ebda molestja jew intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

    6.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-istituzzjonijiet tal-Lega Għarbija u lill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.


    Início