EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0425

Hedge Funds u Ekwità Privata Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta' Settembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Hedge funds u l-ekwità privata (2007/2238(INI))
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI: RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA(I) MITLUBA

ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 26–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 8/26


It-Tlieta, 23 ta' Settembru 2008
Hedge Funds u Ekwità Privata

P6_TA(2008)0425

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Settembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Hedge funds u l-ekwità privata ((2007/2238(INI))

2010/C 8 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tal-13 ta' Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta' kumpaniji pubbliċi ta' responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (1),

wara li kkunsidra r-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji (2),

wara li kkunsidra s-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 dwar il-kontijiet konsolidati (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew ta' negozji (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 2001 li temenda d-Direttivi 78/660/KEE, 83/349/KEE u 86/635/KEE fir-rigward tar-regoli ta' valutazzjoni għall-kontijiet annwali u kkonsolidati ta' ċerti tipi ta' kumpaniji kif ukoll ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) bl-għan li jiġu rregolati kumpaniji ta' amministrazzjoni u prospetti simplifikati (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw l-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), fir-rigward ta' investimenti tal-UCITS (8),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 dwar il-kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod ta' servizzi finanzjarji għall-konsumatur (9),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (10),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (11) (Direttiva dwar il-Fondi għall-Pensjoni),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2003 li temenda d-Direttivi 78/660/KEE, 83/349/KEE, 86/635/KEE u 91/674/KEE tal-Kunsill dwar il-kontijiet annwali u konsolidati ta' ċertu tipi ta' kumpaniji, banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra u kumpaniji tal-assikurazzjoni (12),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta jiġu offruti titoli lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ (13),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar offerti ta' xiri (takeover bids) (14),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (15),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/73/KE tal-10 ta' Awissu 2006 li timplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti għall-organizzazzjoni u l-kundizzjonijiet operattivi għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-iskopijiet ta' dik id-Direttiva (16) (Direttiva Implimentattiva tal-MiFID),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat (17),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2005 sabiex tiġi stabbilita struttura organizzattiva ġdida għall-kumitati dwar is-servizzi finanzjarji (18),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (19),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-istabbiliment u l-eżerċizzju tal-attività ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (recast) (20) (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-kumpaniji tal-investiment u l-istituzzjonijiet tal-kreditu (recast) (21) (id-Direttiva dwar l-Adegwatezza tal-Kapital),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta' kumpanniji kkwotati (22),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2008 dwar il-bidu u t-twettiq tal-attività ta' Assigurazzjoni u Rijassigurazzjoni (Solvenza II) (COM(2008)0119) — (Proposta Solvenza II),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar it-tneħħija tal-ostakoli għall-investimenti transkonfinali permezz tal-fondi kapitali ta' riskju (COM(2007)0853),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2004 dwar il-futur ta' hedge funds u d-derivattivi tagħhom (23),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' April 2006 (24) dwar l-immaniġġjar tal-assi u tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar l-Immaniġġjar tal-Assi II (25),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-politika tas-servizzi finanzjarji (2005–2010) — White Paper (26), b'mod partikulari l-paragrafu 19 tagħha,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar Linji ta' Gwida Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjieg (Taqsima: linji ta' gwida wiesa' għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Komunità): It-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010) (27),

wara li kkunsidra l-Objettivi u l-Prinċipji tar-Regolament dwar it-Titoli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) ta' Mejju 2003, li jinkludu prinċipji, fost oħrajn, dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta' skemi ta' investiment kollettiv inklużi l-hedge funds,

wara li kkunsidra l-istħarriġ li sar mid-Dipartiment għall-Politika Ekonomika u Xjentifika dwar il-Hedge Funds tal-Parlament Ewropew, dwar it-Trasparenza u l-Kunflitt tal-interessi, ta' Diċembru 2007,

wara li kkunsidra l-istandards tal-aħjar prattiċi tal-Grupp ta' Ħidma tal-Hedge Funds, tat-22 ta' Jannar 2008, u t-twaqqif sussegwenti ta' Bord tal-Istandards tal-Hedge Funds, biex jaġixxi bħala kustodju ta' dawk l-istandards,

wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0338/2008),

A.

billi bħalissa hemm regolamentazzjoni nazzjonali u tal-UE li tikkonċerna s-swieq finanzjarji li japplikaw direttament jew indirettament, għalkemm mhux esklussivament, għall-hedge funds u l-ekwità privata,

B.

billi l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti ta' dak ir-regolament; billi l-aġġustamenti l-oħra kollha għal-leġiżlazzjoni eżistenti għandhom ikunu s-suġġett ta' analiżi xierqa tal-benefiċċji meta jitqabblu mal-ispejjeż u m'għandhomx ikunu diskriminatorji;

C.

billi l-Kummissjoni għadha ma weġbitx b'mod pożittiv għall-aspetti kollha tat-talbiet ta' qabel tal-Parlament, fosthom dawk magħmula fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Jannar 2004, tas-27 ta' April 2006, tal-11 ta' Lulju 2007 u tat-13 ta' Diċembru 2007, imsemmija hawn fuq,

D.

billi l-hedge funds u l-fondi ta' ekwità privata għandhom karatteristiċi differenti ħafna u ma teżisti l-ebda definizzjoni mhux ambigwa tagħhom, iżda t-tnejn huma vetturi ta' investimeni li jintużaw minn konsumaturi sofistikati, aktar milli minn konsumaturi komuni; billi ma jistgħux u m'għandhomx ikunu ttrattati bħala kategorija waħda fir-regolamentazzjoni li tkun speċifika għall-prodotti,

E.

billi l-hedge funds u l-ekwità privata huma vetturi alternattivi ta' investiment li dejjem qed isiru iktar importanti li mhux biss għandhom sehem sinifikanti u li qed jiżdied fl-assi globali mmaniġġjati, iżda wkoll itejbu l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji globali, billi joħolqu opportunitajiet ġodda ta' investiment,

F.

billi bosta istituzzjonijiet globali, tal-UE u nazzjonali, ħafna qabel il-kriżi finanzjarja attwali, analizzaw il-kwistjonijiet potenzjali rigward il-hedge funds u l-ekwità privata fir-rigward tal-istabilità finanzjarja, l-istandards tal-immaniġġjar tar-riskju, id-dejn eċċessiv (leverage) u l-valutazzjoni ta' strumenti finanzjarji mhux likwidi u kumplessi,

G.

billi analiżi mwettqa mill-Forum dwar l-Istabbilità Finanzjarja fl-2007 ikkonkludiet li t-tħassib dwar l-istabbilità finanzjarja l-aħjar li jkun indirizzat permezz ta' sorveljanza msaħħa tal-atturi kollha;

H.

billi fir-Rapport tiegħu dwar l-Istabilità Finanzjarja Globali ta' April 2008, il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) kkonkluda li “hemm nuqqas kollettiv ta' apprezzament tal-livell ta' leverage meħud minn firxa wiesgħa ta' istituzzjonijiet — banek, assikurazzjonijiet monolineari, entitajiet sponsorjati mill-gvern, hedge funds — u r-riskji assoċjati ta' xoljiment diżorganizzat”,

I.

billi t-twettiq tal-Aġenda ta' Liżbona jeħtieġ investiment fuq żmien twil fit-tkabbir u fl-impjieg,

J.

billi dan it-tip ta' investiment fuq żmien twil jeħtieġ swieq finanzjarji stabbli u li jaħdmu tajjeb fl-UE u globalment, u b'hekk jagħtu kontribut lill-ekonomija reali, li jista' jinkiseb biss billi tkun iggarantita l-preżenza fl-Unjoni Ewropea ta' industrija finanzjarja kompettitiva u innovattiva,

K.

billi l-hedge funds u l-ekwità privata f'ħafna każijiet jipprovdu likwidità, jippromwovu d-diversifikazzjoni u l-effiċjenza tas-suq billi tinħoloq talba għall-prodotti innovattivi, u jgħinu l-iskoperta tal-prezzijiet,

L.

billi l-istabilità finanzjarja teħtieġ ukoll koperazzjoni aħjar rigward is-sorveljanza, ukoll fuq il-livell globali li, loġikament, jeħtieġ titjib kontinwu tal-arranġamenti attwali tal-UE rigward is-sorveljanza, inklużi skambji regolari ta' informazzjoni u trasparenza msaħħa tal-investituri istituzzjonali,

M.

billi l-Kummissjoni għandha tinvestiga l-possibilitajiet li jsiru regolamenti globali għall-parteċipanti fis-swieq offshore;

N.

billi livelli ta' trasparenza xierqa fir-rigward tal-investituri u tal-awtoritajiet tas-sorveljanza huma kruċjali biex jiżguraw swieq finanzjarji ta' dan it-tip li jaħdmu tajjeb u li huma stabbli, kif ukoll għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-atturi tas-suq u l-prodotti,

O.

billi l-Kummissjoni għandha tosserva u tanalizza l-effetti tal-operazzjonijiet tal-hedge funds u tal-fondi ta' ekwità privata, u tikkunsidra li tipproponi direttiva dwar ir-regoli ta' trasparenza minima dwar il-mod kif għandhom jiġu ffinanzjati l-investimenti fil-ġejjieni, l-immaniġġjar tar-riskju, il-metodi tal-evalwazzjoni, il-kwalifiki tal-maniġers u l-kunflitti ta' interess li jista' jkun hemm, kif ukoll l-iżvelar tal-istrutturi ta' sjieda u r-reġistrazzjoni tal-hedge funds,

P.

billi, sabiex taqdi l-ħtieġa tal-monitoraġġ tal-attività tas-swieq għal skopijiet ta' kontroll, l-informazzjoni dwar l-investimenti fil-hedge funds u s-self għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet ta' kontroll kompetenti mingħajr piż żejjed;

Q.

billi l-industrija tal-fondi hi mistennija li tkompli tiżviluppa lejn miżuri li jorbtu dwar il-governanza tal-kumpaniji bil-għan li jkun hemm aktar trasparenza li għandha tkun tidher ukoll għall-pubbliku; jitlob lijkun hemm titjib fil-mekkaniżmi ta' kontroll,

R.

billi l-Istati Membri għandhom jużaw l-aħjar prattiki biex jiżguraw li l-pensjonijiet tal-kumpaniji miskuba mill-impjegati jiġu mħarsa mill-fallimenti;

S.

billi l-Kummissjoni għandha tqis jekk għandhiex twessa' d-definizzjoni tal-prinċipju tal-“persuna prudenti”, fejn il-prinċipju huwa inkorporat fil-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti, b'mod li l-investituri jkollhom jivverifikaw li l-fondi għall-investiment alternattivi li jinvestu fihom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti u mal-istandards tal-aħjar prattiki stabbiliti mill-industrija;

T.

billi d-diversità attwali tad-definizzjonijiet tal-allokazzjoni privata fl-Istati Membri tikkostitwixxi ostaklu għas-suq intern u toħloq inċentivi biex jinxterdu ftit ftit prodotti ta' riskju kbir fis-suq bl-imnut,

U.

billi għandha titwaqqaf one-stop-shop websajt għall-kodiċi ta' kondotta, inkluż reġistru ta' dawk li huma konformi, l-iżvelar tagħhom u l-ispjegazzjonijiet għan-nuqqas ta' konformità; josserva li r-raġunijiet għan-nuqqas ta' konformità jistgħu jkunu għodda għat-tagħlim; billi din il-websajt għandha titwaqqaf għall-UE u tiġi promossa nternazzjonalment,

V.

billi fir-Rapport dwar l-Istabilità Finanzjarja Globali ta' April 2008, il-FMI wissa li “s-suq tad-dejn korporattiv jidher vulnerabbli minħabba li r-rati fissi mistennijin jogħlew, minħabba fatturi makro-ekonomiċi u strutturali,”

W.

billi ż-żieda riċenti fit-tranżazzjonijiet tal-ekwità privata żiedet b'mod sinifikanti l-għadd ta' impjegati li fl-aħħar mill-aħħar għandhom l-impjieg tagħhom ikkontrollat mill-fondi tal-kapital, u għalhekk, għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta għal-liġijiet nazzjonali eżistenti tal-impjiegi għall-liġi tal-Komunità dwar l-impjieg (b'mod partikulari d-Direttiva 2001/23/KE), li kienet tfasslet metadan ma kienx il-każ; billi l-liġi nazzjonali u Komunitarja dwar l-impjiegi għandha tapplika fuq bażi mhux diskriminatorja, li tinkludi t-trattament ġust u xieraq tal-atturi ekonomiċi kollha b'responsabiltajiet simili lejn l-impjegati,

X.

billi f'bosta sistemi legali, il-hedge funds u l-fondi ta' ekwità privata li huma sidien u jikkontrollaw kumpaniji mhumiex meqjusa bħala istituzzjonijiet li jħaddmu u għalhekk huma eżentati mill-obbligi legali ta' min iħaddem,

Y.

billi f'każ ta' ammont estrem ta' dejn, il-kumpaniji jippreżentaw profil ogħla ta' riskju,

Z.

billi, bħall-każ ta' entitajiet oħra, jista' jkun hemm kunflitti ta' interess ikkawżati jew mill-mudell kummerċjali tal-ekwità privata jew tal-hedge funds jew mir-relazzjoni bejn dawk il-meżżi u atturi oħra involuti fis-swieq finanzjarji; billi l-leġiżlazzjoni tal-Komunità eżistenti mgħandhiex tkun ristretta għall-hedge funds u l-ekwità privata, u għandha tkun konformi ma' standards bħall-prinċipji IOSCO għall-immaniġjar ta' kunflitti ta' interess mill-iskemi ta' investiment kollettiv u intermedjarji tas-suq;

AA.

billi s-sistemi ta' remunerazzjoni għall-maniġers tal-hedge funds u tal-fondi ta' ekwità privatai jistgħu jirriżultaw f'inċentivi m'humiex f'lokhom li jwasslu biex jittieħdu riskji irresponsabbli,

AB.

billi l-hedge funds kienu fost l-investituri fil-prodotti bi struttura kumplessa li kienu soġġetti għall-kriżi ta' kreditu, u għalhekk ġarrbu telf bħal ma għamlu investituri oħrajn,

AC.

billi, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' kriżijiet finanzjarji fil-ġejjieni, u minħabba l-interazzjonijiet qawwija madwar is-swieq u bejn il-parteċipanti tas-suq, u minħabba l-għan ta' kundizzjonijiet omoġenji bejn il-fruntieri u bejn parteċipanti tas-suq regolati u mhux regolati, qegħdin jittieħdu diversi inizjattivi fl-UE fuq livell gloabali, li jinkludu reviżjoni tar-Rekwiżiti Kapitali u tad-Direttivi dwar l-Adegwatezza tal-Kapital u proposta għal direttiva dwar l-Aġenziji tal-Valutazzjoni tal-Kreditu (Credit Rating Agencies), sabiex tinkiseb regolamentazzjoni aktar koerenti u armonizzata bla eċċezzjoni,

AD.

billi r-regolamentazzjoni bbażata fuq il-prinċipji hija strateġija xierqa sabiex ikunu rregolati s-swieq finanzjarji, minħabba li tista' tlaħħaq aħjar mal-iżviluppi tas-swieq,

AE.

billi jeħtieġ li tittieħed azzjoni fuq il-livell tal-UE abbażi tas-seba' prinċipji għall-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji:

kopertura regolatorja: il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti għandha tiġi riveduta biex jiġu identifikati l-lakuni regolatorji; il-varjazzjonijiet nazzjonali għandhom ikunu riveduti u għandha tiġi promossa l-armonizzazzjoni, pereżempju, permezz tal-kulleġġi tal-kontrolluri jew b'modi oħra; għandhom ikunu segwiti l-ekwivalenza u l-koperazzjoni internazzjonali;

kapital: ir-rekwiżiti kapitali għandhom ikunu mandatorji għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha u għandhom jirriflettu r-riskju mit-tip ta' negozju, espożizzjoniu kontroll tar-riskju; għandhom jitqiesu wkoll orizzonti ta' likwidità itwal;

oriġini u distribuzzjoni: sabiex jinkiseb allinjament aħjar tal-interessi tal-investituri u l-oriġinaturi, ġeneralment l-oriġinaturi għandhom iżommu l-espożizzjoni għall-prodotti ggarantiti billi jżommu investiment rappreżentattiv fil-prodott; għandu jsir żvelar tal-livell ta' investiment li l-oriġinaturi jżommu fil-prodotti ta' self; bħala alternattiva għaż-żamma, għandhom jiġu mistħarrġa miżuri oħra sabiex l-interessi tal-investituri jiġu allinjati;

kontabilità: għandha tiġi kkunsidrata teknika ta' twittija biex tagħmel tajjeb għall-effetti pro-ċikliċi tal-kontabilità tal-valur ġust;

valutazzjoni (ratings): sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-fehim tas-suq tal-valutazzjonijiet (ratings), l-Aġenziji tal-Valutazzjoni tal-Kreditu (Credit Rating Agencies) għandhom jadottaw kodiċi ta' kondotta rigward il-viżibilità tal-assunzjoni, il-kumplessità tal-prodott u l-prattiki tan-negozju; għandu jiġi mmaniġġjat il-kunflitt ta' interess; il-valutazzjoni (rating) mhux mitluba għandha tkun ikkategorizzata b'mod indipendenti u mhux użata bħala mezz ta' pressjoni biex jinkiseb in-negozju;

negozju derivattiv: in-negozju miftuħ u viżibbli ta' derivattivi għandu jkun promoted, kemm jekk hu on-exchange u kemm jekk le;

il-perjodu twil ta' żmien: pakketti ta' premju għandhom ikunu alinjati ma' riżultati fuq żmien twil, b'mod li jirriflettu t-telf u l-profotti;

AF.

billi azzjoni bħal din tipprovdi bażi legali, universali u komprensiva, li tinkludi l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha li huma akbar minn ċertu daqs, u tieħu kont b'mod reċiproku l-prattiċi superviżorji u regolatorji internazzjonali,

1.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex sa l-aħħar tal-2008 tressaq lill-Parlament, abbażi tal-Artikolu 44, l-Artikolu 47(2), jew l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, proposta jew proposti leġiżlattivi li jkopru lill-parteċipanti tas-swieq finanzjarji sinifikanti kollha, inklużi l-hedge funds u l-ekwità privata, li jirrispondu għas-seba' prinċipji msemmija fil-Premessa AE u li jkunu skond ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati li ġejjin;

2.

Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

3.

Jikkunsidra li implikazzjonijiet finanzjarji possibbli tal-proposta jew tal-proposti mitluba għandhom ikunu koperti mill-allokazzjonijiet baġitarji tal-UE;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati mehmużin magħha lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1.

(2)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

(3)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.

(4)  ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1.

(5)  ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.

(6)  ĠU L 283, 27.10.2001, p. 28.

(7)  ĠU L 41, 13.2.2002, p. 20.

(8)  ĠU L 41, 13.2.2002, p. 35.

(9)  ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16.

(10)  ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.

(11)  ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10.

(12)  ĠU L 178, 17.7.2003, p. 16.

(13)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

(14)  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12.

(15)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(16)  ĠU L 241, 2.9.2006, p. 26.

(17)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(18)  ĠU L 79, 24.3.2005, p. 9.

(19)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

(20)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(21)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.

(22)  ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17.

(23)  ĠU C 92 E, 16.4.2004, p. 407.

(24)  ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 257.

(25)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0627.

(26)  ĠU C 175 E 10.7.2008, p. 392.

(27)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0058.


It-Tlieta, 23 ta' Settembru 2008
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA(I) MITLUBA

Rakkomandazzjoni 1 dwar l-istabilità finanzjarja, il-kapital u l-kopertura regolatorja universali

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola:

Ir-Rekwiżiti Kapitali — Il-kumpaniji tal-investiment, inklużi s-soċjetajiet b' isem kolletiv u is-soċjetatiet in akkomandita, il-kumpaniji tal-assikurazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-kreditu, il-fondi konvenzjonali (bħall-UCITS u l-arranġamenti tal-pensjonijiet) għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti kapitali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha, ir-rekwiżiti kapitali xierqa jkomplu jkunu bbażati fuq ir-riskju, u mhux ibbażati fuq l-entità, . Il-kontrolluri jistgħu jieħdu kont tal–aderenza mal-kodiċi ta' kondotta. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti kapitali m'għandhomx ikunu rekwiżiti addizzjonali għal regoli diġà eżistenti u fl-ebda każ m'għandhom jitqiesu bħala garanzija f'każ tal-falliment ta' fond.

L-Oriġinaturi u t-Titolizzazzjoni — Il-proposta/i tal-Kummissjoni rigward ir-rekwiżiti kapitali għandha titlob li l-oriġinaturi jżommu porzjonijiet mis-self iggarantit fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom jew li jimponu rekwiżiti kapitali fuq l-oriġinatur li huma kkalkulati fuq l-assunzjoni li huma żammew dawk il-porzjonijiet jew li pprovdew mezzi oħrajn biex jallinjaw l-interessi tal-investituri u l-oriġinaturi.

Superviżjoni mill-UE tal-Aġenziji tal-Valutazzjoni tal-Kreditu (Credit Rating Agencies) — Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mekkaniżmu għall-evalwazzjoni tal-UE tal-Aġenziji tal-Valutazzjoni tal-Kreditu (Credit Rating Agencies), proċeduri u konformità, b'dmirijiet allokati għal korpi eżistenti bħall-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (CESR), sabiex trawwewm il-kompetizzjoni u tippermetti l-aċċess għas-suq fil-qasam tal-valutazzjonijiet (ratings) tal-kreditu.

Valutazzjoni — Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri bbażati fuq il-prinċipju dwar il-valutazzjoni ta' strumenti finanzjarji mhux likwidi b'mod konformi mal-ħidma ta' korpi internazzjonali kompetenti sabiex toffri ħarsien aħjar lill-investituri u lill-istabilità tas-swieq finanzjarji, waqt li jiġu kkunsidrati l-inizjattivi varji dwar il-valutazzjoni li għaddejin bħalissa fl-UE u globalment u jiġi kkunsidrati l-aħjar modi kif din il-valutazzjoni tista' tiġi promossa.

Prime brokers — Ir-rekwiżiti ta' trasparenza li huma applikabbli għal kwalunkwe istituzzjoni li tipprovdi servizzi ta' prime brokerage għandu jiżdied b'konformità mal-kumplessità u l-opaċità tal-istruttura jew in-natura tal-iskoperturi, li għalihom ikunu esposti permezz tat-tranżazzjonijiet tagħhom mal-prodotti u l-atturi kollha, inklużi l-hedge funds u l-ekwità privata.

Venture Capital u s-settur tal-SMEs: Il-Kummissjoni għandha tipproponi leġiżlazzjoni biex tipprovdi biex tipprovdi qafas armonizzat madwar l-UE għall-venture capital, u partikularment biex tiżgura aċċess transkonfinali għal kapital ta' dan it-tip għall-qasam tal-SMEs b'konformità mal-Aġenda ta' Liżbona. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha timplimenta, bla dewmien, il-proposti għall-politika stipulati fil-komunikazzjoni tagħha dwar t-tneħħija tal-ostakoli għall-investimenti transkonfinali permezz tal-venture capital. Il-proposta għandha tkun konformi mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni tajba u għandha tevita kumplessitajiet legali, fiskali u amministrattivi addizzjonali fil-livell tal-UE.

Rakkomandazzjoni 2 rigward miżuri ta' trasparenza

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola:

Reġim ta' Allokazzjoni Privata — Il-Kummissjoni għandha tressaq proposta leġiżlattiva għall-istabbiliment ta' sistema Ewropea ta' allokazzjoni privata li tippermetti distribuzzjoni transkonfini ta' prodotti investiment, inklużi l-meżżi ta' investiment alternattivi, għall-gruppi ta' investituri sofistikati eliġibbli. Proposta bħal din għandha tistabbilixxi, fejn xieraq, il-prinċipji li ġejjin ta' żvelar lill-investituri u l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti:

l-istrateġija ġenerali tal-investiment u l-politika rigward drittijiet dovuti,

rikors għall-leverage/esponiment tad-dejn, is-sistema tal-immaniġġjar tar-riskju u l-metodi tal-valutazzjoni tal-portfolio,

is-sors u l-ammont ta' fondi miġbura, inkluż internament,

regoli li jipprovdu għal trasparenza sħiħa fis-sistema ta' ħlas ta' eżekuttivi ta' livell għoli u ta' maniġers superjuri, inklużi l-istock options,

ir-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-azzjonisti lil hinn minn ċertu proporzjon.

Investituri — Il-Kummissjoni għandha, b'koperazzjoni ma' awtoritajiet superviżorji, tfassal regoli li jiżguraw żvelar ċar u komunikazzjoni ta' informazzjoni rilevanti u materjali lill-investituri.

Il-ekwità privata u l-protezzjoni tal-impjegati — Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li d-Direttiva 2001/23/KE dejjem tiggarantixxi l-istess drittijiet lill-impjegati, inkluż id-dritt li jkunu infurmati u kkonsultati, kull meta l-kontroll tal-intrapriża jew tan-negozju inkwistjoni jkun trasferit minn kwalunkwe investitur, inklużi l-hedge funds u l-ekwità privata.

Skemi ta' pensjoni — Minn nofs is-snin 90, żdied l-għadd ta' fondi tal-pensjoni u kumpaniji tal-assigurazzjoni b'investiment fil-hedge funds u l-fondi ta' ekwità privatai, u l-falliment jistgħu jaffettwa ħażin id-drittijiet għall-pensjoni tal-membri tal-iskemi tal-pensjoni. Meta tkun qiegħda tirrevedi d-Direttiva 2003/41/KE, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-impjegati jew ir-rappreżentanti tal-persunal ikunu mgħarrfa b'mod dirett jew permezz ta' fiduċjarji dwar il-mod kif jiġu investiti l-pensjonijiet tagħhom u dwar ir-riskji assoċjati magħhom.

Rakkomandazzjoni 3 rigward Miżuri dwar Dejn Eċċessiv

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola:

Ekwità privata u leverage — Il-Kummissjoni, waqt ir-reviżjoni tad-Direttiva 77/91/KEE, għandha tiżgura li kwalunkwe emenda taderixxi mal-prinċipji fundamentali li ġejjin: li jkun hemm kapital li jinżamm skond ir-riskju, li jkun hemm aspettativi raġonevoli li l-livell ta' leverage ikun sostenibbli kemm għall-fond/kumpanija tal-ekwità privata u kemm għall-kumpanija kkonċernata, u li ma jkunx hemm diskriminazzjoni b'mod inġust kontra l-investituri privati speċifiċi jew bejn il-fondi ta' investiment differenti jew vetturi li jużaw strateġija simili.

l-iżvutar tal-kapital — Il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri supplimentari armonizzati fuq il-livell tal-UE, fejn meħtieġ, abbażi ta' evalwazzjoni tal-opzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali u Komunitarji eżistenti sabiex jiġi evitat asset-stripping fil-kumpaniji fil-mira.

Rakkomandazzjoni 4 rigward il-miżuri dwar kunflitti ta' interess

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola:

Il-Kummissjoni għandha ddaħħal ukoll regoli biex tiżgura separazzjoni effettiva bejn is-servizzi li l-kumpaniji ta' investiment jipprovdu għall-klijenti tagħhom. Il-Parlament Ewropew jixtieq itenni li kwalunkwe aġġustament għandu jkun applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha u għalhekk ma jkunx diskriminatorju. Kif irrakkomandat l-IOSCO, l-istituzzjonijiet finanzjarji li jipprovdu firxa ta' servizzi finanzjarji differenti għandhom ikollhom politiki u proċeduri, inkluż l-iżvelar xieraq, fuq il-livell tal-kumpanija u tal-grupp li jippermettilhom li jidentifikaw u jevalwaw mezzi xierqa dwar kif jittrattaw il-kunflitti jew il-kunflitti potenzjali.

L-Aġenziji ta' Valutazzjoni tal-Kreditu (Credit Rating Agencies) — L-Aġenziji ta' Valutazzjoni tal-Kreditu (Credit Rating Agencies) għandhom ikunu meħtieġa li jżidu l-informazzjoni u li jneħħu jew jissieltu kontra l-informazzjoni asimmetrika u l-inċertezza, u għandhom jiddikjaraw il-kunflitti ta' interess li joperaw fihom mingħajr ma jeqirdu s-sistema finanzjarja orjentata lejn it-transazzjoni. B'mod partikulari, l-Aġenziji ta' Valutazzjoni tal-Kreditu (Credit Rating Agencies) għandhom jintalbu biex jifirdu n-negozju ta' valutazzjoni (rating) tagħhom minn kwalunkwe servizz ieħor (bħall-parir jew l-istrutturar tat-tranzazzjonijiet) li jipprovdu fir-rigward ta' kull obbligu jew entità li jivvalutaw (rating).

L-aċċess għas-suq u l-konċentrazzjoni — id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni għandu jniedi stħarriġ ġenerali dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni tas-suq u dwar l-effetti ta' atturi dominanti fl-industrija tas-servizzi finanzjarji u fid-dawl tas-sitwazzjoni internazzjonali, inklużi l-hedge funds u l-ekwità privata. Il-Kumitat għandu jevalwa wkoll jekk ir-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarja humiex applikati mill-parteċipanti tas-suq kollha, jekk ikun hemmx konċentrazzjoni tas-suq illegali jew xi ħtieġa li jitneħħew l-ostakoli għall-parteċipanti ġodda kif ukoll il-ħtieġa li titneħħa leġiżlazzjoni li taġevola entitajiet stabbiliti u l-istrutturi tas-suq kurrenti fejn il-kompetizzjoni tkun limitata;

Rakkomandazzjoni 5 dwar leġiżlazzjoni dwar servizzi finanzjarji eżistenti

Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola:

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-leġiżlazzjoni kollha tal-Komunità rilevanti għas-swieq finanzjarji sabiex tidentifika xi lakuni fir-rigward tar-regolament dwar il-hedge funds u l-ekwità privata u, skond ir-riżultati ta' dan l-eżami, tressaq lill-Parlament Ewropew proposta jew proposti leġiżlattivi biex fejn ikun hemm bżonn jiġu emendati d-direttivi eżistenti sabiex ikunu regolati aħjar il-hedge funds, il-ekwità privata u atturi relevanti oħra. Regolamentazzjoni bħal din għandu jkollhagħan speċifiku.


Top