EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0994

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol COM(2007) 62 finali

ĠU C 224, 30.8.2008, p. 88–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 224/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol: strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol

COM(2007) 62 finali

(2008/C 224/21)

Nhar il-21 ta' Frar 2007, il-Kummissjoni Ewropea iddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Intejbu l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol — strateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta' Mejju 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Cser.

Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'80 vot favur, 20 vot kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Sinteżi

1.1

L-objettivi ta' l-istrateġija mġedda ta' Lisbona dwar iż-żieda fil-produttività u l-kompetittività jistgħu jintlaħqu biss jekk bħala ħaddiema, iċ-ċittadini Ewropej jkunu jistgħu jaħdmu f'kondizzjonijiet ta' saħħa u sigurtà adegwati. Il-leġislazzjoni Komunitarja u l-miżuri nazzjonali flimkien jiggarantixxu s-saħħa u s-sigurtà ta' l-impjegati fuq il-post tax-xogħol. Dan hu dak li l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà għandha twettaq fil-prattika.

1.2

Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għandhom jitqiesu bħala fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku u l-produttività. Dan il-qasam jeħtieġ spejjeż konsiderevoli u t-telliefa m'humiex biss l-intrapriżi u l-ħaddiema iżda s-soċjetà kollha. Dawn l-ispejjeż għandhom jiġu analizzati aħjar. Huwa importanti li dan iseħħ ħalli jintwera kemm in-nuqqas ta' sigurtà fuq il-post tax-xogħol u ambjent tax-xogħol ħażin jiġu jiswew lill-partijiet ikkonċernati, u li minħabba f'hekk tonqos il-produttività.

1.3

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-objettiv li l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol jitnaqqsu b'25 %; Ikun għaqli li jiġi stabbilit objettiv komparabbli għat-tnaqqis tal-mard relatat max-xogħol. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tipi ta' kanċer marbuta max-xogħol. Għandu jiġi introdott, ivverifikat u aġġustat pjan ta' azzjoni speċifiku, b'objettivi miżurabbliu kredibbli u b'mekkaniżmi ta' rappurtaġġ komparattivi.

1.4

Id-drittijiet ta' l-impjegati għandhom jiġu rispettati u applikati b'mod effettiv, filwaqt li jitqiesu forom ġodda ta' impjieg, u l-ħtieġa li jiġi assigurat li l-leġislazzjoni u, għaldaqstant, l-ispezzjoni, jkopru l-impjegati kollha, hu x'inhu t-tip ta' xogħol jew il-forma ta' l-impjieg. Jekk dan ma jseħħx, ikun sar ksur tad-drittijiet fundamentali.

1.5

Il-KESE jappoġġja l-implimentazzjoni adattata tal-leġislazzjoni Komunitarja, partikularment permezz tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali.

1.6

Il-gruppi mmirati prijoritarji — il-ħaddiema b'diżabilità, in-nisa, il-ħaddiema anzjani, il-ħaddiema żgħażagħ u l-ħaddiema migranti — jeħtieġu regolamentazzjoni, politiki u appoġġ speċifiċi.

1.7

Biex l-istrateġija tiġi implimentata u ssorveljata, jinħtieġu standards minimi speċifiċi dwar in-numru ta' spetturi tax-xogħol biex jiġu assigurati spezzjonijiet u kontrolli nazzjonali u Komunitarji effettivi u uniformi (1).

1.8

Il-persunal tal-Kumitat ta' Livell Għoli għall-Eżaminar tax-Xogħol (SLIC — Senior Labour Inspectors Committee) u ta' l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali rilevanti m'għandux jitnaqqas, iżda jiżdied biex jirrifletti n-numru tal-ħaddiema u l-popolazzjoni fl-UE wara t-tkabbir.

1.9

L-Istati Membri għandhom jippromovu d-djalogu soċjali fil-livell Komunitarju, nazzjonali, lokali u tal-post tax-xogħol, billi dan huwa strument essenzjali biex jassigura s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-impjegati individwali.

1.10

Jinħtieġ li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tissaħħaħ. B'mod partikulari, il-politika baġitarja ta' l-UE għandha tinkludi d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex, fil-prattika, tiggarantixxi implimentazzjoni sistematika u effettiva ta' l-istrateġija Komunitarja għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

1.11

Jinħtieġ li jinħolqu programmni ta' taħriġ u jissaħħu dawk eżistenti permezz tal-koordinazzjoni tal-politiki Komunitarji biex tiġi żviluppata kultura tal-prevenzjoni tar-riskju, bl-appoġġ ta' l-esperjenza lokali, reġjonali u nazzjonali, filwaqt li titqies il-prevenzjoni tar-riskju fil-programmi edukattivi — sa mill-iskola materna u inklużi t-taħriġ bażiku u vokazzjonali — filwaqt li jiġi assigurat li ssir koordinazzjoni mal-politiki fil-qasam tas-saħħa pubblika.

1.12

Il-kultura tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-korpi tas-saħħa u s-sigurtà u l-persuni inkarigati mis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali biex il-miżuri ta' prevenzjoni jirnexxu. Huwa importanti li jiġi assigurat li t-taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ikun aġġornat. Il-gruppi li l-aktar li għandhom ikunu kkonċernati huma s-superjuri u l-persunal inkarigat mis-saħħa u s-sigurtà. Dawn għandhom jirċievu taħriġ adegwat, għandu jingħatalhom biżżejjed ħin biex iħaddmu r-responsabilitajiet tagħhom fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà u jingħataw l-opportunità biex jinfluwenzaw, fost oħrajn, l-iżvilupp tal-proċessi tax-xogħol. F'dan ir-rigward, l-imsieħba soċjali għandhom rwol ewlieni x'jaqdu biex jilħqu ftehimiet u jwettquhom fil-prattika fuq il-post tax-xogħol.

1.13

L-SMEs, li jimpjegaw aktar minn 80 % tal-ħaddiema, għandhom żvantaġġ sproporzjonat fir-rigward tar-riżorsi u l-possibbiltajiet finanzjarji. Dawn l-intrapriżi huma vulnerabbli ħafna u għandhom bżonn ta' appoġġ speċifiku, bil-kondizzjoni li jimpenjaw ruħhom sabiex jirrispettaw id-djalogu soċjali u l-ftehim soċjali dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

1.14

L-organizzazzjoni ġdida tax-xogħol, il-bidliet rapidi li jseħħu u t-teknoloġiji ġodda jġibu magħhom riskji ġodda, li jeħtieġu reazzjoni fil-livell Komunitarju. Skond il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Limiti ta' Espożizzjoni Okkupazzjonali għas-Sustanzi Kimiċi, għandhom jiġu adottati limiti ta' espożizzjoni bbażati fuq kriterji marbuta mas-saħħa. Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-imsieħba soċjali ikkontribwixxew b'mod essenzjali għat-titjib tas-saħħa mentali tal-ħaddiema, permezz tal-ftehimiet tagħhom dwar it-tensjoni, il-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol; dawn il-ftehimiet għandhom jiġu implimentati fil-livell nazzjonali.

1.15

Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, bħala metodu ta' min ifaħħarha, iżda m'għandhiex tieħu post ir-regoli legali attwali u futuri.

1.16

Il-problemi li ġew immirati mill-politiki Komunitarji ma jistgħux jissolvew fit-territorju ta' l-UE biss, partikularment fid-dawl tal-globalizzazzjoni. Biex l-objettivi ta' l-UE jintlaħqu fil-livell internazzjonali, hemm bżonn ta' globalizzazzjoni li tkun ġusta u xogħol deċenti għall-impjegati. L-istituzzjonijiet ta' l-UE għandhom jinkoraġġixxu lill-Istati Membri jirratifikaw il-konvenzjonijiet ta' l-ILO (l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol).

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Fil-kuntest ta' l-istrateġija ta' Lisbona, l-Istati Membri rrikonoxxew il-kontribut siewi li għamlu l-politiki marbuta mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi (2). It-titjib tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jagħmel parti mill-mudell soċjali Ewropew. Il-passat kien ikkaratterizzat mill-ħtieġa li tintradd lura l-fiduċja liċ-ċittadini Ewropej (3).

2.2

Politika soċjali li tkun ambizzjuża u sensittiva mhux biss għandha tikkontribwixxi għal produttività u kompetittività akbar iżda għandha tippromovi wkoll il-koeżjoni soċjali, u b'hekk tassigura armonija soċjali u stabbiltà politika, li mingħajrhom ma jistax ikun hemm żvilupp sostenibbli. Fi kliem ieħor, il-politika soċjali hija fattur li jinfluwenza l-produttività (4) Għaldaqstant, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol m'humiex l-iskopijiet aħħarija fihom infushom; fuq perijodu fit-tul, l-infiq b'rabta mal-qasam tas-saħħa u s-sigurtà mhux biss se jiġi rkuprat iżda jista' jkollu impatt definittivamentpożittiv fuq il-prestazzjoni ekonomika.

2.3

Il-kondizzjonijiet tax-xogħol huma partikularment importanti għas-saħħa, meta nqisu li l-adulti jqattgħu terz minn ħajjithom fuq il-post tax-xogħol. Ambjent tax-xogħol perikoluż u ta' ħsara għas-saħħa jfisser bejn 3 u 5 % tal-PGD. Il-prevenzjoni, l-infiq pubbliku b'rabta mas-saħħa u l-infiq b'rabta mas-saħħa fuq il-post tax-xogħol ghandhom jiġu kkunsidrati bħala investiment. Fid-dawl tat-tibdil demografiku għandu jitqies l-iżvilupp sostenibbli (5), għax l-Ewropa teħtieġ aktar investiment u aktar impjiegi li jiggarantixxu s-saħħa ta' l-individwu.

2.4

Il-qafas globali b'rabta mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għandu jibqa' jiġi żviluppat u implimentat korrettament fl-UE kollha, b'tali mod li jiġu inklużi wkoll il-gruppi vulnerabbli li għad m'humiex koperti b'mod adegwat, li jiltaqgħu ma' għadd ta' diffikultajiet biex iħaddmu d-drittijiet tagħhom fil-qasam tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li jinkludu, b'mod partikulari, lil dawk b'impjieg prekarju u li jaħdmu f'ambjent espost għal-periklu jew dawk li qegħdin f'riskju li jitilfu l-impjieg biex min jimpjegahom jakkwista vantaġġ kompetittiv għal perijodu qasir.

2.5

Il-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-garanzija kontinwa tagħhom hija waħda mill-kondizzjonijiet għall-preservazzjoni u l-ħarsien ta' saħħet l-impjegati. Dan huwa l-aktar approċċ effikaċi mil-lat kost-effettiv. Wieħed mill-istrumenti ewlenin f'dan il-qasam huwa l-prevenzjoni, li huwa l-approċċ li joffri l-aħjar redditu fuq l-investiment, kif ukoll l-approċċ l-aktar effikaċi f'termini ta' profittabilità. Il-preżenza ta' strateġija ta' prevenzjoni u standards adegwati ta' protezzjoni fil-postijiet tax-xogħol kollha tippermetti lis-sistemi ewlenin tal-kura tas-saħħa u dawk soċjali li jammortizzaw l-ispejjeż u li jiffrankaw ammonti ta' flus sostanzjali, u jagħtu kontribut siewi wkoll fir-rigward tal-primjums imħallsa mill-intrapriżi għall-assigurazzjoni kontra l-aċċidenti jew spejjeż oħra marbuta b'mod dirett jew indirett ma' l-effetti ta' l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol. Il-kwalità tas-servizzi preventivi, it-taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, it-titjib tal-kwalità u l-effikaċja ta' l-istandards ta' sigurtà, it-twettiq ta' spezzjonijiet professjonali u kontinwi u l-kooperazzjoni ma' l-imsieħba soċjali huma elementi essenzjali u interdipendenti għall-ħolqien ta' ambjent li jiggarantixxi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

2.6

Il-programm PROGRESS jistqarr li l-objettiv ewlieni tal-politika soċjali Ewropea huwa t-titjib kontinwu tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, li jingħata widen lill-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom u li jiġu involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan it-tip ta' djalogu fil-livell Komunitarju fis-setturi kollha għandu jiggarantixxi drittijiet ugwali fl-Istati Membri kollha. Il-ftehim kollu li ntlaħaq b'rabta mad-djalogu soċjali (per eżempju dwar it-teleworking, il-ġlieda kontra l-vjolenza fil-post tax-xogħol u t-tensjoni fuq il-post tax-xogħol) għandu jkun ikkonsolidat u segwit minn miżuri effettivi, hu x'inhu t-tip ta' xogħol jew il-forma ta' l-impjieg. Fil-każ ta' l-impjegati fis-settur pubbliku, minkejja l-preżenza tad-djalogu soċjali, l-inugwaljanza hija mxerrda ħafna, mhux biss fil-leġislazzjoni iżda wkoll fil-prattika. Wieħed mill-aspetti istituzzjonali speċifiċi tad-djalogu soċjali huwa x-xogħol li jwettaq ir-rappreżentant permanenti tal-ħaddiema marbut mas-sorveljanza u l-ġestjoni sistematiċi tar-riskji marbuta mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

2.7

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu miżuri serji dwar il-penalizzazzjoni tal-ksur tar-regoli u li janalizzaw l-infiq li jsir b'rabta mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, meta wieħed iqis li l-konsegwenzi ta' l-aċċidenti u l-mard fuq il-post tax-xogħol huma ta' piż għas-soċjetà kollha u li jaffettwaw ukoll il-produttività u, għaldaqstant, il-kompetittività.

2.8

Minkejja li, ġeneralment, kien hemm titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f'dawn l-aħħar snin, kemm fin-numru, kif ukoll fil-gravità ta' l-aċċidenti u l-mard fuq il-post tax-xogħol, ir-riskji marbuta max-xogħol ma tnaqqsux b'mod uniformi. Fil-każ ta' ċerti setturi, ċerti kategoriji ta' ħaddiema u ċerti tipi ta' intrapriżi s-sitwazzjoni għadha preokkupanti, u ċ-ċifri huma ħafna aktar mill-medja (6). Il-valutazzjoni tindika li l-programmi nazzjonali ma jqisux ċerti gruppi vulnerabbli, per eżempju l-ħaddiema indipendenti “foloz”. Jinħtieġ li dan jinbidel.

2.9

Għalkemm l-istrateġija preċedenti wasslet biex tinħoloq kultura tal-prevenzjoni, din m'hijiex daqshekk imxerrda. L-SMEs b'mod partikulari għandhom jibbenefikaw aktar minn appoġġ finanzjarju regolari, bil-kondizzjoni li jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw il-ftehim soċjali dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

2.10

Fir-rigward ta' l-ispezzjonijiet, il-KESE jitlob li jiġi enfasizzat li l-intrapriżi wkoll għandhom l-obbligu li jwettqu kontrolli interni minn rajhom.

2.11

Biex il-politika u l-leġislazzjoni Komunitarji jiġu implimentati fil-livell nazzjonali u biex ikunu effettivi, jinħtieġ li l-applikazzjoni u s-sorveljanza tagħhom ikunu assigurati. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Membri jipproduċu rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni tad-direttivi.

2.12

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (COM(2007) 46 finali), u jerġa' jisħaq fuq l-importanza ta' definizzjonijiet u sistemi ta' rikonoxxenza komuni (7). Għandu jkun hemm leġislazzjoni uniformi biex tkun tista' tinġabar data adattata u differenzjata sabiex ikunu jistgħu jinħolqu standards u koeffiċjenti.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni stabbilixxiet li l-objettiv għall-perijodu 2007-2012 huwa t-titjib tal-kwalità tax-xogħol u l-produttività għandu jkun il-bażi ta' l-istrateġija Komunitarja dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol — li hija msejsa fuq l-istrateġija Komunitarja għall-perijodu 2002-2006 li hija bbażata fuq id-direttiva qafas 89/391/KEE.

3.2

Tħejja rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta' l-objettivi stabbiliti mill-istrateġija għall-perijodu 2002-2006 (8). Matul dan il-perijodu, ingħaqdu 10 Stati Membri ġodda fl-UE. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe statistika u informazzjoni, is-sitwazzjoni fl-għaxar Stati Membri l-ġodda ma kenitx inkluża f'din l-evalwazzjoni, u barraminhekk l-istrateġija l-ġdida tħejjiet fuq il-bażi taċ-ċifri ta' l-1999. Għalhekk il-KESE huwa ferm diżappuntat li, għalkemm l-Istati Membri l-ġodda waslu nofs triq ta' l-istrateġija, il-Kummissjoni ma ħatfitx l-opportunità biex tħejji programm kontinwu (rolling basis) u tadatta l-istrateġija b'mod adegwat.

3.3

Hija ħaġa pożittiva li l-istrateġija Komunitarja stabbilixxiet objettiv li l-aċċidenti jitnaqqsu b'25 %; biex dan iseħħ, jinħtieġ pjan ta' azzjoni speċifiku b'objettivi miżurabbli, indikaturi u b'mekkaniżmi ta' rappurtaġġ kredibbli u komparattivi, kif ukoll mekkaniżmi ta' sorveljanza. Għandhom jitqiesu wkoll il-kawżi interni li jipprovokaw l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol, bħal per eżempju x-xogħol taħt pressjoni u xogħol li jkollu jitlesta f'qasir żmien, u l-kawżi esterni minħabba negliġenza, fejn din stess tista tkun ikkaġunata minn tensjoni fil-ħajja privata. Minbarra l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol, huwa importanti wkoll li jiġu indirizzati l-każijiet ta' mard marbut max-xogħol, li huma ferm akbar fin-numru. L-ewwel pass lejn il-prevenzjoni għandu jkun li l-mard marbut max-xogħol jiġi rikonoxxut u li l-kunċett ta' dan it-tip ta' mard jiġi estiż. Jekk il-kawżi tad-diversi każijiet ta' mard ikunu magħrufa f'waqthom, ikun possibbli li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġu eliminati. Għalhekk, in-numru tal-persuni impjegati f'ambjent tax-xogħol perikoluż m'għandux jeċċedi ċifra speċifika, li tkun stabbilita minn qabel, għaliex dan għandu impatt deċiżiv fuq in-numru tal-każijiet ta' mard marbut max-xogħol fil-ġejjieni; dan in-numru għandu jiġi kwantifikat ukoll.

3.4   Leġislazzjoni u sorveljanza

3.4.1

Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn ta' strateġija bilanċjata fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà, li tinkorpora miżuri leġislattivi u mhux leġislattivi, skond liema jkunu l-aktar effettivi mil-lat ta' l-implimentazzjoni. Din l-istrateġija tkun partikularment utli biex tixħet dawl fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol li nbidlu. L-impatt ta' dawn il-bidliet fuq is-saħħa u s-sigurtà għandu jiġi kkunsidrat b'mod regolari. Tajjeb jiġi analizzat jekk ikunx għaqli li jiġu żviluppati miżuri adattati, fuq il-bażi tar-riċerka, bħala reazzjoni għat-tibdil esponenzjali u mifrux tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, u b'mod partikulari l-fatt li x-xogħol irid isir aktar malajr u huwa aktar intensiv. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li l-ħaddiema kollha għandhom l-istess drittijiet u li dawn id-drittijiet għandhom jiġu rispettati fil-livell ta' l-UE u anke ta' l-Istati Membri.

3.4.2

Waqt li l-istrateġija l-ġdida tkun qed tiġi implimentata, iż-żgħażagħ, il-ħaddiema migranti, in-nisa, il-ħaddiema anzjani u l-persuni b'diżabilità jeħtieġu regolamentazzjoni u politika ta' appoġġ speċifiċi, peress li dawn huma l-gruppi li l-aktar li huma esposti għar-riskji, l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard marbut max-xogħol. In-nuqqas ta' taħriġ, taħriġ mill-ġdid u informazzjoni, in-nuqqas ta' tagħrif u ta' linji ta' gwida għall-impjegati l-ġodda kif ukoll in-nuqqas ta' kompetenzi lingwistiċi adegwati kollha jikkostitwixxu riskji. Fil-każ tal-ħaddiema migranti, il-kompetenzi lingwistiċi huma fattur importanti għall-prevenzjoni u l-informazzjoni, u jinħtieġ li t-trattament ugwali jiġi assigurat.

3.4.3

Il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-direttivi jesiġu fondi u persunal adegwati. Iżda minkejja t-tkabbir ta' l-2004, huwa ppjanat li jitnaqqas il-persunal tal-Kumitat ta' Livell Għoli għall-Eżaminar tax-Xogħol (SLIC). Il-persunal m'għandux jitnaqqas; l-istess jgħodd għan-numru tar-rappreżentanti fi ħdan il-kumitat. Barraminhekk, 26 persuna biss jaħdmu fi ħdan l-awtorità tal-Kummissjoni Ewropea, u 4 -5 minnhom huma inkarigati mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni. Din is-sitwazzjoni diġà kienet kritikata f'opinjoni tal-KESE, fl-2002, meta kien hemm 15-il Stat Membru, filwaqt li bħalissa hemm 27. Huwa assolutament neċessarju li dan il-qasam jiġi żviluppat. Lanqas m'għandu jitħalla jkun hemm tnaqqis fin-numru ta' spetturi fil-livell ta' l-Istati Membri.

3.4.4

L-objettiv ewlieni għandu jkun ir-rispett għal-leġislazzjoni u l-protezzjoni tal-ħaddiema. L-ispezzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżdiedu, kemm fir-rigward ta' l-obbligi ta' min iħaddem fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll fir-rigward ta' dawk ta' l-impjegati. Barraminhekk jinħtieġ li, permezz tat-tagħlim, it-taħriġ u qafas regolatorju aktar aċċessibbli, il-kultura tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tkun aktar imxerrda.

3.4.5

L-ispettorati nazzjonali tax-xogħol jistgħu jaqdu rwol pożittiv mhux biss billi jissorveljaw ir-regoli tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol iżda billi jagħtu pariri u jipprovdu servizz ta' konsulenza lill-impjegati. Jinħtieġu fondi adegwati biex jiġi assigurat li l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol ikunu indipendenti u effettivi.

3.4.6

Fl-2002, il-Kumitat ta' Livell Għoli għall-Eżaminar tax-Xogħol (SLIC) diġà kien iddeċieda li jtejjeb l-effikaċja ta' l-ispezzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, minħabba li wieħed mill-istrumenti ewlenin huwa l-iżvilupp ta' indikaturi li jippermettu l-evalwazzjoni tal-kwalità ta' l-ispezzjonijiet. Il-KESE appoġġja din id-deċiżjoni f'opinjoni preċedenti (9). Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet tas-SLIC u jappoġġja l-proposti tiegħu, u għalhekk jiddispjaċih li dawn tħallew barra mill-istrateġija.

3.5   Implimentazzjoni u strateġiji nazzjonali

3.5.1

Id-djalogu soċjali dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għandu jitħeġġeġ; miżuri fil-livell Ewropew żviluppati mill-imsieħba soċjali huma meħtieġa wkoll. Il-pajjiżi kandidati għandhom jirċievu appoġġ — inkluż appoġġ finanzjarju — permezz tal-fondi soċjali ta' l-UE, u ta' relazzjonijiet imsejsa fuq il-ġemellaġġ bejn l-Istati Membri l-ġodda u l-antiki. Fil-każ tal-pajjiżi kandidati jew tal-pajjiżi kandidati potenzjali, it-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni u t-tisħiħ ta' l-ispezzjonijiet fuq il-post tax-xogħol diġà bdew.

3.5.2

It-tobba u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa huma konxji mill-identifikazzjoni tal-fenomeni kkaġunati mill-kondizzjonijiet tax-xogħol, imma għandna nikkunsidraw l-ispejjeż fil-qasam tas-saħħa li ġeneralment ikunu kbar ħafna. L-ispejjeż marbuta mal-prevenzjoni tal-mard m'għandhomx jerfgħuhom l-impjegati għax inkella ħafna minnhom jibdew jittraskuraw il-mard tagħhom minħabba raġunijiet finanzjarji; dan jista' jwassal għal spejjeż ta' kura aktar għoljin. Fil-qafas tal-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, uħud minn dawk li jħaddmu jipproponu sensiela sħiħa ta' miżuri li jkunu ħejjew bi sħab mal-ħaddiema tagħhom u li jikkontribwixxu għal stil ta' ħajja li jippromovi saħħet il-ħaddiema, per eżempju programmi ta' screening b'xejn, programmi kontra t-tipjip, l-għoti ta' pariri dwar tip ta' ikel tajjeb għal saħħet il-bniedem, l-isport jew saħansitra l-prevenzjoni tat-tensjoni fuq il-post tax-xogħol (10). Fil-livell tal-post tax-xogħol, il-programmi tas-saħħa pubblika jistgħu jaqdu rwol pożittiv fil-promozzjoni ta' saħħet il-ħaddiema.

3.5.3

L-istrateġija titlob li jittieħdu miżuri sostanzjali bl-għan li l-ħaddiema esklużi mis-suq tax-xogħol minħabba mard jew diżabilità marbuta max-xogħol jiġu riabilitati u integrati mill-ġdid b'mod aħjar. Il-KESE jaqbel ma' l-ideat tal-Kummissjoni, iżda l-politika Komunitarja ma ggarantietx il-kondizzjonijiet finanzjarji neċessarji biex dan iseħħ.

3.5.4

Il-KESE huwa ta' l-istess fehma tal-Kummissjoni Ewropea li, fir-rigward ta' l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet marbuta mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f'politiki speċifiċi ta' l-UE, għad jonqos ħafna xi jsir, per eżempju, biex jitfasslu miżuri b'kooperazzjoni mas-sistemi tas-saħħa pubblika.

3.5.5

Il-KESE jappoġġja l-ħidma tal-grupp magħmul minn għadd ta' entitajiet organizzativi fi ħdan id-Direttorat Generali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs (DĠ EMPL), biex jinħolqu sinerġiji u jinkisbu riżultati konkreti.

3.6   Prevenzjoni, edukazzjoni u taħriġ

3.6.1

L-iżvilupp tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-livell ta' l-Istati Membri huwa parti integrali mill-kultura ġenerali tas-saħħa. Huwa wkoll fl-interess ta' l-Istati Membri. Barraminhekk, huwa fl-interess ta' l-impjegati li jipparteċipaw b'mod kontinwu fit-tagħlim u t-taħriġ; dan huwa saħansitra obbligu tagħhom. Sakemm min iħaddem jirrispetta l-obbligu li jinforma lill-impjegati kontinwament u jikkoopera, ikun qiegħed jaqdi rwol ewlieni fit-tiswir u l-iżvilupp tal-kultura nazzjonali. Il-kuntratti kollettivi tax-xogħol jikkostitwixxu wkoll strument essenzjali hawnhekk.

3.6.2

Il-KESE jfakkar lill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali fl-importanza tal-prevenzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ, u tar-responsabblitajiet tagħhom f'dan il-qasam. Il-kwistjonijiet b'rabta mas-saħħa u s-sigurtà għandhom jiġu inklużi jew promossi fl-iskejjel materni, l-iskejjel primarji, it-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni terzjarja u t-tagħlim ta' l-adulti, kif ukoll fil-programmi ta' taħriġ addizzjonali.

3.6.3

L-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ permanenti għandhom iqisu l-ħtiġijiet tad-diversi gruppi. Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-istrateġija l-ġdida u l-kunċett tal-prevenzjoni jqisu t-tagħlim tul il-ħajja.

3.6.4

B'mod ġenerali, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ma jiġux ikkunsidrati fl-edukazzjoni primarja jew fil-kuntest tat-taħriġ mill-ġdid, u għalhekk il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li t-tagħlim tul il-ħajja ġie inkluż fl-istrateġija l-ġdida u fil-kunċett tal-prevenzjoni.

3.6.5

Fil-każ ta' postijiet tax-xogħol partikularment perikolużi, fejn l-aktar li jkun hemm aċċidenti u mard marbut max-xogħol, il-KESE jirrakkomanda li l-istrateġiji nazzjonali jagħtu attenzjoni partikulari lir-riskji ġodda meta jkunu qed jiġu identifikati jew ipprevenuti l-perikli. Ikun utli ħafna wkoll li jinħolqu reġistri b'data settorjali.

3.6.6

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-mard ikkawżat mis-sustanzi karċinoġeniċi fuq il-post tax-xogħol jikkostitwixxi problema serja ħafna. Matul is-sena 2006 biss, ġew iddijanjostikati 2.3 miljun każ ta' kanċer fil-25 Stat Membru ta' l-UE, li jfisser li dawn huma l-kawża prinċipali ta' mwiet bikrija. Huwa stmat li madwar 9,6 % ta' l-imwiet kollha kkawżati mill-kanċer għandhom rabta mal-kondizzjonijiet tax-xogħol (11).

3.6.7

Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn li tiġi żviluppata kultura ġenerali tas-saħħa, bl-għan li l-ħaddiema jkunu aktar konxji tal-kwistjonijiet marbuta mas-saħħa. Biex dan iseħħ, jinħtieġ li mhux biss tingħata għajnuna lil min iħaddem, iżda hemm bżonn ukoll li dawn jirċievu appoġġ fil-livell Komunitarju u nazzjonali, u li l-ħaddiema jiġu mgħallma d-drittijiet tagħhom f'dan il-qasam, skond ir-regoli differenti fil-liġi internazzjonali (ILO), Komunitarja (UE) u nazzjonali.

3.6.8

Fil-livell Komunitarju u nazzjonali, jinħtieġ li l-politika ta' prevenzjoni tiġi żviluppata b'mod proattiv u li tingħata r-riżorsi adegwati fir-rigward ta' baġit/sigurtà soċjali. Għal kultura ta' prevenzjoni msaħħa, jinħtieġ li jiġi żviluppat approċċ globali u preventiv. Għandu jiġi assigurat li l-ħaddiema kollha jkollhom aċċess għat-taħriġ ħalli b'hekk il-vulnerabbiltà ta' ċerti gruppi titnaqqas. Fid-dawl tal-fatt li l-forom tax-xogħol jinbidlu, dan l-element huwa partikularment importanti għall-impjegati li, bla ma jaħtu, ma jirċievu l-ebda taħriġ fil-qasam tas-sigurtà tal-ħaddiema, l-ebda eżami mediku fuq il-post tax-xogħol, l-ebda prevenzjoni u l-ebda sorveljanza.

3.6.9

Il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikulari lill-impatt tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa sabiex il-pubbliku jkun infurmat aħjar dwar il-ħtieġa li r-regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol jiġu rispettati. Għandu jsir użu aktar għaqli mill-kampanji tal-Kummissjoni Ewropea, ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, ta' l-ILO u t-trejdunjins (per eżempju l-jum internazzjonali biex jiġu kkommemorati l-ħaddiema mejtin jew imweġġa', eċċ. (International Commemoration Day for Dead and Injured Workers)).

3.7   Riskji ġodda

3.7.1

Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu użati metodi xjentifiċi fl-evalwazzjoni tar-riskji ġodda marbuta max-xogħol, bħat-tensjoni fuq il-post tax-xogħol jew kondizzjonijiet ġodda ibsin ħafna. L-impatt psikosoċjali u fiżiku ta' l-oqsma u l-kondizzjonijiet ġodda tax-xogħol fuq il-ħaddiema għandhom jiġu analizzati permezz ta' metodi xjentifiċi u, għaldaqstant, għandhom jitfasslu indikaturi/indiċi ġodda.

3.7.2

Il-KESE huwa ta' l-istess fehma tal-Kummissjoni — l-impjegati huma mistennija jkollhom imġiba li tixhed li huma aktar konxji ta' saħħithom. Madankollu, dan ma jistax jiġri fin-nuqqas tal-kondizzjonijiet neċessarji. Il-kuntratti prekarji jew għal tul ta' żmien fiss, il-ħin verament imqatta' fuq il-post tax-xogħol u t-tensjoni kontinwa minħabba l-biża' li jintilef l-impjieg, in-nuqqas ta' għarfien u ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sitwazzjoni żvantaġġuża tal-ħaddiema migranti meta jużaw is-servizzi tal-kura tas-saħħa huma fost il-problemi li jxekklu l-atteġġjamenti tajbin.

3.7.3

Fil-kuntest ta' l-istrateġija li fasslet għall-benesseri fuq il-post tax-xogħol, l-UE għadha ma wettqitx il-kompiti mistennija minnha biex toħloq post tax-xogħol mingħajr tensjoni u mingħajr konsegwenzi negattivi għas-saħħa mentali, bħad-dipressjoni. Il-KESE huwa diżappuntat minħabba dan u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tħejji rakkomandazzjonijiet konkreti.

3.8   Il-ħarsien tas-saħħa fil-livell internazzjonali

3.8.1

L-UE m'hijiex responsabbli biss għall-kondizzjonijiet tax-xogħol taċ-ċittadini tagħha, iżda wkoll għall-kondizzjonijiet tax-xogħol taċ-ċittadini li jgħixu barra l-fruntieri tagħha. Kif stqarret l-istrateġija preċedenti, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tax-xogħol għandu jitqies fl-kummerċ estern u fil-politika ta' żvilupp, anke jekk, f'dawn l-oqsma, jista' jkun hemm ċerti kunflitti mal-prinċipju tal-libertà tas-suq (12).

3.8.2

Fil-qasam tal-politika internazzjonali, l-adozzjoni tar-regolamenti/rakkomandazzjonijiet ta' l-ILO għandi tkun inkuraġġuta, l-istess bħalma għandhom jiġu inkuraġġuti l-kisbiet ta' l-UE, bħar-REACH. Għandhom jiġu żviluppati politiki u leġislazzjoni dwar it-tnaqqis tal-periklu u l-mard ikkawżat mill-asbestos, mis-sustanzi karċinoġeniċi u s-silikon.

3.8.3

Fil-qadi ta' l-Istat jew tas-servizzi pubbliċi, l-Istati Membri għandhom jagħtu eżempju billi jipprivileġġaw l-intrapriżi li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-benefiċċju tal-ħaddiema (kif kien rakkomandat fl-istrateġija għall-perijodu 2002-2006 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol).

3.8.4

L-Istati Membri ta' l-UE kollha għandhom jintalbu jirratifikaw il-konvenzjonijiet attwali ta' l-ILO.

Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Hemm bżonn ta' mill-inqas spettur wieħed għal kull 10 000 impjegat (f'ħafna Stati Membri ta' l-UE, il-proporzjon huwa inqas).

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE tas-26.9.2007 dwar “Il-promozzjoni tal-produttività sostenibbli fuq il-post tax-xogħol fl-Ewropa”, rapporteur: is-Sinjura Kurki (ĠU C 10, 15.1.2008). http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2008:010:0072:0079:MT:PDF

(3)  Ara COM(2005) 33 finali u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007, http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/MT/ec/93148.pdf

(4)  Kif stqarret Anne-Marie Sigmund f'“Il-Mudell Soċjali Ewropew”, 26-27 ta' Ġunju 2006, konferenza konġunta tal-KESE u l-ILO.

(5)  Ara ILO: Demographic change — Facts, Scenarios and Policy Responses (Tibdil demografiku — fatti, xenarji u reazzjonijiet politiċi) (April 2008) (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Fis-settur tal-bini, ir-rata ta' l-aċċidenti hija darbtejn akbar mill-medja. Iċ-ċifri fis-settur tas-servizzi kull ma jmur għandhom it-tendenza li jogħlew, u din is-sitwazzjoni teħtieġ analiżi aktar bir-reqqa; l-għadd ta' inċidenti fis-setturi tal-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni qed jikber ukoll. Dawn l-aċċidenti huma prinċipalment relatati mal-vjolenza, tensjoni u problemi muskolo-skeletali.

(7)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-25.10.2007 dwar “Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil dwar l-istatistika Komunitarja tas-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol”, rapporteur: is-Sur Retureau (ĠU C 44, 16.2.2008). http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2008:044:0103:0105:MT:PDF

(8)  SEC(2007) 214.

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE tas-17.7.2002 dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Nadattaw għat-tibdil fix-xogħol u s-soċjetà: strateġija Komunitarja ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (2002-2006)”, rapporteur: is-Sur Etty (ĠU C 241, 7.10.2002) (mhux disponibbli bil-Malti). http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2002:241:0100:0103:EN:PDF .

(10)  Link għan-netwerk Ewropew għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol: http://www.enwhp.org/index.php?id=4.

(11)  Studju ta' Hämäläinen P., Takala J. għall-ILO.

http://osha.europa.eu/OSH_world_day/occupational_cancer/view?searchterm=occupational %20cancer

(12)  Ara Dr. Jukka Takala, PE 390.606v01-00.


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li jidhru hawn taħt ġew rifjutati, għalkemm ġabu mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Punt 2.4

Diġà nħoloq Il-qafas globali b'rabta mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol li għandu jibqa' jiġi żviluppat u implimentat applikat u ssorveljat korrettament fl-UE kollha, . Dan jirrigwarda b'mod partikulari b'tali mod li jiġ u inklużi wkoll il lil-gruppi vulnerabbli li għad m'humiex koperti b'mod adegwat, li jiltaqgħu ma' għadd ta' diffikultajiet biex iħaddmu d-drittijiet tagħhom fil-qasam tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, li jinkludu, b'mod partikulari, lil dawk b'impjieg prekarju u lil dawk li jaħdmu f'ambjent espost għall-periklu jew dawk li qegħdin f'riskju li jitilfu l-impjieg biex min jimpjegahom jakkwista vantaġġ kompetittiv għal perijodu qasir.”

Raġuni

Evidenti.

Riżultat

Favur: 41 Kontra: 45 Astensjonijiet: 10

Punt 3.3

“Hija ħaġa pożittiva li l-istrateġija Komunitarja stabbilixxiet objettiv li l-aċċidenti jitnaqqsu b'25 %; biex dan iseħħ, jenħtieġ pjan ta' azzjoni speċifiku b'objettivi miżurabbli, indikaturi u b'mekkaniżmi ta' rappurtaġġ kredibbli u komparattivi, kif ukoll mekkaniżmi ta' sorveljanza. Għandhom jitqiesu wkoll il-kawżi interni li jipprovokaw l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol, bħal per eżempju x-xogħol taħt pressjoni u xogħol li jkollu jitlesta f'qasir żmien, u l-kawżi esterni minħabba negliġenza, fejn din stess tista tkun ikkaġunata minn tensjoni fil-ħajja privata. Minbarra l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol, huwa importanti wkoll li jiġu indirizzati l-każijiet ta' mard marbut max-xogħol, li huma ferm akbar fin-numru. L-ewwel pass lejn il-prevenzjoni għandu jkun li l-mard marbut max-xogħol jiġi rikonoxxut u li l-kunċett ta'” mard professjonali “jiġ i estiż. Jekk il-kawżi tad-diversi każijiet ta' mard ikunu magħrufa f'waqthom, ikun possibbli li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġu eliminati. Għalhekk, in-numru tal-persuni impjegati f'ambjent tax-xogħol perikoluż m'għandux jeċċedi ċifra speċifika, li tkun stabbilita minn qabel, għaliex dan għandu impatt deċiżiv fuq in-numru tal-każijiet ta' mard marbut max-xogħol fil-ġejjieni; dan in-numru għandu jiġi kwantifikat ukoll.”

Raġuni

Evidenti.

Riżultat

Favur: 46 Kontra: 48 Astensjonijiet: 12


Top