Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IE1214

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Integrazzjoni aħjar fis-suq intern — fattur ewlieni tal-koeżjoni u t-tkabbir għall-gżejjer

    ĠU C 27, 3.2.2009, p. 123–128 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 27/123


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Integrazzjoni aħjar fis-suq intern — fattur ewlieni tal-koeżjoni u t-tkabbir għall-gżejjer

    (2009/C 27/26)

    Nhar is-27 ta' Settembru 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Integrazzjoni aħjar fis-suq intern bħala fattur ewlieni għall-koeżjoni u t-tkabbir għal gżejjer.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Gauci.

    Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u fl-10 ta' Lulju 2008 (seduta ta' l-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'118-il vot favur, vot wieħed kontra u astensjoni waħda.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jitlob lill-UE tadotta approċċ integrat bl-għan li l-gżejjer ikunu integrati aħjar fis-suq intern, bħala fattur ewlieni għat-tisħiħ tal-koeżjoni u t-tkabbir ta' l-Unjoni, u biex, bis-saħħa ta' dan, jinkisbu bis-sħiħ l-objettivi ta' l-Aġenda riveduta ta' Lisbona. Dan l-approċċ integrat huwa ġġustifikat safejn, minkejja d-differenzi tagħhom (b'mod partikulari fid-daqs tagħhom), il-gżejjer jiffaċċjaw problemi komuni.

    1.2

    Il-KESE jirrakkomanda li jitwaqqaf qafas ta' politiki Komunitarji li jkopru l-problemi rilevanti kollha tal-gżejjer Ewropej b'mod koerenti.

    1.3

    Il-KESE jenfasizza l-bżonn ta' gvernanza soda li tkun tista' tindirizza l-problemi marbuta ma' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni bħall-kwantifikazzjoni u l-kwalifikazzjoni tad-data; viżjoni strateġika komuni; in-netwerking u l-clustering; jew, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Għaldaqstant, biex jintlaħaq dan l-għan, huwa essenzjali li jinħolqu l-kondizzjonijiet neċessarji biex l-istituzzjonijiet lokali tal-gżejjer ikunu jistgħu jevalwaw l-ispiża marbuta ma' l-insularità. Għalhekk hemm bżonn li l-gżejjer ikollhom servizzi statistiċi lokali u indiċi tal-prezzijiet. L-għan aħħari tax-xogħol kollu marbut mas-servizzi statistiċi lokali fil-gżejjer Ewropej huwa li dan jagħti lok għal metodoloġija komuni ta' evalwazzjoni.

    1.4

    Fil-livell ta' implimentazzjoni, il-KESE jitlob li ssir evalwazzjoni ta' l-impatt fuq il-gżejjer għal kull inizjattiva ta' l-UE għas-suq intern; li l-ħtiġijiet speċifiċi tal-gżejjer jiġu kkunsidrati fil-politiki kollha ta' l-UE; u li l-kompiti amministrattivi, b'mod partikulari ta' l-SMEs, jiġu ssemplifikati.

    1.5

    Minħabba li l-aċċessibilità hija kwistjoni ewlenija għall-gżejjer, il-KESE jixtieq jenfasizza l-kwalità tal-Kontinwità Territorjali. Dan l-istrument għandu jkun żviluppat aktar fl-UE; barraminhekk, dan għandu jitħaddem mill-gżejjer bl-għan li jilħaq lill-kontinent u mhux viċi versa.

    1.6

    Il-KESE jisħaq li l-Kummissjoni tippreżenta Rapport Annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lilu nnifisu, intiż li jissorvelja u jevalwa l-effikaċja tal-miżuri rilevanti li jittieħdu biex jissolvew il-problemi tal-gżejjer Ewropej. F'dan ir-rigward, il-proposti għal azzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom ikunu inklużi wkoll f'dan ir-Rapport Annwali. Għalhekk, nistgħu ngħidu li l-opinjoni attwali qed tniedi proċess dinamiku għal perijodu fit-tul.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Skond id-definizzjoni ta' l-Eurostat, kwalunkwe gżira għandha:

    jkollha erja ta' mill-inqas kilometru kwadrat;

    tkun mill-inqas kilometru 'l bogħod mill-kontinent;

    ikollha popolazzjoni ta' residenti permanenti ta' mill-inqas 50 ruħ;

    ma jkollha l-ebda rabta permanenti mal-kontinent; u

    ma jkollhiex, fost il-bliet tagħha, waħda mill-bliet kapitali ta' l-UE.

    2.2

    Din id-definizzjoni, però, għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid u aġġornata — nistgħu nieħdu bħala l-punt ta' tluq tagħna l-fatt li gżira tikkostitwixxi territorju li ma jistax jintlaħaq bil-mixi. Barraminhekk, id-definizzjoni li ngħatat fil-punt 2.1 m'għandhiex bażi legali u qed tintuża biss bħala referenza u fin-nuqqas ta' definizzjoni aktar effettiva li tqis iċ-ċirkustanzi l-ġodda ta' Unjoni Ewropea mkabbra, li tinkorpora Stati Membri li huma gżejjer.

    2.2.1

    Fid-definizzjoni tal-gżejjer, wieħed għandu jqis ukoll id-Dikjarazzjoni 33 tat-Trattat ta' Lisbona, li tgħid li: “Il-Konferenza [Intergovernattiva] tikkunsidra li l-frażi ‘reġjuni insulari’ prevista fl-Artikolu 174 tista' tinkludi Stati gżejjer fit-totalità tagħhom, bil-kondizzjoni li jintlaħqu l-kriterji meħtieġa”.

    2.3

    Attwalment, it-territorju tal-gżejjer Ewropej jagħmel parti minn erbatax-il pajjiż ta' l-Unjoni Ewropea. Fil-gżejjer ta' l-UE hemm madwar 21 miljun abitant. Dawn it-territorji jipprovdu lill-UE preżenza ekonomika u ġeopolitika fi kważi l-oċeani kollha tad-dinja, u jiffurmaw fruntiera attiva ma' bosta kontinenti.

    2.4

    Il-gżejjer, bħall-Istati Membri, huma diversi. Għalhekk, il-KESE jixtieq jipproponi t-tipoloġiji li ġejjin.

    2.4.1

    Huma diversi, minn perspettiva strutturali, għaliex xi wħud huma gżejjer periferiċi, filwaqt li oħrajn huma gżejjer ultraperiferiċi, li l-ispeċifiċitajiet tagħhom huma stabbiliti fit-Trattat ta' l-UE (Artikolu 299(2)); xi wħud huma żgħar (ċerti minnhom għandhom popolazzjoni ta' inqas minn 50 ruħ) filwaqt li oħrajn huma kbar.

    2.4.2

    Huma diversi wkoll minn perspettiva istituzzjonali, għaliex xi wħud minnhom huma stati insulari; oħrajn għandhom status reġjonali u xi wħud, li huma gżejjer kostali, jagħmlu parti minn awtorità reġjonali kontinentali.

    2.5

    Madankollu, minkejja dawn id-differenzi kollha, il-gżejjer għandhom karatteristiċi komuni, li jistgħu jiddistingwuhom mhux ftit mit-territorji li jinsabu mdawrin bl-art, per eżempju fl-oqsma tal-kultura, l-edukazzjoni, it-trasport, l-ambjent eċċ. Dawn l-aspetti jisħoqqilhom iżjed attenzjoni sabiex tiġi stabbilita politika għall-gżejjer li tqis kemm il-karatteristiċi komuni kif ukoll l-ispeċifiċitajiet li jista' jkollhom impatt fuq l-opportunitajiet u l-isfidi tal-gżejjer individwali. Il-KESE jipproponi li dan is-suġġett jerġa' jiġi trattat iktar tard.

    2.6

    Il-Kummissjoni Ewropea nediet id-dibattitu dwar is-Suq Intern tal-ġejjieni permezz tal-Komunikazzjoni ġdida tagħha “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21” (20 ta' Novembru 2007) (1); din l-analiżi għandha tikkunsidra l-ħtiġijiet tal-gżejjer.

    3.   Kuntest

    3.1

    Peress li ntużat metodoloġija ġdida dwar il-gvernanza li hija kkaratterizzata minn approċċ integrat (b'mod partikulari fil-każ tal-Green Paper u l-Blue Paper dwar il-politika marittima ta' l-UE għall-ġejjieni), il-kwistjonijiet marbuta mas-suq intern m'għandhomx ikunu indirizzati separatament mill-kwistjonijiet reġjonali. Is-suq intern ma jirrappreżentax għan fih innifsu: huwa strument għas-servizz tat-territorji u l-popli.

    3.2

    Il-gżejjer minn dejjem fittxew kif jistgħu jiżviluppaw is-suq intern u, għal din ir-raġuni, għandhom jantiċipaw il-bidliet tal-ġejjieni.

    3.3

    Il-politika reġjonali hija strument utli għall-gżejjer. Madankollu, hija strument li għandu jiġi żviluppat u mtejjeb f'qafas integrat ta' l-UE biex jassigura li l-gżejjer mhux biss ikollhom sehem legali mis-suq intern, iżda wkoll li jaqdu rwol aktar sħiħ fih, kemm mill-perspettiva ekonomika kif ukoll soċjali. Fid-dawl tal-politika tal-ġejjieni dwar il-koeżjoni territorjali li għandha tħejji l-Kummissjoni wara t-Trattat ta' Lisbona, dan l-aspett għandu jkun inkorporat fl-analiżi tagħha wkoll.

    3.4

    Dan il-qafas integrat tal-politiki Komunitarji jkopri mhux biss il-politiki reġjonali u ta' koeżjoni, iżda wkoll dawn li ġejjin, b'mod partikulari: l-enerġija u l-ilma; l-edukazzjoni u x-xogħol; ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni; il-kompetizzjoni; il-politika industrijali; l-ambjent; u l-agrikoltura u s-sajd.

    3.5

    Fil-kuntest attwali, il-gżejjer għandhom l-ewwelnett jiġu analizzati fid-dawl tar-4 Rapport ta' Koeżjoni.

    3.5.1

    Għalkemm l-istituzzjonijiet Ewropej huma favur li l-politiki tagħhom jadottaw approċċ integrat, ninsabu sorpriżi li l-Kummissjoni ma tidhirx li għamlet analiżi integrata fil-każ tal-gżejjer.

    3.5.2

    F'għajnejn il-Kummissjoni, l-aċċessibilità hija “problema speċifika” li l-gżejjer għandhom jindirizzaw.

    3.5.3

    Il-Kummissjoni tagħmel sew tenfasizza li l-fatt li l-popolazzjoni tagħhom hija żgħira jirrappreżenta problema oħra. Minħabba f'hekk, il-gżejjer għandhom swieq żgħar; dan ixekkel il-kapaċità għat-tkabbir ta' l-SMEs fil-gżejjer minħabba n-nuqqas ta' ekonomiji ta' skala. B'mod partikulari, dan ixekkel il-kapaċità tagħhom li jakkwistaw is-swieq Ewropej.

    3.5.4

    Konsegwenza oħra hija li l-biċċa l-kbira tal-gżejjer ma jistgħux jiddependu mis-swieq domestiċi tagħhom (2), li huma ġeneralment żgħar wisq biex jifilħu għal ekonomija kompluta (full-scale economy) u effiċjenti. Dan il-fatt waħdu jobbliga lill-SMEs lokali jesportaw, minħabba li din hija l-unika soluzzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom.

    3.5.5

    Barraminhekk, hemm bżonn nikkunsidraw it-tieni sensiela ta' diffikultajiet li huma marbuta ma' żvantaġġ naturali tal-gżejjer, jiġifieri l-insularità tagħhom. L-ispiża addizzjonali u sinifikanti tat-trasport tnaqqas il-kompetittività tagħhom b'mod sostanzjali. Paradossalment, is-sitwazzjoni li permezz tagħha l-ispejjeż tat-trasport jistgħu “jipproteġu” s-swieq insulari billi jillimitaw il-kompetizzjoni mill-kontinent tista' tirriżulta fl-iżvilupp ta' sitwazzjonijiet ta' monopolju fil-gżejjer.

    3.5.6

    L-insularità hija kkaratterizzata wkoll mill-kwistjoni li tidher hawn taħt (hawnhekk qed nittrattaw il-problemi li jiddeterminaw il-prospetti tagħhom għal żvilupp għal perijodu fit-tul):

    Ir-riżorsi essenzjali (bħall-ilma tax-xorb, l-enerġija, il-materja prima, l-ispazju vitali (living space) u r-raba') huma limitati; dan il-fatt jikkawża sitwazzjonijiet ta' nixfa u nuqqas ta' diversifikazzjoni ekonomika. Jikkawża wkoll il-problema tal-mono-attività. Dan kien enfasizzat fir-rapport “L-analiżi tar-reġjuni gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi ta' l-Unjoni Ewropea” (3), li saħaq b'mod partikulari fuq in-nuqqas ta' l-ilma tax-xorb, li kien il-kawża ta' problemi serji għas-sjuf fil-gżejjer Mediterranji, meta jżuruhom ħafna turisti. Inħolqu l-impjanti tad-desalinizzazzjoni iżda dawk tradizzjonali jikkunsmaw kwantitajiet kbar ta' elettriku. Bosta gżejjer ibatu minn provvista adegwata ta' enerġija u jkollhom jimpurtaw karburanti fossili jew l-elettriku permezz ta' kejbils taħt wiċċ il-baħar.

    Ir-riskji naturali komplew jaggravaw il-konsegwenzi — il-gżejjer huma ekoloġikament fraġli.

    3.5.7

    Fir-rigward tal-kwistjoni aktar speċifika ta' l-aċċessibilità:

    L-ewwelnett, kumment. Il-Kummissjoni għandha raġun targumenta li l-limitazzjonijiet ta' aċċessibbilità li jiffaċċjaw il-gżejjer ġejjin mill-fatt li t-tul tal-vjaġġ bil-karozza jew bil-ferrovija jiżdied minħabba l-qsim tal-baħar. Għalhekk, l-abitanti tal-gżejjer u l-SMEs tagħhom jiffaċċjaw spejjeż tat-trasport għoljin, frekwenzi ta' konnessjonijiet diffiċli, u perikli soċjali u klimatiċi minħabba l-lokazzjoni insulari tagħhom (4).

    It-tieninett, il-Kummissjoni għandha raġun ukoll meta tpoġġi t-“Trasport” u l-“Komunikazzjoni” fil-qalba tal-kompetittività tar-reġjuni. Għalhekk, jekk l-iżvilupp taċ-ċentri urbani jseħħ bis-saħħa ta' l-aċċessibilità tripla (Triq/Ferrovija/Ajru) (5), din l-analiżi hija wisq aktar valida għall-gżejjer, li ħafna minnhom jiffaċċjaw problemi marbuta ma' l-aċċessibilità ta' l-HDSL (6). Din l-informazzjoni tingħata aktar rilevanza meta nqisu l-fatt li “r-rabtiet internazzjonali u l-kollegamenti ma' ċentri ekonomiċi maġġuri oħra” huma kriterji importanti “fid-deċiżjoni dwar il-post ta' l-investiment” (7).

    Fl-aħħarnett, il-gżejjer jiltaqgħu ma' diffikultajiet kbar biex ikollhom aċċess għas-Suq Ewropew il-kbir. Kif diġà ntqal, jiffaċċjaw spejjeż tat-trasport konsiderevoli u, minħabba f'hekk, l-SMEs tal-gżejjer m'humiex attraenti. Huwa wkoll impossibbli għalihom li jkollhom l-istess mezzi ta' produzzjoni li huma disponnibli fil-kontinent. Minħabba l-ispejjeż marbuta mal-kunsinna, ma jistgħux jaħdmu bil-metodu just-in-time. Għalhekk, l-ispejjeż tal-produzzjoni huma ogħla.

    3.6

    Dawn l-elementi kollha jenfasizzaw id-diffikultajiet tal-gżejjer biex ikunu integrati fis-suq intern: m'għandhomx il-kondizzjoniiet kollha neċessarji biex japprofittaw mill-benefiċċji kollha pprovduti minn dan is-suq ta' madwar 500 miljun konsumatur.

    3.6.1

    L-UE għandha tevita tip ta' politika li tapplika indiskriminatament għal kulħadd (one-size-fits-all policy), u tippromovi l-approċċ integrat imsemmi hawn fuq. Il-problema għall-gżejjer hija waħda kumplessa, minħabba li l-gżejjer jakkumulaw għadd ta' żvantaġġi. Iżda għandhom jisfruttaw ukoll ir-riżorsi tagħhom li jeżistu u li jistgħu jiffurmaw il-bażi ta' żvilupp soċjo-ekonomiku integrat. Per eżempju: ir-riżorsi tas-sajd, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, l-attivitajiet marbuta mat-turiżmu, l-identità kulturali b'saħħitha u l-wirt naturali u kulturali.

    3.6.2

    Barraminhekk, jinħtieġ nenfasizzaw li f'dokument li jakkumpanja lill-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21”, il-Kummissjoni tippromovi l-idea ta' aċċess għas-servizzi ta' interess ġenerali (SIĠ) fit-territorju kollu ta' l-Unjoni Ewropea. Fi kliem il-Kummissjoni, dan “huwa essenzjali għall-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali fl-UE”. Tkompli tgħid: “It-territorji b'nuqqas ġeografiku jew naturali, bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda, il-gżejjer, il-muntanji, iż-żoni li ma tantx huma popolati u l-fruntieri esterni, ta' spiss jiffaċċjaw sfidi f'termini ta' aċċess għas-servizzi ta' interess ġenerali, minħabba l-bogħod li għandhom mis-swieq ewlenin jew minħabba ż-żjieda fl-ispiża biex ikun hemm konnessjoni. Dawn il-ħtiġiet speċifiċi jridu jitqiesu”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tidher li hija konxja ħafna tal-problema; huwa possibbli għalhekk li jinħolqu inizjattivi f'dan il-qasam.

    3.7

    Huwa għal din ir-raġuni li l-kwistjoni ta' l-integrazzjoni tal-gżejjer fis-suq intern għadha problematika mindu daħal fis-seħħ l-Att Uniku Ewropew. Il-gżejjer għadhom territorji vulnerabbli. Kif jidher hawn fuq, il-biċċa l-kbira tagħhom ma jistgħux jiddependu mis-suq domestiku tagħhom; l-SMEs tal-gżejjer jeħtieġu jbiegħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom fil-kontinent Ewropew. Madankollu, l-aċċessibilità u d-diffikultajiet marbuta mal-mono-attività jxekklu l-kompetittività tagħhom.

    3.8

    Fid-dawl ta' dan kollu, il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li kwalunkwe leġislazzjoni futura tinkorpora evalwazzjoni speċifika tal-proposti kollha li jkunu rilevanti għall-gżejjer. Il-KESE jenfasizza l-bżonn ta' approċċ integrat għall-problemi tal-gżejjer, li jikkunsidra b'mod partikulari l-prinċipju fundamentali tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà meħtieġa mill-gżejjer.

    4.   Approċċ integrat ibbażat fuq ir-riżorsi tal-gżejjer Ewropej

    4.1

    Kif intqal diġà, il-KESE jsejjaħ għal approċċ integrat għall-problemi tal-gżejjer Ewropej; dan l-approċċ għandu jkun akkumpanjat minn qafas integrat ta' politiki Komunitarji kif intqal hawn fuq.

    4.2

    Il-gżejjer għandhom bżonn isibu l-ispazju tagħhom fir-reviżjoni tas-suq intern (8). Il-Komunikazzjoni ta' l-20 ta' Novembru 2007 tikkonferma l-linji gwida li jiffavorixxu l-SMEs, li kienu ssemmew fir-rapport intermedju ta' Frar 2007.

    4.3

    L-SMEs għandom jitħeġġu biex jipparteċipaw f'attivitajiet transkonfinali. Din l-idea timplika l-eżistenza ta' mekkaniżmu għall-kontinwità territorjali li jista' jgħin lill-abitanti tal-gżejjer Ewropej jidħlu fi swieq kemm permezz ta' l-Istat (Membru) li jagħmlu parti minnu — il-pajjiż prinċipali — jew permezz ta' Stat (Membru) ġar. Hemm għadd ta' eżempji konkreti u effikaċi. Per eżempju Bornholm, gżira Daniża, tibbenefika minn konnessjoni marittima sussidjata mill-Istat ma' Ystad, fl-Isvezja. Teżisti wkoll kontinwità territorjali bejn Franza u Corsica.

    4.3.1

    Din il-konnessjoni marittima tejbet il-kwalità tal-kondizzjonijiet tat-trasport bejn dawn iż-żewġ territorji Franċiżi, u ċertament jistħoqqilha tiġi żviluppata ma' l-Italja (huwa fatt magħruf li huwa aktar faċli tasal Korsika mill-kontinent Ewropew mill-Italja milli minn Franza). Huwa għal din ir-raġuni li l-KESE jemmen li jkun eżerċizzju interessanti li tiġi analizzata l-possibbiltà li din il-prattika tintuża fil-gżejjer Ewropej kollha u li l-użu tagħha jiġi “Ewropizzat”. Barraminhekk, l-esperjenza turina li l-implimentazzjoni ta' dan it-tip ta' strument għandha tiġi operata mill-gżejjer lejn il-kontinet, mhux viċi versa.

    4.3.2

    L-“Ewropizzazzjoni” ta' dan l-istrument ta' kontinwità territorjali twassal biex l-integrazzjoni transkonfinali tkun konkretizzata, kif kien enfasizzat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21”.

    4.4

    Il-preżenza ta' suq intern li jiffoka fuq soċjetà bbażata fuq l-għarfien twassal, fost affarijiet oħra, għat-tixrid fl-UE ta' informazzjoni u teknoloġiji tal-komunikazzjoni ġodda. Dan it-tip ta' idea tista' ġenwinament tkun opportunità tajba għad-diversifikazzjoni ta' l-ekonomiji tal-gżejjer.

    4.5

    Ikun għaqli niftakru li l-gżejjer għandhom ambjent naturali li jiffavorixxi l-innovazzjoni (per eżempju: l-enerġija rinnovabbli, il-bijoteknoloġija “blu” …). Fid-dawl tal-fatt li r-4 Rapport ta' Koeżjoni jirrikonoxxi li teżisti rabta bejn il-prestazzjoni ekonomika u l-prestazzjoni fir-rigward ta' l-innovazzjoni, il-gżejjer għandhom ħafna aktar lok għall-manuvri.

    4.6

    Meta nqisu li l-biċċa l-kbira tal-gżejjer huma involuti f'attivitajiet marbuta mas-sajd, il-bijoenerġija tista' tkun ta' interess għall-qasam ta' l-akkwakultura u s-sajjieda li jbaħħru. Il-politiki pubbliċi għandhom jipprovdu l-mezzi biex dawn l-iniżjattivi jiġu żviluppati. Għandhom jgħinu lill-gżejjer jiżviluppaw ir-riżorsi marittimi rinnovabbli tagħhom (bħall-enerġija pprovduta mill-mewġ u l-kurrenti tal-baħar, jew fil-każ speċifiku tar-reġjuni ultraperiferiċi, l-enerġija termali ta' l-oċeani).

    4.7

    Fil-każ ta' l-agrikoltura, tinħtieġ flessibilità fl-implimentazzjoni taż-żewġ pilastri tal-PAK biex il-bdiewa fil-gżejjer igawdu minn benefiċċji aktar sostanzjali.

    4.8

    Dawn it-tipi ta' enerġija huma essenzjali għall-gżejjer li fihom l-użu ta' l-art jkun taħt pressjoni kbira u li d-dipendenza ġeografika tagħhom mill-karburanti fossili xxekkel l-iżvilupp tagħhom. Għalhekk, l-alternattivi għandhom jinstabu fl-enerġija rinnovabbli li tista' tipprovdi sorsi oħra għal dawn it-territorji. F'dan il-kuntest, il-gżejjer jikkostitwixxu postijiet ideali għall-esperimentazzjoni u l-iżvilupp u b'dan il-mod jipprovdu servizz lill-Ewropa. Dan l-aħħar il-gżira ta' Réunion ħabbret li tixtieq timpenja ruħha lejn politika li tħaddan “ir-riżorsi rinnovabbli kollha”; diġà ġew identifikati għadd konsiderevoli ta' riżorsi marittimi rinnovabbli. L-enerġija mir-riħ hija eżempju tajjeb ukoll. Minn issa sa l-2009, l-arċipelagu ta' El Hierro fil-gżejjer Kanari ser ikun provdut b'taħlita ta' turbini jaħdmu bir-riħ u idro-elettriċità.

    4.9

    Il-preżenza ta' suq intern fuq il-bażi ta' regolamentazzjoni Ewropea tajba (9) timplika li hemm bżonn li jsir studju dwar kif il-liġijiet Ewropej attwali jiġu implimentati u jiġi analizzat jekk hux qed jipproduċu l-effetti li kienu previsti oriġinarjament. Rigward il-problemi regolatorji diskussi hawn fuq, inizjattiva bħal din żgur għandu jkollha impatt pożittiv fuq il-gżejjer. Forsi tkun idea tajba li jiġi implimentat dan il-proġett pilota: skond id-Direttiva tas-Servizzi, sat-28 ta' Diċembru 2011, u kull tliet snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport komprensiv lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Jista' jittieħed approċċ territorjali f'dan ir-rigward u s-sitwazzjoni fil-gżejjer tista' tiġi evalwata b'relazzjoni għal reġjuni oħra.

    4.10

    Dawn l-elementi kollha jikkontribwixxu għat-tiftix ta' soluzzjonijiet potenzjali bl-għan li l-gżejjer jiġu integrati aħjar fis-suq intern fil-ġejjieni. U dan it-tip ta' integrazzjoni jiddependi mill-ksib ta' żewġ objettivi: l-attrazzjoni u d-diversifikazzjoni.

    5.   Implimentazzjoni xierqa tal-politiki fil-gżejjer Ewropej

    5.1

    Sabiex jintlaħqu ż-żewġ għanijiet imsemmija hawn fuq, il-KESE jemmen li l-implimentazzjoni xierqa tal-politiki tiddependi mill-inizjattivi li ġejjin.

    5.1.1

    L-assigurazzjoni ta' konnessjonijiet aħjar bejn il-gżejjer u l-pajjiż prinċipali, bis-saħħa tal-politiki tat-trasport u l-innovazzjoni.

    5.1.1.1

    Bosta intraprendituri fil-gżejjer jilmentaw dwar l-ispejjeż żejda li jiffaċċjaw meta l-prodotti tagħhom jaslu fil-port tal-pajjiż prinċipali (minħabba t-trasport). Skond ċerti studji din iż-żieda hija ta' 20 %. Madankollu, billi l-prodotti huma differenti minn xulxin, għandhom isiru studji preċiżi (li l-metodoloġija tagħhom tista' tkun ibbażata fuq dik użata għar-reġjuni ultraperiferiċi). Għaldaqstant, sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa essenzjali li jinħolqu l-kondizzjonijiet neċessarji biex l-istituzzjonijiet lokali tal-gżejjer ikunu jistgħu jevalwaw l-ispiża marbuta ma' l-insularità. Għalhekk hemm bżonn li l-gżejjer ikollhom servizzi statistiċi lokali u indiċi tal-prezzijiet. Fl-aħħar ta' dan il-proċess, għandha tinħoloq metodoloġija komuni ta' evalwazzjoni bejn is-servizzi statistiċi lokali fil-gżejjer Ewropej.

    5.1.1.2

    F'kuntest iktar ġenerali, il-gżejjer jeħtieġu servizzi ta' interess ġenerali li jkunu effiċjenti.

    5.1.2

    Għandu jiġi adottat approċċ ġeografiku fir-rigward ta' l-inizjattiva “Regolamentazzjoni Aħjar”. Dan ifisser:

    evalwazzjoni ta' l-impatt fuq il-gżejjer ta' kull inizjattiva ta' l-UE dwar is-suq intern — din l-evalwazzjoni m'għandhiex tkun biss trans-settorjali iżda wkoll ġeografika; il-ħtiġijiet speċifiċi tal-gżejjer għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil-politiki kollha ta' l-UE;

    flessibilità fl-applikazzjoni tar-regolamenti ta' l-UE.

    semplifikazzjoni tal-kompiti amministrattivi, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-aċċess ta' l-SMEs għall-finanzi.

    l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jadottaw din l-imġiba wkoll.

    għaldaqstant, iktar mill-aspett tas-semplifikazzjoni biss, għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa għat-tnedija ta' strateġiji li jkunu koerenti bejn il-livell politiċi.

    5.1.3

    L-uffiċjali Ewropej għandhom jiġu inkuraġġuti jitħarrġu fil-gżejjer ħalli jkunu jistgħu jifhmu r-realtà ta' territorji partikulari bħal dawn. Għalhekk, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-“Programm ta' Esperjenza fl-Intrapriżi” u jsejjaħ lill-SMEs fil-gżejjer biex japplikaw ħalli jospitaw l-uffiċjali Ewropej. Din hija wkoll opportunità għalihom sabiex jikkomunikaw fil-livell prattiku dwar kwistjonijiet Ewropej direttament ma' l-abitanti tal-gżejjer. Il-laqgħa tal-grupp ta' studju organizzata f'Ajaccio fis-7 u t-8 ta' April 2008 tat prova ta' dan. Il-fatt li jsiru laqgħat maċ-ċittadini ta' l-UE fl-Istati Membri, jgħin biex l-UE u l-politiki tagħha jinftiehmu u jkunu diskussi aħjar.

    5.1.4

    L-importanza tal-politiki dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni fil-ġejjieni għandha tiġi enfasizzata. Dwar dan il-punt, il-KESE appoġġja bil-qawwa l-proposti tar-rapport Musotto, b'mod partikulari:

    “flessibilità fl-implimentazzjoni tal-linji politiċi eżistenti u futuri ta' assistenza statali, iżda tali flessibilità m'għandhiex toħloq distorzjonijiet mhux aċċettabbli fis-suq fl-UE”;

    l-analiżi tal-possibbiltà li “s-sistema li tippermetti għajnuna għall-operat (…) tkun estiża għar-reġjuni gżejjer kollha li mhumiex stati gżejjer jew gżejjer ġewwiena.”

    5.1.5

    Il-kapaċitajiet ta' l-SMEs tal-gżejjer għandhom jissaħħu:

    5.1.5.1

    Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess ta' l-SMEs għar-riċerka u l-innovazzjoni, per eżempju bis-saħħa ta' strumenti bħal JEREMIE. Fil-fatt, il-gżejjer ibatu minn nuqqas qawwi ta' riċerkaturi, laboratorji u brevetti. Ir-riċerka privata tant hija dgħajfa li hemm bżonn li tissaħħaħ ir-riċerka pubblika. L-idea ta' żoni ħielsa għandha tiġi analizzata wkoll. Meta mqabbla mas-sitwazzjoni kontinentali, il-gżejjer għadhom lura, ħlief fil-każijiet fejn l-awtoritajiet pubbliċi jħaddnu politika msejsa fuq il-volontarjetà, jew f'oħrajn fejn settur tant ikollu importanza ekonomika kbira li jkun jista' jintlaħaq livell li jista' joħloq jew jappoġġja attivitajiet ta' riċerka. Barraminhekk, approċċ bħal dan jeħtieġ li l-kompetenzi ta' missirijietna jiġu ppreservati, dimensjoni ta' l-innovazzjoni li m'għandhiex tintesa.

    5.1.5.2

    L-esportazzjoni lejn Stati Terzi. Għandu jitfakkar li fir-rapport intermedju tagħha dwar ir-reviżjoni tas-suq intern (Frar 2007), il-Kummissjoni ssejjaħ għal suq intern futur li jkun miftuħ għad-dinja kollha. Din is-sejħa kienet ikkonfermata fil-Komunikazzjoni “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21”. Fiha l-Kummissjoni ssejjaħ għat-twessigħ “ta' l-ispazju regolatorju tas-suq uniku”. Din l-idea tista' ssir realtà bis-saħħa ta' programmi ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiżi ġirien.

    5.1.5.3

    Sabiex nibbenefikaw minn forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin. Il-gżejjer iħabbtu wiċċhom ma' l-emigrazzjoni ta' żgħażagħ li jippreferu jfittxu edukazzjoni universitarja u pagi għoljin fil-pajjiż prinċipali. Anke jekk il-PGD m'huwiex indikatur jew kriterju perfett, ir-4 Rapport ta' Koeżjoni jenfasizza li ż-żieda tal-PGD tiddependi mill-produttività u l-popolazzjoni li taħdem. Il-KESE jemmen bil-qawwa li għandhom jiġu promossi inizjattivi fir-rigward ta' l-iżvilupp ta' l-universitajiet u istituzzjonijiet oħra ta' edukazzjoni għolja fil-gżejjer. Dawn huma kondizzjoni għat-taħriġ ta' l-abitanti tal-gżejjer. Per eżempju: mindu reġgħet infetħet fl-1981, l-Università ta' Corsica, bis-saħħa ta' għadd kulma jmur jikber ta' studenti, irnexxielha ttejjeb il-kapital uman reġjonali f'termini kwantitattivi u kwalitattivi. Titjib bħal dan naqqas ċerti żbilanċi fis-suq tax-xogħol u appoġġja t-tkabbir ta' setturi ekonomiċi (bħall-ipproċessar ta' l-ikel, it-turiżmu, l-ICT …) u l-intrapriżi.

    5.1.5.4

    Sabiex jiddependu fuq il-karatteristiċi tagħhom stess ħalli jsibu l-iktar żvilupp rilevanti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea, fil-Green Paper tagħha dwar il-politika marittima, għandha raġun tenfasizza l-fatt li “d-diversifikazzjoni tal-prodotti u s-servizzi tat-turiżmu tista' tikkontribwixxi għall-kompetittività ta' destinazzjonijiet kostali u ta' gżejjer”. Din id-diversifikazzjoni, billi tikkonforma ma' dimensjoni (non) teknoloġika ta' l-innovazzjoni, u billi torbot ukoll mal-ħtieġa għal diversifikazzjoni globali ta' l-attivitajiet ekonomiċi tal-gżejjer (bosta gżejjer ibatu minn mono-attività fit-turiżmu), tiddependi mill-prerekwiżiti li ġejjin:

    li jsir inventarju sħiħ tas-sitwazzjoni ta' kull gżira Ewropea;

    li tiġi elenkata l-medda sħiħa ta' l-iżvantaġġi tal-gżejjer fil-qasam tat-turiżmu;

    li jiġi determinat il-livell ta' infrastrutturi ta' kull gżira;

    li jsiru skambji favorevoli u jsir kontribut lejn l-iżvilupp tas-servizzi ta' l-infrastruttura tal-lukandi u t-trasport bl-iffirmar ta' kuntratti speċjali bejn ir-reġjuni gżejjer u l-Unjoni Ewropea;

    li jiġu analizzati l-possibbiltajiet ta' appoġġ u strutturar li jistgħu jiġu previsti bl-għan li sseħħ diversifikazzjoni tat-turiżmu (kulturali, rurali, arkeoloġiku, turiżmu marbut maż-żgħażagħ, l-isport, is-sajd, turiżmu ta' l-intrapriżi …);

    li tiġi studjata l-proposta għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' perspettiva għall-iżvilupp tat-turiżmu reġjonali tal-gżejjer li jistgħu jippreċedu l-azzjonijiet Ewropej u jsiru obbligatorji sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jgawdu minn finanzi speċifiċi Ewropej għar-reġjuni gżejjer ta' l-UE reġistrati għall-programmazzjoni 2007-2013 tal-fondi strutturali fil-qafas ta' l-objettiv “Kompetittività u Impjiegi Reġjonali”;

    li jiġu determinati l-metodi li jippermettu li l-gżejjer jagħmlu mill-ambjent sors ta' attivitajiet ekonomiċi (l-iktar bl-iżvilupp ta' strateġiji maħsuba biex tingħata merħba lit-turisti bbażati fuq lukandi ekoloġiċi, bijo-restoranti, attivitajiet fil-beraħ, vjaġġi maħsuba għall-esplorazzjoni tal-bijodiversità …). U inizjattivi bħal dawn japplikaw iżjed għall-industriji ż-żgħar tal-familja.

    6.   Gvernanza soda sabiex titqies sew is-sitwazzjoni tal-gżejjer Ewropej

    6.1

    Il-KESE jipproponi l-implimentazzjoni tal-proposti li ġejjin fil-proċess leġislattiv:

    6.1.1

    Li jkollna l-aħjar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-gżejjer. Hemm bżonn nisħqu fuq li nisħqu dwar l-importanza li jkun hemm aġġornament u kollazzjoni ta' statistika addizzjonali dwar il-gżejjer. Dawn huma l-istrumenti meħtieġa għal politika pubblika li tkun preċiża (fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali). Approċċ bħal dan l-ewwelnett għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni każ b'każ li tqis, fost oħrajn, il-qagħda soċjo-ekonomika speċifika tal-gżejjer. Din tista' tkun ukoll l-opportunità ideali għal riflessjoni dwar ir-rilevanza tal-kriterji tal-PGD fl-evalwazzjoni tad-diffikultajiet reġjonali.

    6.1.1.1

    B'hekk, l-eżistenza ta' data statistika suffiċjenti u affidabbli u ta' indikaturi rilevanti hija prerekwiżit għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' kull politika Komunitarja dwar il-gżejjer. Huwa fatt magħruf li l-kriterji tal-PGD, u r-rati tal-qgħad m'humiex adattati, talinqas waħedhom, sabiex jipprovdu stampa sodisfaċenti tas-sitwazzjoni preżenti tat-territorji tal-gżejjer, u tal-mekkaniżmi kumplessi li jagħmluhom differenti mill-bqija tal-Komunità.

    6.1.1.2

    Is-sitwazzjoni m'hijiex waħda ġdida, iżda ilha li naqset mill-importanza minħabba l-fatt li, billi l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tal-gżejjer ta' l-UE xorta waħda kienu qed jirċievu l-ogħla livell ta' assistenza (Objettiv 1), ftit li xejn kien hemm raġunijiet prattiċi biex tiġi indirizzata kwistjoni kumplessa bħal din. Madankollu, il-proċess tat-tkabbir, u “l-effett statistiku” li ġab miegħu (jiġifieri meta territorji li qabel kienu żvantaġġati jsiru relattivament iktar għonja), xeħet id-dawl fuq il-bżonn li tiġi deskritta s-sitwazzjoni u l-bżonnijiet ta' territorji tal-gżejjer minn indikaturi aħjar u iktar immirati.

    6.1.1.3

    Kif issuġġerixxa r-rapport Musotto, “jemmen li xogħol ulterjuri għandu jkun orjentat lejn definizzjoni ta' indikaturi statistiċi aktar adattati biex jipprovdu stampa statistika ċara tal-livell ta' żvilupp, u fehim sodisfaċenti tar-reġjuni b'diżabbiltajiet ġeografiċi u naturali, u b'mod partikulari fejn hemm diffikultajiet akkumulati, bħal ktajjen ta' muntanji, gruppi ta' gżejjer, u każijiet ta' insularità doppja; dawn l-indikaturi għandhom ukoll jippermettu evalwazzjoni mtejba tad-differenzi bejn dawn ir-reġjuni u l-bqija ta' l-UE kif ukoll evalwazzjoni tad-differenzi li jeżistu f'dawn ir-reġjuni nfushom”.

    6.1.2

    Li jkun hemm grupp ta' inter-servizz għall-gżejjer fi ħdan il-Kummissjoni sabiex jiġi assigurat approċċ integrat meta jiġu indirizzati d-diffikulatjiet tagħhom.

    6.1.3

    Il-KESE jistieden lill-awtoritajiet lokali pubbliċi u lis-soċjetà ċivili sabiex jaħdmu flimkien (u lil dawk li diġà ilhom jaħdmu flimkien sabiex ikomplu) ħalli jitfasslu strateġiji komuni ta' żvilupp. Hemm bżonn li l-komunitajiet tal-gżejjer ikollhom approċċ ta' proġett fil-qafas ta' sħubija pożittiva.

    6.2

    Il-KESE jisħaq li, fl-interess tal-gvernanza tajba għandha ssir analiżi regolari tal-qagħda tal-gżejjer u titlob lill-Kummissjoni tippreżenta Rapport Annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lilha nnifisha, intiż li jissorvelja u jevalwa l-effikaċja tal-miżuri rilevanti li jittieħdu biex jissolvew il-problemi tal-gżejjer Ewropej. F'dan ir-rigward, il-proposti għal azzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom ikunu inklużi wkoll f'dan ir-Rapport Annwali. Għalhekk, nistgħu ngħidu li l-opinjoni attwali qed tniedi proċess dinamiku fit-tul.

    7.   Kummenti finali

    7.1

    Bħala konlużjoni, il-kwistjoni ta' integrazzjoni aħjar tal-gżejjer fis-suq intern tista' twassal lill-partijiet interessati biex jesploraw żewġ soluzzjonijiet oħra differenti minn dawk li ssemmew hawn fuq.

    7.2

    L-użu tal-kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri li għandhom gżejjer jew Stati Membri insulari (il-Portugall, Spanja, Franza, l-Italja, il-Greċja, Malta, Ċipru, ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Olanda, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja u l-Isvezja). Rigward il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati biex titfassal politika għall-gżejjer Ewropej, l-implimentazzjoni ta' din is-soluzzjoni tista' tidher impossibbli. Għaldaqstant, minħabba li l-proposta għandha tiġi mill-Istati, għandu jintgħażel l-approċċ bottom-up. Għalhekk, kif diġà ssemma, hemm bżonn ta' strateġiji ta' l-iżvilupp fil-livell lokali. F'din il-perspettiva, il-programmi ta' operazzjoni (fil-qafas tal-Fondi Strutturali għall-perijodu 2007-2013) jistgħu jiġu kkunsidrati bħala bażi tajba għall-perijodu futur 2014 — 2020.

    7.3

    Il-qafas legali Ewropew futur jista' jtejjeb is-soluzzjonijiet attwali, bis-saħħa tat-Trattat ta' Lisbona u r-riformulazzjoni ta' l-Artikolu 158 tat-Trattat KE.

    7.3.1

    L-Artikolu 158 futur emendat bit-Trattat ta' Lisbona jgħid hekk:

    a)

    fl-ewwel subparagrafu, il-kliem “koeżjoni ekonomika u soċjali” għandhom jiġu ssostitwiti bi “koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”;

    b)

    fit-tieni subparagrafu, il-kliem “jew gżejjer” u l-kliem “inklużi ż-żoni rurali” għandhom jitħassru;

    c)

    is-subparagrafu l-ġdid li ġej għandu jiżdied: “Fost ir-reġjuni konċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi.

    7.3.2

    Riformulazzjoni bħal din tikkonforma mal-fatt li, bis-saħħa tat-Trattat ta' Lisbona (li l-ewwelnett għandu jiġi ratifikat), id-dimensjoni territorjali hija l-element il-ġdid tal-koeżjoni Ewropea. Dan ir-rikonoxximent jixħet dawl fuq l-intenzjoni ta' l-UE li tqis iċ-ċirkustanzi kollha tat-territorju tagħha. Għaldaqstant, l-Artikolu l-ġdid 158 futur huwa t-twettiq ta' din ir-rieda.

    7.3.3

    Id-definizzjoni tal-koeżjoni territorjali m'hijiex kompitu faċli. Il-Green Paper futura żgur ser tipprovdi opportunità interessanti biex tinkiseb informazzjoni dwar id-diversi approċċi eżistenti. F'dan ir-rigward, il-KESE jemmen li r-riflessjoni dwar il-koeżjoni territorjali tfisser għandha tmur lil hinn mill-istatistika ekonomika sabiex jiġu kkunsidrati wkoll ir-realtajiet ġeografiċi evidenti tat-territorju kif ukoll il-vulnerabbiltajiet konsegwenti li jistgħu jheddu serjament il-koeżjoni soċjo-ekonomika ta' xi territorji. Il-ħidma fil-qasam tal-koeżjoni tfisser ukoll tiftix għall-mezzi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fit-territorju tal-gżira kif ukoll bejn it-territorji kollha (ċertament, għandha tiġi appoġġjata żieda fil-Fondi Strutturali dedikati għall-Objettiv 1 għall-programm li jmiss, jiġifieri wara l-2013), u biex tissaħħaħ l-isħubija bejn il-partijiet interessati kollha (l-awtoritajiet pubbliċi, u s-soċjetà ċivili) fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-politiki rilevanti.

    Brussell, l-10 ta' Lulju 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  Bħalissa, l-Osservatorju tas-Suq Uniku (SMO) tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew qiegħed ifassal opinjoni dwar dan il-pakkett (INT/409, rapporteur; is-Sur Cassidy, ko-rapporteurs: is-Sur Hencks u s-Sur Cappellini) u dwar “Id-dimensjoni soċjali u ambjentali tas-Suq Uniku” (INT/416), rapporteur: is-Sur Adamcyk) biex jikkumplementa l-ewwel dokument. Għadha mhix ippublikata fil-ĠU (ġiet adotta minn Settembru 2008).

    (2)  Jeħtieġ nenfasizzaw hawnhekk li dan il-punt, b'xorti tajba, huwa rikonoxxut fir-4 Rapport ta' Koeżjoni fir-rigward tar-reġjumi ultraperiferiċi (COM(2007) 273 finali, p. 50).

    (3)  Analysis of the island regions and outermost regions of the European Union, Planistat, Marzu 2003 (Dan ir-rapport huwa disponibbli bl-Ingliż u l-Franċiż).

    (4)  Permezz taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA), imnedija fit-28.1.2008, il-pagamenti transkonfinali ser ikunu faċli daqs il-pagamenti domestiċi.

    (5)  Ir-4 Rapport ta' Koeżjoni (COM(2007) 273 finali, p. 65).

    (6)  High bit-rate digital subscriber line.

    (7)  Ir-4 Rapport ta' Koeżjoni (COM(2007) 273 finali, p. 60).

    (8)  Ara l-opinjoni dwar “Ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku” (ĠU C 93/25, 27.4.2007) (mhux disponibbli bil-Malti).

    (9)  Ara l-opinjoni dwar “Regolamentazzjoni Aħjar” (ĠU C 24/39, 31.1.2006) u l-opinjoni dwar “Implimentazzjoni Aħjar tal-Leġislazzjoni ta' l-UE” (ĠU C 24/52, 31.1.2006) (mhux disponibbli bil-Malti).


    Top