This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008AE0989
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a Council Regulation establishing a Community system to prevent, deter and eliminate illegal, unreported and unregulated fishing COM(2007) 602 final — 2007/0223 (CNS)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat COM(2007) 602 finali — 2007/0223 (CNS)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat COM(2007) 602 finali — 2007/0223 (CNS)
ĠU C 224, 30.8.2008, p. 72–76
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.8.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 224/72 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat
COM(2007) 602 finali — 2007/0223 (CNS)
(2008/C 224/16)
Nhar l-4 ta' Diċembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-29 ta' April 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Sarró Iparraguirre.
Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u fid-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'70 vot favur u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 |
Il-KESE jemmen li l-prattika persistenti tas-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU — Illegal, Undeclared and Unregulated) teħtieġ reazzjoni globali bbażata fuq strument regolatorju effettiv li għandu jiġi applikat fil-katina tal-provvista kollha, mill-qabda sal-bejgħ. Jikkunsidra wkoll li b'mod ġenerali, il-proposta għal Regolament kif inhi tinkludi d-dispożizzjonijiet neċessarji biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU u għalhekk jappoġġjaha u jemmen li l-miżuri proposti jsaħħu r-rwol tal-Komunità bħala Stat tal-bandiera, Stat tal-port, Stat tas-Suq u Stat benefiċjarju. |
1.2 |
Il-Kumitat huwa tal-fehma li s-suċċess ta' din il-proposta jistrieħ fuq erba' pilastri kbar:
|
1.3 |
Mingħajr ma jipprova jeskludi l-flotta Komunitarja mill-ambitu ta' applikazzjoni tal-proposta għal Regolament, il-KESE jemmen li din il-proposta għandha tistabbilixxi distinzjoni aktar ċara bejn is-sajd IUU li jsir minn vapuri ta' pajjiżi terzi, li l-istati tal-bandiera m'għandhomx kontroll fuqhom, u attivitajiet oħra ta' sajd illegali li jsir minn vapuri li jtajru bandiera Komunitarja li jiksru l-Politika tas-Sajd Komuni, li attwalment huma rregolati mill-istrumenti legali previsti mir-Regolament (KEE) 2847/93 (1). |
1.4 |
Il-Kumitat jemmen li l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha ta' kontroll u ta' spezzjoni proposti ser teħtieġ żjieda sinjifikanti fl-infiq, fil-burokrazija u fl-infrastrutturi amministrattivi ta' kontroll mill-Istati Membri. Għalhekk huwa jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra dan kollu ħalli ma ddgħajjifx ir-riżultat finali. u, fi kwalunkwe każ, sabiex tieħu l-prekawzjonijiet suffiċjenti sabiex l-implimentazzjoni tal-proposta għal Regolament ma twassalx għal żjieda fl-ispejjeż ta' tħaddim għall-intrapriżi li għandhom bastimenti li jipprattikaw sajd legali. |
1.5 |
Barra minn hekk, il-Kumitat jikkunsidra li l-miżuri proposti m'għandhom, fl-ebda każ, jolqtu t-traffiku kummerċjali legali b'tali mod li dan ikun ta' ostakolu għall-kummerċ, u b'hekk ikun kontra r-regoli li jiddeterminaw il-kummerċ internazzjonali. |
1.6 |
Il-Kumitat jemmen li l-proposta għal Regolament ma tispjegax sew kif l-istat tal-bandiera għandu jivvalida ċ-ċertifikat ta' qabda meħtieġ mill-Komunità Ewropea. B'kunsiderazzjoni tal-fatt li din il-konvalidazzjoni għandha ssir b'mod elettroniku, il-KESE jemmen li l-proposta għal Regolament għandha tispjega l-metodu b'mod ċar, kemm għall-bastimenti li jittrasportaw qabdiet friski kif ukoll għal dawk li jittrasportaw prodotti tas-sajd iffriżati. |
1.7 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-kontroll tal-bastimenti tas-sajd tal-pajjiżi terzi għandu jsir fil-“portijiet speċifikati” kollha ta' l-Istati Membri differenti. Barra minn hekk, huwa jemmen li l-proposta għal Regolament għandha turi b'mod aktar ċar li l-ispezzjonijiet ser jitwettqu fuq il-baħar, fuq l-art u mill-ajru. |
1.8 |
Il-KESE jfakkar il-punt li għamel f'opinjonijiet oħra dwar ir-rwol ta' l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd, u jemmen li din għandu jkollha rwol importanti fil-koordinazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tas-sajd IUU. Biex tagħmel dan, l-Aġenzija jrid ikollha aktar riżorsi finanzjarji u umani. |
1.9 |
Il-Kumitat jemmen li l-livell ta' sanzjonijiet imposti fuq vapuri ta' pajjiżi terzi għandu jkun armonizzat fl-Istati Membri kollha ta' l-UE. Bl-istess mod, jemmen li f'każ ta' non-konformità minn Stati li ma jikkooperawx, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet li m'humiex relatati biss mas-sajd. |
1.10 |
Fi kwalunkwe każ, il-KESE jemmen li l-garanziji involuti fil-proċeduri li jidentifikaw vapuri involuti f'attivitajiet IUU u l-Istati li ma jikkooperawx għandhom jissaħħu, b'mod speċjali l-garanziji ta' protezzjoni, u dawn għandhom ikunu bbażati fuq evidenza solida sabiex jiġi evitat li aktar tard il-qrati jirrevokaw il-miżuri adottati mill-Istati Membri. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Il-Komunità issa ilha aktar minn 10 snin tiġġieled kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat. Sa mill-2002, din il-ġlieda ħadet il-forma ta' pjan ta' azzjoni Komunitarja sabiex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU, fi ħdan il-Komunità u fil-livell reġjonali u internazzjonali (2). |
2.2 |
Fl-2005, fir-Riżoluzzjoni (3) tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ta' l-UE kontra s-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat, il-Parlament Ewropew indika l-bżonn li l-Unjoni Ewropea tirdoppja l-isforzi għall-ġlieda kontra s-sajd IUU. |
2.3 |
Minkejja li kien hemm titjib sinjifikanti, is-sajd IUU ma waqafx. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-persistenza ta' din is-sitwazzjoni teħtieġ reazzjoni soda u urġenti min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea. |
2.4 |
B'konsegwenza, is-sena l-oħra l-Kummissjoni ħejjiet komunikazzjoni ġdida (4)“dwar strateġija ġdida biex il-Komunità timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina Sajd Illegali, Mhux Iddikjarat u Mhux Irregolat”. |
2.5 |
Wara konsultazzjonijiet twal matul is-sena li għaddiet bil-parteċipazzjoni attiva tal-Kumitat (5), il-Kummissjoni ħejjiet din il-proposta għal Regolament (6) li tkopri l-oqsma ta' azzjoni segwenti:
|
2.6 |
Din il-proposta għalhekk tistrieħ fuq il-prinċipju li strateġija effiċjenti kontra s-sajd IUU għandha tkun komprensiva u tkopri l-aspetti kollha tal-problema, matul il-katina sħiħa tal-provvista. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Meta jitqies li l-konsegwenzi ambjentali u soċjoekonomiċi tas-sajd IUU huma inkwetanti, il-KESE jemmen li huwa neċessarju li l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni deċiżiva u b'mod ġenerali jappoġġja lill-Kummissjoni. |
3.2 |
Ir-regoli Komunitarji fis-seħħ, li jistabbilixxu sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd (7), jipprovdu sistema għall-kontroll tal-legalità tal-qabdiet li jsir mill-bastimenti tas-sajd Komunitarji iżda li ma tawtorizzawx grad simili ta' kontroll u sanzjonijiet għall-qabdiet li jsir minn bastimenti ta' pajjiżi terzi u importati fl-UE. |
3.3 |
Dan in-nuqqas jikkostitwixxi mod għall-partijiet ekonomiċi, komunitarji jew barranin sabiex jintroduċu s-sajd IUU fis-suq Komunitarju, li huwa l-akbar suq fid-dinja u l-importatur ewlieni tal-prodotti tas-sajd, u b'hekk iżiedu l-profitabilità ta' l-attivitajiet tagħhom. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jikkunsidra ġust li din il-proposta għandha tikkonċentra fuq l-attivitajiet tas-sajd IUU tal-bastimenti ta' pajjiżi terzi, mingħajr ma tiġi eskluża l-flotta Komunitarja mill-ambitu ta' applikazzjoni tal-proposta għal Regolament, kif previst fl-Artikolu 1.4 tagħha. |
3.4 |
Il-proposta għal Regolament tistabbilixxi sistema ġdida ta' kontroll li għandha tapplika għall-attivitajiet kollha tas-sajd IUU u għal kull attività assoċjata li titwettaq fit-territorju jew fl-ilmijiet marittimi soġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri jew minn bastimenti tas-sajd jew ċittadini ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea. Din għandha tapplika wkoll, mingħajr preġudizzju għall-ġurisdizzjoni ta' l-Istat tal-Bandiera jew Stat kostali kkonċernat, fir-rigward ta' attivitajiet ta' sajd IUU li jitwettqu minn bastimenti mhux Komunitarji f'ibħra internazzjonali jew fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta' pajjiż terz, kif stipulat għall-flotta Komunitarja fil-Politika tas-Sajd Komuni. |
3.5 |
Mingħajr ma jipprova jeskludi l-flotta Komunitarja mill-ambitu ta' applikazzjoni tal-proposta għal Regolament, il-KESE jemmen li din il-proposta għandha tistabbilixxi distinzjoni aktar ċara bejn is-sajd IUU li jsir minn vapuri ta' pajjiżi terzi, li l-istati tal-bandiera m'għandhomx kontroll fuqhom, u attivitajiet oħra ta' sajd illegali li jsir minn vapuri li jtajru bandiera Komunitarja li jiksru l-politika tas-sajd komuni, li attwalment huma rregolati mill-istrumenti legali previsti mir-Regolament (KEE) 2847/93 imsemmi hawn fuq. |
3.6 |
Għalhekk il-proposta għal Regolament tistabbilixxi kontroll adegwat tal-katina tal-provvista għall-prodotti tas-sajd importati fil-Komunità. Il-Kumitat jikkunsidra li l-miżuri proposti m'għandhom, fl-ebda każ, jolqtu t-traffiku kummerċjali b'tali mod li dan ikun ta' ostakolu għall-kummerċ legali. |
3.7 |
Il-KESE juri s-sodisfazzjon tiegħu lill-Kummissjoni għat-tħejjija ta' din il-proposta għal Regolament. Din il-proposta hija ċara u wiesgħa fl-ambitu ta' applikazzjoni fir-rigward tal-kontroll ta' l-attivitajiet ta' sajd illegali fil-livell Komunitarju u internazzjonali u hija appoġġjata minn miżuri immedjati ta' infurzar u sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disważivi fir-rigward tal-persuni fiżiċi u legali li wettqu ksur serju tar-Regolament jew huma responsabbli għalih. Madankollu, jemmen li f'każ ta' non-konformità minn Stati li ma jikkooperawx, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li għal dawn l-Istati jiġu applikati sanzjonijiet li m'humiex relatati biss mas-sajd. |
3.8 |
Il-KESE jikkunsidra li għandha tinbidel l-ordni tal-kapitoli tal-proposta għal Regolament. Fil-fatt, il-kapitoli IV dwar “is-sistema Komunitarja ta' twissija” u l-kapitolu V dwar “l-identifikazzjoni ta' bastimenti mdaħħlin f'attivitajiet ta' sajd IUU” jridu jsegwu l-Kapitolu I. |
3.9 |
Apparti minn hekk, il-KESE jemmen li l-Artikolu 13(1) tal-Kapitolu III għandu jsemmi b'mod espliċitu li l-projbizzjoni ta' l-importazzjoni ta' prodotti tas-sajd IUU tirrigwardja wkoll l-importazzjonijiet li jsiru bil-baħar, bl-art u bl-ajru. |
3.10 |
Fil-fehma tal-Kumitat, l-akbar diffikultà fl-implimentazzjoni tal-proposta għal Regolament tinsab fil-fatt li teħtieġ kunsens ġenerali, appoġġ sħiħ ta' l-Istati Membri u netwerk effettiv ta' kollaborazzjoni fil-livell nazzjonali. |
3.11 |
Il-Kumitat jemmen li l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha ta' kontroll u ta' spezzjoni proposti, kemm fil-portijiet kif ukoll fuq il-baħar, kif ukoll miżuri ta' ċertifikazzjoni, ta' monitoraġġ u ta' verifika tal-bastimenti u tal-qabdiet, kif ukoll il-kontroll ta' l-importazzjonijiet bil-baħar, bl-art u bl-ajru, ser jeħtieġu żjieda sinjifikanti fl-infiq, fil-burokrazija u fl-infrastrutturi amministrattivi ta' kontroll mill-Istati Membri. Għalhekk huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra dan kollu fil-proposta għal Regolament ħalli ma ddgħajjifx ir-riżultat finali. |
3.12 |
F'dan ir-rigward, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-prekawzjonijiet suffiċjenti sabiex l-implimentazzjoni tal-proposta għal Regolament ma twassalx għal żjieda fl-ispejjeż ta' tħaddim għall-intrapriżi li għandhom bastimenti li jipprattikaw sajd legali. |
3.13 |
Fi ftit kliem, il-KESE jemmen li l-miżuri proposti jsaħħu r-rwol tal-Komunità bħala Stat tal-bandiera, Stat tal-port, Stat tas-suq u Stat benefiċjarju. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
Bħalma rajna s'issa, il-proposta għal Regolament, jekk applikata b'mod korrett, kostanti u kontinwu, hija kapaċi li tagħmel lill-Unjoni Ewropea mexxejja jew punt ta' referenza fil-ġlieda internazzjonali kontra s-sajd IUU. |
4.2 |
Wara diversi dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-implimentazzjoni, ir-Regolament idur direttament fuq il-kontroll tal-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi fil-portijiet Komunitarji. Huwa importanti li jiġi indikat li l-attivitajiet ta' trasbord bejn il-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi u l-bastimenti li jtajru bandiera ta' Stat Membru huma pprojbiti. Din il-projbizzjoni hija estiża lil hinn mill-ilmijiet Komunitarji għat-trasbordi fuq il-baħar ta' qabdiet minn bastimenti ta' pajjiżi terzi għal bastimenti Komunitarji. |
4.3 |
Il-KESE jilqa' din il-projbizzjoni tat-trasbordi f'ibħra internazzjonali; huwa kien ħeġġeġ repetutament lill-Kummissjoni biex tintroduċi din il-projbizzjoni peress li dawn it-trasbordi huma s-sors ta' ħafna sajd IUU. |
4.4 |
Ir-Regolament jiddikjara b'mod ċar li l-bastimenti ta' pajjiżi terzi huma awtorizzati jidħlu fil-“portijiet speċifikati” ta' l-Unjoni Ewropea, speċifikati minn qabel mill-Istati Membri, biss jekk ikunu jissoddisfaw ċerti kondizzjonijiet: notifika ta' dħul u awtorizzazzjoni, ċertifikat ikkonvalidat tal-qabdiet u spezzjoni. Il-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi li ma jissoddisfawx il-kriterji u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni li jidħlu fil-portijiet ta' l-Istati Membri, li jaċċeddu għas-servizzi tal-port u li jwettqu attivitajiet ta' żbarkar, trasbord jew ipproċessar abbord f'dawn il-portijiet. |
4.5 |
Ir-Regolament jagħti importanza partikulari għat-twettiq ta' kontrolli frekwenti u rigorużi tan-notifika ta' dħul, taċ-ċertifikazzjoni tal-qabdiet u ta' l-ispezzjoni fil-port. |
4.6 |
Fir-rigward tal-verifika taċ-ċertifikati tal-qabdiet li jridu jintbagħtu mill-inqas 72 siegħa qabel id-dħul fil-port, il-Kumitat jemmen li dawn għandhom jiġu kkonvalidati b'mod elettroniku mill-awtorità kompetenti. Il-Kumitat iħoss li l-proposta għal Regolament ma tindikax b'mod ċar biżżejjed kif dawn iċ-ċertifikati għandhom jiġu kkonvalidati. Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha tippreċiża l-eċċezzjonijiet previsti għal din l-iskadenza ta' 72 siegħa. |
4.7 |
Il-Kumitat jappoġġja l-linji gwida tal-Kummissjoni għall-kontroll tal-bastimenti tas-sajd u jitlob lill-Istati Membri kollha sabiex isibu kunsens għal applikazzjoni uniformi fil-“portijiet speċifikati” kollha. |
4.8 |
Kull ksur tar-Regolament li jindika li bastiment ta' sajd ta' pajjiż terz kien involut fl-attivitajiet ta' sajd IUU jirriżulta fil-projbizzjoni tal-bastiment milli jiżbarka, jittrasborda jew jipproċessa abbord il-qabdiet, il-ftuħ ta' investigazzjoni u, jekk ikun il-każ, l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat. F'każ ta' ksur gravi, il-proposta għal Regolament tipprovdi għall-applikazzjoni ta' miżuri immedjati ta' infurzar. |
4.9 |
L-objettiv ta' dan il-kontroll rigoruż tal-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi, identiku għall-kontroll tal-bastimenti Komunitarji, huwa li jiġu identifikati l-prodotti tas-sajd li jinkisbu permezz ta' attivitajiet ta' sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat. Dan ir-Regolament jimpedixxi l-importazzjoni ta' dawn il-prodotti fil-Komunità. |
4.10 |
Il-KESE jemmen li l-ispezzjoni ta' l-importazzjonijiet fit-territorju Komunitarju hija neċessarja, u għalhekk il-Kapitolu III għandu jinkludi wkoll l-ispezzjoni tal-containers importati fil-Komunità Ewropea bl-art u bl-ajru. Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit perċentwali minimu ta' containers li trid issirilhom spezzjoni kull sena. |
4.11 |
Ir-Regolament jistipula li meta tiġi pprojbita l-importazzjoni ta' prodotti tas-sajd minħabba li s-sajd jitqies bħala IUU, l-Istati Membri jistgħu jikkonfiskaw u jiddisponu minn dawk il-prodotti skond ir-regoli nazzjonali. Irid jitqies ukoll id-dritt ta' appell. |
4.12 |
Sabiex tiġi garantita l-applikazzjoni korretta tar-Regolament dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid tal-prodotti tas-sajd jew, skond il-każ, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni, huwa stipulat li l-Kummissjoni tista' tiffirma ftehimiet ta' kooperazzjoni amministrattiva ma' l-Istati tal-bandiera. |
4.13 |
Is-sistema proposta mill-Kummissjoni f'dan ir-Regolament teħtieġ kooperazzjoni vasta fil-livell internazzjonali bejn il-Komunità u l-Istati tal-bandiera, l-Istati li jikkooperaw f'organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u l-organizzazzjonijiet reġjonali in kwistjoni. B'konsegwenza, din il-kooperazzjoni għandha tippermetti wkoll li jiġu identifikati l-istati terzi li ma jikkooperawx. Ir-Regolament jagħti dispożizzjoni għal metodi kif dawn l-istati għandhom jiġu ttrattati. |
4.14 |
L-ewwel konsegwenza interna ta' din il-kooperazzjoni internazzjonali hija l-ħolqien ta' sistema Komunitarja ta' twissija li tippermetti li tinforma lill-partijiet interessati ekonomiċi u lill-Istati Membri f'każ ta' dubju raġonevoli li l-Komunità jista' jkollha għall-konformità mal- liġijiet, ir-regolamenti jew il-miżuri nazzjonali applikabbli fir-rigward tal-konservazzjoni u l-ġestjoni.mill-bastimenti tas-sajd jew prodotti tas-sajd ta' pajjiżi terzi. |
4.15 |
In-notifika ser twassal għal monitoraġġ Komunitarju u internazzjonali ta' l-importazzjonijiet li pprovokaw it-twissija u ta' l-importazzjonijiet preċedenti kif ukoll tal-bastimenti tas-sajd li huwa kkonċernati minn din in-notifika. Jekk l-investigazzjoni, l-ispezzjoni u l-verifika li jsiru juru li jeżistu attivitajiet ta' sajd IUU, il-Kummissjoni tadotta numru ta' miżuri, b'mod partikulari li tinkludi l-bastiment(i) ikkonċernat(i) f'lista Komunitarja ta' bastimenti li jipprattikaw is-sajd IUU. |
4.16 |
Ir-Regolament jippreċiża li l-Kummissjoni, jew korp maħtur minnha, għandha tiġbor u tanalizza l-informazzjoni kollha dwar l-attivitajiet ta' sajd IUU. |
4.17 |
Il-KESE jemmen li l-korp ideali għat-twettiq ta' dan il-kompitu huwa l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd, li għandha tiġi pprovduta b'aktar riżorsi umani u finanzjarji. |
4.18 |
Ir-Regolament jittratta b'mod estensiv l-aspetti kollha tas-sistema ta' tħejjija, kontenut, aġġornament u pubbliċizzar tal-lista Komunitarja tal-bastimenti li jipprattikaw is-sajd IUU; din għandha tinkludi b'mod awtomatiku l-bastimenti tas-sajd inklużi fil-listi ta' bastimenti li jipprattikaw is-sajd IUU adottati minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd. Il-KESE jemmen li minflok li f'din il-lista jiġu inklużi b'mod awtomatiku l-bastimenti Komunitarji tas-sajd, il-Kummissjoni għandha tassigura minn qabel li l-Istati Membri rilevanti m'adottawx miżuri effettivi, kif indikat fl-Artikolu 26 tal-proposta għal Regolament. |
4.19 |
Il-Kumitat jemmen li s-sistema prevista mir-Regolament hija adegwata peress li hija tentattiv serju sabiex jiġu rreġistrati l-bastimenti tas-sajd u l-Istati li ma jikkooperawx fil-listi ta' sajd IUU, bil-garanziji kollha ta' informazzjoni minn qabel u ta' protezzjoni, u b'kunsiderazzjoni tal-miżuri applikabbli għall-bastimenti u għall-Istati involuti fl-attivitajiet ta' sajd IUU. Madankollu, il-KESE jemmen li l-garanziji involuti fil-proċeduri li jidentifikaw bastimenti involuti f'attivitajiet IUU u l-Istati li ma jikkooperawx għandhom jissaħħu, b'mod speċjali l-garanziji ta' protezzjoni, u dawn għandhom ikunu bbażati fuq evidenza solida sabiex jiġi evitat li aktar tard il-qrati jirrevokaw il-miżuri adottati mill-Istati Membri. |
4.20 |
Minħabba l-fatt li l-inklużjoni fil-lista ta' stati li ma jikkooperawx jista' jkollu konsegwenzi serji għal stat u li l-esiġenżi ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu applikati bl-istess mod għall-Istati kollha, il-KESE jaċċetta li l-Kummissjoni għandha tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jilħqu l-esiġenzi relatati mal-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza ta' l-attivitajiet ta' sajd. |
4.21 |
Il-Kumitat iqis li s-Sistema ta' Monitoraġġ ta' Bastimenti (Vessel Monitoring System — VMS) hija għodda importanti għall-monitoraġġ ta' l-attivitajiet ta' sajd IUU. Barra minn hekk, sabiex stat ikun jista' jitneħħa mil-lista ta' stati li ma jikkooperawx, il-KESE huwa tal-fehma li dak l-istat għandu jinstalla l-VMS fuq il-bastimenti tiegħu kollha ta' sajd. |
4.22 |
Il-Kumitat japprova l-miżuri severi previsti mir-Regolament għall-bastimenti tas-sajd u għall-istati li ma jikkooperawx involuti fl-attivitajiet ta' sajd IUU. |
4.23 |
Ir-Regolament jipprojbixxi wkoll liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri milli joffru xi tip ta' appoġġ jew jiġu involuti fl-attivitajiet ta' sajd IUU, kif ukoll fi kwalunkwe attivitajiet relatati mal-kiri, l-esportazzjoni jew il-bejgħ ta' bastimenti tas-sajd inklużi fil-listi Komunitarji ta' bastimenti li jipprattikaw is-sajd IUU. |
4.24 |
Fl-aħħar, ir-Regolament jenfasizza l-ksur serju u jarmonizza l-ammont minimu li għandu jiġi stabbilit għal pieni massimi għall-persuni fiżiċi u legali fl-Istati Membri. Jistabbilixxi wkoll il-miżuri immedjati ta' infurzar u s-sanzjonijiet addizzjonali sabiex jimpedixxu t-tkomplija tal-ksur u jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti biex jinvestigaw. |
4.25 |
Il-Kumitat jemmen li l-livell ta' sanzjonijiet imposti fuq bastimenti ta' pajjiżi terzi għandu jkun armonizzat fl-Istati Membri kollha ta' l-UE. |
4.26 |
Bil-għan li jiġu ssemplifikati r-regoli Komunitarji, fil-proposta għal Regolament il-Kummissjoni tinkludi d-dispożizzjonijiet prinċipali fir-rigward tal-kontroll, ta' l-ispezzjoni u ta' l-osservazzjoni ta' l-istandards approvati mill-organizzazzjonijiet reġjonali ta' ġestjoni, li l-Unjoni Ewropea tagħmel parti minnhom, waqt li jitwessa' l-ambitu ta' applikazzjoni tar-Regolament sabiex jiġu inklużi l-ilmijiet kollha koperti minn waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet. |
4.27 |
Il-KESE jikkunsidra li, fil-futur, il-Kummissjoni għandha tistudja l-possibbiltà li r-Regolament jiġi estiż għas-sajd għall-ħut ta' l-ilma ħelu. |
4.28 |
Il-KESE jemmen li l-proposta għal Regolament ippreżentata mill-Kummissjoni tikkostitwixxi strument utli ħafna għall-impediment, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni ta' sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat. L-applikazzjoni tiegħu jeħtieġ ħidma kontinwa u kostanti u għalhekk il-Kumitat jikkunsidra li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri hija essenzjali. |
Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993.
(2) COM(2002) 180 tat-28.5.2002 u konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7.6.2002.
(3) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew 2006/225 adottata fil-15.2.2007.
(4) COM(2007) 601 finali tas-17.10.2007.
(5) Konferenza KESE dwar ir-responsabbiltà ta' l-istat tal-bandiera, it-30 ta' Jannar 2007.
(6) il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill 2007/0223 (CNS) li jistabbilixxi sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat
(7) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993.