EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0880

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima – nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa COM(2008) 699 finali

ĠU C 277, 17.11.2009, p. 92–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima – nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa”

COM(2008) 699 finali

(2009/C 277/19)

Rapporteur: is-Sur FORNEA

Nhar l-4 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-inizjattiva tas-swieq tal-materja prima – nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa

COM(2008) 699 finali.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Fornea.

Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’194 vot favur, 4 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet (1)

Il-KESE jirrakkomanda dan li ġej:

1.1.   L-UE għandha tħejji evalwazzjoni tal-analiżi nazzjonali ta’ materja prima strateġika u kritika u tistabbilixxi ħarsa ġenerali tal-UE, simili għal dik li għamel il-Kunsill Nazzjonali għar-Riċerka għall-Istati Uniti u l-Ġappun. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jevalwaw il-politiki tagħhom dwar il-provvista tal-materja prima sabiex jaraw xi tfisser il-kritikalità għal kull Stat Membru tal-UE u għall-UE kollha kemm hi. Il-kritikalità tal-materji primi individwali għandha tiġi evalwata regolarment, jekk jista’ jkun kull sentejn jew tliet snin, sabiex jiġu monitorjati l-bidliet.

1.2.   Filwaqt li jista’ jipprovdi punt ta’ tluq, workshop tal-OECD/BIAC (il-Kumitat Konsultattiv tal-OECD għan-Negozju u l-Industrija) dwar l-aċċess għall-materja prima dan jista’ jillimita l-isfera tal-UE mill-bidu nett. Billi ġie identifikat għadd kritiku ta’ materja prima, dawk il-pajjiżi li diġà qegħdin jew li fil-futur jistgħu jkunu qed jipprovdu din il-materja prima għandhom ikunu evalwati fir-rigward tal-potenzjal tagħhom għal kooperazzjoni utli. Wara għandhom jittieħdu passi diplomatiċi.

1.3.   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ, u jixtieq jieħu sehem, f’konferenzi relatati organizzati mill-Presidenzi tar-Repubblika Ċeka, l-Iżvezja u Spanja fl-2009 u l-2010 dwar il-kwistjoni tal-provvista u d-domanda ta’ riżorsi minerali, l-aċċess għal artijiet, l-aqwa teknoloġiji disponibbli u t-tisħiħ tal-kapaċità.

1.4.   Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ l-isforzi tagħha li tappoġġja negozjati effettivi fil-livell internazzjonali, mhux biss biex telimina ostakli u distorsjoni inġusta fil-kummerċ, iżda anke biex tgħin fit-tfassil ta’ ftehimiet bilaterali u multilaterali ta’ investiment.

1.5.   Il-Kummissjoni għandha tattiva l-mekkaniżmi neċessarji għall-azzjoni f’każ ta’ ksur tar-regoli tad-WTO minn pajjiżi barra l-UE (pereżempju taxxi/restrizzjonijiet fuq materjali).

1.6.   It-tariffi esterni tal-UE għandhom ikunu stabbiliti bil-għan li jiżguraw li materja prima prodotta b’mod sostenibbli ma tiġix eskluża mis-suq tal-UE. Għandha ssir analiżi tat-tariffi eżistenti biex jiġu identifikati linji ta’ tariffi li għandhom ikunu soġġetti għal bidla.

1.7.   L-UE għandha tfittex id-diplomazija fir-rigward tal-materja prima bl-iskop li tiżgura aċċess għaliha u b’hekk tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ fondi u programmi ffokati fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet li jappoġġjaw il-produzzjoni sostenibbli tal-materja prima u l-progress ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

1.8.   Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa b’mod attiv fil-laqgħat annwali tal-Forum Dinji tal-Ministri għall-Minjieri u l-Forum Intergovernattiv dwar il-Minjieri u l-Metalli bl-għan li tistabbilixxi relazzjonijiet aħjar ma’ numru ta’ awtoritajiet dinjija dwar din il-kwistjoni, biex tidentifika u ssaħħaħ l-opportunitajiet għall-investiment fl-UE.

1.9.   Għandu jitħejja inventarju tal-aħjar prattiki regolatorji fl-UE rigward l-aċċess għal art għall-industriji tal-materja prima bil-għan li jiġu semplifikati l-proċeduri u titnaqqas l-isterilizzazzjoni tar-riżorsi minerali li jirriżultaw minn prattiki inadegwati tal-ippjanar tal-użu tal-art.

1.10.   Il-Kummissjoni għandha tkompli tappoġġja l-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għar-Riżorsi Minerali Sostenibbli u tinkludi s-suġġetti tagħha fl-appelli li ġejjin għall-2009–2013. Huwa importanti wkoll li jiġu promossi temi marbuta mal-materja prima fost l-oqsma ta’ azzjoni prijoritarja fit-8 Programm Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp, bħal pereżempju l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi u fl-użu tal-enerġija.

1.11.   Il-Kummissjoni għandha trawwem metodoloġija oġġettiva bbażata fuq analiżi ta’ ċiklu sħiħ ta’ ħajja biex tevalwa l-validità ta’ miżuri ta’ effiċjenza tar-riżorsi u ta’ kull “politika ta’ sostituzzjoni ta’ materja”.

1.12.   Id-dipartimenti tal-Kummissjoni għandhom isaħħu r-riċiklaġġ u jiffaċilitaw l-użu ta’ materja prima sekondarja fl-UE u jipproponu strateġiji tajbin għar-riċiklaġġ, l-irkuprar u l-użu mill-ġdid f’pajjiżi barra mill-UE billi jippromovu l-aħjar prattiki fil-livell internazzjonali.

1.13.   Hemm bżonn aktar konsultazzjonijiet u riċerka biex tinfiehem aħjar kemm il-metodoloġija applikata għall-materja prima minerali mhux relatata mal-enerġija hija adegwata għas-sitwazzjoni speċifika ta’ materja prima rinnovabbli mhux relatata mal-enerġija, bħal pereżempju l-injam u l-ġlud (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiffoka l-iktar fuq il-kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima minerali mhux relatata mal-enerġija. Huwa dibattibbli jekk huwiex l-aħjar mod li tintuża l-istess proċedura għal materja prima oħra, iżda ċertament, permezz ta’ kooperazzjoni soda bejn id-dipartimenti speċjalizzati tal-Kummissjoni, se jkun possibbli li jinħoloq strument integrat għall-evalwazzjoni tal-materja prima strateġika u kritika kollha għall-industriji u d-difiża tal-UE.)

2.   Sfond

2.1.   It-tendenza ta’ prezzijiet dejjem ogħla ta’ materja prima waqfet, għall-inqas temporanjament. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinsab fiduċjuża li t-tendenza se terġa’ tibda u li “l-livelli tat-tkabbir tal-pajjiżi emerġenti jżommu pressjoni għolja fuq id-domanda għall-materja prima”. Il-fatturi kritiċi huma l-ewwel nett, jekk il-pajjiżi b’ekonomijia li qed jiżviluppaw, b’mod partikolari ċ-Ċina, humiex se jkunu kapaċi jgħaddu mingħajr problemi minn metodu ta’ tkabbir, ibbażat l-aktar fuq investiment ta’ kapital fiss immexxi minn opportunitajiet ta’ kummerċ f’setturi ta’ manifattura orjentati lejn l-esportazzjoni, lejn metodu li jiddependi aktar fuq il-konsum domestiku, u t-tieni, jekk dan it-tkabbir tal-aħħar jirriżultax fl-istess rata ta’ żieda fid-domanda għall-materja prima.

2.2.   Kif tosserva l-Komunikazzjoni, l-UE hija awtosuffiċjenti fil-minerali għall-kostruzzjoni (fejn fornituri barranin huma mxekkla minn spejjeż tat-trasport għoljin meta mqabbla mal-valur tal-materjali) iżda tiddependi mill-importazzjoni ta’ ċerti materjali ta’ importanza ekonomika strateġika. L-importanza strateġika tagħhom ġejja mill-fatt li huma essenzjali għall-produzzjoni industrijali sa punt li huwa sottovalutat sew mill-valur ekonomiku tagħhom, u minn provvisti konċentrati fuq numru żgħir ta’ fornituri kummerċjali u pajjiżi, li wħud minnhom huma assoċjati ma’ riskji politiċi kbar.

2.3.   Il-Komunikazzjoni tesprimi numru ta’ preokkupazzjonijiet dwar il-provvisti. Erba’ tipi ta’ riskju, li jiddependu mill-perspettiva u l-oriġini tar-restrizzjonijiet fil-provvista, jistgħu jitqiesu bħala raġunijiet ta’ tħassib:

kompetizzjoni intensifikata għall-materja prima bejn dawk li jipproċessawha, li timmanifesta ruħha fi prezzijiet ogħla u devjazzjoni ta’ materjali lejn destinazzjonijiet ġodda għal riżorsi primarji u sekondarji;

“il-ħażna” ta’ materja prima minħabba ostakli għall-esportazzjoni bħal taxxi fuq l-esportazzjoni u sistemi ta’ pprezzar doppju (il-Komunikazzjoni tagħti għadd ta’ eżempji);

il-kompetizzjoni għall-beni li jipproduċu l-materja prima f’pajjiżi terzi (pereżempju: kompetizzjoni bejn opportunitajiet ta’ investiment u aċċess għal depożiti minerali fl-Afrika);

ir-riskju ta’ interruzzjonijiet fil-provvista fiżika ta’ materja prima ta’ importanza ekonomika strateġika (pereżempju: interruzzjoni potenzjali ta’ provvisti ta’ elementi metalliċi rari (REE – it-teknoloġiji kollha ekoloġiċi u effiċjenti fl-użu tal-enerġija huma bbażati fuq konsum dejjem jikber ta’ elementi metalliċi rari (pereżempju karozza hybrid fiha madwar 20 kg ta’ REE). Iċ-Ċina hija l-fornitur ewlieni fid-dinja, iżda wkoll l-akbar konsumatur dinji ta’ REE. Sal-lum, jeżistu biss veru ftit alternattivi vijabbli għall-provvista ta’ REE miċ-Ċina), li l-provvista tagħhom hija kkonċentrata ħafna u li huma importanti f’numru ta’ applikazzjonijiet). Il-minerali kritiċi jistgħu jkunu għodod b’saħħithom fin-negozjar u anki armi fit-taqbida tal-gwerra ekonomika.

2.4.   L-ewwel żewġ tipi ta’ riskju jaffettwaw direttament il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-ipproċessar tal-materja prima, u billi jirriżultaw minn prattiki jew miżuri tal-politika tal-kummerċ antikompetittivi, il-konsegwenzi tagħhom għandhom ikunu indirizzati fil-kuntest tal-politika tal-kummerċ u l-kompetizzjoni.

2.5.   It-tielet riskju tirrigwarda inqas lill-industrija li tuża l-materja prima, għaliex m’hemm l-ebda raġuni per se li wieħed jistenna li s-sidien ta’ riżorsi naturali jkollhom interess li jiddiskriminaw bejn klijenti għad-detriment tal-industrija tal-UE, iżda hemm raġunijiet għal tħassib kemm minħabba l-impatt fuq il-pożizzjoni kompetittiva fuq perijodu fit-tul tal-industrija tal-minjieri bbażata fl-Ewropa u kemm minħabba l-effett fuq il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala ċentru għall-finanzi, għall-iżvilupp teknoloġiku u netwerking korporattiv tal-minjieri. Żviluppi reċenti f’dan ir-rigward qajmu wkoll tħassib dwar il-prospettivi għal żvilupp sostenibbli f’pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiddependu fuq esportazzjoni bbażata fuq riżorsi naturali.

2.6.   Fl-aħħar nett, ir-raba’ tip ta’ riskju jista’ jikkawża ħsara kbira lis-sistema ekonomika tal-Unjoni Ewropea kif ukoll telf tal-impjiegi, billi jwaqqaf il-produzzjoni minħabba nuqqas ta’ materjali meħtieġa. Dan ir-riskju għandu jiġi indirizzat direttament, anki, possibbilment, permezz ta’ miżuri li ma ġewx ikkunsidrati qabel. Ta’ min jinnota li r-riskju ġie kkunsidrat serjament biżżejjed kemm mill-Istati Uniti (ara Minerali, Minerali Kritiċi u l-Ekonomija tal-Istati Uniti, rapport tal-Kunsill Nazzjonali għar-Riċerka, www.nap.edu/catalog.php?record_id=12034) u kemm mill-Ġappun (ara l-Linji Gwida għall-Iżgurar ta’ Riżorsi Nazzjonali, www.meti.go.jp/english/press/data/nBackIssue200803.html) biex jiġu ġġustifikati inizjattivi ġodda ta’ politika. Fir-rapporti tal-istampa ntqal ukoll li ċ-Ċina bdiet tistabbilixxi ħażna ta’ materja prima bil-ħsieb li ttaffi l-effetti ta’ interruzzjonijiet fil-provvisti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2008) 699, Inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-Materja Prima) bħala fattur prinċipali biex tiġi żgurata l-provvista sostenibbli tal-UE ta’ materja prima mhux relatata mal-enerġija, b’mod partikolari r-riżorsi minerali (ara p.3 tal-COM(2008) 699 finali) biex twieġeb għall-bżonnijiet kritiċi tagħna għall-iżvilupp u l-impjiegi. Il-KESE jinsab ħerqan li jara l-ħolqien ta’ struttura u r-riżorsi meħtieġa li se jgħinu fl-implimentazzjoni tal-miżuri identifikati.

3.2.   Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ilhom ħafna żmien jitolbu għal approċċ integrat għal din il-kwistjoni, biex jgħaqqad flimkien ħafna politki u programmi tal-UE. Huwa l-mertu tal-Kummissjoni li, permezz ta’ din l-inizjattiva, issuġġeriet soluzzjonijiet għall-isfidi li ġabet magħha n-neċessità li tiġi żgurata provvista sostenibbbli b’materja prima mhux relatata mal-enerġija għall-industriji tal-UE billi jiġu integrati politiki għat-titjib tal-provvista minn barra u ġewwa l-UE permezz ta’ miżuri maħsuba biex itejbu l-effiċjenza fir-riżorsi u l-attivitajiet ta’ riċiklaġġ.

3.3.   B’mod partikolari l-iżviluppi internazzjonali, mingħajr ma kellhom l-ebda effett fuq il-prinċipju ta’ sussidjarjetà applikabbli fl-UE rigward il-politiki tar-riżorsi u tal-ippjanar tal-artijiet, urew biċ-ċar il-bżonn ta’ approċċ aktar koordinat fil-livell tal-UE.

3.4.   Il-KESE huwa sodisfatt li f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni adottat approċċ simili, u identifikat kważi l-istess sfidi u soluzzjonijiet li ġew preżentati fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja l-aktar reċenti tal-KESE marbuta ma’ dan is-suġġett (2). Dan id-dokument inħareġ biex jgħin lill-Kummissjoni tieħu opinjoni minn qabel tas-soċjetà ċivili, u rriżulta, wara proċess estiż ta’ konsultazzjoni mibdi mill-Kummissjoni Konsultattiva tal-Bidla Industrijali tal-KESE, f’risposta għall-Karta ta’ Informazzjoni tal-Kummissjoni “Is-Sigurtà tal-Provvista tal-Materja Prima għall-Industrija” (IP/07/767 tal-5 ta’ Ġunju 2007) li kienet maħsuba biex tantiċipa l-inizjattiva attwali dwar il-materja prima.

3.5.   Fil-kuntest tal-impenn tal-UE biex jiġi żviluppat metodu dinji biex jiġu trattati l-effetti tal-bidla fil-klima permezz tat-titjib tat-teknoloġiji għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-promozzjoni ta’ użu responsabbli tar-riżorsi naturali u ta’ metodi li jagħmlu l-industriji tagħha aktar ekoloġiċi, il-KESE għal darb’oħra qed jenfasizza l-importanza strateġika tas-sigurtà tal-provvista ta’ minerali mhux għall-enerġija u tal-Politika Ewropea dwar l-Enerġija, b’attenzjoni partikolari għall-interdipendenza ta’ dawn is-setturi, minħabba l-fattur teknoloġiku.

3.6.   L-UE tiddependi ħafna mill-importazzjoni ta’ metalli ta’ “teknoloġija avvanzata” u mhux se jirnexxielha tikkontrolla t-tranżizzjoni lejn produzzjoni sostenibbli u teknoloġiji aktar ekoloġiċi jekk ma tingħatax aċċess żgur għall-metalli ta’ teknoloġiji avvanzati u materja prima rari (għal dak li jirrigwarda kompetizzjoni, riskji, konċentrazzjoni ġeografika ta’ riżorsi u faċilitajiet tal-produzzjoni) (3).

3.7.   Din il-Komunikazzjoni hija bħal analiżi SWOT tal-kwistjonijiet kurrenti dwar il-provvista ta’ materja prima u għalhekk issa teħtieġ appoġġ koordinat mill-Istati Membri tal-UE flimkien ma’ azzjonijiet koordinati mid-diversi dipartimenti kkonċernati tal-Kummissjoni (DEV, ENTR, ENV, EUROSTAT, REGIO, RELEX, RTD) biex jiġu implimentati għadd ta’ passi li jinvolvu mhux biss il-Kummissjoni iżda anki partijiet interessati essenzjali (industriji tal-estrazzjoni aktar ’l isfel fil-proċess (il-Kunsill Internazzjonali dwar il-Minjieri u l-Metalli (International Council on Mining and Metals – ICMM) għandu jiġi mistieden biex jipparteċipa u jikkontribwixxi, permezz tas-settur tiegħu għar-riżorsi minerali globali, viżjoni ta’ żvilupp u kompetenza biex tikkomplementa l-viżjoni aktar iffokata fuq l-UE tal-Euromines), in-negozju, l-istħarriġ ġeoloġiku, soċjetà ċivili organizzata) biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-forniment b’mod konformi ma’ miri għal żvilupp sostenibbli.

3.8.   L-istrutturi eżistenti tal-UE li jittrattaw dawn l-argumenti kienu dgħajfa wisq u hemm bżonn li jissaħħu b’nies ta’ livell ogħla f’dak li hu relatat ma’ teħid ta’ deċiżjonijiet, flimkien ma’ analiżi teknika u ekonomika msaħħa tal-bżonnijiet futuri ta’ materja prima u azzjoni aktar soda biex jinkiseb l-iktar li hu teknikament u ekonomikament vijabbli minn sorsi Ewropej u biex tittejjeb il-proviżjoni sostenibbli minn sorsi barra mill-UE. Se tinħtieġ strateġija aktar fit-tul u sistema regolari ta’ analiżi peress li l-investiment fl-estrazzjoni tal-materja prima f’ħafna każi huwa vijabbli biss fuq perijodi itwal.

3.9.   Dawn il-prinċipji huma l-bażi tal-proposti li saru:

3.9.1.   Is-sigurtà tal-provvista tal-materja prima għall-UE tikkonsisti l-ewwel nett fl-iżgurar li l-ekonomija tal-Unjoni ma jiġrilhiex ħsara minn xokkijiet fil-provvista ta’ materja prima, iżda wkoll li jiġu mħarsa l-interessi tal-konsumaturi, tal-industriji tal-UE li jiddependu mill-materja prima importata u tal-industriji tal-UE li jipproduċu materja prima kif ukoll il-bżonn li jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd. Dawn l-interessi kollha għandhom jiġu kkunsidrati u implimentati b’attenzjoni għall-impenji u l-politiki tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp internazzjonali, kif ukoll tas-sostenibbiltà ambjentali u soċjali. L-użu ta’ materja prima għandu jiġi ottimizzat, b’konsiderazzjoni tal-interazzjoni tagħha mal-ambjent, mal-bżonnijiet tal-komunitajiet u mal-użu sostenibbli tal-enerġija.

3.9.2.   Politika tal-UE dwar il-provvista tal-materja prima għandha titqiegħed fuq bażi analitika soda. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li l-għarfien rilevanti jkun disponibbli u li dan jiġi analizzat permezz tal-aħjar metodi possibbli.

3.10.   l-prattiki regolatorji dwar il-materja prima jvarjaw ħafna fl-UE u hemm lok konsiderevoli għal titjib f’pajjiżi individwali permezz tat-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattiki.

4.   Kummenti dwar ir-reazzjoni għall-politika proposta (4)

4.1.   L-ewwel pilastru: Aċċess għall-materja prima fis-swieq dinjija b’kundizzjonijiet ekwi

4.1.1.   Il-Komunikazzjoni tipproponi li l-UE għandha (i) issegwi b’mod attiv id-diplomazija tal-materja prima bl-iskop li tiżgura aċċess għaliha, (ii) tippromovi kooperazzjoni internazzjonali mtejba u (iii) tagħti prijorità lill-aċċess għall-materja prima fil-politika kummerċjali u regolatorja tal-UE.

4.1.2.   Wara l-identifikazzjoni tal-pajjiżi l-aktar għonja fir-riżorsi, il-kwistjonijiet marbuta mal-aċċess għall-materja prima f’dawn l-pajjiżi għandhom jiġi diskussi mar-rappreżentanti ta’ dawn l-istati. Il-politika tal-iżvilupp tal-UE għandha toħloq fondi u programmi li jappoġġjaw il-produzzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-materja prima f’dawn il-pajjiżi.

4.1.3.   L-UE għandha teżamina mill-ġdid l-iskemi ta’ ffinanzjar tagħha għal dawk il-pajjiżi li diġà huma Stati Membri tal-UE jew ġirien tagħhom, billi t-trasport ta’ riżorsi minn dawn il-pajjiżi huwa aktar sostenibbli. B’mod partikolari, għandu jingħata appoġġ lill-aħħar Stati Membri li daħlu fl-UE, lill-istati Balkani, l-istati tal-Afrika ta’ Fuq u t-Turkija. L-inizjattiva tal-iddotar tar-riżorsi (Resource Endowment) tal-ICMM (inizjattiva li tnediet fl-2004 mill-Kunsill Internazzjonali għat-Tħaffir mill-Minjieri u l-Metalli. Din hija intiża biex tidentifika l-prattika tajba tal-politika għall-investimenti fil-minjieri u l-metalli fil-livell nazzjonali, reġjonali u korporattiv fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw) tista’ sservi bħala mudell siewi għall-istrateġiji tar-riżorsi u l-iżvilupp.

4.1.4.   Bosta rakkomandazzjonijiet konkreti jaqgħu fil-kategorija tat-tisħiħ tal-kompatibbiltà bejn il-politika tal-iżvilupp tal-UE u l-ħtieġa tal-UE għal aċċess mingħajr distorsjoni għall-materja prima. Il-proposti mressqa rigward it-tisħiħ tal-istati, il-promozzjoni ta’ klima soda għall-investiment u l-promozzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli tal-materja prima huma kollha rilevanti u kostruttivi.

4.1.5.   It-tariffi esterni tal-UE għandhom jiġu stabbiliti b’mod li jiżguraw li materja prima prodotta b’mod sostenibbli ma tiġix eskluża mis-suq tal-UE. Għandha ssir analiżi tat-tariffi eżistenti biex jiġu identifikati linji ta’ tariffi li jistgħu jinbidlu.

4.1.6.   L-għajnuna fil-qasam tal-materja prima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun iffokata fuq tisħiħ tal-kapaċità bl-għan li tappoġġja u tiffaċilita l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki li jkabbru kemm jista’ jkun il-kontribut tal-produzzjoni u l-esportazzjoni tal-materja prima lejn l-iżvilupp. F’dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li jingħata appoġġ għall-politiki u l-metodi li huma inklużivi u parteċipatorji u li jagħtu prijorità lill-ħtiġijiet u l-interessi ta’ dawn il-popolazzjonijiet.

4.1.7.   L-għajnuna għall-iżvilupp fil-qasam tal-materja prima teħtieġ ukoll li tibni fuq koalizzjonijiet wesgħin u sħubijiet li jiggarantixxu l-impenn tal-partijiet kollha interessati, inklużi, b’mod partikolari, l-industrija tal-materja prima, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-livelli kollha tal-gvern.

Għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkollha bħala komponent qawwi l-appoġġ għat-tisħiħ tal-infrastruttura li tista’ tintuża kemm minn intrapriżi li jipproduċu l-materja prima u kemm minn intrapriżi iżgħar, komunitajiet tal-biedja u attivitajiet ekonomiċi rurali oħra. Waqt li dan il-metodu partikolari ta’ kooperazzjoni ġie kkritikat talli kkontribwixxa inqas milli kien possibbli għall-iżvilupp, huwa importanti wkoll li jiġi rikonoxxut li huwa jirrispondi għall-bżonn qawwi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiġi stimulat l-iżvilupp permezz ta’ titjib fl-infrastruttura, u li mekkaniżmi oħra għall-finanzjament ta’ tali investimenti ma kinux suffiċjenti.

4.1.8.   Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-argumenti diffiċli li jirrigwardaw l-istatistika tal-kummerċ dwar ir-riżorsi minerali. Dawn huma bbażati fuq rapporti tad-dwana organizzati skont il-Klassifikazzjoni ta’ Kummerċ Internazzjonali (SITC) jew is-Sistema Armonizzata (HS) jew il-Kategoriji Ekonomiċi Ġenerali (BEC) u jbatu minn kwalità fqira ta’ rapportar f’uħud mill-pajjiżi. Barra minn dan, l-istatistika tal-kummerċ ma tistax tipprovdi informazzjoni xierqa, tant bżonjuża, dwar il-konsum reali tal-minerali mill-ekonomiji dinjija għaliex il-kontenut minerali u metalliku f’konċentrati kummerċjali, prodotti kważi kompluti u oġġetti manifatturati mhuwiex irreġistrat. Hemm bżonn ta’ riċerka, kif ukoll ta’ kunsens internazzjonali, dwar kif tista’ tittejjeb is-sistema attwali tal-istatistika biex ikun jista’ jiġi kkalkulat aħjar il-konsum tal-minerali u tal-metalli, permezz tal-użu ta’ valuri “proxy” għall-kontenut ta’ minerali u metalli f’karozza standard, tunnellata karta standard, eċċ.

4.1.9.   Il-Komunikazzjoni tidħol ftit fid-dettall rigward il-politika kummerċjali u regolatorja. Il-proposti jidentifikaw oqsma ta’ interess vitali għall-UE u jidhru li huma ta’ min jimplimentahom. Wieħed mill-punti mqajma jistħoqqlu jiġi enfasizzat b’mod partikolari: li “l-UE għandha wkoll tirrevedi ta’ spiss ir-reġim tat-tariffi tagħha bl-għan li tiżgura koerenza mal-iżviluppi fid-domanda tal-UE għall-materja prima u b’mod partikolari tevalwa modi biex tbaxxi r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-materji primi”.

4.1.10.   L-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli għandhom jiġu implimentati b’attenzjoni għall-effetti tagħhom barra miż-żona tal-UE u m’għandhomx ikunu ta’ skuża jew rifuġju għal prattiki li jmorru kontra l-interess tal-konsumaturi u tal-ambjent billi jxekklu l-kummerċ. Huwa importanti li s-sigurtà tal-provvista u l-objettivi għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni inġusta bbażata fuq aċċess privileġġjat għall-materja prima ma jiġux użati biex jippromovu l-protezzjoniżmu jew biex ixekklu l-kummerċ u l-aċċess għas-suq tal-UE għall-produtturi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

4.2.   It-tieni pilastru: It-trawwim ta’ provvista sostenibbli ta’ materja prima minn sorsi Ewropej

4.2.1.   L-iżvilupp sostenibbli lokali u reġjonali fl-UE huwa influwenzat direttament mill-iżvilupp futur tas-setturi ekonomiċi li huma kapaċi jisfruttaw il-potenzjal ta’ kull zona. Il-KESE huwa tal-fehma li meta jiġi kkunsidrat il-kalkolu ta’ riżerva għal kull depożitu minerali l-attivitajiet ekonomiċi tal-minjieri jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-komunitajiet lokali kif ukoll għall-iżvilupp tal-Istati Membri tal-UE, billi jipprovduhom bir-riżorsi. B’hekk jistgħu jikkontribwixxu lejn:

l-iżvilupp tal-produzzjoni industrijali u l-provvista tal-materja prima meħtieġa mill-attivitajiet industrijali;

it-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjoni u l-iżgurar ta’ użu aħjar tar-riżorsi;

iż-żamma ta’ numru raġonevoli ta’ ħaddiema tas-sengħa f’dan il-qasam, biex jibqa’ possibbli li l-esplorazzjoni u l-industrija tal-estrazzjoni fl-UE jkomplu għaddejjin;

aktar impjiegi u impjiegi aktar sikuri;

il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp reġjonali;

it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u x-xogħol.

4.2.2.   Meta titqies l-istorja twila tagħha ta’ estrazzjoni tal-minerali, jeħtieġ li l-Ewropa tagħti direzzjoni rigward il-kompetenza u l-esperjenza fil-kwistjonijiet bħal kif għandha tiġi ttrattata l-estrazzjoni tal-materja prima, l-aħjar sfruttar possibbli mill-kontribut tal-produzzjoni tal-materja prima għall-iżvilupp ekonomiku, l-użu sostenibbli tagħha u t-trattament tal-art wara l-estrazzjoni b’mod li tibbenefika s-soċjetà.

4.2.3.   L-Istati Membri għandhom janalizzaw sa liema punt il-proċessi tal-ippjanar tal-użu tal-art jinkludu potenzjal għall-materja prima u jekk it-twaqqif tal-prijoritajiet f’każ ta’ użi tal-art li jikkompetu għadux adegwat fil-kuntest tal-bżonn li tiġi akkwistata materja prima b’mod sostenibbli, jiġifieri billi jiġi applikat il-prinċipju tal-prossimità kull fejn possibbli u vijabbli mil-lat kummerċjali.

4.2.4.   L-istat tal-għarfien ġeoloġiku jinbidel kontinwament, u għalhekk il-proċeduri għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex fil-ġejjieni jippermettu aċċess għal riżorsi naturali li mhumiex identifikati.

4.2.5.   Għandu jitħejja inventarju tal-aħjar prattiki regolatorji fl-UE rigward l-aċċess għal artijiet għall-industriji tal-materja prima bil-għan ta’:

semplifikazzjoni tal-proċeduri u li jsiru iktar simili fi ħdan l-Unjoni, waqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li l-interessi tal-użu tal-artijiet li jikkompetu, inkluża l-konservazzjoni, jitqiesu b’mod xieraq;

tnaqqis tal-isterilizzazzjoni tar-riżorsi minerali li jirriżulta minn użu inadegwat tal-artijiet u prattiki tal-ippjanar. Huwa ta’ importanza partikolari li d-dispożizzjonijiet li jiżguraw l-aċċess għall-artijiet ma jikkonċernawx biss iż-żoni mineralizzati magħrufin.

4.2.6.   Wara l-iżvilupp tal-linji gwida dwar il-kompatibbiltà ta’ Natura 2000 mal-estrazzjoni tal-materja prima, l-Istati Membri għandhom janalizzaw il-linji gwida nazzjonali tagħhom u jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu konxji mill-fatt li Natura 2000 ma tipprojbixxix l-estrazzjoni ta’ materja prima (Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jipprovdi għodda eċċellenti biex jiġi żgurat li l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli jiġu rispettati mill-industriji tal-estrazzjoni).

4.2.7.   Biex tittejjeb il-bażi tal-għarfien dwar il-provvista ta’ materjali ekonomikament strateġiċi u l-użu tal-materja prima fl-UE, għandha titħejja analiżi għall-UE simili għal dik imwettqa mill-Kunsill Nazzjonali tar-Riċerka għall-Istati Uniti. L-analiżi għandha timmira lejn l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni kemm tar-riskji potenzjali u kemm tal-provvista ta’ materji lill-industriji tal-UE kif ukoll lejn il-kritiċità ta’ materji differenti fid-diversi użi aħħarija tagħhom (dawn l-aspetti għandhom jiġu kkunsidrati: id-disponibbiltà fiżika ta’ wħud mill-minerali li jistgħu jiġu estratti minn pajjiżi tal-UE, grad ta’ sostituzzjoni, riskji ġeopolitiċi li jirrigwardaw il-kummerċ internazzjonali f’materja prima strateġika u kritika, bżonnijiet tal-UE għad-difiża).

Il-Komunikazzjoni tinkludi għadd ta’ rakkomandazzjonijiet maħsuba biex itejbu l-bażi tal-għarfien dwar il-materja prima. Madankollu, ma ġie propost xejn sabiex jittejjeb l-għarfien dwar l-użu tal-materja prima fl-UE. Jidher li din hija waħda mill-ewwel prijoritajiet li tikkonforma mal-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki koerenti u li tiġi sfruttata kemm jista’ jkun l-effikaċja tal-miżuri. Ir-rapport tal-Istati Uniti dwar il-materji kritiċi jinkludi metodoloġija li tista’ tiġi applikata għaċ-ċirkostanzi Ewropej.

4.2.8.   B’mod partikolari, analiżi kompluta tal-potenzjal tar-riżorsi ġeoloġiċi analizzata b’teknoloġiji moderni hija mixtieqa flimkien ma’ valutazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ Stħarriġ Ġeoloġiku Nazzjonali biex tipprovdi data, informazzjoni u kompetenza tal-ogħla kategorija dwar ir-riżorsi minerali. Azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ għal ksib ta’ data ġeoloġika (kif użata hawn l-espressjoni tinkludi data tematika marbuta mal-ġeoloġija bħal dik ġeokimika jew ġeofiżika) għandhom ikunu ddelinjati u implimentati permezz tal-estensjoni futura tas-Servizzi tal-Artijiet tal-GMES (Sorveljanza Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà) u/jew il-Fondi għall-Iżvilupp Reġjonali tal-UE. Il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi formali tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri.

4.2.9.   L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jappoġġjaw lill-Presidenzi tar-Reppublika Ċeka, l-Iżvezja u Spanja fl-avvenimenti relatati tagħhom, b’mod partikolari:

Taħt il-Presidenza Svediża tal-UE, għandha tinżamm konferenza bl-għan li jiġu identifikati l-aħjar prattiki għall-ippjanar tal-artijiet u l-ġestjoni sostenibbli ta’ artijiet wara l-estrazzjoni.

F’Diċembru 2009 se tiġi organizzata l-Konferenza ta’ Rovaniemi (il-Finlandja) dwar l-Esplorazzjoni u t-Tħaffir tal-Minjieri li mistennija tittratta l-aħjar prattika għat-trawwim tal-esplorazzjoni fl-Ewropa

Għandha titħejja konferenza dwar l-Esplorazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa u l-Balkani bl-assistenza tal-għodda TAIEX tal-UE.

4.2.10.   Ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku għall-materja prima għandhom jingħataw prijorità, b’enfasi partikolari fuq teknoloġiji kompatibbli ma’ politiki sodi ta’ konservazzjoni. L-aħjar prattiki fil-qasam tal-esplorazzjoni, il-produzzjoni aktar nadifa u r-riċiklaġġ għandhom jiġu promossi, bil-għan partikolari li jiġu implimentati prattiki vijabbli mil-lat ekonomiku li jużaw inċentivi bbażati fuq is-suq. L-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni mħejji mill-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għar-Riżorsi Minerali Sostenibbli tista’ sservi ta’ bażi għal dan l-iskop.

4.3.   It-tielet pilastru: L-isfruttar tal-konsum tal-materja prima ewlenija fl-UE

4.3.1.   L-opinjoni pubblika tikkunsidra li l-persuni legali huma fil-biċċa l-kbira responsabbli għall-kundizzjonijiet ambjentali, rispettivament, il-kumpaniji tal-minjieri u dawk kummerċjali, iżda fil-fatt, is-soċjetà kollha ġġorr ir-reponsabbiltà għall-konsum tal-prodotti li jinkludu dawn ir-riżorsi.

Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikunu konxji tal-fatt li l-eżistenza tagħna tiddependi fuq l-utilizzazzjoni ta’ riżorsi minerali iżda fl-istess ħin huwa importanti ħafna li jiġi mħares l-ambjent u li jiġi promoss il-konsum responsabbli tal-materja prima.

4.3.2.   L-iżvilupp ta’ politiki u miżuri prattiċi għall-isfruttar tal-użu ta’ materja prima ma jistax isir b’mod iżolat mill-interessi leġittimi barra mill-UE u għandu jikkunsidra l-kapaċitajiet veri f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, kemm fir-rigward tar-regolamentazzjoni kif ukoll tal-użu tat-teknoloġija. Il-leġiżlazzjoni REACH ġiet ikkritikata bl-aħrax minn għadd kbir ta’ pajjiżi Afrikani li huma mħassba li tista’ twassal għal diskriminazzjoni bla bżonn tal-esportazzjoni minerali tagħhom. Bl-istess mod, f’ċerti pajjiżi Ażjatiċi, il-Konvenzjoni ta’ Basel dwar l-Iskart Perikoluż wasslet għal konsegwenzi mhux maħsuba, inkluża l-proliferazzjoni ta’ intrapriżi informali ta’ industriji tar-riċiklaġġ tal-metall li jużaw prattiki perikolużi peress li nqatgħu minn sorsi leġittimi ta’ materja prima.

4.3.3.   L-industrija u r-riċerka Ewropea għandha titħeġġeġ biex tiżviluppa sostituti għall-materja prima kritika. Għal dan il-għan, il-lista identifikata ta’ metalli essenzjali/materja prima għandha tkun soġġetta għal riċerka dettaljata mibdija mill-Kummissjoni Ewropea taħt l-FP–7, biex tipprovdi sfond għat-teknoloġiji ġodda ekoloġiċi u l-prodotti li jħarsu l-ambjent.

4.3.4.   Il-proċess ta’ riċiklaġġ m’għandux jiġi trattat biss bħala xogħol amministrattiv, iżda bħala qafas regolatorju megħjun minn metodu simili għal negozju fuq bażi kummerċjali. Biex dan il-prinċipju jiġi implimentat għandu jkun hemm:

qafas legali għall-ġbir, is-separazzjoni, il-ġestjoni u r-riċiklaġġ ta’ skart industrijali u domestiku;

inċentivi għall-konsumaturi biex jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ riċiklaġġ;

netwerks nazzjonali u internazzjonali speċjalizzati għall-ġbir, l-ippreservar u r-riċiklaġġ industrijali;

ġestjoni tal-iskart stabbilita sew fuq bażi kummerċjali, organizzata mill-amministrazzjoni lokali/l-awtoritajiet reġjonali.

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Għal rakkomandazzjonijiet iktar dettaljati tal-KESE, ara l-opinjoni dwar L-industrija tal-minjieri mhux għall-enerġija fl-Ewropa, adottata fid-9 ta’ Lulju 2008 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE – 2009/C27/19. Ir-rakkomandazzjonijiet attwali għandhom jitqiesu bħala kumplementari għal dawk ippreżentati f’din l-opinjoni preċedenti tal-KESE.

(2)  Opinjoni dwar L-industrija tal-minjieri mhux għall-enerġija fl-Ewropa ĠU C 27, 3.2.2009.

(3)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar L-industrija tal-minjieri mhux għall-enerġija fl-Ewropa ĠU C 27, 3.2.2009, punt 2.5.

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 27, 3.2.2009 p. 82.


Top