Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0717

Proposta għal regolament tal-Kunsill li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) stipulati fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku

/* KUMM/2007/0717 finali - ACC 2007/0250 */

52007PC0717

Proposta għal regolament tal-Kunsill li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) stipulati fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku /* KUMM/2007/0717 finali - ACC 2007/0250 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.11.2007

KUMM(2007) 717 finali

2007/0250 (ACC)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) stipulati fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Din il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) stipulati fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku ssegwi l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku (FPEs) li ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta' Ott ubru 2007 (KUMM(2007) 635).

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi kif l-objettivi ewlenin ta' FPEs sħaħ u komprensivi mar-reġjuni kollha ta' l-AKP jistgħu jinkisbu filwaqt li jiġu mnaqqsa għall-aħħar, sa fejn ikun possibbli, ir-riskji ta' sfrattar ta' kummerċ għal dawk ir-Reġjuni jew Sotto-Reġjuni Afrikani Karibej u Paċifiċi li jikkonkludu negozjati fuq ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku qabel l-iskadenza tar-reġim kummerċjali attwali fil-31 ta' Diċembru 2007 u b'mod li jkun konsistenti ma' l-obbligi internazzjonali tal-Komunità. Ir-regolament jagħmel dan billi jistabbilixxi bażi legali biex jiġu applikati l-arranġamenti għall-prodotti stipulati fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku

Dan ir-Regolament se jkun ibbażat fuq dispożizzjonijiet f'dawk il-ftehimiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-ftehimiet, sa fejn huwa fattibbli, qabel l-applikazzjoni provviżorja fuq bażi reċiproka tal-ftehimiet. Fil-fatt se jibqa' fis-seħħ ġaladarba l-ftehimiet jiġu applikati b'mod provviżorju u jkunu daħlu fis-seħħ, u se jiġi emendat jew imwarrab sabiex ikun fi qbil ma' dawk l-aspetti tal-ftehimiet li ma kienx fattibbli li jiġu inklużi f'dan ir-Regolament. Bħala riżultat ta' dan, dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għall-proċeduri rilevanti għall-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet.

2007/0250 (ACC)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) stipulati fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Billi:

(1) L-Artikolu 37(1) tal-Ftehim ta' Partenarjat bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea (KE) u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000[2] (minn issa 'l quddiem il-'Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE') jistipula li Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku (FPEs) għandhom jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2008.

(2) L-Artikolu 36(3) tal-Ftehim ta' Cotonou jistipula ż-żamma ta' l-arranġamenti kummerċjali li jinsabu fl-Anness V ta' dan il-Ftehim sal-31 ta' Diċembru 2007.

(3) Il-Komunità mill-2002 lilhawn ilha tinnegozja Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku mal-Grupp ta' Stati AKP taħt forma ta' sitt reġjuni li jinkludu l-Karibew, l-Afrika Ċentrali, l-Afrika tal-Lvant u l-Afrika t'Isfel, l-Istati Gżejjer tal-Paċifiku, il-Komunità ta' l-Iżvilupp ta' l-Afrika t'Isfel u l-Afrika tal-Punent.

(4) Dawn l-arranġamenti li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, il-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku li dwarhom ġew konklużi negozjati jistipulaw li l-partijiet jistgħu jieħdu miżuri biex japplikaw il-ftehim, qabel l-applikazzjoni proviżorja fuq bażi reċiproka, sa fejn huwa fattibbli. Huwa xieraq li tittieħed azzjoni biex jiġu applikati l-ftehimiet fuq il-bażi ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

(5) L-arranġamenti inklużi f'dan ir-Regolament iridu jiġu emendati, kif meħtieġ, skond il-ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku, kif u meta dawn il-ftehimiet jiġu ffirmati u konklużi skond l-Artikolu 300 tat-Trattat u jiġu fis-seħħ. L-arranġamenti jridu jintemmu fis-sħiħ jew f'parti minnhom jekk il-ftehimiet ikkonċernati ma jidħlux fis-seħħ f'perjodu ta' żmien raġonevoli bi qbil mal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati.

(6) Għall-Komunità, l-arranġamenti fil-ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, il-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku għandhom jipprovdu għal aċċess ħieles mid-dazju u mill-kwoti ta' rati tariffarji għall-prodotti kollha għajr għal armi, soġġetti għal perjodi tranżizzjonali u arranġamenti għal ċerti prodotti sensittivi, arranġamenti speċifiċi għad- Departments Franċiżi Lilhinn mill-Kosta. Fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-qagħda ta' l-Afrika t'Isfel, il-prodotti li joriġinaw fl-Afrika t'Isfel għandhom ikomplu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Afrika t'Isfel, min-naħa l-oħra[3], sal-mument li fih ftehim li jistabbilixxi, jew li jwassal biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku jidħol fis-seħħ bejn il-Komunità u l-Afrika t'Isfel.

(7) Minflok li wieħed iserraħ fuq l-arranġamenti speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati stipulati fir-Regolament (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati[4], huwa aħjar li dawn il-pajjiżi l-anqas żviluppati li huma wkoll Stati ta' l-AKP jibbażaw ir-relazzjoni kummerċjali tagħhom tal-ġejjieni mal-Komunità fuq Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku. Sabiex jiġi ffaċilitat dan l-iżvilupp, huwa xieraq li jiġi pprovdut li dawn il-pajjiżi li kkonkludew negozjati fuq ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku, u li jistgħu jibbenefikaw mill-arranġamenti stipulati taħt dan ir-Regolament jistgħu jkomplu jibbenefikaw, għal perjodu ta' żmien limitat, mill-arranġamenti speċjali għall-pajjiżi l-anqas żviluppati fir-Regolament (KE) Nru 980/2005[5] fir-rigward ta' dawk il-prodotti fejn l-arranġamenti tranżizzjonali stabbiliti f'dan ir-Regolament huma anqas favorevoli.

(8) Ir-regoli ta' oriġini applikabbli għall-importazzjonijiet magħmula taħt dan ir-Regolament għal perjodu tranżizzjonali għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli ta' oriġini għandhom bil-mod il-mod jiġu sostitwiti fuq il-bażi tal-Ftehim rilevanti ta' Partenarjat Ekonomiku.

(9) Jeħtieġ li jiġi pprovdut għall-possibbiltà li jiġu sospiżi l-arranġamenti stabbiliti f'dan ir-Regolament f'każ ta' nuqqas ta' kooperazzjoni amministrattiva, irregolaritajiet jew frodi. Meta Stat Membru jipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta' frodi jew nuqqas ta' forniment ta' kooperazzjoni amministrattiva, għandha tapplika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u kooperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi fir-rigward ta' kwistjonijiet doganali u agrikoli[6].

(10) Huwa xieraq li dan ir-Regolament jipprovdi għal arranġamenti ta' tranżizzjoni għaz-zokkor u r-ross, flimkien ma' mekkaniżmi speċjali ta' tranżizzjoni għas-salvagwardja u s-sorveljanza applikabbli wara li jintemmu l-arranġamenti ta' tranżizzjoni.

(11) Fil-kuntest ta' l-arranġamenti ta' tranżizzjoni għaz-zokkor, il-Protokoll 3 mehmuż ma' l-Anness V tal-Ftehim ta' Cotonou (li fih it-test tal-Protokoll 3 dwar iz-zokkor ta' l-AKP) mhux se jibqa' japplika b'effett mill-1 ta' Ottubru 2009[7].

(12) Mat-terminazzjoni tal-Protokoll 3 u minħabba s-sensittività partikolari tas-suq taz-zokkor, huwa xieraq li jiġu adottati miżuri ta' tranżizzjoni għal dan il-prodott. Fl-istess waqt, huwa xieraq li jiġu adottati miżuri speċifiċi ta' tranżizzjoni ta' salvagwardja u sorveljanza għal ċerti prodotti ta' l-agrikoltura pproċessati b'kontenut potenzjali għoli ta' zokkor li jistgħu jiġu kkumerċjalizzati biex jiġu evitati miżuri speċifiċi ta' tranżizzjoni ta' salvagwardja għall-importazzjonijiet taz-zokkor fil-KE.

(13) Huwa wkoll xieraq li jiġu adattati miżuri ġenerali ta' salvagwardja għall-prodotti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

(14) Minħabba s-sensittività partikolari tal-prodotti ta' l-agrikoltura, huwa xieraq li jistgħu jittieħdu miżuri bilaterali ta' salvagwardja meta l-importazzjonijiet iġibu jew jheddu li jġibu tfixkil fis-swieq għal dawn il-prodotti jew tfixkil fil-mekkaniżmi li jirregolaw dawn is-swieq.

(15) Skond l-Artikolu 299(2) tat-Trattat, għandha titqies b'mod xieraq fl-istrateġiji politiċi kollha tal-Komunità l-qagħda partikolari strutturali, soċjali u ekonomika tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Komunità b'mod speċifiku b'referenza għad-drawwiet u l-politika kummerċjali.

(16) Għalhekk għandhom jitqiesu b'mod speċjali kemm is-sensittività tal-prodotti ta' l-agrikoltura, speċjalment iz-zokkor, kif ukoll il-vulnerabilità u l-interessi partikolari tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Komunità meta jiġu stabbiliti r-regoli dwar salvagwardji bilaterali b'mod effettiv.

(17) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[8];

(18) Dan ir-Regolament jitlob il-ħtieġa li jiġi revokat is-sett attwali ta' Regolamenti adottati fil-kuntest ta' l-Anness V tal-Partenarjat AKP-KE, l-aktar ir-Regolament (KE) Nru 2285/2002 dwar il-miżuri ta' salvagwardja stipulati fil-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE u li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 3705/90[9], ir-Regolament (KE) Nru 2286/2002 ta' l-10 ta' Diċembru 2002 dwar l-arranġamenti applikabbli għall-prodotti ta' l-agrikoltura li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti ta' l-agrikoltura li joriġinaw fl-Istati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (Stati AKP) u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1706/98 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1964/2005 tad-29 ta' Novembru 2005 dwar ir-rati tariffarji għall-banana[10]. Bħala konsegwenza, il-miżuri kollha ta' implimentazzjoni bbażati fuq dawk id-dispożizzjonijiet li jiġu revokati ma jibqgħux fl-użu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu 1

Suġġett, ambitu u aċċess għas-suq

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) stipulati fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku.

Artikolu 2

Ambitu

1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti li joriġinaw fir-reġjuni u stati elenkati fl-Anness I.

2. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jemenda l-Anness I biex iżid reġjuni jew stati mill-Grupp ta' Stati AKP li kkonkludew negozjati dwar ftehim bejn il-Komunità u dak ir-reġjun jew stat li ta' l-inqas jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu XXIV GATT 1994.

3. Stat jew reġjun se jibqa' fl-Anness I sakemm il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jemenda l-Anness I biex ineħħi reġjun jew stat minn dan l-Anness, b'mod partikolari, fejn:

(a) ir-reġjun jew stat jinnotifika l-ħsieb tiegħu li ma jirratifikax ftehim li bis-saħħa tiegħu ġie inkluż fl-Anness I;

(b) ratifika ta' ftehim li bis-saħħa tiegħu reġjun jew stat ġie inkluż fl-Anness I ma saritx fi żmien raġonevoli b'mod li d-dħul fis-seħħ tal-ftehim jittardja għalxejn; jew,

(c) il-ftehim jinġieb fi tmiem, jew ir-reġjun jew stat ikkonċernat iġib fi tmiem id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim iżda l-ftehim xort'oħra jibqa' fis-seħħ.

Artikolu 3

Aċċess għas-suq għal prodotti li joriġinaw f'reġjuni jew stati elenkati fl-Anness I

1. Soġġetti għall-Artikoli 6, 7 u 8, id-dazji ta' importazzjoni għandhom jitneħħew fuq il-prodotti kollha tal-Kapitoli 1 sa 97 iżda mhux 93 tas-Sistema Armonizzata li joriġinaw f'reġjun jew stat elenkat fl-Anness I. Din it-tneħħija għandha tkun soġġetta għall-mekkaniżmi ta' tranżizzjoni ta' salvagwardja u sorveljanza stabbiliti fl-Artikoli 9 u 10 u l-mekkaniżmu ġenerali ta' salvagwardja stipulati fl-Artikoli 11 sa 22.

2. Għall-prodotti tal-Kapitolu 93 tas-Sistema Armonizzata li joriġinaw f'reġjuni jew stati elenkati fl-Anness I d-dazji ta' l-Aktar Pajjiżi Ffavoriti applikati s'issa għandhom ikomplu japplikaw.

3. Minkejja dak li hemm fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005, il-prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi l-anqas żviluppati elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament u li huma inklużi fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, barra mill-arranġamenti stipulati f'dan ir-Regolament, għandhom ikomplu jgawdu mill-preferenzi pprovduti skond ir-Regolament (KE) Nru 980/2005 fir-rigward ta' prodotti:

(a) ta' l-intestatura tariffarja 1006 għajr għas-sottointestatura 10061010, sal-31 ta' Diċembru 2009; kif ukoll,

(b) ta' l-intestatura tariffarja 1701, sat-30 ta' Settembru 2009.

4. Il-paragrafu 1 u l-Artikoli 6, 7 u 8 m'għandhomx japplikaw għall-prodotti li joriġinaw mill-Afrika t'Isfel. Dawn il-prodotti għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika ta' l-Afrika t'Isfel, min-naħa l-oħra[11]. Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3), se jiżdied Anness ma' dan ir-Regolament li jistabbilixxi r-reġim applikabbli għal prodotti li joriġinaw fl-Afrika t'Isfel ġaladarba d-dispożizzjonijiet kummerċjali rilevanti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni jkunu ġew sostitwiti bid-dispożizzjonijiet rilevanti ta' ftehim li jistabbilixxi, jew li jwassal biex jiġi stabbilit, Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku.

5. Il-paragrafu 1 u l-Artikolu 7 m'għandhomx japplikaw għal prodotti ta' l-intestatura tariffarja 1701 jew l-intestatura tariffarja 0803 0019 li joriġinaw f'reġjun jew stat elenkat fl-Anness I u li tħallew għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fid- departments Franċiżi lilhinn mix-xtut sa l-1 ta' Jannar 2018. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż sa l-1 ta' Jannar 2023 sakemm ma jiġix miftiehem xort'oħra mar-reġjuni jew stati elenkati fl-Anness I kif stipulat fil-ftehimiet rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea biex tgħarraf lill-partijiet interessati dwar it-terminazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

Kapitolu II

Regoli ta' oriġini u Kooperazzjoni Amministrattiva

Artikolu 4

Regoli ta' Oriġini

1. Ir-regoli ta' oriġini stabbiliti fl-Anness II għandhom japplikaw sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prodotti joriġinawx fir-reġjuni jew stati elenkati fl-Anness I.

2. Ir-regoli ta' oriġini stabbiliti fl-Anness II għandhom jiġu sostitwiti minn dawk mehmuża ma' xi ftehim mal-pajjiżi elenkati fl-Anness I meta dan il-ftehim jew jiġi proviżorjament applikat, jew jidħol fis-seħħ, ikun liema jkun l-ewwel. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea biex tgħarraf lill-operaturi. L-avviż għandu jispeċifika d-data ta' applikazzjoni proviżorja jew id-dħul fis-seħħ, li għandha tkun id-data li minnha r-regoli ta' oriġini fil-ftehim għandhom japplikaw għall-prodotti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

3. Il-Kummissjoni mgħejjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bir-Regolament (KEE) 2913/92 għandha tissorvelja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness II. Jistgħu jiġu adottati emendi tekniċi u deċiżjonijiet dwar kif jiġi ttrattat l-Anness II skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 247 u 247A tar-Regolament (KE) Nru 2913/92.

Artikolu 5

Kooperazzjoni amministrattiva

1. Fejn il-Kummissjoni ssib, fuq il-bażi ta' tagħrif oġġettiv, nuqqas ta' kooperazzjoni amministrattiva u/jew irregolaritajiet jew frodi, tista' tissospendi temporanjament l-eliminazzjoni tad-doveri fl-Artikoli 3, 6 u 7, (minn issa 'l quddiem imsemmija bħala "it-trattament rilevanti"), bi qbil ma' dan l-Artikolu.

2. Għall-fini ta' dan l-Artikolu nuqqas ta' kooperazzjoni amministrattiva għandha tfisser, inter alia :

(a) nuqqas ta' aktar minn darba li jitħarsu l-obbligi rilevanti li jeħtieġu l-verifika ta' l-istatus ta' oriġini tal-prodott(i) kkonċernat(i);

(b) rifjut ta' aktar minn darba jew dewmien eċċessiv fit-twettiq u/jew il-komunikazzjoni tar-riżultati tal-verifika sussegwenti tal-prova ta' oriġini;

(c) rifjut ta' aktar minn darba jew dewmien eċċessiv fil-ksib ta' l-awtorizzazzjoni biex jitwettqu missjonijiet ta' kooperazzjoni amministrattiva għall-verifika ta' l-awtentiċità ta' dokumenti jew ir-reqqa ta' l-informazzjoni marbuta ma' l-għoti tat-trattament rilevanti stipulat f'dan ir-Regolament.

Għall-fini ta' dan l-Artikolu jistgħu jinstabu irregolaritajiet jew frodi, inter alia , fejn ikun hemm żieda f'daqqa, mingħajr spjegazzjoni sodisfaċenti, fl-importazzjonijiet ta' prodotti li jaqbżu l-livell normali ta' produzzjoni u l-kapaċità ta' esportazzjoni tar-reġjun jew stat ikkonċernat.

3. Fejn il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' tagħrif ipprovdut minn Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, issib li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 hawn fuq, huma sodisfatti, il-Kummissjoni tista', hi u taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24(2) ta' dan ir-Regolament, tissospendi t-trattament rilevanti sakemm l-ewwel tkun:

(a) għarrfet lill-Kumitat stipulat fl-Artikolu 24;

(b) innotifikat ir-reġjun jew stat ikkonċernat bi qbil ma' kull proċedura rilevanti applikabbli bejn il-Komunità u dan l-istat jew reġjun; kif ukoll,

(c) ippubblikat avviż fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li jgħid li nstab li kien hemm nuqqas ta' disponibilità ta' kooperazzjoni amministrattiva, irregolaritajiet jew frodi.

4. Il-perjodu ta' sospensjoni skond dan l-Artikolu għandu jkun limitat għal dak li jkun meħtieġ biex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Komunità. M'ghandux jaqbeż is-sitt xhur, u jista' jiġġedded. Ma tmiem il-perjodu, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jew li ġġib fi tmiem is-sospensjoni wara li tgħarraf il-Kumitat stipulat fl-Artikolu 24 jew li testendi l-perjodu ta' sospensjoni skond il-proċedura msemmija fil-paragrafu 3.

5. Il-proċeduri ta' sospensjoni temporanja stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 4 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu sostitwiti minn dawk stabbiliti f'xi ftehim mal-pajjiżi elenkati fl-Anness I meta dan il-ftehim jew jiġi proviżorjament applikat, jew jidħol fis-seħħ, ikun liema jkun l-ewwel. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea biex tgħarraf lill-operaturi. L-avviż għandu jispeċifika d-data ta' applikazzjoni proviżorja jew id-dħul fis-seħħ, li għandha tkun id-data li minnha l-proċeduri ta' sospensjoni temporanja fil-ftehim għandhom japplikaw għall-prodotti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

6. Sabiex timplimenta s-sospensjoni temporanja stabbilita f'xi ftehim mal-pajjiżi elenkati fl-Anness I, il-Kummissjoni mingħajr dewmien eċċessiv għandha:

(a) tgħarraf lill-Kumitat stipulat fl-Artikolu 24 li nstab li hemm nuqqas ta' disponibilità ta' kooperazzjoni amministrattiva, irregolaritajiet jew frodi; kif ukoll

(b) tippubblika l-avviż fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li jgħid li nstab li kien hemm nuqqas ta' disponibilità ta' kooperazzjoni amministrattiva, irregolaritajiet jew frodi.

Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni li tissospendi t-trattament rilevanti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24(2) ta' dan ir-Regolament.

Kapitolu III

Arranġamenti ta' tranżizzjoni

Taqsima 1

Ross

Artikolu 6

Kwoti tariffarji ta' dazju zero u tneħħija eventwali ta' dazji

1. Id-dazji ta' importazzjoni fuq il-prodotti ta' l-intestatura tariffarja 1006 għandhom jitneħħew mill-1 ta' Jannar 2010, għajr għal dazji ta' importazzjoni fuq il-prodotti tas-sottointestatura 1006 10 10 li għandhom jitneħħew mill-1 ta' Jannar 2008.

2. Il-kwoti tar-rati tariffarji li ġejjin b'dazju zero għandhom jinfetħu għall-prodotti ta' l-intestatura tariffarja 1006 għajr għas-sottointestatura 1006 10 10 li joriġinaw fl-istati elenkati fl-Anness I li huma parti mir-reġjun CARIFORUM:

(a) 187,000 tunnellata, ekwivalenti ta' ross bla ħliefa, għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-31 ta' Diċembru 2008;

(b) 250,000 tunnellata, ekwivalenti ta' ross bla ħliefa, għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2009 u l-31 ta' Diċembru 2009.

3. Ir-regoli fid-dettall għall-implimentazzjoni tal-kwoti tariffarji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu ddeterminati skond il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 13 u 26(2) tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003[12].

Taqsima 2

Zokkor

Artikolu 7

Kwoti tariffarji ta' dazju zero u tneħħija eventwali ta' dazji

1. Id-dazji ta' importazzjoni fuq prodotti ta' l-intestatura tariffarja 1701 għandhom jitneħħew mill-1 ta' Ottubru 2009.

2. Barra mill-kwoti tar-rati tariffarji miftuħa u amministrati skond l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006[13], il-kwoti tar-rati tariffarji li ġejjin għandhom jinfetħu għall-prodotti tas-sottointestatura tariffarja 1701 11 10 għall-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2008 u t-30 ta' Settembru 2009:

(a) 150,000 tunnellata, l-ekwivalenti ta' zokkor abjad, b'dazju zero riżervat għall-prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi l-inqas żviluppati kif elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 u li huma elenkati fl-Anness I. Din il-kwota tar-rata tariffarja għandha tinqasam bejn ir-reġjuni skond il-kwantitajiet li jridu jiġu ddeterminati b'konformità mal-ftehimiet li jikkwalifikaw ir-reġjuni jew l-istati għall-inklużjoni fl-Anness I; kif ukoll,

(b) 80,000 tunnellata, l-ekwivalenti ta' zokkor abjad, b'dazju zero riżervat għall-prodotti li joriġinaw fir-reġjuni jew stati li mhumiex pajjiżi l-inqas żviluppati u li huma elenkati fl-Anness I. Din il-kwota tar-rata tariffarja għandha tinqasam bejn ir-reġjuni skond il-kwantitajiet li jridu jiġu ddeterminati b'konformità mal-ftehimiet li jikkwalifikaw ir-reġjuni jew l-istati għall-inklużjoni fl-Anness I.

3. L-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 għandu japplika għall-importazzjonijiet skond il-kwoti tar-rati tariffarji msemmija fil-paragrafu ta' qabel.

4. Ir-regoli fid-dettall għall-qsim skond ir-reġjun u għall-implimentazzjoni tal-kwoti tariffarji msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni skond il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.

Artikolu 8

Arranġament transitorju

Għall-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2009 u t-30 ta' Settembru 2012, l-Artikolu 7(1) m'għandux japplika għall-importazzjonijiet ta' prodotti tal-kodiċi NM 1701 sakemm l-importatur ma jimpenjax ruħu li jixtri dawn il-prodotti bi prezz mhux aktar baxx minn 90% tal-prezz ta' referenza (fuq bażi ta' c.i.f.) stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 għas-sena kummerċjali rilevanti.

Artikolu 9

Mekkaniżmu tranżitorju ta' salvagwardja għaz-zokkor

1. Għall-perjodu l-1 ta' Ottubru 2009 sat-30 ta' Settembru 2015 it-trattament mogħti fl-Artikolu 7(1) għall-importazzjonijiet ta' prodotti ta' l-intestatura tariffarja 1701 li joriġinaw f'reġjuni jew stati elenkati fl-Anness I u li mhumiex pajjiżi l-inqas żviluppati elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 jista' jiġi sospiż meta:

(a) importazzjonijiet li joriġinaw f'reġjuni jew stati li huma Stati AKP u li mhumiex pajjiżi l-inqas żviluppati elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 jaqbżu l-kwantitajiet li ġejjin:

(i) 1.38 miljun tunnellata fis-sena kummerċjali 2009/2010,

(ii) 1.45 miljun tunnellata fis-sena kummerċjali 2010/2011,

(iii) 1.6 miljun tunnellata fis-snin kummerċjali 2011/2012 sa 2014/2015; kif ukoll

(b) importazzjonijiet li joriġinaw fl-Istati kollha AKP li jaqbżu 3.5 miljun tunnellata.

2. Il-kwantitajiet stipulati fil-paragrafu 1 (a) jistgħu jiġu suddiviżi skond ir-reġjun.

3. Matul il-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-importazzjonijiet ta' prodotti ta' l-intestatura tariffarja 1701 li joriġinaw f'reġjuni jew stati elenkati fl-Anness I se jeħtieġu liċenzja ta' importazzjoni.

4. Is-sospensjoni tat-trattament mogħti fl-Artikolu 7(1) għandha tintemm fi tmiem is-sena kummerċjali li fiha ġiet introdotta.

5. Regoli fid-dettall dwar is-suddiviżjoni tal-kwantitajiet stipulati fil-paragrafu 1 għat-treġija tas-sistema msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 4 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.

Artikolu 10

Mekkaniżmu ta' sorveljanza ta' tranżizzjoni

1. Għall-perjodu 1 ta' Jannar 2008 sat-30 ta' Settembru 2015, l-importazzjonijiet ta' prodotti ta' l-intestatura tariffarja 17049099, 18061030, 18061090, 21069059, 21069098 li joriġinaw f'reġjuni jew stati elenkati fl-Anness I għandhom ikunu soġġetti għal mekkaniżmu ta' sorveljanza stipulat fl-Artikolu 308d tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2454/93 li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità[14].

2. Fuq il-bażi ta' din is-sorveljanza, il-Kummissjoni se tivverifika jekk hemmx żieda kumulattiva ta' importazzjonijiet ta' wieħed jew aktar minn dawn il-prodotti li joriġinaw f'reġjun partikolari b'aktar minn 20% fil-volum matul perjodu ta' tnax-il xahar konsekuttivi mqabbla mal-medja ta' importazzjonijiet ta' kull sena matul it-tliet perjodi preċedenti ta' tnax-il xahar.

3. Jekk il-livell imsemmi fil-paragrafu 2 jintlaħaq, il-Kummissjoni għandha tanalizza t-tendenza kummerċjali, il-ġustifikazzjoni ekonomika u l-kontenut ta' zokkor ta' dawn l-importazzjonijiet. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li dawn l-importazzjonijiet jintużaw biex jiġu evitati l-kwoti tar-rati tariffarji u l-mekkaniżmu speċjali ta' salvagwardja stipulati fl-Artikoli 7, 8 u 9, tista' tissospendi l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) għall-importazzjonijiet ta' prodotti ta' l-intestatura tariffarja 17049099, 18061030, 18061090, 21069059, 21069098 li joriġinaw f'reġjuni jew stati elenkati fl-Anness I li mhumiex pajjiżi l-anqas żviluppati elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 sa l-aħħar tas-sena kummerċjali kkonċernata.

4. Ir-Regoli fid-dettall għat-treġija ta' din is-sistema u d-deċiżjonijiet ta' sospensjoni għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 3448/93[15].

Kapitolu IV

Dispożizzjonijiet ġenerali ta' salvagwardja

Artikolu 11

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu:

(a) " Industrija Komunitarja " tfisser il-produtturi tal-Komunità kollha bħala grupp wieħed ta' prodotti simili jew ta' prodotti li jikkompetu direttament ma' xulxin fi ħdan it-territorju tal-Komunità, jew dawk il-produtturi tal-Komunità li l- output kollettiv tagħhom ta' prodotti simili jew ta' prodotti li jikkompetu direttament ma' xulxin jikkostitwixxi proporzjon ewlieni tal-produzzjoni totali Komunitarja ta' dawn il-prodotti

(b) " dannu serju " tfisser ħsara ġenerali sinifikanti fil-pożizzjoni tal-produtturi Komunitarji;

(c) " theddida ta' dannu serju " tfisser dannu serju li jkun imminenti biċ-ċar;

(d) " tfixkil " tfisser taqlib f'settur jew industrija.;

(e) " theddida ta' tfixkil " tfisser tfixkil li jkun imminenti biċ-ċar.

Artikolu 12

Prinċipji

1. Miżura ta' salvagwardja tista' tiġi imposta skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Kapitolu fejn prodotti li joriġinaw fl-Istati elenkati fl-Anness I qed jiġu impurtati fil-Komunità bi kwantitajiet tant miżjuda u taħt tali kondizzjonijiet li jġibu jew jheddu li jġibu xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a) dannu serju lill-industrija tal-Komunità

(b) tfixkil f'settur ta' l-ekonomija, partikolarment fejn dan it-tfixkil iġib problemi jew diffikultajiet soċjali ewlenin li jistgħu jwasslu għal tiħżin serju fil-qagħda ekonomika tal-Komunità, jew

(c) tfixkil fis-swieq tal-prodotti agrikoli[16] jew mekkaniżmi li jirregolaw dawn is-swieq.

2. F'każijiet fejn il-prodotti li joriġinaw fl-Istati elenkati fl-Anness I qed jiġu impurtati fil-Komunità bi kwantitajiet tant miżjuda u taħt tali kondizzjonijiet li jġibu jew jheddu li jġibu tfixkil fil-qagħda ekonomika ta' wieħed jew aktar mir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Komunità, tista' tiġi imposta miżura ta' salvagwardja skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Kapitolu.

Artikolu 13

Determinazzjoni tal-kondizzjonijiet biex jiġu imposti miżuri ta' salvagwardja

1. Id-determinazzjoni ta' dannu serju jew it-theddida ta' dan għandha tkopri fost l-oħrajn il-fatturi li ġejjin:

(a) il-volum ta' importazzjonijiet, partikolarment fejn kien hemm żieda sinifikanti, f'termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni jew il-konsum fil-Komunità;

(b) il-prezz ta' l-importazzjonijiet, b'mod partikolari fejn ikun sar bejgħ sinifikanti bi prezzijiet inqas meta mqabbel mal-prezz ta' prodott simili fil-Komunità;

(c) l-impatt konsegwenti fuq il-produtturi tal-Komunità kif indikat minn tendenzi f'ċerti fatturi ekonomiċi bħall-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-potenzjal, ħażniet, bejgħ, sehem fis-suq, il-waqa' tal-prezzijiet jew il-prevenzjoni ta' żidiet fil-prezzijiet li kieku kienu se jseħħu taħt ċirkustanzi normali, profitti, redditu fuq il-kapital imħaddem, il-likwidità, l-impjieg;

(d) il-fatturi għajr ix-xejriet fl-importazzjonijiet li jkunu qegħdin jikkawżaw jew setgħu ikkawżaw dannu lill-produtturi Komunitarji interessati.

2. Id-determinazzjoni ta' tfixkil jew theddida ta' dan għandha tkun ibbażata fuq fatturi oġġettivi, inklużi dawn l-elementi:

(a) żieda fil-volum ta' importazzjonijiet f'termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Komunità u għall-importazzjonijiet minn sorsi oħrajn u

(b) l-effett ta' dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet, jew

(c) l-effett ta' dawn l-importazzjonijiet fuq il-qagħda ta' l-industrija tal-Komunità jew is-settur ekonomiku kkonċernat, inkluż fost l-oħrajn fuq il-livell ta' bejgħ, il-produzzjoni, il-qagħda finanzjarja u l-impjieg.

3. Fid-determinazzjoni dwar jekk l-importazzjonijiet humiex isiru taħt kondizzjonijiet li jġibu jew jheddu li jġibu tfixkil fis-swieq tal-prodotti ta' l-agrikoltura jew mekkanżimi li jirregolaw dawn is-swieq, inklużi Regolamenti li joħolqu Organizzazzjonijiet ta' Suq Komuni, iridu jitqiesu il-fatturi rilevanti oġġettivi kollha, inklużi wieħed jew aktar minn dawn l-elementi:

(a) il-volum ta' importazzjonijiet hekk kif imqabbel ma' livelli preċedenti ta' snin kalendarji jew kummerċjali, skond kif ikun il-każ, il-produzzjoni interna u l-konsum, livelli ppjanati tal-ġejjieni skond ir-riforma ta' l-Organizzazzjonijiet ta' Suq Komuni;

(b) il-livell tal-prezzijiet interni mqabbla mal-prezzijiet ta' referenza jew ta' mira jekk ikun il-każ, u jekk le, imqabbla mal-prezzijiet medji interni tas-suq matul l-istess perjodu tas-snin kummerċjali ta' qabel;

(c) Mill-1 ta' Ottubru 2015, fis-swieq tal-prodotti ta' l-intestatura tariffarja 1701: sitwazzjonijiet fejn il-prezz medju tas-suq tal-Komunità taz-zokkor abjad jaqa' matul ix-xahrejn konsekuttivi taħt it-80% tal-prezz medju tas-suq tal-Komunità għaz-zokkor abjad prevalenti matul is-sena kummerċjali ta' qabel.

4. Fid-determinazzjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq humiex jintlaħqu fil-każ tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Komunità, l-analiżijiet huma limitati għat-territorju tar-regjun(i) l-aktar imbiegħed/imbiegħda kkonċernat(i). Għandha tingħata attenzjoni partikolari għad-daqs ta' l-industrija lokali, il-qagħda finanzjarja tagħha u l-qagħda ta' l-impjieg.

Artikolu 14

Bidu ta' proċedimenti

1. Jingħata bidu għal investigazzjoni fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk il-Kummissjoni jidhrilha li hemm xiehda biżżejjed li tiġġustifika dan il-bidu.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni f'każ li x-xejriet fl-importazzjonijiet minn xi wieħed mill-Istati msemmija fl-Anness I jidhru li jitolbu miżuri ta' salvagwardja. Dan it-tagħrif għandu jkun fih l-evidenza disponibbli, kif iddeterminat fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan it-tagħrif lill-Istati Membri kollha fi żmien tlett ijiem tax-xogħol.

3. Il-konsultazzjoni ma' l-Istati Membri għandha ssir fi żmien tmint ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tibgħat it-tagħrif lill-Istati Membri kif stipulat fil-paragrafu 2. Fejn, wara l-konsultazzjoni, jidher li hemm biżżejjed xhieda li tiġġustifika bidu ta' proċediment, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea . Il-bidu ta' proċediment għandu jseħħ fi żmien xahar mill-wasla tat-tagħrif għand Stat Membru.

4. Jekk il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, tkun tal-fehma li jeżistu ċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 12, għandha minnufih tinnotifika r-reġjun jew l-istati fl-Anness I milquta mill-intenzjoni tagħha li jingħata bidu għal investigazzjoni. Man-notifika tista' tiġi mehmuża stedina għal konsultazzjonijiet bl-għan ta' kjarifika tal-qagħda u li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ naħat.

Artikolu 15

L-investigazzjoni

1. Wara l-bidu ta' proċediment, il-Kummissjoni għandha tibda' investigazzjoni.

2. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri jipprovdu tagħrif u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex iwettqu din it-talba. Meta dan it-tagħrif ikun ta' interess ġenerali jew meta t-trażmissjoni tiegħu tkun intalbet minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tgħaddih lill-Istati Membri kollha sakemm ma tkunx kunfidenzjali, u f'każ li tkun, għandu jintbagħat sommarju mhux kunfidenzjali.

3. F'każ ta' investigazzjoni limitata għal reġjun imbiegħed, il-Kummissjoni tista' titlob lill-awtoritajiet lokali kompetenti jipprovdu t-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2 hawn fuq, permezz ta' l-Istat Membru kkonċernat.

4. L-investigazzjoni għandha tasal fi tmiem, fejn ikun possibbli, fi żmien sitt xhur mill-bidu ta' l-investigazzjoni. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, dan il-perjodu ta' żmien jista' jiġi estiż b’perjodu massimu ieħor ta' tliet xhur.

Artikolu 16

Impożizzjoni ta' miżuri provviżorji ta' salvagwardja

1. Għandhom jiġu applikati miżuri proviżorji ta' salvagwardja f'ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien iġib dannu li jkun diffiċli li jissewwa, skond determinazzjoni preliminari li ċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-Artikolu 12 skond kif xieraq, jeżistu. Il-Kummissjoni għandha tieħu dawn il-miżuri provviżorji wara li tikkonsulta ma' l-Istati Membri jew, f'każijiet ta' urġenza kbira, wara li tinforma l-Istati Membri. F'dan l-aħħar każ, għandha ssir konsultazzjoni fi żmien għaxart ijiem min-notifika lill-Istati Membri dwar l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni.

2. Fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-vulnerabilità tagħhom għal kull żieda fl-importazzjonijiet, għandhom jiġu applikati miżuri proviżorji ta' salvagwardja fi proċedimenti li jirrigwardawhom fejn determinazzjoni preliminari tkun uriet li l-importazzjonijiet żdiedu. F'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri mat-teħid tal-miżuri u għandha ssir konsultazzjoni fi żmien għaxart ijiem minn notifika lill-Istati Membri ta' l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni.

3. Fejn Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni u fejn jiġu mħarsa l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 jew 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mill-wasla tat-talba.

4. Il-Kummissjoni għandha minnufih tinforma lill-Kunsill u l-Istati Membri dwar kull deċiżjoni meħuda skond il-paragrafi 1, 2 u 3. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi mod ieħor fi żmien xahar minn meta jiġi infurmat mill-Kummissjoni skond dan il-paragrafu.

5. Il-miżuri proviżorji jistgħu jieħdu l-forma ta' żieda fid-dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat sa livell li ma jaqbiżx id-dazju doganali applikat lil membri oħra tad-WTO, jew il-livell ta' dazju tal-kwoti tariffarji.

6. It-tul ta' żmien tal-miżuri proviżorji m'għandux jaqbeż il-180 jum. F'każijiet fejn miżuri proviżorji jkunu limitati għal reġjuni mbiegħda, it-tul ta' żmien tagħhom ma jistax jaqbeż 200 jum.

7. Jekk il-miżuri proviżorji ta' salvagwardja jiġu revokati minħabba li l-investigazzjoni turi li ma ntlaħqux il-kondizzjonijiet fl-Artikoli 12 u 13, kull dazju miġbur bħala riżultat tal-miżuri provviżorji għandu jintradd lura awtomatikament.

Artikolu 17

Terminazzjoni ta' l-investigazzjoni u l-proċediment mingħajr miżuri

Fejn miżuri bilaterali ta' salvagwardja jinsabu mhux meħtieġa u m'hemm ebda objezzjoni fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 21, l-investigazzjoni u l-proċediment għandhom jiġu terminati b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-Kummissjoni għandha minnufih tissottometti lill-Kunsill rapport dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni, flimkien ma' proposta għal Regolament tal-Kunsill biex jintemm il-proċediment. Il-proċediment għandu jitqies mitmum jekk, fi żmien xahar, il-Kunsill, hu u jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, ma jkunx iddeċieda mod ieħor.

Artikolu 18

Impożizzjoni ta' miżuri definittivi

1. Fejn il-fatti stabbiliti b'mod finali juru li ċ-ċirkostanzi stipulati fl-Artikolu 12, skond kif xieraq, intlaħqu, il-Kummissjoni għandha titlob konsultazzjonijiet mar-reġjun jew stat ikkonċernat u tiltaqa' fil-kuntest ta' l-arranġament istituzzjonali xieraq stabbilit fil-ftehimiet rilevanti li jippermettu li reġjun jew stat jiġi inkluż fl-Anness 1 bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat.

2. Jekk il-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jwasslux għal soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ naħat fi żmien tletin jum minn meta l-kwistjoni tkun ġiet mgħarrfa lir-reġjun jew stat ikkonċernat, għandha tittieħed deċiżjoni li jiġu imposti miżuri definittivi bilaterali ta' salvagwardja mill-Kummissjoni, f'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, fi żmien għoxrin jum tax-xogħol wara t-tmiem tal-perjodu ta' konsultazzjoni.

3. Kull deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skond dan l-Artikolu għandha tiġi komunikata lill-Kunsill u lill-Istati Membri. Kull Stat Membru jista', fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol wara l-jum ta' din il-komunikazzjoni, jirreferi d-deċiżjoni lill-Kunsill.

4. Jekk Stat Membru jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jikkonferma, jemenda jew jirrevoka d-deċiżjoni. Jekk, fi żmien xahar minn meta l-kwistjoni tkun ġiet riferita, il-Kunsill ma jkunx ħa deċiżjoni, id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni titqies bħala kkonfermata.

5. Il-miżuri definittivi jistgħu jieħdu waħda mill-forom li ġejjin:

- sospensjoni ta' aktar tnaqqis tar-rata ta' dazju ta' importazzjoni għall-prodott ikkonċernat li joriġina fir-reġjun jew stat ikkonċernat,

- żieda fid-dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat sa livell li ma jaqbiżx id-dazju doganali applikat lil membri oħra tad-WTO,

- kwota tariffarja.

6. M'għandhomx jiġu applikati miżuri bilaterali ta' salvagwardja fuq l-istess prodott mill-istess reġjun jew stat f'inqas minn sena wara li jkunu skadew jew tneħħew miżuri preċedenti bħal dawn.

Artikolu 19

Tul ta' żmien u reviżjoni tal-miżuri ta' salvagwardja

1. Miżura ta' salvagwardja għandha tibqa' fis-seħħ biss għall-perjodu taż-żmien meħtieġ biex jiġi pprevenut jew irmedjat id-dannu serju jew it-tfixkil. Il-perjodu taż-żmien m'għandux jaqbeż is-sentejn, għajr jekk jiġi estiż skond il-paragrafu 2. Fejn il-miżura hija limitata għal wieħed jew uħud mir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Komunità, il-perjodu ta' applikazzjoni ma jistgħax jaqbeż l-erba' snin.

2. Il-perjodu inizjali ta' kemm iddum miżura ta' salvagwardja jista' jiġi estiż b'mod eċċezzjonali sakemm jiġi ddeterminat li l-miżura ta' salvagwardja tibqa' meħtieġa biex tipprevjeni jew tirmedja dannu jew tfixkil serju.

3. L-estensjonijiet jiġu adottati skond il-proċeduri ta' dan ir-Regolament li jgħoddu għal investigazzjonijiet u billi jintużaw l-istess proċeduri bħal miżuri inizjali.It-tul ta' żmien totali ta' miżura ta' salvagwardja ma jistax jaqbeż erba' snin, inkluża xi miżura provviżorja. Fil-każ ta' miżura limitata għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, dan il-limitu jiġi estiż għal tmien snin.

4. Jekk it-tul ta' żmien ta' miżura ta' salvagwardja jaqbeż is-sena, għandha tiġi liberalizzata progressivament b'intervalli regolari matul il-perjodu ta' żmien ta' applikazzjoni tagħha, li jinkludi kull estensjoni.Il-konsultazzjonijiet mar-reġjun jew stat ikkonċernat għandhom isiru perjodikament fil-korpi istituzzjonali rilevanti tal-ftehimiet, bil-ħsieb li jiġi stabbilit programm għat-tneħħija tagħhom malli jippermettu ċ-ċirkustanzi.

Artikolu 20

Miżuri ta' sorveljanza

1. Fejn it-tendenza fl-importazzjonijiet ta' prodott li joriġina fi Stat AKP hija tali li dawn jitsgħu jikkawżaw waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12, l-importazzjonijiet ta' dan il-prodott jistgħu jkunu soġġetti għas-sorveljanza minn qabel tal-Komunità.

2. Id-deċiżjoni li tiġi imposta s-sorveljanza għandha tittieħed mill-Kummissjoni.Kull deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skond dan l-Artikolu għandha tiġi komunikata lill-Kunsill u lill-Istati Membri. Kull Stat Membru jista', fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol wara l-jum ta' din il-komunikazzjoni, jirreferi d-deċiżjoni lill-Kunsill.Jekk Stat Membru jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jikkonferma, jemenda jew jirrevoka d-deċiżjoni. Jekk, fi żmien xahar minn meta l-kwistjoni tkun ġiet riferita, il-Kunsill ma jkunx ħa deċiżjoni, id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni titqies bħala kkonfermata.

3. Il-miżuri ta' sorveljanza għandu jkollhom perjodu limitat ta' validità. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, dawn ma jibqgħux validi fi tmiem it-tieni perjodu ta' sitt xhur wara l-ewwel sitt xhur wara li l-miżuri jkunu ġew introdotti.

4. Il-miżuri ta' sorveljanza jistgħu jkunu limitati għat-territorju ta' reġjun imbiegħed wieħed jew aktar tal-Komunità fejn ikun meħtieġ.

5. Id-deċiżjoni li jiġu imposti miżuri ta' sorveljanza għandhom jiġu kkomunikati minnufih lill-korp istituzzjonali xieraq stabbilit fil-ftehimiet rilevanti li jippermettu li reġjun jew stat jiġi inkluż fl-Anness I bħala informazzjoni.

Artikolu 21

Konsultazzjonijiet

Il-kumitat konsultattiv kompetenti għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu għandu jkun il-Kumitat Konsultattiv stipulat fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 3285/94. Fil-każ ta' prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1701, il-kumitat kompetenti għandu jkun megħjun mill-kumitat stabbilit skond l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.

Artikolu 22

Miżuri eċċezzjonali b'applikazzjoni territorjali limitata

Fejn jirriżulta li l-kondizzjonijiet stabbiliti għall-adozzjoni tal-miżuri bilaterali ta' salvagwardja jintlaħqu fi Stat Membru wieħed jew aktar tal-Komunità, il-Kummissjoni, wara li teżamina soluzzjonijiet alternattivi, tista b'mod eċċezzjonali, u skond l-Artikolu 134 tat-Trattat, tawtorizza l-applikazzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza jew salvagwardja limitati għal dak l-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernat(i) jekk tqis li dawn il-miżuri applikati f'dan il-livell huma aktar xierqa minn miżuri applikati mal-Komunità kollha. Dawn il-miżuri għandhom ikunu strettament limitati fiż-żmien u jfixklu mill-inqas kemm jista' jkun l-operazzjoni tas-suq intern.

Kapitolu V

Dipożizzjonijiet ta' proċedura

Artikolu 23

Adattamenti għall-iżviluppi tekniċi

Dan ir-Regolament għandu jiġi emendat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(3) biex iqis kull modifika teknika li tista' tkun meħtieġa fid-dawl ta' l-arranġamenti konklużi mar-reġjuni jew stati elenkati fl-Anness I.

Artikolu 24

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat ta' Implimentazzjoni ta' l-FPE (minn issa 'l quddiem imsejjaħ 'il-Kumitat').

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

4. Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

Kapitolu VI

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 25

Emendi

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1964/2005 hu mħassar.

Artikolu 26

Revoki ta' atti eżistenti

Ir-regolamenti li ġejjin huma b'dan revokati:

(a) Ir-Regolament (KE) Nru 2285/2002

(b) Ir-Regolament (KE) Nru 2286/2002

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u għandu jsir applikabbli fl-1 ta' Jannar 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS 1

Lista ta' reġjuni jew stati li kkonkludew negozjati.

ANNESS 2

Regoli ta' oriġini

Dan l-Anness jitqassam bħala dokument għalih

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI GĦANDHOM IMPATT FUQ IL-BAĠIT ESKLUSSIVAMENT LIMITAT GĦAN-NAĦA TAD-DĦUL

1. L-ISEM TAL-PROPOSTA:

Regolament tal-Kunsill li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) stipulati fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew iwasslu biex jiġu stabbiliti Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku.

2. IL-LINJI TAL-BAĠIT:

Kapitolu u Artikolu: 12/120

Ammont stmat għas-sena kkonċernata: 16 431 900 000 (PDB 2008)

3. IMPATT FINANZJARJU

( Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

( Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq l-infiq, iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:

Il-proposta tneħħi t-tariffi doganali kollha li fadal fuq il-prodotti li joriġinaw f'dawk ir-reġjuni jew stati ta' l-AKP li jikkonkludu negozjati dwar Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku jew ftehimiet li jinkludu arranġamenti kummerċjali kompatibbli mad-WTO. Fl-2006 id-dazji teoretiċi massimi pagabbli fuq prodotti li joriġinaw fl-Istati AKP kienu € 17.3 miljun li jammontaw għal dħul nett ta' € 13.0 miljun.

L-unika eċċezzjoni kienet l-Afrika t'Isfel, li hija parti min-negozjati tal-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku iżda li se jkollha offerta ta' arranġament kummerċjali għalih li jżomm it-tariffi doganali fuq ċerti prodotti impurtati fil-Komunità. Dan l-arranġament kummerċjali qiegħed jiġi negozjat u se tiġi inkluża stima finanzjarja mal-proposta lill-Kunsill għal Deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku rilevanti.

Skond id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Cotonou u l-Arranġament Kollox Barra Armi tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi 'l fuq minn 99% tal-prodotti li joriġinaw fl-istati AKP jidħlu fil-Komunità mingħajr tariffi doganali. Tajjeb li jiġi nnutat li 95% tal-prodotti li joriġinaw fl-Afrika t'Isfel ukoll jidħlu fil-Komunità mingħajr ħlas ta' tariffi doganali skond id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni fil-Kummerċ u l-Iżvilupp.

M'hemmx ħsieb ta' nefqa addizzjonali.

(€ miljun sa punt deċimali)

Linja baġitarja | Dħul | Perjodu ta' 12-il xahar li jibda mill-1.1.2008 | 2008 |

Artikolu 3, Kapitolu 1, Titolu I | Impatt fuq ir-riżervi proprji | 13.0 | 13.0 |

Qagħda wara l-azzjoni |

2009 | 2010 | 2011 | 2012 | 2013 |

Artikolu 3, Kapitolu 1, Titolu I | 13.0 | 13.0 | 13.0 | 13.0 | 13.0 |

4. MIŻURI KONTRA L-FRODI

Biex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra, il-Kummissjoni tista' twettaq kontrolli u ispezzjonijiet fuq il-post skond l-Artikolu 5, Kapitolu II ta' dan ir-Regolament. Fejn ikun meħtieġ, l-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u dawn għandhom ikunu regolati bir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni se twettaq kontrolli regolari fuq il-post li jkunu bbażati fuq id-dokumenti.

[1] ĠU C , p. .

[2] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehimiet kif rettifikati bi ĠU L 385,29.12.2004, p. 88.

[3] ĠU L 311, 4.12.1999, p.1.

[4] ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.

[5] ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.

[6] ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

[7] Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/627/KE tat-28 ta' Settembru 2007 (ĠU L 255, 29.9.2007 p. 38).

[8] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[9] ĠU L 348, 21.12.2002, p. 3.

[10] ĠU L 316, 2.12.2005, p. 1.

[11] ĠU L 311, 4.12.1999, p. 1.

[12] ĠU L 270, 21.10.2003, p. 96.

[13] ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1.

[14] ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

[15] ĠU L 318, 20.12.1993, p. 18.

[16] Għall-fini ta' dan l-artikolu prodotti agrikoli huma dawk li jaqgħu taħt l-Anness I tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura.

Top