Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE0789

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku COM(2006) 486 finali

    ĠU C 175, 27.7.2007, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 175/1


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku”

    COM(2006) 486 finali

    (2007/C 175/01)

    Nhar is-26 ta' Settembru 2006, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, “dwar il- Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku”.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' April 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Iozia.

    Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'78 voti favur u 10 voti kontra.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat jaħseb li jkun żball li jiġi applikat aġġustament awtomatiku għar-rata ta' l-inflazzjoni fl-UE-12 mill-1992, peress li tliet pajjiżi oħra saru membri ta' l-Unjoni fl-1995, għaxra oħra fl-1 ta' Mejju 2004 u tnejn oħra fl-1 ta' Jannar 2007.

    1.2

    Il-Kumitat jaħseb li sabiex tinkiseb l-armonizzazzjoni mixtieqa fl-UE-27, għandha tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta' rata massima tat-taxxa: din hija ċertament miżura li biha tista' titwettaq ġlieda effettiva kontra l-kuntrabandu u l-frodi u li twassal għall-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa, li b'hekk tiffaċilita l-ħolqien veru ta' suq uniku. L-interessi tal-konsumaturi — li m'għandhomx jitqiesu bħala kuntrabandisti sempliċement għax jixtru x-xorb alkoħoliku minn fejn huma irħas — jistgħu jiġu mħarsa permezz ta' l-armonizzazzjoni progressiva.

    1.3

    Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri jkunu pprojbiti espliċitament milli jżidu forom oħra ta' tassazzjoni tal-konsumatur mat-taxxa normali tas-sisa u tal-VAT– li, kif ikkonkludiet il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (1), dawn it-taxxi jissemmew bħala “taxxa tal-Komunità”.

    1.4

    Fil-fehma tal-Kumitat, il-proposta ma tiġġustifikax b'mod suffiċjenti l-għażla ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat bħala l-bażi legali, liema Artikolu jawtorizza l-Kunsill sabiex jadotta miżuri li jarmonizzaw il-leġislazzjoni nazzjonali dwar kwistjonijiet fiskali b'vot unanimu. Billi tħalli l-Istati Membri liberi li jistabbilixxu r-rati tagħhom stess 'l fuq mill-minimu, il-proposta, fil-fatt, ma tarmonizza xejn.

    1.5

    Il-Kumitat jaħseb li huwa żball li l-Kummissjoni tnaqqas l-importanza tal-proposta u li b'hekk tiġġustifika n-nuqqas ta' valutazzjoni ta' l-impatt u ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Matul seduta organizzata mill-Kumitat, il-parteċipanti kollha mhux biss iddikjaraw l-oppożizzjoni tagħhom għall-proposta tal-Kummissjoni, iżda talbu wkoll li fil-ġejjieni, il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni preċiża ta' l-impatt.

    1.6

    Il-Kumitat jixtieq li l-proposta tiġi rtirata u jitlob sabiex fil-ħidma futura tagħha, il-Kummissjoni taġġorna r-referenzi għall-kodiċi tan-Nomenklatura Komuni ppreżentata fid-Direttiva 92/83 u tirrevedi l-metodi ta' klassifikazzjoni.

    2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

    2.1

    Il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku” tistabbilixxi rati minimi għat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u l-kategoriji differenti tax-xorb alkoħoliku. L-Artikolu 8 tad-Direttiva jobbliga lill-Kummissjoni sabiex tagħmel spezzjonijiet perjodiċi u tippreżenta rapport u, fejn xieraq, proposta għal emenda.

    2.2

    Id-dibattitu li seħħ wara li nħareġ rapport mill-Kummissjoni fis-26 ta' Mejju 2004 — li fih ikkonkludiet li kienet meħtieġa konverġenza ikbar tar-rati minimi tar-rata tat-taxxi tas-sisa fl-Istati Membri differenti sabiex tiġi assigurata l-ħidma xierqa tas-suq intern u li timpedixxi l-frodi u l-kuntrabandu li kien iffaċilitat mis-sistemi differenti fl-Istati Membri — wassal għall-inizjattiva, fuq stedina mill-Kunsill sabiex “tressaq proposta sabiex tbiddel ir-rati minimi tat-taxxa tas-sisa sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-valur reali tar-rati minimi tal-Komunità, u tipprovdi perijodi ta' tranżizzjoni (sic) u derogi għal dawk l-Istati Membri li jista' jkollhom diffikultajiet biex iżidu r-rati tagħhom”. Il-Kunsill iżid ukoll li “l-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll kif xieraq is-sensitività ġenerika politika ta' dil-kwistjoni speċjali”.

    2.3

    Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li temenda d-Direttiva billi:

    tirrivalorizza r-rati minimi fuq l-alkoħol, il-prodotti intermedjarji u l-birra skond l-inflazzjoni bejn l-1993 u l-2005, li tlaħħaq il-31 %, b'effett mill-1 ta' Jannar 2008;

    tipprovdi perijodi ta' transizzjoni għal sena għal dawk il-pajjiżi li għandhom iżidu r-rata tagħhom b'iktar minn 10 % u ekwivalenti għal sentejn għal dawk li għandhom iżidu r-rati tagħhom b'iktar minn 20 %;

    ttawwal il-perijodu tar-reviżjoni u tal-proċedura tar-reviżjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva minn sentejn għal erba' snin.

    2.4

    L-għan ewlieni tal-proposta, kif mitlub mill-Kunsill, huwa li l-valur proprju tar-rati jerġa' lura għal-livell ta' l-1992 — valur li l-Kummissjoni taħseb li ser “jassigura l-funzjoni tas-Suq Intern mingħajr fruntieri fiskali”.

    3.   Kummenti

    3.1

    Fin-nuqqas ta' valutazzjoni ta' l-impatt, il-Kumitat iddeċieda li jisma' huwa stess l-fehmiet ta' l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi, tal-konsumaturi u tat-trade unions. Waqt is-seduta, il-parteċipanti tkellmu b'vuċi waħda u esprimew il-perplessità tagħhom għall-proposta għal direttiva. Xi organizzazzjonijiet innutaw ukoll li l-proposta ser iżżid id-differenzi fit-trattament tax-xorb alkoħoliku — għad-detriment ċar ta' dawk soġġetti għat-taxxa. Il-produtturi tax-xorb li m'humiex soġġetti għat-taxxa, mill-banda l-oħra, talbu sabiex l-istruttura attwali tibqa' l-istess, li barra dan, ġiet stabbilita fil-ftehim tal-Politika Komuni Agrikola.

    3.2

    Il-parteċipanti tas-seduta (2) qablu wkoll li għandhom jitqiesu l-aspetti soċjali u tas-saħħa, iżda m'għandhomx jiddeterminaw it-tassazzjoni. Fl-istess ħin, huma talbu għall-appoġġ għal kampanja ta' “konsum responsabbli” sabiex jiġu llimitati r-riskji ta' l-abbużi — talba li l-Kumitat japprova. Kien enfasizzat ukoll li l-industrija Ewropea kienet minn quddiem nett fid-dinja f'dan is-settur u tikkontribwixxi b'mod mhux negliġibbli għall-Prodott Gross Domestiku ta' l-Ewropa u għall-impjieg dirett kif ukoll indirett.

    3.3

    Ma' l-ewwel ħarsa, l-abbozz tad-Direttiva jidher li huwa miżura ta' rutina li sempliċement taġġusta l-figuri sabiex jaqblu ma' l-inflazzjoni mill-1993. Madankollu, dan l-abbozz jitratta suġġett estremament kumpless u delikat, li juri kemm qegħdin 'il bogħod il-politiki u l-interessi nazzjonali milli jċedu għal konverġenza għolja fil-fiskalità tal-Komunità. Il-Kumitat f'bosta okkażjonijiet esprima x-xewqa għal proċess ta' armonizzazzjoni fiskali, li hija assolutament kruċjali sabiex il-konsumaturi japprezzaw il-benefiċċji tas-suq uniku.

    3.4

    Il-laqgħat ta' l-ECOFIN tas-7 u tat-28 ta' Novembru 2006, fejn din il-proposta kienet waħda mill-punti fuq l-aġenda, reġgħu fetħu d-diskussjonijiet interminabbli bejn l-Istati Membri, li b'hekk reġgħet inħolqot is-sitwazzjoni li lura fl-1992 tat lok għad-Direttiva, li rnexxiet biss fit-twaqqif ta' rati minimi u ma offriet l-ebda possibilità li jiġi identifikat approċċ konġunt għall-armonizzazzjoni u l-konverġenza ta' taxxi tas-sisa.

    3.5

    Spezzjoni mill-qrib turi d-differenzi vasti fir-rati prattikati fl-Istati Membri differenti. Ir-rapport tas-26 ta' Mejju 2004 jinkludi miżuri applikati għall-kategoriji differenti fil-25 Stat Membru ta' dak iż-żmien u fil-pajjiżi kandidati, ir-Rumanija u l-Bulgarija (3), membri mill-1 ta' Jannar 2007. Id-differenza bejn l-ogħla u l-inqas rati kienet ta' 1,100 %!

    3.6

    Per eżempju, għall-inbid l-iskala tvarja bejn 0 u EUR 273; għall-inbid gassat minn 0 għal EUR 546 għal kull Ettolitru (El.); għall-birra, minn 0,748 għal kull grad Plato (4), ekwivalenti għal EUR 1,87 sa EUR 19,87 għal kull El./grad ta' alkoħol; għal prodotti intermedjarji, gassati u mhux, minn EUR 45 sa EUR 497 għal kull El.; għall-alkoħol pur minn Eur 550 sa EUR 5,519 għal kull El., ekwivalenti għal varjazzjoni ta' bejn EUR 220 u EUR 2,210 għal kull El. għax-xorb alkoħoliku tat-tip 40o.

    3.7

    Ir-rivalorizzazzjoni tar-rata minima kif proposta mill-Kummissjoni tista' tnaqqas id-differenza bejn ir-rati użati f'pajjiżi differenti minn 1,100 % għal ċifra bejn 800 % u 1,000 %. Is-suġġeriment li din il-miżura tista' tassigura l-ħidma tas-suq intern jidher, minn ta' l-inqas, kuraġġuż. Il-Kumitat jissuġġerixxi li s-soluzzjoni effettiva hija li tiġi introdotta mhux biss rata minima iżda wkoll rata massima bħala miżura kredibbli fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-frodi.

    3.8

    L-insistenza li l-aġġustament tar-rati minimi għar-rata ta' l-inflazzjoni m'huwiex ser iżid il-valur reali tidher li mhix daqstant konvinċenti. Il-Kummissjoni kellha turi interess u tipprovdi informazzjoni kompleta u tippreżenta mudell dinamiku ta' kif ħadmet it-taxxa tas-sisa fl-Istati Membri mis-sena li fiha ġiet ippreżentata l-proposta għall-armonizzazzjoni, jiġifieri l-White Paper ta' l-1985. Il-verità hija li r-riżultat ta' dan, minbarra xi eċċezzjoni 'l hawn u 'l hemm, kienet li żdied il-valur reali tad-dazji fl-Istati Membri meta d-deroga li ngħatat lil xi pajjiżi kienet skadiet. Il-Kumitat jevalwa b'mod negattiv kull prassi nazzjonali li żżid forom oħra ta' tassazzjoni mad-dazji, f'xi każijiet dawn it-taxxi jissemmew bħala “taxxa tal-Komunità”.

    3.9

    Il-fatt li dan huwa verament il-każ ġie kkonfermat minn studju instigat mill-Kummissjoni nnifisha (5), li tagħmilha ċara li l-Istati Membri kollha ħlief tlieta żiedu l-valur tad-dazji kull sena jew kull ftit snin.

    3.10

    L-istess studju, li kkunsidra l-elastiċità tad-domanda fir-rigward tal-prezzijiet, wera li kieku kien hemm aġġustament mill-ġdid tar-rati minimi skond l-inflazzjoni:

    l-ispirti jibbenefikaw sostanzjalment mill-bidla fir-rati — dan ikun il-każ b'mod partikulari fil-pajjiżi Nordiċi, iżda wkoll fir-Renju Unit u fl-Irlanda;

    fl-għażla ta' l-elastiċità relattivament għolja tal-prezzijiet, iż-żidiet fil-konsum ta' l-ispirti kienu jkunu ikbar meta mqabbla ma' l-ipotesi ta' l-elastiċità trasversjali (ir-relazzjoni bejn id-domanda għal ċertu tipi ta' prodott u l-ispiża ta' kategoriji oħra tal-prodott) (6) fir-rigward ta' spirti b'persentaġġ għoli ta' l-alkoħol;

    fil-każ ta' l-elastiċità għolja, it-telliefa ewlenin jkunu l-birra u l-inbid — il-pajjiżi Nordiċi jesperjenzaw telf sinifikanti fil-konsum ta' l-inbid u l-Ġermanja, il-Belġju, Franza u l-Lussemburgu jesperjenzaw nuqqas fil-konsum tal-birra.

    3.11

    Ikun interessanti li jsir paragun bejn dan l-istudju, li kien illimitat għall-UE-15, ma' l-effett tal-varjazzjoni tar-rati minimi fl-UE l-ġdida b'27 Stat Membru.

    3.12

    Il-Kumitat m'huwiex ċert jekk il-Kummissjoni għandhiex tkompli taqdi rwol sempliċement amministrattiv dwar dak li huwa kkunsidrat bħala suġġett sensittiv ħafna, jew jekk għandhiex minflok tressaq proposti, f'ċertu każijiet fid-djalogu ma' l-Istati Membri, sabiex tnaqqas b'mod effettiv id-distorsjonijiet sostanzjali ta' kompetizzjoni kkawżati miż-żamma ta' sistema frammentata tat-tassazzjoni.

    3.13

    Aspett ieħor li l-Kummissjoni tinjora kompletament fl-abbozz tal-proposta tagħha ta' emenda għad-Direttiva huwa li fl-1992, fi ħdan il-Komunità Ewropea ta' 12-il membru, id-differenza fid-dħul per capita ma kenitx daqshekk li tagħmel ir-rati fis-seħħ onerużi. Fl-Ewropa b'27, fejn hemm skala diversifikata ħafna fil-livelli ta' salarju u pensjoni, il-kontinwazzjoni ta' l-istess livell ta' tassazzjoni għall-Istati Membri l-ġodda u ta' qabel it-tkabbir hija miżura inġusta li tolqot biss lil dawk bi dħul baxx. Fir-rigward ta' ħaddiema u pensjonanti li s-salarji u l-pensjonijiet tagħhom ma jaqbżux Eur 100 sa Eur 150 fix-xahar u li diġà kellhom isofru ż-żieda fit-taxxi ta' l-alkoħol ta' bejn 50 % u 400 %, żieda addizzjonali ta' 31 %, bla ebda dubju, ser tolqot il-konsum b'mod negattiv.Proprju minħabba l-adeżjonijiet il-ġodda għall-Unjoni, li wasslu għal 12-il pajjiż ġdid, il-Kumitat jikkunsidra li mhux korrett li jiġi applikat adattament awtomatiku tar-rata ta' inflazzjoni fl-UE-15 wara l-1992.

    3.14

    Ħlief għal xi eċċezzjonijiet rari, imbagħad, is-sistema proposta tikkontradixxi l-politiki kollha ta' kontra l-inflazzjoni mnedin mill-Istati Membri li ftit taż-żmien ilu neħħew, fejn eżistew, il-mekkaniżmi li jorbtu l-pagi u l-pensjonijiet mar-rata ta' l-inflazzjoni. Il-Kummissjoni tonqos milli tispjega b'mod adegwat għaliex mekkaniżmu bħal dan għandu jinżamm biss għat-taxxi u d-dazji.

    3.15

    Il-Kumitat jemmen, għall-kuntrarju, li s-sistema attwali hija kompletament inadegwata u huwa tal-fehma li l-aġġustament għar-rata ta' l-inflazzjoni (ta' l-UE tat-12, 25 jew 27?) hija miżura inutilment punittiva, partikularment għal dawk bl-inqas dħul, kif inhuma l-forom kollha ta' tassazzjoni indiretta li jassorbu mid-dħul nett ta' dawk li jħallsu t-taxxi.

    3.16

    Bl-istess mod li l-konsum moderat ta' l-inbid huwa parti mill-kultura u l-istorja ta' xi Stati Membri, l-istess japplika wkoll għal tipi oħra ta' xorb alkoħoliku għal ċittadini oħra Ewropej. Il-kwistjoni, bl-implikazzjonijiet kollha tagħha, trid titqies f'perspettiva usa'.

    3.17

    Il-Kumitat jirrispetta d-deċiżjoni ta' ċertu pajjiżi li jadottaw politika fiskali stretta fuq l-alkoħol u t-tabakk, probabilment minħabba l-abbuż involut, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Xi Stati Membri għamluha ċara li l-politiki fiskali tagħhom iridu jqisu s-saħħa pubblika. Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet li ttieħdu ma jistgħux jinfluwenzaw l-għażla u l-motivazzjonijiet ta' l-Istati Membri l-oħra.

    3.18

    F'dan ir-rigward, il-Kumitat diġà esprima l-pożizzjoni tiegħu f'opinjoni (7) dettaljata li tenfasizza li: “l-aħjar mezzi li bihom jista' jiġi ndirizzat l-abbuż huma permezz ta' programmi ta' l-edukazzjoni, l-informazzjoni u t-taħriġ immirati primarjament lejn dawk li jabbużaw mill-alkoħol.”

    3.19

    Fil-fehma tal-Kumitat, il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat ma ntlaħqux, b'hekk il-Kunsill huwa awtorizzat sabiex jiddeċiedi b'vot unanimu dwar miżuri li jarmonizzaw is-sistemi tat-taxxa sabiex tiġi implimentata jew mtejba l-ħidma tas-suq intern fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 14. Il-fatt huwa li ż-żieda fid-dazji minimi ma tikkontribwixxix għall-armonizzazzjoni, iżda sempliċement tistabbilixxi livell minimu li kull Stat Membru jista' jiddeċiedi li jgħolli kemm irid. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 92/84 KEE, il-qabża bejn ir-rati attwali kibret aktar u dan juri li l-armonizzazzjoni ma tistax tinkiseb permezz ta' direttiva ta' dan it-tip.

    4.   Il-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu

    4.1

    Waħda mill-konsegwenzi negattivi ta' differenzi fuq skala wiesgħa fit-tassazzjoni, barra milli tkun ta' ostaklu għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern, hija t-tendenza qawwija li jiġu evitati d-dazji — jew parti minnhom, billi jitħallsu fi Stat Membru li m'huwiex dak tal-konsum finali, jew kompletament billi tiġi importata merkanzija minn pajjiżi terzi jew li l-merkanzija tintbagħat minn rotta oħra waqt li qiegħda fit-transit u d-dazji huma sospiżi.

    4.2

    L-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku pprovda qasam ieħor ta' frodi fiskali potenzjali, għax huwa impossibbli li l-bejgħ online jiġi kkontrollat u hemm nuqqas ta' politika kkoordinata li tiġġieled il-frodi fid-dazju fuq l-alkoħol, peress li xi Stati Membri ma jqisux din bħala problema u hija kważi esklussivament il-problema ta' żoni bl-ogħla livelli ta' tassazzjoni.

    4.3

    Bit-tkabbir, il-fruntieri esterni ta' l-Unjoni laħqu pajjiżi fejn il-livelli tat-tassazzjoni huma ħafna iktar baxxi mill-medja ta' l-UE u l-potenzjal għall-frodi żdied b'mod esponenzjali. Il-korruzzjoni hija rampanti f'xi wħud minn dawn il-pajjiżi, fejn f'xi każijiet l-awtoritajiet tad-dwana stess huma involuti. Iridu jissaħħu iktar il-miżuri sabiex jiġi miġġieled il-kuntrabandu u jekk tiġi adottata żieda fid-dazji fil-forma proposta, il-marġni tal-profitti tal-kuntrabandisti internazzjonali ser ikun saħansitra ikbar.

    4.4

    L-Unjoni ddeċidiet li tindirizza l-problema tal-ġlieda kontra l-frodi fuq merkanzija soġġetta għat-taxxa tas-sisa u ppubblikat id-direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġament ġenerali għal prodotti soġġetti għad-dazji u s-sisa u dwar iż-żamma, iċ-ċaqliq u s-sorveljanza ta' dawn it-tip ta' prodotti. Fid-dawl tar-riżultati medjokri tagħha, din id-Direttiva ġiet emendata fl-2004 bid-Direttiva 2004/106/KE tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2004, li temenda wkoll id-Direttiva 77/799/KEE dwar l-għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ċertu taxxi tas-sisa u t-tassazzjoni ta' l-assigurazzjoni.

    4.5

    Dwar din il-kwistjoni, il-Kumitat jisħaq, f'waħda mill-opinjonijiet (8) tiegħu, li sabiex ikun hemm ġlieda effettiva kontra l-frodi “hemm ħtieġa ċara għall-modernizzazzjoni, it-tisħiħ, is-simplifikazzjoni u ż-żieda fl-effiċjenza ta' l-istrument għall-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' l-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar it-taxxi tas-sisa”.

    4.6

    L-istess opinjoni tenfasizza l-fatt li: “Mill-ġdid, il-benefiċċji li jistgħu jiċċirkolaw minn operazzjoni aktar effettiva tas-suq uniku, u f'dan il-każ minn proċeduri li jistgħu jidentifikaw u jikkumbattu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, qegħdin jiġu llimitati minħabba x-xewqa li jitħarsu l-interessi nazzjonali.” U mill-ġdid: “Ma hemm l-ebda dubju li ħafna mill-prassi frodulenti huma relatati b'mod dirett mad-differenzi — kultant sinifikanti — li jeżistu bejn ir-rati tas-sisa applikati fl-Istati Membri differenti.”

    “Il-Kumitat jieħu din l-opportunità sabiex jikkritika l-limitazzjonijiet li jinħolqu mill-prinċipju ta' l-unanimità, li bħalissa jiggverna l-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet komunitarji dwar il-liġi fiskali, u jtenni l-ħtieġa li dan jiġi sostitwit mill-prinċipju tal-maġġoranza kwalifikata fejn tidħol il-kwistjoni tat-taxxi li tinfluwenza l-operazzjoni tas-suq intern jew jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni”.

    4.7

    Matul is-snin, il-Kumitat enfasizza ripetutament il-kunċetti ewlenin li ġejjin:

    it-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva, id-djalogu permanenti bejn l-amministrazzjonijiet fiskali, l-assistenza reċiproka, it-taħriġ identiku u kontinwu għal dawk li jiġġieldu l-frodi, in-netwerks tal-korpi tal-pulizija u l-awtoritajiet tat-taxxa fuq pjattaformi kompatibbli u l-iskambju tad-databases;

    l-iffaċilitar tal-proċessi ta' l-armonizzazzjoni fiskali kemm fit-tassazzjoni diretta kif ukoll fil-qasam iktar ikkomplikat tas-sisa;

    in-nieda ta' proċess li jabbanduna l-ħtieġa ta' l-unanimità ta' ċertu kwistjonijiet fiskali, li jibda b'dawk li huma l-iktar ħfief li jiġu implimentati;

    li jiġi abbandunat il-mudell tat-tassazzjoni tal-VAT, li jiffavorixxi l-frodi, u

    li ma jiżdiedx il-piż tat-taxxa.

    4.8

    Fl-2004 fl-Isvezja, per eżempju, fis-settur tal-birra biss ġew importati madwar 164 miljun litru mill-vjaġġaturi jew mill-kuntrabandisti, li kien qisu l-istess volum — 173 miljun litru — mibjugħ mill-monopolju ta' l-Istat (Systembolaget) u rrappreżenta telf ta' madwar EUR 190 miljun fi dħul mit-taxxa tas-sisa u l-VAT. Xirjiet bħal dawn għolew b'40 % mill-2002 wara t-tneħħija ta' sistema speċjali ta' restrizzjoni tax-xiri transkonfinali. Huwa stmat li l-kuntrabandu rdoppja fl-aħħar sentejn. Id-Danimarka tistima li l-ammont ta' birra li xtraw il-vjaġġaturi fil-Ġermanja u mbagħad importawha huwa ta' 95 miljun litru u dan, miżjud ma' l-10 % ta' merkanzija kuntrabandu, ifisser li madwar 30 % tal-birra kkonsmata fil-pajjiż m'huwiex suġġett għat-tassazzjoni Daniża. Fl-2005, fil-Finlandja, il-vjaġġaturi importaw iktar minn 42 miljun litru, 10 % tal-konsum total, li kkawżaw telf ta' dħul ta' iktar minn EUR 50 miljun. Tletin miljun litru ġew importati fl-Awstrija mill-Ġermanja u mir-Repubblika Ċeka u iktar minn 100 miljun fir-Renju Unit (barra l-volum ta' kuntrabandu fuq skala kbira) (9).

    5.   L-istruttura tas-sisa applikata għax-xorb alkoħoliku

    5.1

    Fir-rapport tagħha ta' l-2004, il-Kummissjoni ppreżentat uħud mill-problemi identifikati tul iż-żmien fl-implimentazzjoni attwali tad-Direttiva 92/84/KEE, waqt li tenfasizza tlieta b'mod partikulari:

    l-Istati Membri għandhom permess li jintaxxaw ix-xorb, gassat u mhux, b'mod differenti;

    il-ħtieġa li jiġu aġġornati r-referenzi għall-kodiċi fin-Nomenklatura Komuni fid-Direttiva 92/83/KEE għat-tifsira tal-kategoriji tax-xorb alkoħoliku għall-finijiet tas-sisa, bl-għan li jitqiesu l-bidliet potenzjali għal dawn il-kodiċi mill-1992;

    il-klassifikazzjoni tax-xorb alkoħoliku fil-kategoriji previsti mid-Direttiva 92/83/KEE irriżultat fi klassifikazzjonijiet differenti u, bħala konsegwenza, tassazzjoni differenti ta' l-istess prodotti fi Stati Membri differenti.

    5.2

    Fir-rigward ta' l-ewwel punt, il-Kummissjoni tiġġustifika l-proposta tagħha li tneħħi l-għażla li l-inbejjed, gassati u mhux, jiġu trattati b'mod differenti billi stqarret li l-argumenti li oriġinarjament iġġustifikaw din id-deċiżjoni — jiġifieri li l-inbejjed gassati kienu għadhom prodott lussuż — issa huma inqas validi. (Fil-fatt, għal ċertu nbejjed mhux gassati huwa l-oppost!).

    5.3

    Fir-rigward tat-tieni punt, l-Artikolu 26 tad-Direttiva 92/83 (dwar l-istruttura tas-sisa) jistipula li l-kodiċi tan-Nomenklatura Komuni li għalihom tirreferi d-Direttiva huma dawk li kienu nfurzati fil-ġurnata li ġiet adottata d-Direttiva (19 ta' Ottubru 1992). Il-Kummissjoni, madankollu, ipproponiet referenza għall-kodiċi ta' Nomenklatura Komuni applikati l-iktar riċentement u għal modifiki futuri sabiex jiġu adottati skond l-Artikolu 24 tad-Direttiva 92/12 KEE (proċedura li tinvolvi l-Kumitat għat-Taxxi tas-Sisa kif stabbiliti għall-prodotti ta' l-enerġija).

    5.4

    Dwar it-tielet punt: sabiex tiġi evitata l-problema mqajma minn bosta operaturi fir-rigward tal-kliem vag tad-Direttiva, li jonqos milli jispeċifika l-ammont ta' alkoħol distillat li jista' jiżdied ma' “xorb ieħor fermentat”, il-Kummissjoni tipproponi li tagħmel it-tifsira tax-xorb alkoħoliku għall-finijiet ta' sisa inqas dipendenti fuq il-klassifika tan-Nomenklatura Komuni.

    5.5

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-bidliet mitluba mill-operaturi sabiex jiġu assigurati s-simplifikazzjoni u l-ħarsien tal-kompetizzjoni huma bbażati fis-sod u koerenti. Huwa japprova l-proposti magħmula iktar kmieni mill-Kummissjoni u m'huwiex ċert għaliex dawn il-bidliet għadhom ma ġewx introdotti sabiex jemendaw id-Direttiva 92/83 għal dan l-iskop.

    5.6

    Il-Kumitat isejjaħ għall-irtirar tal-proposta għal direttiva, filwaqt li jirrakkomanda li jiġu adottati l-bidliet għad-Direttiva 92/83 proposti mill-Kummissjoni.

    Brussel, 30 ta' Mejju 2007

    Il-President

    tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  C-437/97 Evangelischer Krankenhausverein Wien (EKW).

    (2)  CEPS — L-Organizzazzjoni Ewropea ta' l-Ispirti; AICV — L-Assoċjazzjoni tas-Sajder u l-Inbid tal-Frott; The Brewers of Europe; Comité Européen des Entreprises Vins.

    (3)  Ara l-appendiċi: it-tabelli ppubblikati mill-Kummissjoni fis-26 ta' Mejju 2004 fil-Proposta tagħha għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku.

    (4)  Skond Wikipedia l-enċiklopedija online bla ħlas, il-grad Plato huwa kejl li jiddetermina d-densità ta' soluzzjoni. L-iskala Plato hija użata speċjalment fl-industrija tal-birra għax għandha użu faċli. Id-densità ta' soluzzjoni mkejla bil-gradi Plato hija mfissra bħala l-ekwivalenti għad-densità mkejla fil-piż/persentaġġ tal-piż ta' soluzzjoni ilma/zokkor. Fi kliem ieħor, jekk litru tat-tferrigħ tal-malt tal-birra għandu kontenut ekwivalenti għal 12-il grad Plato, id-densità ta' dan l-estratt (jew zokkor imdewweb fit-tferrigħ tal-malt) huwa ekwivalenti għal dak ta' litru ta' soluzzjoni li għandu 12 % tal-piż tiegħu f'zokkor li japprossima l-piż speċifiku ta' l-ilma ta' kilogramm għal kull litru u fil-livell tal-baħar u t-temperatura ambjentali. Il-kampjun tagħna għandu madwar 120 gram ta' estratt.

    (5)  Customs Associates Ltd, Studju dwar il-kompetizzjoni bejn ix-xorb alkoħoliku— Rapport finali — Frar 2001 (Study on the competition between alcoholic drinks — Final report — February 2001).

    (6)  L-elastiċità trasversjali fir-relazzjoni mal-prezz tagħti indikazzjoni tal-grad ta' kompetizzjoni bejn ix-xorb.

    (7)  ĠU C 69 tal-21.3.2006 (Rapporteur: is-Sur Wilkinson).

    (8)  ĠU C 112 tat-30.4.2004 p. 64(Rapporteur: is-Sur Pezzini).

    (9)  Oxford economics “Il-konsegwenzi taż-żieda proposta għar-rati minimi tat-taxxa tas-sisa għall-birra” (“The consequences of the proposed Increase in the minimum excise duty rates for beer”). Frar 2007.


    APPENDIĊI

    għall- Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Emendi rifjutati

    L-emendi li ġejjin, li rċevew minn ta' l-inqas kwart tal-voti li nxteħtu, ġew rifjutati matul id-dibattitu:

    Punt 4.6

    Neħħi dan it-test kif ġej:

    L-istess opinjoni tenfasizza l-fatt li: “Mill-ġdid, il-benefiċċji li jistgħu jiċċirkolaw minn operazzjoni aktar effettiva tas-suq uniku, u f'dan il-każ minn proċeduri li jistgħu jidentifikaw u jikkumbattu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, qegħdin jiġu llimitati minħabba x-xewqa li jitħarsu l-interessi nazzjonali.” U mill-ġdid: “Ma hemm l-ebda dubju li ħafna mill-prassi frodulenti huma relatati b'mod dirett mad-differenzi — kultant sinifikanti — li jeżistu bejn ir-rati tas-sisa applikati fl-Istati Membri differenti.”

    “Il-Kumitat jieħu din l-opportunità sabiex jikkritika l-limitazzjonijiet li jinħolqu mill-prinċipju ta' l-unanimità, li bħalissa jiggverna l-biċċa l-kbira tad-deċ iżjonijiet komunitarji dwar il-li ġi fiskali, u jtenni l-ħtieġa li dan jiġi sostitwit mill-prinċipju tal-maġġoranza kwalifikata fejn tidħ ol il-kwistjoni tat-taxxi li tinfluwenza l-operazzjoni tas-suq intern jew jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ”.

    Raġuni

    Il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija kwistjoni politika sensittiva ħafna li ser ikollha tiġi miftehma fi trattat fil-ġejjieni. Il-politika fiskali — ladarba tiġi stabbilita l-munita unika u t-tneħħija sussegwenti tal-possibilità li jiġu żviluppati politiki monetarji attrezzati għas-sitwazzjoni ekonomika f'kull pajjiż — hija l-unika għodda li għandhom l-Istati Membri sabiex jagħtu direzzjoni lill-politika ekonomika tagħhom. Sakemm ma jsirx progress addizzjonali fil-koeżjoni ekonomika u soċjali, m'għandux jiġi propost li maġġoranza, saħansitra maġġoranza kkwalifikata, tkun tista' timponi l-kriterji tagħha fl-Istati Membri kollha.

    B'żieda ma' dan, l-abbandun tar-regola ta' l-unanimità jfisser li xi pajjiżi, li minħabba f'din ir-regola jistgħu jżommu l-appoġġ tagħhom għal setturi prinċipali ta' l-ekonomija tagħhom (bħall-inbid jew/u birra f'ċertu pajjiżi), ikunu obbligati li jaqblu fuq xena differenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jitilfu l-possibilità li jkomplu jibblokkaw ċertu politiki li jmorru kontra l-interessi nazzjonali tagħhom, possibilità li qegħdin jagħmlu użu minnha attwalment.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur: 21

    Kontra: 54

    Astensjonijiet: 4

    Punt 4.7

    Żid dan li ġej:

    Matul is-snin, il-Kumitat enfasizza ripetutament il-kunċetti ewlenin li ġejjin:

    it-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva, id-djalogu permanenti bejn l-amministrazzjonijiet fiskali, l-assistenza reċiproka, it-taħriġ identiku u kontinwu għal dawk li jiġġieldu l-frodi, in-netwerks tal-korpi tal-pulizija u l-awtoritajiet tat-taxxa fuq pjattaformi kompatibbli u l-iskambju tad-databases;

    li jsir iktar faċli għall-konsumaturi sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom meta jixtru mill-bogħod il-prodotti kollha fuq is-suq intern;

    l-iffaċilitar tal-proċessi ta' l-armonizzazzjoni fiskali kemm fit-tassazzjoni diretta kif ukoll fil-qasam iktar ikkomplikat tas-sisa;

    in-nieda ta' proċess li jabbanduna l-ħtieġa ta' l-unanimità ta' ċertu kwistjonijiet fiskali, li jibda b'dawk li huma l-iktar ħfief li jiġu implimentati, bħala parti minn politika Ewropea tat-taxxa koerenti ;

    li jiġi abbandunat il-mudell tat-tassazzjoni tal-VAT, li jiffavorixxi l-frodi, u;

    li ma jiżdiedx il-piż tat-taxxa.

    Raġuni

    Raġuni 1:

    Il-kunċett ta' rata massima għandu jissepara ruħu, almenu formalment, minn dawk ta' l-armonizzazzjoni, l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazju u l-armonizzazzjoni progressiva. Minkejja li wieħed mill-effetti ta' rata massima ser ikun li jingħafsu d-differenzi attwali bejn ir-rati eżistenti, kif spjegat fil-punti 3.5, 3.6 u 3.7 b'riżultat ta' żieda fl-armonizzazzjoni reali, kif tpoġġa l-kliem f'dan il-punt jista' jissuġġerixxi li r-rata massima hija l-istess bħar-rata objettiva. L-emenda proposta tfittex li dan tevitah.

    Tassew, il-problema attwali hija kkawżata mir-rati għoljin imposti minn xi pajjiżi (l-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Finlandja u l-Isvezja, per eżempju) li ġġeneraw differenzi enormi mal-pajjiżi ġirien.

    B'żieda ma' dan, mezz effettiv sabiex jissaħħaħ is-suq intern u jikkumbatti l-frodi huwa li jippermetti liċ-ċittadini ta' l-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jixtru dan ix-xorb mill-bogħod, kif jiġri bi prodotti l-oħra ta' l-ikel. Dan jista' jistabbilixxi kanali tad-distribuzzjoni legali soġġetti għall-kontrolli mill-awtoritajiet tat-taxxa jew tas-saħħa, li jwassal għal iktar għarfien tal-konsumatur dwar dawn il-prodotti. Dan ikun jikkonforma wkoll mal-prinċipju tal-moviment ħieles tal-merkanzija, li ma jkoprix biss il-kummerċ professjonali, iżda wkoll it-transazzjonijiet mwettqa minn individwi privati. Il-moviment ħieles ifisser li l-konsumaturi li qegħdin jgħixu fi Stat Membru jridu jkunu jistgħu jixtru prodotti fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, soġġett għal sett minimu u standard ta' regoli ġusti li jiggvernaw ix-xiri u l-bejgħ ta' prodotti tal-konsumaturi.

    Il-Kumitat reċentement stqarr li l-promozzjoni tal-benefiċċji tas-suq intern fost il-konsumaturi għandu jkun ta' prijorità sabiex jiġi ffinilazzat (Opinjoni KESE dwar ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku, ĠU CĊ 93 tas-27.4.2007 (opinjoni INT/332)).

    Raġuni 2:

    Hija meħtieġa kjarifika peress li, kif hemm imsemmi fil-punt segwenti, il-mudell imwaqqaf fil-qafas tal-VAT iġġenera ġurisprudenza abbundanti, minħabba l-lok għal abbuż fil-leġislazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha fil-livell Ewropew u nazzjonali. Jekk ser jitwettaq il-proċess diskuss fl-opinjoni, huwa importanti li tiġi assigurata l-koordinazzjoni.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur: 20

    Kontra: 55

    Astensjonijiet: 4


    Top