This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009IP0086
Cross-border transfers of companies’ registered offices European Parliament resolution of 10 March 2009 with recommendations to the Commission on the cross-border transfer of the registered office of a company (2008/2196(INI))#ANNEX TO THE RESOLUTION
Trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpaniji Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Marzu 2009 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpanija (2008/2196(INI))
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI
Trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpaniji Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Marzu 2009 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpanija (2008/2196(INI))
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI
ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 5–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
1.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 87/5 |
It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2009
Trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpaniji
P6_TA(2009)0086
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2009 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpanija (2008/2196(INI))
2010/C 87 E/02
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat KE,
wara li kkunsidra l-Artikoli 43 u 48 tat-Trattat KE,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Mejju 2003 dwar “L-Immodernizzar tal-Liġijiet tal-Kumpaniji u t-Titjib tal-Governanza tal-Kumpaniji fl-Unjoni Ewropea - Pjan biex nimxu ‘l quddiem” (COM(2003)0284),
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ April 2004 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsillu lill-Parlament Ewropew: L-immodernizzar tal-liġijiet tal-kumpaniji u t-titjib tal-governanza tal-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea - Pjan biex nimxu ‘l quddiem (1),
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2006 dwar żviluppi riċenti u prospettivi rigward il-liġi tal-kumpaniji (2),
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2007 dwar il-Kumpanija Privata Ewropea u l-Erbatax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar it-trasferiment tas-sede tal-kumpanija (3),
wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-Daily Mail and General Trust (4), Centros (5), Überseering (6), Inspire Art (7), SEVIC Systems (8) u Cadbury Schweppes (9),
wara li kkunsidra r-Regoli 39 u 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0040/2009),
A. |
billi l-kumpaniji għandhom igawdu mil-libertà tal-istabbiliment fis-suq intern kif imsemmi fit-Trattat tal-KE u interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, |
B. |
billi l-migrazzjoni transkonfinali tal-kumpaniji hija wieħed mill-elementi kruċjali fit-tlestija tas-suq intern, |
C. |
billi t-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpanija m’għandux iwassal għax-xoljiment tagħha jew kwalunkwe interruzzjoni oħra jew telfien ta’ personalità ġuridika, |
D. |
billi t-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat m’għandux idur ma’ kundizzjonijiet legali, soċjali u fiskali, |
E. |
billi d-drittijiet ta’ partijiet oħra interessati kkonċernati minħabba t-trasferiment, bħal ma huma l-azzjonisti tal-minoranza, impjegati u kredituri, eċċ., għandhom jiġu salvagwardjati, |
F. |
billi l-acquis communautaire relevanti li jipprovdi għall-informazzjoni transkonfinali, il-konsultazzjoni u d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema kif ukoll għall-protezzjoni tad-drittijiet diġà eżistenti tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema (Direttivi 94/45/KE (10) u 2005/56/KE (11)) għandu jinżamm għal kollox, u billi b’konsegwenza t-trasferiment ta’ uffiċċju reġistrat m’għandux jirriżulta fit-telf tad-drittijiet eżistenti, |
G. |
billi r-regola li tirrikjedi li kumpanija żżomm l-uffiċċju prinċipali tagħha u l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-istess Stat Membru tmur kontra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà tal-istabbiliment u għalhekk tikser il-liġi tal-KE, |
1. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament sal-31 ta’ Marzu 2009, fuq il-bażi tal-Artikolu 44 tat-Trattat KE, proposta leġiżlattiva għal direttiva li tistipula miżuri għall-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jitħaffef it-trasferiment transkonfinali fil-Komunità tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpanija mwaqqfa skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (“l-14-il Direttiva tal-Liġi dwar il-Kumpaniji”), u jitlob li din il-proposta titfassal fil-qafas tad-deliberazzjonijiet interistituzzjonali u bħala segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati li jidhru hawn taħt; |
2. |
Jinnota li bħalissa l-impriżi jistgħu jittrasferixxu s-sede tagħhom biss jekk jiddikjaraw xoljiment u joħolqu entità legali ġdida fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, jew jistabilixxu entità legali ġdida fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni u wara jgħaqqdu ż-żewġ impriżi; jinnota, barra minn hekk, li din il-proċedura tinvolvi ostakli amministrattivi, spejjeż u konsegwenzi soċjali u ma toffri l-ebda sikurezza legali; |
3. |
Jiġbed l-attenzjoni għal-libertà tal-istabbiliment li hija garantita għall-impriżi skont l-Artikolu 48 tat-Trattat tal-KE, kif ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (12); |
4. |
Jinnota li t-trasferiment tas-sede ta’ kumpanija jimplika trasferiment ta’ superviżjoni; jinnota li, fil-kuntest tat-tfassil tal-14-il Direttiva tal-Liġi dwar il-Kumpaniji dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċji reġistrati, iż-żamma tad-drittijiet eżistenti tal-azzjonisti, tal-kredituri u tal-ħaddiema għandha tkun garantita u li l-ekwilibriju eżistenti fil-ġestjoni tal-kumpanija (“il-governanza tal-kumpanija”) għandu jiġi preservat; |
5. |
Jipproponi li fid-Direttiva l-ġdida ssir referenza għad-Direttiva 94/45/KE u d-Direttiva 2005/56/KE, sabiex tiġi garantita l-koerenza u n-natura sostantiva ta’ proċeduri tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fl-applikazzjoni tad-direttivi tal-liġi dwar il-kumpaniji tal-UE; |
6. |
Huwa tal-fehma li t-trasferiment tas-sede ta’ kumpanija għandu jsir wara li jitfassal pjan dwar it-trasferiment kif ukoll rapport fejn jiġu spjegati u jingħataw raġunijiet rigward l-aspetti legali u ekonomiċi kif ukoll il-konsegwenzi tat-trasferiment għall-azzjonisti u l-ħaddiema; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kemm il-pjan ta’ trasferiment kif ukoll ir-rapport għandhom ikunu aċċessibbli fil-ħin għal dawk kollha involuti; |
7. |
Jenfasizza l-effetti pożittivi tal-kompetizzjoni fiskali fuq it-tkabbir ekonomiku fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Liżbona; |
8. |
Jinnota li t-trasferiment ta’ sede għandu jsir f’kundizzjonijiet fiskali newtrali; |
9. |
Jissuġġerixxi li l-iskambju ta’ informazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet fiskali għandhom jittejbu; |
10. |
Jitlob għal trasparenza fl-applikazzjoni tad-direttiva l-ġdida fl-Istati Membri u għalhekk jipproponi rekwiżit ta’ rappurtaġġ għall-Istati Membri fil-konfront tal-Kummissjoni, b’hekk l-impriżi li jittrasferixxu l-uffiċċju reġistrat tagħhom skont id-direttiva jkollhom jitniżżlu f’reġistru Ewropew tal-kumpaniji; jindika li, fl-interess tat-tfassil aħjar tal-leġiżlazzjoni, għandha tiġi evitata l-informazzjoni żejda (“overkill”) fit-traspożizzjoni tar-rekwiżit ta’ rappurtar fil-liġi nazzjonali sakemm tkun iggarantita informazzjoni suffiċjenti; |
11. |
Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipji ta’ solidarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; |
12. |
Jikkunsidra li l-proposta mitluba m’għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji; |
13. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati mehmużin magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri. |
(1) ĠU C 104 E, 30.4.2004, p. 714.
(2) ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 114.
(3) ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 671.
(4) Każ 81/87 Daily Mail and General Trust [1988] ECR 5483.
(5) Każ C-212/97 Centros [1999] ECR I-1459.
(6) Każ C-208/00 Überseering [2002] ECR I-9919.
(7) Każ C-167/01 Inspire Art [2003] ECR I-10155.
(8) Każ C-411/03 SEVIC Systems [2005] ECR I-10805.
(9) Każ C-196/04 Cadbury Schweppes [2006] ECR I-7995.
(10) Id-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta’ Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħol jew proċedura f’impriżi fuq skala tal-Komunità u gruppi ta’ impriżi fuq skala tal-Komunità għall-għanijiet li l-impjegati jiġu nfurmati u kkonsultati (ĠU L 254, 30.9.1994, p. 64).
(11) Id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-26 ta’ Ottubru 2005 dwar “mergers” transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1).
(12) Sentenza dwar Centros, imsemmija hawn fuq.
It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2009
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI
RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal Direttiva li għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
Rakkomandazzjoni 1 (l-effetti ta' trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat)
It-trasferimenti transkonfinali ta' uffiċċji reġistrati m'għandhomx iwasslu għax-xoljiment tal-kumpanija kkonċernata jew għal kwalunkwe interruzzjoni jew telfien tal-personalità legali tagħha; konsegwentement, il-kumpanija għandha żżomm l-identità legali tagħha, filwaqt li l-assi, ir-responsabilitajiet u r-relazzjonijiet kuntrattwali kollha tagħha m’għandhomx ikunu affettwati. Barra minn hekk, it-trasferiment m’għandux jaħrab il-kundizzjonijiet legali, soċjali u fiskali. It-trasferiment għandu jidħol fis-seħħ fid-data tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Mid-data ta' reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, il-kumpanija għandha tobdi l-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat.
Rakkomandazzjoni 2 (proċedura ta' trasferiment fil-kumpanija)
Il-maniġment jew bord ta' kumpanija li jkun qed jippjana trasferiment huwa mitlub ifassal proposta ta' trasferiment. Il-proposta għandha tkopri għall-inqas:
(a) |
il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju; |
(b) |
il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju reġistrat previsti tal-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti; |
(c) |
il-memorandum u l-artikoli ta' assoċjazzjoni previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti; |
(d) |
l-iskeda prevista għat-trasferiment; |
(e) |
id-data li minnha t-tranżazzjoni tal-kumpanija li bi ħsiebha titrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha se titqies għal raġunijiet ta' kontabilità bħala stabbilita fl-Stat Membru ospitanti; |
(f) |
fejn xieraq, l-informazzjoni dettaljata dwar it-trasferiment tal-amministrazzjoni ċentrali jew tal-post ewlieni tan-negozju; |
(g) |
id-drittijiet garantiti għall-membri, l-impjegati u l-kredituri tal-kumpanija jew il-miżuri relevanti proposti; |
(h) |
jekk il-kumpanija hija mmaniġġjata fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti ma timponiex skema bħal din, għandha tiġi ddeterminata l-informazzjoni dwar il-proċeduri li permezz tagħhom jiġu determinati l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema. |
Il-proposta tat-trasferiment għandha tiġi ppreżentata lill-membri u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-kumpanija għal kunsiderazzjoni f'perjodu xieraq qabel id-data tal-laqgħa ġenerali tal-attivisti tal-kumpanija.
Kumpanija li tkun qed tippjana trasferiment għandha tintalab li għall-inqas tippubblika d-dettalji li ġejjin skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, bi qbil mad-Direttiva 68/151/KEE (1):
(a) |
il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju kif ukoll dawk previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti; |
(b) |
ir-reġistru fejn id-dokumenti u d-dettalji msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 68/151/KEE huma ppreżentati fir-rigward tal-kumpanija u n-numru tad-dħul f'dak ir-reġistru; |
(c) |
indikazzjoni tal-arranġamenti fejn il-kredituri u l-azzjonisti tal-minoranza tal-kumpanija jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u l-indirizz li fih tista' tinġabar l-informazzjoni kollha dwar dawk l-arranġamenti bla ħlas. |
Il-maniġment jew bord ta' kumpanija li jkun qed jippjana trasferiment huwa mitlub ifassal rapport li fih jispjega u jiġġustifika l-aspetti legali u ekonomiċi tal-proposta u jindika l-konsegwenzi għall-membri, il-kredituri u l-ħaddiema tal-kumpanija, sakemm ma jkunx hemm ftehim mod ieħor.
Rakkomandazzjoni 3 (deċiżjoni tat-trasferiment b'laqgħa ġenerali tal-attivisti)
Il-laqgħa ġenerali tal-attivisti għandha tapprova l-proposta tat-trasferiment bi qbil mal-arranġamenti stipulati u bil-maġġoranza meħtieġa biex jiġu emendati l-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju.
Jekk il-kumpanija tkun immaniġġjata fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista' tlesti t-trasferiment b'kundizzjoni li hija tapprova b'mod ċar l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.
Rakkomandazzjoni 4 (il-proċedura u l-verifika tat-trasferiment amministrattiv)
L-Istat Membru tad-domiċilju għandu jivverifika l-legalità tal-proċedura tat-trasferiment skont il-leġiżlazzjoni tiegħu. L-awtorità kompetenti identifikata mill-Istat Membru tad-domiċilju għandha toħroġ ċertifikat li jiddikjara b'mod konklużiv li l-atti u l-formalitajiet kollha meħtieġa jkunu ġew kompluti.
Iċ-ċertifikat, kopja tal-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti u kopja tal-proposta tat-trasferiment għandhom jiġu ppreżentati f'perjodu ta' żmien xieraq lill-entità responsabbli għar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu suffiċjenti biex jippermettu l-kumpanija li tiġi rreġistrata fl-Istat Membru ospitanti. L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet sostantivi u formali għat-trasferiment huma ssodisfati.
L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha immedjatament tavża l-awtorità rispettiva fl-Istat Membru tad-domiċilju dwar ir-reġistrazzjoni. Wara li jsir dan, l-awtorità tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tneħħi l-kumpanija mir-reġistru.
Ir-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti u t-tneħħija mir-reġistru tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jiġu ppubblikati. Għandhom jiġu koperti għall-inqas dawn id-dettalji:
(a) |
id-data tar-reġistrazzjoni; |
(b) |
in-numru tad-dħul il-ġdid u dak preċedenti fir-reġistri rispettivi tal-Istat Membru tad-domiċilju u ta' dak ospitanti. |
Rakkomandazzjoni 5 (il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema)
Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għandha tkun kontrollata mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti.
Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti mhix applikabbli:
(a) |
fejn l-Istat Membru ospitanti ma jipprovdix għal mill-inqas l-istess livell ta' parteċipazzjoni kif inhu operat fil-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti, jew |
(b) |
fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti ma tikkonferixxix fuq l-impjegati tal-istabbilimenti tal-kumpanija li tkun tinsab fi Stati Membri oħra l-istess jedd li jeżerċitaw id-drittijiet ta' parteċipazzjoni bħal dawk li tali impjegati kellhom qabel it-trasferiment. |
F'dawn il-każijiet, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2005/56/KE għandhom japplikaw kif xieraq.
Rakkomandazzjoni 6 (partijiet terzi kkonċernati minħabba t-trasferiment)
Kwalunkwe kumpanija li kontriha jittieħdu proċedimenti għax-xoljiment, likwidazzjoni, insolvenza jew sospensjoni ta' pagamenti jew proċedimenti simili oħra, m'għandhiex titħalla tagħmel trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Komunità.
Minħabba raġunijiet ta’ proċedimenti legali jew amministrattivi li jkunu għaddejjin u li jkunu bdew qabel it-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat, il-kumpanija għandha titqies li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Istat Membru tad-domiċilju.
(1) L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri tal-kumpanniji skont is-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bl-iskop li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti fil-Komunità kollha (ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8).