Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AP0283

    Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-varar ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (COM(2008)0887 – C6-0512/2008 – 2008/0263(COD))
    P6_TC1-COD(2008)0263 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit- 23 ta’ April 2009 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2009/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-varar ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport
    ANNESS I
    ANNESS II
    ANNESS III

    ĠU C 184E, 8.7.2010, p. 338–352 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 184/338


    Il-Ħamis, 23 ta' April 2009
    Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport ***I

    P6_TA(2009)0283

    Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-varar ta' Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (COM(2008)0887 – C6-0512/2008 – 2008/0263(COD))

    2010/C 184 E/70

    (Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0887),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 71(1) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0512/2008),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0226/2009),

    1.

    Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

    2.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew tibdilha b'test ġdid;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


    Il-Ħamis, 23 ta’ April 2009
    P6_TC1-COD(2008)0263

    Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-23 ta’ April 2009 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2009/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-varar ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni ║,

    Wara li kkunsidraw il-fehma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw il-fehma tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

    Billi:

    (1)

    Iż-żieda fit-trasport bit-triq marbut mat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea u mal-ħtiġijiet tal-mobbiltà taċ-ċittadini huwa kawża prinċipali taż-żieda dejjem akbar tal-konġestjoni tal-infrastruttura tat-toroq u l-konsum tal-enerġija, kif ukoll il-problemi ambjentali u soċjali.

    (2)

    Ir-rispons għal dawn l-isfidi maġġuri ma jistax ikun limitat għall-miżuri tradizzjonali fosthom, ta’ min jinnota l-espansjoni tal-infrastruttura eżistenti tat-trasport bit-triq. L-innovazzjoni ser ikollha rwol ewlieni biex jinstabu soluzzjonijiet xierqa għall-Komunità.

    (3)

    Is-Sistemi Intelliġenti ta’ Trasport (SIT) huma applikazzjonijiet avvanzati li, mingħajr ma jinkorporaw l-informazzjoni nnifisha, għandhom l-għan li jagħtu servizzi innovattivi dwar il-modi ta’ trasport u l-ġestjoni tat-traffiku u jippermettu lid-diversi utenti li jkunu mgħarrfa aħjar u li jagħmlu użu aktar sikur, aktar koordinat u aktar intelliġenti min-netwerks tat-trasport.

    (4)

    L-applikazzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għas-settur tat-trasport bit-triq u l-interkonnessjonijiet tiegħu ma’ modi oħra ta’ trasport (SIT) ser tagħti kontribut sinifikanti biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali, l-effiċjenza, fosthom l-effiċjenza enerġetika, is-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport bit-triq u l-mobbiltà tal-passiġġieri u l-merkanzija filwaqt li fl-istess ħin tiżgura l-funzjonament tas-suq intern u livelli ogħla ta’ kompetittività u impjiegi.

    (5)

    Bosta applikazzjonijiet avvanzati u mekkaniżmi Komunitarji ġew żviluppati għal modi differenti ta’ trasport, bħat-trasport ferrovjarju (ERTMS u TAF-TSI), it-trasport fuq il-baħar miftuħ u foq mogħdijiet tal-ilma interni (LRITS, SafeSeaNet, VTMIS, RIS), it-trasport bl-ajru (SESAR) u t-trasport fuq l-art, pereżempju, it-trasport tal-bhejjem.

    (6)

    Żviluppi fl-applikazzjonijiet tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għal modi oħra ta’ trasport għandhom issa jiġu riflessi fl-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu żgurati livelli ta’ integrazzjoni bejn l-oqsma tat-trasport bit-triq u modi oħra ta’ trasport.

    (7)

    F’xi Stati Membri applikazzjonijiet nazzjonali ta’ dawn it-teknoloġiji diġà qed jiġu varati fis-settur tat-trasport bit-triq, imma dan il-varar jibqa’ frammentat u mhux koordinat u ma jistax jipprovdi l-kontinwità ġeografika tas-servizzi tas-SIT fil-Komunità kollha.

    (8)

    Biex ikun żgurat varar koordinat u effikaċi tas-SIT fi ħdan il-Komunità kollha, għandhom jiddaħħlu speċifikazzjonjiet komuni. Għall-ewwel għandha tingħata prijorità lill-erba’ oqsma ewlenin tal-iżvilupp u l-varar tas-SIT.

    (9)

    L-ispeċifikazzjonijiet komuni għandhom fost l-oħrajn iqisu u jibnu fuq l-esperjenza u r-riżultati li diġà nkisbu f’dan il-qasam, l-aktar fil-kuntest tal-inizjattiva Sikurezza-e (4), imnedija mill-Kummissjoni f’April 2002. Il-Forum tas-Sikurezza-e ġie stabbilit mill-Kummissjoni skont l-inizjattiva sabiex jippromwovi u jimplimenta aktar ir-rakkommandazzjonijiet biex issostni l-iżvilupp, il-varar u l-użu tas-sistemi tas-Sikurezza-e.

    (10)

    Vetturi li jitħaddmu l-aktar għall-interess storiku tagħhom u li oriġinarjament ġew reġistrati u/jew mogħtija approvazzjoni tat-tip u/jew tqiegħdu fis-servizz qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u tal-miżuri implimentattivi tagħha, m’għandhomx jiġu effettwati mir-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva.

    (11)

    Is-SIT għandhom jibnu fuq sistemi interoperabbli ta’ standards pubbliċi, disponibbli b’mod mhux diskriminatorji għall-fornituri kollha tal-applikazzjonijiet u s-servizzi u tal-utenti.

    (12)

    Jeħtieġ li fil-ġejjieni tkun żgurata l-interoperabilità tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi pprovduti mill-varar tas-SIT u li jkopru, fejn meħtieġ, il-kompatibbiltà b’lura tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT.

    (13)

    Il-varar u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT ser jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali. Dan l-ipproċessar għandu jitwettaq skont ir-regoli Komunitarji, kif stabbiliti fost l-oħrajn, fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (5) u fid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (6).

    (14)

    Il-varar u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT, u speċjalment tal-informazzjoni tat-traffiku u l-ivvjaġġar, għandu jinvolvi l-ipproċessar tad-data dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar li tagħmel parti minn dokumenti miżmuma minn entitajiet tas-settur pubbliku tal-Istati Membri. Dan l-ipproċessar u l-użu għandu jitwettaq skont ir-regoli tal-Komunità, kif stipulati fid-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (7).

    (15)

    Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur (motorizzati) u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, filwaqt li d-Direttivi 2002/24/KE (9) u 2003/37/KE (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom x’jaqsmu mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi motorizzati b’żewġ jew tlett roti u tratturi agrigoli jew tal-forestrija, il-karrijiet tagħhom u l-makkinarju li jinġibed u li jista’ jinbidel rispettivament. Għalkemm id-dispożizzjonijiet f’dawn id-Direttivi jkopru t-tagħmir relatat mas-SIT istallat fil-vetturi, ma japplikawx għat-tagħmir u s-softwer tas-SIT tal-infrastruttura esterna tat-toroq, li għandhom b’hekk jiġu koperti bi proċeduri nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip.

    (16)

    Għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT li jeħtieġu garanziji ta’ ħin u pożizzjonament preċiżi, għandhom jintużaw infrastrutturi li jiddipendu mis-satelliti jew kwalunkwe teknoloġija li tipprovdi livell ekwivalenti ta’ preċiżjonijiet (11) bħall-Komunikazzjoni ta’ Distanza Qasira Dedikata (DSRC) .

    (17)

    Il-partijiet konċernati ewlenin bħal ma huma l-fornituri tas-servizzi tas-SIT, l-assoċjazzjonijiet tal-utenti tas-SIT, l-operaturi tat-trasport u tal-faċilitajiet, rappreżentanti tal-industrija tal-manifattura, l-imsieħba soċjali, l-assoċjazzjonijiet tal-professjonisti u l-awtoritajiet lokali għandhom ikollhom il-possibbiltà li jagħtu pariri lill-Kummissjoni dwar l-aspetti kummerċjali u tekniċi tal-varar tas-SIT fi ħdan il-Komunità.

    (18)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (12).

    (19)

    Partikolarment il-Kummissjoni għandha tiġi awtorizzata tadotta miżuri dwar l-emendi għall-Annessi u l-miżuri li jistipulaw speċifikazzjonijiet aktar dettaljati għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użu tas-SIT interoperabbli. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, fost l-oħrajn billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (20)

    Sabiex jiġi żgurat approċċ koordinat, il-Kummissjoni għandha tiżgura koerenza bejn l-attivitajiet tal-kumitat stabbilit b’din id-Direttiva u dawk tal-Kumitat stabbiliti bid-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-interoperabilità ta’ sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq fil-Komunità (13), il-Kumitat stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3821/85 tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (14), u l-Kumitat imsemmi fid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur [motorizzati] u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (15).

    (21)

    Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiżgura it-tnedija u l-użu koordinat tas-SIT interoperabbli madwar il-Komunità kollha, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett u ambitu

    Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-varar koordinat u koerenti u l-użu tas-SIT, inklużi SIT interoperabbli, fi ħdan il-Komunità u l-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għal dak il-għan.

    Għandha tappplika għas-SIT kollha għall-vjaġġaturi, għall-vetturi u l-infrastruttura u l-interazzjoni tagħhom fil-qasam tat-trasport bit-triq inkluż it-trasport urban, u l-interkonnessjonijiet ma’ modi oħra ta’ trasport.

    L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 4 għandha tkun bla ħsara għar-rekwiżiti tal-Istati Membri marbuta mal-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (SIT)” tfisser sistemi, li jużaw teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, b’sostenn għat-trasport bit-triq (fosthom l-infrastruttura, il-vetturi u l-utenti) u l-ġestjoni tat-traffiku u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħra tat-trasport, fosthom l-għoti ta’ biljetti interoperabbli u multimodali ;

    (b)

    “interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità tas-sistemi, u tal-proċessi tan-negozju li dawn is-sistemi jissejsu fuqhom, biex jiskambjaw id-data u jaqsmu l-informazzjoni u l-għarfien;

    (c)

    “applikazzjoni tas-SIT” tfisser strument operattiv għall-applikazzjoni tas-SIT;

    (d)

    “servizzi tas-SIT” tfisser l-użu ta’ applikazzjoni tas-SIT f’qafas organizzattiv u operattiv definit sew bl-għan li jikkontirbwixxi għas-sikurezza tal-utenti, l-effiċjenza, il-kumdità u/jew il-faċilitazzjoni jew is-sostenn tal-operat tat-trasport u l-ivvjaġġar;

    (e)

    “fornitur tas-servizzi tas-SIT” tfisser kwalunkwe fornitur ta’ servizz tas-SIT, kemm jekk pubbliku jew privat;

    (f)

    “utent tas-SIT” tfisser kwalunkwe utent tal-applikazzjonijiet jew is-servizzi tas-SIT fosthom il-vjaġġaturi, utenti vulverabbli tat-triq, l-utenti u l-operaturi tat-trasport bit-triq, il-maniġers tal-flotot u l-operaturi tas-servizzi tal-emerġenza;

    (g)

    “apparat nomadiku” tfisser biċċa tagħmir tal-komunikazzjoni jew tal-informazzjoni li tista’ titqiegħed ġo vettura minn sewwieq biex tintuża waqt is-sewqan, bħal telefon ċellulari, sistema tan-navigazzjoni jew kompjuter portabbli personali;

    (h)

    “pjattaforma” tfisser ambjent inklussiv funzjonali, tekniku u operattiv li jippertmetti l-varar, il-fornitment jew l-esplojtazzjoni tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT;

    (i)

    “utenti vulnerabbli tat-trasport” tfisser min jagħmel użu mit-triq mingħajr vettura bil-mutur, bħal pereżempju n-nies mexjin fit-triq, iċ-ċiklisti, kif ukoll is-sewwieqa tal-muturi u l-persuni b’diżabilità jew persuni b’mobilità limitata;

    (j)

    “il-livell minimu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT” tfisser il-livell bażiku tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT, li huma elementi indispensabbli tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T).

    Artikolu 3

    Varar tas-SIT

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-varar koordinat u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT interoperabbli effettivi fil-Komunità.

    2.     Fejn possibbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kompatibilità ma’ apparat aktar qadim tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi tas-SIT fil-Komunità.

    3.   L-Istati Membri għandhom mod partikolarment:

    (a)

    jiżguraw li data rilevanti tat-trasport bit-triq, li tkun affidabbli u aġġornata regolarment, tkun disponibbli għall-utenti tas-SIT u għall-fornituri tas-servizzi tas-SIT;

    (b)

    jiżguraw li data dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar bit-triq u l-informazzjoni rilevanti oħra tkun tista’ tiġi skambjata bejn iċ-ċentri kompetenti tal-informazzjoni u l-kontroll tat-traffiku fir-reġjuni differenti jew fl-Istati Membri differenti;

    (c)

    l-applikazzjoni tas-SIT għall-modi kollha ta’ trasport u għall-interkonnessjonijiet ta’ bejniethom, biex jiġi żgurat livell għoli ta’ integrazzjoni bejn il-modi kollha tat-trasport;

    (d)

    jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jintegraw is-sistemi tas-SIT tas-sikurezzza u relatati mas-sigurtà fil-vetturi u fl-infrastruttura tat-toroq u biex jiżviluppaw interkonnessjonijiet bejn il-magni u l-bniedem (HMI), partikolarment għall-apparat nomadiku;

    (e)

    jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jintegraw l-applikazzjonjiet tas-SIT, li jinvolvu l-iskambju tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni bejn il-vetturi u l-infrastruttura tat-toroq fi ħdan pjattaforma waħda;

    (f)

    jevitaw il-ħolqien ta’ frammentazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontinwità ġeografika.

    4.   Għall-finijiet tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT li jeħtieġu servizzi globali, kontinwi u garanziji ta’ ħin u pożizzjonament preċiżi, għandhom jintużaw infrastrutturi li jiddipendu mis-satelliti jew kwalunkwe teknoloġija li tipprovdi livell ekwivalenti ta’ preċiżjoni bħad-DSRC .

    5.   Meta jadottaw il-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2 l-Istati Membri għandhom jirrikjedu konformità mal-prinċipji stipulati fl-Anness I.

    6.     L-Istati Membri għandhom iqisu l-partikularitajiet morfoloġiċi ta’ reġjuni li jkunu iżolati ġeografikament u d-distanzi li jridu jiġu koperti biex jintlaħqu, u jagħmlu eċċezzjoni, jekk ikun meħtieġ, għall-prinċipju tar-relazzjoni bejn in-nefqa u l-effiċjenza msemmi fl-Anness I.

    Artikolu 4

    Speċifikazzjonijiet

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi speċifikazzjonijiet għall-varar u użu tas-SIT, fl-oqsma ta’ prijorità li ġejjin:

    (a)

    l-użu ottimali tad-data tat-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar;

    (b)

    kontinwità tas-servizzi tas-SIT tal-immaniġġjar tat-traffiku u l-merkanzija fil-kurituri Ewropej tat-trasport u fil-konurbanazzjonijiet;

    (c)

    sikurezza u sigurtà fit-toroq;

    (d)

    integrazzjoni tal-vetturi fl-infrastruttura tat-trasport.

    (2)     Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-varar u l-użu tal-livell minimu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

    (a)

    l-għoti ta’ servizzi ta’ tagħrif dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar f’ħin reali fl-UE kollha;

    (b)

    id-data u l-proċeduri għall-għoti ta’ servizzi ta’ tagħrif universali minimi dwar it-traffiku bla ħlas;

    (c)

    l-introduzzjoni armonizzata tal-eCall fl-Ewropa kollha;

    (d)

    miżuri xierqa dwar postijiet sikuri ta’ parkeġġ għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali u dwar parkeġġ ikkontrollat b’mod telematiku u sistemi ta’ riservazzjoni.

    3.     Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għall-varar u l-użu tas-SIT, lil hinn mil-livell minimu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi għall-bini u ż-żamma kofinanzjati mill-Komunità tan-Netwerk trans-Ewropew tat-toroq (TERN).

    4.    L-ispeċifikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mal-prinċipji stipulati fl-Anness I u għandhom ikun fihom tal-anqas l-elementi prinċipali stipulati fl-Anness II.

    5.     Sabiex jiġu garantiti l-interoperabilità u t-taqsim tal-passiv, il-Kummissjoni għandha tikkomplementa, fejn jinħtieġ, l-elementi ewlenin stipulati fl-Anness II, bi speċifikazzjonijiet dwar l-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-użu operattiv tas-servizzi tas-SIT u għandha tistipula l-kontenut tas-servizzi u tal-obbligi tal-fornituri tas-servizz.

    6.     L-ispeċifikazzjonijiet għandhom jiddeterminaw ukoll il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu, flimkien mal-Kummissjoni, jimponu regoli addizzjonali għall-forniment ta’ dawn is-servizzi fit-territorju kollu tagħhom, jew f’parti minnu.

    7.     Il-miżuri msemmija fil-paragrafi1 sa 6, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(3).

    8.     Il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni xierqa tal-impatt qabel l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 5 u 6.

    9.     Prinċipji addizzjonali u/jew elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjonijiet mhux previsti f’din id-Direttiva għandhom jiżdiedu mal-Anness I u/jew II, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat.

    Artikolu 5

    Approvazzjoni tat-tip tal-infrastuttura tat-toroq relatata mat-tagħmir u s-softwer tas-SIT

    1.   Fejn meħtieġ minħabba l-effiċjenza, fosthom għar-raġunijiet tal-effiċjenza tal-enerġija, tas-sikurezza jew is-sigurtà, jew tal-protezzjoni ambjentali, it-tagħmir u s-softwer tal-applikazzjonijiet tas-SIT li jaqgħu 'l barra mill-ambitu tad-Direttivi 2002/24/KE, 2003/37/KE u 2007/46/KE, għandu jkollhom l-approvazzjoni tat-tip qabel jibdew jintużaw.

    2.     Għat-tagħmir u l-applikazzjonijiet tas-softwer tas-SIT imsemmija fil-paragrafu 1, l-ispeċifikazzjonijiet relevanti dwar ir-responsabilità għandhom ikunu komunikati lill-entitajiet nazzjonali responsabbli għall-approvazzjoni tat-tip għat-tagħmir tas-SIT u tal-applikazzjonijiet tas-softwer koperti minn din id-Direttiva.

    3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummisjoni liema huma l-entitajiet nazzjonali responsabbli għall-approvazzjoni tat-tip tat-tagħmir u l-applikazzjonijiet tas-softwer tas-SIT inkluża l-akkreditazzjoni tal-fornituri tal-applikazzjonijiet tas-softwer tas-SIT koperti b’din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

    4.   L-Istati Membri kollha għandhom jirrikonoxxu l-approvazzjonijiet tat-tip maħruġa mill-entitajiet nazzjonali tal-Istati Membri l-oħrajn imsemmija fil-paragrafu 3.

    5.     It-tagħmir u s-softwer tas-SIT jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jidħlu fis-servizz biss jekk, meta jiġu installati u miżmuma kif jixraq u użati għall-iskop li huma maħsuba għalih, ma jqegħdux is-saħħa u s-sikurezza tal-persuni utal-ambjent, skont il-leġiżlazzjoni tal-Komunità, u, fejn ikun il-każ, il-proprjetà fil-periklu.

    6.     Għandu jkun presunt li t-tagħmir u s-softwer tas-SIT jilħaq l-ispeċifikazzjonijiet adottati kif previsti fl-Artikolu 4 jekk ikunu konformi mal-istandards relevanti nazzjonali jew Ewropej, fejn ikunu disponibbli, f’konformità mad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistipula proċedura għall-għoti ta’ tagħrif fil-qasam tal-istandards tekniċi u r-regolamenti u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (16).

    Artikolu 6

    Kumitat għall-istandards u r-regolamenti tekniċi

    Fejn Stat Membru jew il-Kummissjoni jqisu li l-istandards imsemmija fl-Artikolu 5(6) ma jilħqux għal kollox l-ispeċifikazzjonijiet adottati kif previst fl-Artikolu 4, l-Istat Membru konċernat jew il-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lill-Kumitat Permanenti mwaqqaf mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE, u jagħtu r-raġunijiet. Il-Kumitat għandu jagħti opinjoni b’urġenza.

    Filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri dwar jekk dawk l-istandards għandhomx jitneħħew mill-komunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 7

    Regoli dwar il-privatezza, is-sigurtà u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġbir, il-ħażna u l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tat-tħaddim tas-SIT jitwettaq skont ir-regoli Komunitarji li jipproteġu l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-individwi, l-aktar id-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

    2.     Sabiex tkun żgurata l-privatezza, għandu jkun inkoraġġit l-użu ta’ data anonima, fejn xieraq, għat-twettiq ta’ applikazzjoni u/jew servizz tas-SIT.

    3.     Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss safejn meħtieġ biex tintuża applikazzjoni u/jew servizz tas-SIT.

    4.     Meta jkunu involuti kategoriji speċjali ta’ data msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE, din id-data għandha tiġi pproċessata biss meta s-suġġett tad-data espliċitament jagħti l-kunsens tiegħu b’mod mgħarraf għall-ipproċessar ta’ dik id-data.

    5.   ▐ L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data u r-reġistri tas-SIT jiġu protetti kontra l-abbuż, fosthom l-aċċess illegali, tibdil jew telf u ma jistgħux jintużaw għal skopijiet oħra għajr dawk imsemmija fid-Direttiva.

    6.   Għandha tapplika d-Direttiva 2003/98/KE.

    Artikolu 8

    Programmazzjoni

    1.     Il-Kummissjoni għandha tħejji programm ta’ ħidma annwali fuq il-bażi tal-elementi ewlenin stipulati fl-Anness II, għall-ewwel darba mhux aktar tard minn … (17).

    2.     Il-Kummissjoni għandha tqis ir-riżultati tal-ħidma tal-kumitati stabbiliti f’konformità ma’ atti Komunitarji oħra rigward l-oqsma differenti tas-SIT, fosthom il-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-SIT imsemmi fl-Artikolu 10.

    3.     Il-Kummissjoni għandha, bil-koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà ġenerali tal-użu tas-SIT ma’ politika, programmi u azzjonijiet Komunitarji rilevanti oħra.

    4.     Il-Kummissjoni għandha tikkopera b’mod attiv mal-istrutturi tal-istandardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali dwar id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Annessi I u II.

    5.     Il-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 9(2) għall-iskopijiet ta’:

    (a)

    l-adozzjoni u l-modifika tal-programmi ta’ ħidma annwali;

    (b)

    id-determinazzjoni tal-oqsma ta’ prijorità għall-koperazzjoni internazzjonali.

    Il-programm ta’ ħidma annwali u l-oqsma ta’ prijorità għall-koperazzjoni internazzjonali għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    6.     f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard minn … (18), tadotta programm ta’ ħidma b’għanijiet u dati ta’ skadenza għall-implimentazzjoni tal-elementi ewlenin stipulati fl-Anness II.

    Artikolu 9

    Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat msejjaħ il-Kumitat Ewropew għas-SIT, magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    2.     Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

    3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

    Artikolu 10

    Grupp Konsultattiv Ewropew għas-SIT

    1.    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Ewropew għas-SIT biex jagħtiha pariri dwar l-aspetti tan-negozju u tekniċi tal-varar tas-SIT fil-Komunità kollha. Il-grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ livell għoli mis-setturi rilevanti tal-fornituri tas-servizzi tas-SIT, l-assoċjazzjonijiet tal-utenti, l-operaturi tat-trasport u tal-faċilitajiet, l-industrija tal-manifattura, is-sieħba soċjali, l-assoċjazzjonijiet tal-professjonisti, l-awtoritajiet lokali u fora rilevanti oħra.

    2.     Il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-rappreżentanti tal-Grupp Konsultattiv Ewropew tas-SIT ikunu kompetenti u li l-Grupp jinkludi rappreżentanza adegwata minn dawk is-setturi tal-industrija u minn dawk l-utenti affettwati minn miżuri li jistgħu jiġu proposti mill-Kummissjoni taħt din id-Direttiva.

    3.     Il-Grupp Konsultattiv Ewropew tas-ITS għandu jiġi kkonsultat biex jagħti opinjoni teknika dwar l-abbozzar tal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4.

    4.     Ix-xogħol tal-Grupp Konsultattiv Ewropew tas-SIT għandu jsir b’mod trasparenti.

    Artikolu 11

    Rappurtar

    1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn … (19) rapport dettaljat dwar l-attivitajiet u l-proġetti nazzjonali tagħhom dwar l-oqsma prijoritarji stipulati fl-Artikolu 4(1) u li jkun fih tal-anqas l-informazzjoni stipulata fl-Anness III.

    2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn … (20) il-pjani tagħhom għall-azzjonijiet nazzjonali tas-SIT matul il-ħames snin ta’ wara u li jkun fihom tal-anqas l-informazzjoni stipulata fl-Anness III.

    3.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw kull sena minn hemm 'il quddiem dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjani.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sitt xhur lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ analiżi dwar it-tħaddim tar-regoli stipulati fl-Annessi I u II, u għandha tevalwa l-ħtieġa ta’ emendar ta’ din id-Direttiva .

    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sitt xhur lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’mod partikolari dwar is-sitwazzjoni rigward finanzjament u, jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta dwar l-iffinanzjament tal-implimentazzjoni tal-livell minimu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT.

    Artikolu 12

    It-traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn … (21). Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif trid issir din ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 14

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi ║,

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  Opinjoni tat-13 ta’ Mejju 2009 (għadha mhux ppublikata fil-ĠU).

    (2)  ĠU C

    (3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 April 2009.

    (4)  http://www.esafetysupport.org/download/European_Commission/048-esafety.pdf

    (5)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

    (6)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

    (7)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90.

    (8)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

    (9)  ĠU L 124, 9.5.2002, p. 1.

    (10)  ĠU L 171, 09.07.2003, p. 1.

    (11)  Ara r-Regolament (KE) Nru 1/2005 tal-Kunsill, (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1) u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1).

    (12)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (13)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124.

    (14)  ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8.

    (15)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

    (16)   ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

    (17)   Tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    (18)   Sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    (19)  Sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    (20)  Sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din d-Direttiva.

    (21)   12-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    Il-Ħamis, 23 ta' April 2009
    ANNESS I

    PRINĊIPJI TAL-VARAR KIF IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 3

    L-għażla u l-varar tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-SIT għandhom ikun msejsa fuq evalwazzjoni tal-ħtiġijiet, u għandha tirrispetta l-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    effikaċja – il-kapaċità li tagħmel kontribut tanġibbli lejn is-soluzzjoni tal-isfidi prinċipali li jaffettwaw it-trasport bit-triq fl-Ewropa (pereżempju li titnaqqas il-konġestjoni, it-tnaqqis tal-emissjonjiet, it-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija, il-ksib ta' livelli ogħla ta' sikurezza u sigurtà u l-indirizzar tal-kwistjonijiet relatati mal-vulnerabilità tal-utenti tat-triq);

    (b)

    effiċjenza tan-nefqa – il-proporzjon tan-nefqa f'relazzjoni mar-riżultati f'dak li għandu x'jaqsam mal-ilħiq tal-għanijiet;

    (c)

    il-kontinwità ġeografika – il-kapaċità li jkunu żgurati, mingħajr intoppi, is-servizzi fil-Komunità kollha u fil-fruntieri esterni tagħha, b'mod partikolari fit-TEN-T;

    (d)

    interoperabbiltà – il-kapaċità tas-sistemi li jiskambjaw id-data u li jippermettu l-qsim tal-informazzjoni u t-tagħrif;

    (e)

    livell ta' maturità – il-livell tal-iżvilupp;

    (f)

    intermodalità - iċ-ċaqliq ta' ġarr ta' merkanzija fuq it-toroq għal ġarr bi vjaġġi qosra fuq il-baħar, bil-ferrovija, b'mogħdijiet tal-ilma interni jew b'taħlita ta' metodi ta' trasport, fejn il-vjaġġi bit-triq ikunu kemm jista' jkun effiċjenti.

    Il-Ħamis, 23 ta’ April 2009
    ANNESS II

    ELEMENTI PRINĊIPALI TAL-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 4

    (1)

    Użu ottimali tad-data tat-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar

    L-ispeċifikazzjonijiet għal użu ottimali tad-data tat-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar għandhom jinkludu dan li ġej:

    (a)

    id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex l-informazzjoni f'ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar tkun preċiża u disponibbli bejn il-konfini għall-utenti tas-SIT, partikolarment:

    id-disponibbiltà tad-data preċiża dwar it-toroq pubbliċi u t-traffiku f'ħin reali użata għall-informazzjoni f'ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar lill-fornituri tas-servizzi tas-SIT;

    il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku bejn l-awtoritajiet rilevanti pubbliċi u l-partijiet konċernati u l-fornituri rilevanti tas-servizzi tas-SIT, bejn il-konfini;

    l-aġġornar immedjat tad-data dwar it-toroq pubbliċi u t-traffiku użata għall-informazzjoni f'ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u mill-partijiet konċernati;

    l-aġġornar immedjat, mill-fornituri tas-servizzi tas-SIT, tal-informazzjoni f''ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar;

    (b)

    id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa għall-ġbir mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti tad-data dwar it-toroq u t-traffiku (fosthom, pereżempju, l-pjanti taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti tat-traffiku u r-rotot rakkommandati, speċjalment għall-vetturi kbar tal-merkanzija) u għall-forniment tagħhom lil fornituri tas-servizzi tas-SIT, partikolarment:

    id-disponibbiltà, għall-fornituri tas-servizzi tas-SIT, tad-data dwar it-toroq pubbliċi u t-traffiku (fosthom, pereżempju l-pjanti taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti tat-traffiku u r-rottot rakkommandati) li tkun inġabret mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti;

    il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku bejn l-awtoritajiet rilevanti pubbliċi u l-fornituri tas-servizzi tas-SIT;

    l-aġġornar immedjat tad-data dwar it-toroq pubbliċi u t-traffiku (fosthom il-pjanti taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti tat-traffiku u r-rottot rakkommandati) mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti;

    l-aġġornar immedjat tas-servizzi u l-applikazzjonijiet tas-SIT permezz ta' din id-data dwar it-toroq pubbliċi u t-traffiku mill-fornituri tas-serviziz tas-SIT;

    (c)

    id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex id-data dwar it-toroq pubbliċi u t-traffiku użata għall-mapep diġitali preċiżi u disponibbli għall-produtturi tal-mapep diġitali u għall-fornituri tas-servizzi, partikolmenti:

    id-disponibbiltà tad-data dwar it-toroq pubbliċi u t-traffiku użata għall-mapep diġitali għall-produtturi tal-mapep diġitali u għall-fornituri tas-servizzi;

    il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet konċernati u l-produtturi privati tal-mapep diġitali u l-fornituri;

    l-aġġornar immedjat tad-data dwar it-toroq pubbliċi u t-traffiku għall-mapep diġitali mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u mill-partijiet konċernati;

    l-aġġornar immedjat tal-mapep diġitali mill-produtturi tal-mapep diġitali u mill-fornituri tas-servizzi;

    (d)

    id-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi għall-forniment b'xejn tal-“messaġġi universali dwar it-traffiku” lill-utenti kollha tat-toroq, kif ukoll tal-kontenut tagħhom, partikolarment:

    l-użu ta' lista standard ta' avvenimenti tat-traffiku marbuta mas-sikurezza (“messaġġi universali dwar it-traffiku” ) li għandhom jiġu kkomunikati lill-utenti tas-SIT mingħajr ħlas;

    il-kompatibbiltà ta' u l-integrazzjoni tal-“messaġġi universali dwar it-traffiku” fis-servizzi tas-SIT għall-informazzjoni f'ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar.

    (2)

    Il-kontinwità tas-servizzi tas-SIT tal-immaniġġjar tat-traffiku u l-merkanzija fil-kurituri Ewropej tat-trasport u fil-konurbanazzjonijiet

    L-ispeċifikazzjonijiet għall-kontinwità u l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-immaniġġjar tat-traffiku u l-merkanzija u fil-kurituri Ewropej tat-trasport u fil-konurbanazzjonijiet għandhom jinkludu:

    (a)

    id-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi/meħtieġa għall-kontinwità tas-servizzi tas-SIT għall-merkanzija u l-passiġġieri tul il-kuruturi tat-trasport u fil-modi differenti, partikolarment:

    il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data dwar it-traffiku u l-informazzjoni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri, mir-reġjuni, jew iż-żoni urbani u interurbani bejn iċ-ċentri rilevanti tal-informazzjoni/kontroll tat-traffiku,

    l-użu ta' flussi standardizzati tal-informazzjoni jew l-interkonnessjonijiet tat-traffiku bejn iċ-ċentri rilevanti tal-informazzjoni/kontroll tat-traffiku;

    (b)

    id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-użu tat-teknoloġiji innovattivi tas-SIT (l-Apparati għall-Identifikazzjoni tal-Frekwenza tar-Radju (RFID) id-DSRC, jew il-Galileo/Egnos) fir-realizzazzjoni tal-applikazzjonijiet tas-SIT (speċjalment l-ittraċċar u llokalizzar tal-merkanzija matul il-vjaġġ tagħha u fil-modi kollha) għal-loġistika tat-trasport tal-merkanizija (Merkanzija-e), partikolarment:

    id-disponibbiltà tat-teknoloġiji rilevanti tas-SIT għal u l-użu tagħhom mill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet tas-SIT;

    l-integrazzjoni tar-riżultati tal-lokalizzazzjoni (permezz, per eżempju, tar-RFID id-DRSC u/jew tal-Galileo/EGNOS) fiċ-ċentri u l-għodod tal-immaniġġjar tat-traffiku;

    (c)

    id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-iżvilupp tal-istruttura tas-SIT għall-mobbiltà urbana fosthom approċċ integrat u multimodali għall-ippjanar tal-ivvjaġġar, id-domanda għat-trasport u l-immaniġġjar tat-traffiku, partikolarment:

    id-disponibbiltà tat-trasport pubbliku, l-ippjanar tal-ivvjaġġar, id-domanda għat-trasport, id-data dwar it-traffiku u d-data tal-ipparkjar għaċ-ċentri urbani tal-kontroll;

    il-faċilitazzjoni tal-iskambju tad-data elettronika bejn iċ-ċentri urbani differenti tal-kontroll għat-trasport pubbliku u privat u bejn il-modi kollha possibbli ta' trasport;

    l-integrazzjoni tad-data u l-informazzjoni kollha rilevanti fi struttura waħda;

    (d)

    id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurati servizzi tas-SIT mingħajr xkiel fil-Komunità u mal-fruntieri esterni tagħha.

    (3)

    Sikurezza u sigurtà fit-toroq

    L-ispeċifikazzjonijiet tal-applikazzjonijiet tas-SIT għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq għandhom jinkludu dan li ġej:

    (a)

    id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-introduzzjoni armonizzata tas-Sejħa-e pan-Ewropea, fosthom:

    id-disponibbiltà tad-data meħtieġa tas-SIT fil-vetturi biex tiġi skambjata;

    id-disponibbiltà għaċ-ċentri (tas-salvataġġ) tat-tagħmir meħtieġ fl-infrastruttura tat-toroq (Punti tal-Aċċess għas-Servizz Pubbliku) biex jirċievu d-data mibgħuta mill-vetturi;

    il-faċilitazzjoni tal-iskambju tad-data elettronika bejn il-vetturi u ċ-ċentri (tas-salvataġġ) tal-infrastruttura tat-toroq (Punti tal-Aċċess għas-Servizz Pubbliku);

    (b)

    id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiżguraw is-sikurezza tal-utenti tat-toroq fir-rigward tal-HMI fil-vetturi tagħhom u l-użu tal-apparat nomadiku, kif ukoll tas-sigurtà tal-komunikazzjonijiet mill-vetturi;

    (c)

    id-definizzjoni ta' miżuri biex tkun garantita s-sikurezza tal-utenti vulnerabbli tat-triq permezz tas-sistemi ta' ġestjoni tal-mobilità għall-fornituri tas-servizzi u tal-utenti fir-rigward tat-tħaddim tas-Sistemi tal-Assistenza Avanzata fis-Sewqan (ADAS) u l-HMI;

    (d)

    id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà u l-kumdità tal-utenti vulnerabbli tat-toroq fl-applikazzjonijiet kollha tas-SIT;

    (e)

    id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġu pprovduti postijiet sikuri għall-ipparkjar għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali u s-sistemi tal-ipparkjar u r-riżervazzjoni bbażati fuq is-SIT, partikolarment:

    id-disponibbiltà ta' biżżejjed faċilitajiet għall-ipparkjar;

    id-disponibblità ta' informazzjoni dwar l-ipparkjar fit-toroq għall-utenti;

    il-faċilitazzjoni tal-iskambju tad-data elettronika bejn is-siti tal-ipparkjar fit-toroq, iċ-ċentri u l-vetturi;

    l-integrazzjoni tat-teknoloġiji rilevanti tas-SIT kemm fil-vetturi u fil-faċilitajiet tal-ipparkjar fit-toroq biex tiġi aġġornata l-informazzjoni dwar l-ispazji tal-ipparkjar disponibbli għal raġunijiet ta' riżervazzjoni.

    (4)

    Integrazzjoni tal-vetturi fl-infrastruttura tat-trasport

    L-ispeċifikazzjonijiet għas-SIT għall-integrazzjoni tal-vetturi fl-infrastruttura tat-trasport għandhom jinkludu dan li ġej:

    (a)

    id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġu integrati l-applikazzjonijiet differenti tas-SIT fi pjattaforma miftuħa fil-vetturi, imsejsa partikolarment fuq:

    l-identifikazzjoni tar-rekwiżiti għat-tħaddim tal-applikazzjonijiet tas-SIT eżistenti jew pjanati;

    id-definizzjoni ta' struttura ta' sistema miftuħa li tiżgura l-interoperabbiltà/interkonnessjoni mas-sistemi u l-faċilitajiet tal-infrastruttura;

    l-integrazzjoni tal-applikazzjonijiet tas-SIT ġodda fil-futur jew aġġornati b'manjiera “qabbad u uża” fi pjattaforma mifuħa fil-vetturi;

    l-użu tal-proċessi ta' istandardizzazzjoni għall-adozzjoni tal-istruttura, u l-ispeċifikazzjonijiet miftuħa fil-vetturi;

    (b)

    id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jinġib aktar 'il quddiem l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-sistemi kooperattivi (infrastruttura tal-vetturi), partikolarment:

    il-faċilitazzjoni tal-iskambju tad-data u l-informazzjoni bejn vettura u oħra, bejn il-vetturi u l-infrastruttura u bejn infrastruttura u infrastruttura;

    id-disponibbiltà għall-partijiet rispettivi (vetturi jew infrastruttura tat-toroq) tad-data jew l-informazzjoni rilevanti biex tiġi skambjata;

    l-użu ta' format standardizzat tal-messaġġi għal dan l-iskambju tad-data bejn il-vetturi u l-infrastruttura;

    id-definizzjoni ta' infrastruttura tal-komunikazzjoni għal kull tip ta' skambju ta' data u tagħrif bejn vettura u oħra, bejn il-vetturi u l-infrastruttura u bejn infrastruttura u infrastruttura;

    id-definizzjoni ta' qafas regolatorju dwar l-interkonnessjoni bejn il-bniedem u l-magna (HMI) biex jindirizza l-kwistjonijiet ta' responsabilità u jipprovdi aġġustament aktar kredibbli tal-fatturi ta' sikurezza funzjonali tas-SIT fir-rigward tal-imġieba tal-bniedem;

    l-użu ta' proċessi tal-istandardizzazzjoni għall-adozzjoni tal-istrutturi rispettivi.

    Il-Ħamis, 23 ta' April 2009
    ANNESS III

    LINJI GWIDA GĦAL KONTENUT TAR-RAPPORTI DWAR L-AZZJONIJIET NAZZJONALI TAS-SIT IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 11

    (1)

    Ir-rapporti fir-rigward tal-oqsma prijoritarji stipulati fl-Artikolu 4(1) ipprovduti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11 għandhom ikopru l-livell nazzjoanli. Madankollu jistgħu jiġu estiżi għal-livell reġjonali u/jew lokali magħżul, jekk rilevanti.

    (2)

    Ir-rapport li għandu jiġi pprovdut skont l-Artikolu 11(1) għandu jinkludi, mill-anqas, l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-istrateġija nazzjonali attwali fir-rigward tas-SIT;

    (b)

    l-għanijiet tagħha u r-raġunijiet li ssejset fuqhom;

    (c)

    deskrizzjoni fil-qosor tal-istat tal-kundizzjonijiet tal-varar tas-SIT u tal-qafas;

    (d)

    oqsma prijoritarji tal-azzjonijiet attwali u l-miżuri marbuta magħhom;

    (e)

    indikazzjoni dwar kif din l-istrateġija u dawn l-azzjonijiet jew miżuri ssostnu l-varar koordinat u interoperabbli tal-applikazzjonijiet tas-SIT u l-kontinwità tas-servizzi fil-Komunità (ara l-Artikolu 4(1)).

    (3)

    Ir-rapport li għandu jiġi pprovdut skont l-Artikolu 11(2) għandu jinkludi, tal-anqas, l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-istrateġija nazzjonali fir-rigward tas-SIT, fosthom l-għanijiet tagħha;

    (b)

    deskrizzjoni dettaljata kundizzjonijiet tal-varar tas-SIT u tal-qafas;

    (c)

    l-oqsma pjanati ta' prijorità għall-azzjonijiet u l-miżuri relatati, fosthom indikazzjoni dwar kif dawn jindirizzaw l-oqsma ta' prijorità stipulati fl-Artikolu 4(1);

    (d)

    dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet attwali u pjanati fir-rigward ta'

    L-istrumenti,

    Ir-riżorsi,

    Il-konsultazzjoni u l-partijiet konċernati attivi,

    L-istadji ewelieni,

    Il-monitoraġġ.


    Top