Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42020Y1201(01)

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Qafas għall-istabbiliment ta' Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ 2020/C 415/01

    ĠU C 415, 1.12.2020, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 415/1


    Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar il-Qafas għall-istabbiliment ta' Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ

    (2020/C 415/01)

    IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL,

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXU LI:

    1.

    Il-ħidma fost iż-żgħażagħ hija terminu wiesa' li jkopri varjetà wiesgħa ta' attivitajiet ta' natura soċjali, kulturali, edukattiva, ambjentali u/jew politika miż-żgħażagħ, magħhom u għalihom fi gruppi jew individwalment. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ titwettaq minn persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ bi ħlas jew b'mod volontarju u hija bbażata fuq proċessi ta' tagħlim mhux formali u informali ffukati fuq iż-żgħażagħ u fuq il-parteċipazzjoni volontarja. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ hija essenzjalment prattika soċjali, li tinvolvi ħidma maż-żgħażagħ u s-soċjetajiet li fihom jgħixu, u li tiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-komunitajiet tagħhom u fit-teħid tad-deċiżjonijiet (1).

    2.

    Għalkemm hemm fehim komuni tal-funzjoni primarja tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, din tieħu forom differenti ħafna fl-Istati Membri tal-UE, hija definita jew deskritta b'mod differenti u hija assoċjata ma' perċezzjonijiet, tradizzjonijiet, partijiet ikkonċernati u prattiki differenti. Dan iseħħ f'forom u f'kuntesti differenti (2). Il-ħidma fost iż-żgħażagħ taqdi rwol importanti fl-iżvilupp personali u soċjali taż-żgħażagħ, il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fit-tranżizzjonijiet li għaddejjin minnhom. Hija mmirata lejn iż-żgħażagħ kollha, inkluż dawk inqas involuti fis-soċjetà u/jew b'inqas opportunitajiet u/jew li l-parteċipazzjoni politika u soċjali sħiħa tagħhom hija f'riskju minħabba żvantaġġi individwali jew strutturali (3) jew diskriminazzjoni.

    3.

    Iż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fuq bażi volontarja, b'mod organizzat jew awto-organizzat, f'organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, assoċjazzjonijiet, inizjattivi taż-żgħażagħ jew forom miftuħa oħra, u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-soċjetà fil-livelli kollha. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ taqdi rwol kruċjali fl-appoġġ ta' dan l-involviment. Huwa mod kif jintlaħqu l-komunitajiet żgħar u remoti u jiġi promoss id-djalogu maż-żgħażagħ f'forma li tkun miftuħa u aċċessibbli għal kulħadd.

    4.

    Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tippermetti liż-żgħażagħ jesperjenzaw u jitgħallmu dwar valuri universali bħad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-demokrazija, il-paċi, il-pluraliżmu, id-diversità, l-inklużjoni, is-solidarjetà, it-tolleranza u l-ġustizzja.

    5.

    Il-ħidma fost iż-żgħażagħ hija qasam fih innifsu u ambjent ta' soċjalizzazzjoni mhux formali u informali importanti. Din titwettaq minn komunità wiesgħa ta' prattika ta' ħidma fost iż-żgħażagħ (4). Il-ħidma fost iż-żgħażagħ hija mmirata lejn il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti individwali taż-żgħażagħ u tindirizza direttament l-isfidi li jiffaċċjaw fis-soċjetà tal-lum. Komponent essenzjali tal-ħidma fost iż-żgħażagħ huwa l-ħolqien ta' spazji sikuri, aċċessibbli, miftuħa u awtonomi fis-soċjetà, kif ukoll ambjenti ta' tagħlim ta' appoġġ u esperjenzali għaż-żgħażagħ. Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil u t-twettiq tal-ħidma fost iż-żgħażagħ hija essenzjali sabiex jiġi ggarantit li l-organizzazzjonijiet, il-programmi u l-attivitajiet ikunu reattivi u rilevanti għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom.

    6.

    Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tiffaċilita t-tagħlim u l-involviment fost iż-żgħażagħ u b'hekk tippromwovi l-għarfien demokratiku u ċ-ċittadinanza Ewropea attiva.

    7.

    Fit-tieni Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ, li saret fl-2015, il-partijiet ikkonċernati ħadmu biex jintlaħaq fehim komuni Ewropew tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u biex jiddeskrivu l-funzjonijiet ewlenin tagħha fir-rigward taż-żgħażagħ: il-ħolqien ta' spazji għaż-żgħażagħ u l-provvista ta' appoġġ biex ikun hemm kontinwità f'ħajjithom.

    JENFASIZZAW LI:

    8.

    Matul dawn l-aħħar deċennji, il-ħidma fost iż-żgħażagħ kibret biex saret qasam distint ta' ħidma, imwettqa miż-żgħażagħ, maż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ fil-livell Ewropew. F'xi Stati Membri, il-ħidma fost iż-żgħażagħ diġà hija qasam stabbilit sew. Madankollu, sabiex jiġi esplorat b'mod sħiħ il-potenzjal tagħha, jenħtieġ li l-kapaċitajiet jiġu żviluppati aktar.

    9.

    Il-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ kienet is-sors ta' ħafna żviluppi reċenti fil-qasam. Dawn kienu xprunati minn firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, li huma involuti fl-indirizzar ta' ħtiġijiet speċifiċi fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. Dawn l-iżviluppi jirriflettu d-diversità kbira tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u t-tradizzjonijiet differenti tagħha fl-Istati Membri individwali.

    10.

    Il-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa għadha qed tiffaċċja diversi sfidi:

    a)

    Qafas kunċettwali: Il-ħidma fost iż-żgħażagħ trid tibqa' reattiva għall-bidliet fis-soċjetà u fil-ħajja ta' kuljum taż-żgħażagħ, għall-għarfien ġdid u għall-kuntest politiku, filwaqt li tkun ukoll attivament inklużiva u toffri opportunitajiet indaqs liż-żgħażagħ kollha. Għalhekk jenħtieġ li jiġu żviluppati fehim bażiku komuni u prinċipji kondiviżi. Jeħtieġ ukoll li jkun hemm spazji sikuri, aċċessibbli, miftuħa u awtonomi għall-ħidma fost iż-żgħażagħ biex issir riflessjoni kontinwa dwar il-metodi u l-innovazzjoni fil-prattiki, biex jiġu analizzati x-xejriet u l-iżviluppi ġodda, u biex l-oqfsa kunċettwali, l-istrateġiji u l-prattiki jiġu adattati, fejn xieraq ma' sħab minn setturi oħra. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jiġu indirizzati x-xejriet globali bħall-isfidi demografiċi, it-tibdil fil-klima u d-diġitalizzazzjoni, u li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi, u l-ħidma intelliġenti u diġitali fost iż-żgħażagħ.

    b)

    Kompetenza: Huwa importanti li jiġu pprovduti biżżejjed riżorsi għall-iżvilupp kontinwu tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. Edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u appoġġ prattiku għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ madwar l-UE huma prekondizzjoni għall-promozzjoni tar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kompetenzi ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-Istati Membri.

    c)

    Kredibbiltà: Jenħtieġ li jiġu promossi prattiki fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fis-soċjetà, u l-kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha tissodisfa l-aspettattivi u r-rekwiżiti tal-qasam u tas-soċjetà, u tkun konsistenti man-natura, l-awtoimmaġni u l-prattiki professjonali tal-qasam, sabiex jiġi żgurat li r-rwol u l-importanza tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, kif ukoll ir-riżultati li tagħti, jiġu rikonoxxuti lil hinn mill-qasam innifsu. Sabiex jiġu ssodisfati dawn ir-rekwiżiti, il-kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ trid ukoll tittejjeb, tiġi mmonitorjata u evalwata. Jenħtieġ li titwettaq ir-riċerka fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, iżda mingħajr ma jinħoloq piż burokratiku bla bżonn.

    d)

    Konnessjonijiet: Sabiex il-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ tkompli tiżviluppa l-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala qasam immirat lejn il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ, jenħtieġ li titrawwem il-kooperazzjoni interna, inkluż il-konnessjonijiet bejn il-fornituri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika dwar iż-żgħażagħ, u l-kooperazzjoni ma' setturi u oqsma ta' politika oħrajn. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent fis-soċjetà, l-involviment fil-politika dwar iż-żgħażagħ, l-oqfsa legali xierqa, ir-riżorsi finanzjarji, l-oqfsa istituzzjonali, u l-istrutturi xierqa u sostenibbli huma kollha fatturi importanti.

    e)

    Kriżijiet u opportunitajiet: Il-ħidma fost iż-żgħażagħ qed tħabbat wiċċha kontinwament ma' sfidi fundamentali u għandha tadatta biex tissodisfa l-ħtiġijiet li qed jinbidlu. L-eżistenza u s-sostenibbiltà stess ta' ħafna assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u servizzi taż-żgħażagħ huma mhedda bħala riżultat ta' kriżijiet bħall-pandemija tal-COVID-19. Ir-restrizzjonijiet fuq il-kuntatt soċjali kellhom impatt serju fuq il-mod kif taħdem il-ħidma fost iż-żgħażagħ, u b'hekk fuq iż-żgħażagħ, b'mod partikolari dawk b'inqas opportunitajiet. Madankollu, il-ħidma fost iż-żgħażagħ uriet il-kapaċità tagħha li tirreaġixxi malajr għal kriżi bħal din u tiżgura li l-fehmiet taż-żgħażagħ jiġu kkunsidrati fil-proċess tat-tfassil tal-pjan ta' azzjoni tagħhom għall-futur tal-Ewropa ta' wara l-kriżi.

    11.

    Kemm l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2019-2027) kif ukoll l-Istrateġija tas-Settur taż-Żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa għall-2030 jappellaw għall-iżvilupp ta' Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ. F'dan l-appell, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ ħeġġet it-tiftix ta' aktar sinerġiji mal-ħidma mwettqa mill-Kunsill tal-Ewropa f'dan il-qasam. Dan jippermetti t-trawwim ta' kooperazzjoni reċiproka u l-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa biex jiġu żviluppati aktar il-prattiki u l-politiki tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

    JAQBLU DWAR IL-QAFAS STRATEĠIKU LI ĠEJ BĦALA L-AĠENDA EWROPEA GĦALL-ĦIDMA FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ:

    12.

    L-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (minn hawn 'il quddiem "l-Aġenda") hija qafas strateġiku għat-tisħiħ u l-iżvilupp tal-kwalità u l-innovazzjoni fil-ħidma fost iż-żgħażagħ u r-rikonoxximent tagħha. Hija tadotta approċċ immirat għall-iżvilupp ulterjuri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa bbażata fuq l-għarfien u r-rabta tad-deċiżjonijiet politiċi mal-implimentazzjoni prattika tagħhom. L-Aġenda hija kkaratterizzata minn kooperazzjoni kkoordinata fost il-partijiet ikkonċernati f'livelli differenti u f'diversi oqsma tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, u sservi wkoll biex issaħħaħ il-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala qasam ta' ħidma distint li jista' jaġixxi bħala sieħeb ugwali ma' oqsma ta' politika oħrajn.

    13.

    L-Aġenda hija magħmula mill-elementi li ġejjin:

    a)

    Bażi politika

    F'konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2019-2027), l-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ għandha timmira għall-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. Fir-rigward tal-implimentazzjoni, l-attivitajiet tal-UE fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali tal-istrateġija u jibnu fuq l-istrumenti u l-governanza maqbula għal din l-istrateġija.

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ u l-Istrateġija għas-Settur taż-Żgħażagħ 2030 jipprovdu l-impetu għat-tisħiħ, ir-rikonoxximent u l-iżvilupp ulterjuri tal-politiki u l-prattiki tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-Aġenda.

    Id-dokumenti msemmija hawn fuq jappellaw għall-ħolqien ta' sinerġiji jew kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħhom.

    b)

    Kooperazzjoni fil-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ

    Il-kooperazzjoni fi ħdan il-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri u fil-livell Ewropew hija fundamentali għall-effettività tal-Aġenda u ser issawwar kemm il-kontenut tal-Aġenda kif ukoll l-iżvilupp futur tagħha.

    c)

    L-implimentazzjoni tal-Aġenda fil-prattika: "il-Proċess ta' Bonn"

    Il-proċess ta' implimentazzjoni tal-Aġenda, imsejjaħ il-"Proċess ta' Bonn" (5), jenħtieġ li jissawwar mill-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom u d-diversi mandati, rwoli u kapaċitajiet tagħhom. Dan jikkonsisti fl-iżvilupp u l-proponiment ta' strateġiji, miżuri u prijoritajiet ta' implimentazzjoni fil-livelli kollha li għandhom jitwettqu permezz ta' attivitajiet mil-livell lokali sa dak Ewropew, fl-ispettru kollu tal-kuntesti tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rilevanti.

    d)

    Programmi ta' finanzjament fil-qasam taż-żgħażagħ

    Il-programmi ta' finanzjament tal-UE rilevanti infurzati fil-qasam taż-żgħażagħ, (b'mod partikolari Erasmus+ Żgħażagħ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà), jistgħu joffru appoġġ u finanzjament biex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' implimentazzjoni tal-Aġenda f'konformità mal-objettivi tal-programmi.

    GĦANDHOM L-GĦAN LI:

    14.

    Jippromwovu l-iżvilupp ulterjuri u t-tisħiħ tal-kwalità u l-innovazzjoni fil-ħidma fost iż-żgħażagħ u r-rikonoxximent tagħha u, bi sħubija mal-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, itejbu l-qafas li fih titwettaq, fil-livelli kollha, inkluż bl-użu ta' kooperazzjoni transsettorjali u approċċi bbażati fuq l-evidenza.

    15.

    Jagħtu attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tal-Aġenda bħala parti mill-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u, fejn possibbli, tintegra b'mod sħiħ il-politiki tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-livelli kollha tal-politika dwar iż-żgħażagħ u l-istrateġiji assoċjati (nazzjonali, reġjonali u lokali) fl-Istati Membri.

    16.

    Jiżguraw il-preżenza ta' strutturi sostenibbli u d-disponibbiltà ta' riżorsi adatti għal ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ, sabiex iż-żgħażagħ kollha jkun jista' jkollhom esperjenza pożittiva tal-miżuri stabbiliti f'dan il-qasam, jew isawru dawn il-miżuri huma stess, b'enfasi partikolari fuq azzjoni fil-livell lokali u f'żoni remoti u rurali fejn hemm inqas opportunitajiet għall-ħidma fost iż-żgħażagħ.

    17.

    Isaħħu u jestendu l-prinċipji komuni tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fi ħdan il-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ billi jżidu l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar l-iżviluppi fil-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, billi jippromwovu l-kooperazzjoni regolari, l-iskambju u l-prattiki komuni, filwaqt li jieħdu kont tad-differenzi bejn id-diversi livelli u oqsma tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

    18.

    Itejbu l-fehim tal-kunċetti, il-metodi u l-għodod użati għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, jiżviluppaw aktar l-oqfsa bbażati fuq il-kompetenza għall-edukazzjoni u t-taħriġ formali u mhux formali tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fejn applikabbli, u jipprovdu d-diversi atturi involuti fil-ħidma fost iż-żgħażagħ b'edukazzjoni, taħriġ, gwida u appoġġ ta' kwalità suffiċjenti.

    19.

    Jimmonitorjaw u jevalwaw regolarment l-istat tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-iżviluppi u l-isfidi fiha, janalizzaw il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u x-xejriet rilevanti għall-ħidma fost iż-żgħażagħ, jinvolvi liż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta' strateġiji u jinkoraġġixxu l-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ f'kooperazzjoni ma' setturi oħra kkonċernati, biex jirreaġixxu għal dawn l-iżviluppi u tkompli tiżviluppa l-modi tagħhom ta' ħidma kif meħtieġ.

    20.

    Fejn xieraq, jiżviluppaw aktar strateġiji u azzjonijiet li jippermettu li jiġi rikonoxxut u vvalidat it-tagħlim mhux formali u informali fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u li jiġi rikonoxxut il-kontribut tal-ħidma fost iż-żgħażagħ lejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ.

    21.

    Issaħħu l-kapaċità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex dawn jingħataw is-setgħa li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' soċjetajiet inklużivi, sostenibbli, demokratiċi, pluralistiċi u paċifiċi.

    22.

    Iżidu l-opportunitajiet għal interazzjoni u skambju transkonfinali bejn iż-żgħażagħ minn sfondi kulturali u soċjoekonomiċi differenti u għal skambju interkulturali fi ħdan l-Istati Membri, b'mod li din issir il-prattika standard fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, u jiffaċilitaw il-ħolqien ta' aktar proġetti strateġiċi għall-kooperazzjoni fil-ħidma fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

    23.

    Fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-pandemija tal-COVID-19 u fid-dawl ta' kriżijiet futuri possibbli, jiżguraw, fil-livelli kollha, l-eżistenza u l-operat li għaddejjin bħalissa tad-diversi faċilitajiet u strutturi involuti fil-ħidma fost iż-żgħażagħ billi jiżviluppaw mekkaniżmi u riżorsi reżistenti għall-kriżijiet, inkluż teknoloġiji diġitali, u jiżguraw li l-faċilitajiet u l-istrutturi jkunu kapaċi jadattaw għas-sitwazzjoni attwali u sitwazzjonijiet simili li jistgħu jinqalgħu fil-futur.

    24.

    Isaħħu l-kooperazzjoni kemm bejn l-Istati Membri u l-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet rispettivi sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

    JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, F'KONFORMITÀ MAL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ U FIL-LIVELLI XIERQA, B'KUNSIDERAZZJONI XIERQA GĦAĊ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI SPEĊIFIĊI TAGĦHOM, BIEX:

    25.

    Jintegraw il-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-istrateġiji eżistenti u futuri tal-politika dwar iż-żgħażagħ u l-implimentazzjoni tagħhom fil-livelli amministrattivi kollha sabiex tiġi ffaċilitata innovazzjoni akbar, tittejjeb il-kwalità u jiżdied ir-rikonoxximent tal-qasam, b'enfasi partikolari fuq l-azzjoni fil-livell lokali fit-tfassil u l-iżvilupp tal-Aġenda.

    26.

    Jidentifikaw temi u oqsma ta' azzjoni għall-iżvilupp ulterjuri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, f'konformità mal-objettivi komuni tal-Aġenda, li jenħtieġ li jitfasslu u jiġu implimentati fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u f'kooperazzjoni mal-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. Jenħtieġ li dan il-proċess ikun immirat kemm jista' jkun u jiġi integrat, fejn xieraq, fi strateġiji eżistenti.

    27.

    Jinforma lill-atturi rilevanti kollha fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fi ħdan il-komunità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ dwar il-prattika tal-Aġenda u l-implimentazzjoni tagħha u jiżgura li jkun hemm djalogu adatt magħhom u bejniethom.

    JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI EWROPEA, FL-OQSMA TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U FIL-LIVELLI XIERQA, B'KUNSIDERAZZJONI XIERQA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX

    28.

    Jippromwovu d-dimensjoni Ewropea tal-ħidma fost iż-żgħażagħ permezz ta' skambju transkonfinali u tranżnazzjonali, kooperazzjoni, tagħlim interkulturali u tagħlim bejn il-pari.

    29.

    Jiffaċilitaw l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-Aġenda billi jużaw strutturi u strumenti eżistenti jew jidentifikaw jew jistabbilixxu, fejn xieraq, strutturi ta' appoġġ, għodod, sħubiji jew metodi xierqa oħra ġodda ta' kooperazzjoni fid-diversi livelli.

    30.

    Jistinkaw biex jiżguraw li l-Aġenda tissawwar kemm jista' jkun mill-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, u jagħmlu għad-dispożizzjoni ta' din il-komunità informazzjoni, opportunitajiet u spazji biex jiġi ffaċilitat l-involviment tagħha. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ u lil persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ.

    31.

    Jipprevedu Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ fil-prinċipju kull ħames snin, biex isservi bħala forum għall-iżvilupp ulterjuri tal-Aġenda, jikkunsidraw li jistiednu lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa bħala parti mill-politika tal-viċinat tal-UE, u jesploraw il-modi possibbli ta' appoġġ għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Aġenda permezz tal-programm Erasmus+ Żgħażagħ u l-programm tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

    32.

    Joħolqu "Network għall-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa" miftuħ u konsultattiv ta' strutturi rilevanti li jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ billi jippromwovu approċċi innovattivi, jappoġġaw l-iżvilupp u l-kooperazzjoni ma' u bejn atturi differenti ġewwa u barra l-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, jipprovdu appoġġ u jxerrdu informazzjoni dwar id-diversi prijoritajiet tematiċi, approċċi, networks u gruppi fil-mira. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li n-network jiġi appoġġat ukoll minn pariri u għarfien espert ġejjin minn setturi oħra. Jenħtieġ li n-network ifittex li jinvolvi atturi ġodda fil-ħidma ta' żvilupp tiegħu.

    33.

    Jesploraw il-possibbiltajiet li permezz tagħhom il-programmi ta' finanzjament tal-UE, bħal Erasmus+ Żgħażagħ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, jistgħu jikkontribwixxu b'mod attiv, fejn xieraq, għall-implimentazzjoni tal-Aġenda bl-użu tal-istrumenti ta' finanzjament differenti tal-programmi.

    34.

    Jippromwovu ċittadinanza attiva, kritika u sensibilizzazzjoni demokratika u l-apprezzament tad-diversità fost iż-żgħażagħ kollha bħala partijiet permanenti u fundamentali tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, inkluż billi jippromwovu t-tisħiħ tal-kompetenzi permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ. Jagħtu liż-żgħażagħ kollha, mingħajr diskriminazzjoni, l-opportunità li jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom stess, jiżviluppaw l-awtoeffikaċja tagħhom u jeżerċitaw influwenza pożittiva.

    35.

    Jimmonitorjaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-Aġenda. Għal dan il-għan, ir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ jenħtieġ li jinkludi kapitolu ddedikat dwar l-iżvilupp, fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ ta' strutturi, għodod ta' appoġġ, sħubiji jew metodi xierqa oħra ta' kooperazzjoni fl-Istati Membri u fil-livell Ewropew.

    JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

    36.

    Tiżgura li l-Aġenda tkun minquxa fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, inkluż l-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ, u żżid il-viżibbiltà tagħha billi tuża l-istrumenti u l-għodod ta' governanza previsti fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ biex timplimenta l-Aġenda u biex timmonitorja, tevalwa, ixxerred u tuża r-riżultati tagħha.

    37.

    Tiżgura sinerġiji ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u ssaħħaħ is-sħubija eżistenti mal-Kunsill tal-Ewropa meta timplimenta l-Aġenda permezz ta' azzjoni komplementari u kkoordinata. Is-sħubija bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-żgħażagħ tista' tingħata rwol ċentrali fl-iżgurar tas-sinerġiji u fl-iffaċilitar tad-djalogu għal persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ.

    38.

    Tikkunsidra li tiżviluppa pjattaforma diġitali Ewropea ddedikata li tkun miftuħa u multilingwi dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ f'kooperazzjoni mill-qrib mal-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex tikkondividi informazzjoni, għarfien u prattiki tajba, u tinvolvi ruħha fil-kooperazzjoni u t-tagħlim bejn il-pari. B'hekk jiġu ffaċilitati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Aġenda, inkluż id-dimensjoni esterna tagħha, fejn rilevanti. Grupp ta' esperti li jirrappreżenta l-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ jista' jakkumpanja u jagħti pariri dwar il-proċess tal-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-pjattaforma.

    39.

    issaħħaħ il-bini tal-għarfien u l-approċċi bbażati fuq l-evidenza fil-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa billi tiffaċilita l-iskambji tal-esperti u r-riċerka bbażata fuq ix-xjenza u l-prattika dwar l-impatt tal-prinċipji, l-iżviluppi, il-kunċetti, l-attivitajiet u l-prattiki applikati fil-qasam, b'mod partikolari billi tinvolvi riċerkaturi żgħażagħ u tibni repożitorju ta' għarfien espert fi ħdan l-organizzazzjonijiet tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.


    (1)  Deskrizzjoni mir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2017)4 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ

    (2)  Pereżempju, f'ċentri taż-żgħażagħ, proġetti taż-żgħażagħ, ħidma ta' sensibilizzazzjoni/ħidma itineranti fost iż-żgħażagħ, gruppi informali taż-żgħażagħ, kampijiet/kolonji taż-żgħażagħ, informazzjoni għaż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u movimenti taż-żgħażagħ kif stabbilit fir-rapport finali tal-grupp ta' esperti dwar "Il-kontribut tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ, b'mod partikolari t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg".

    (3)  B'differenza mill-iżvantaġġi individwali, l-iżvantaġġi strutturali huma dawk li mhumiex relatati mal-persuna nnifisha iżda mal-oqfsa regolatorji li l-persuna tkun soġġetta għalihom u l-kundizzjonijiet bażiċi tal-għajxien tagħha.

    (4)  Ara d-definizzjoni fl-Anness II.

    (5)  It-tielet Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ, avveniment diġitali mxandar minn Bonn, hija l-bidu tal-proċess ta' implimentazzjoni għall-implimentazzjoni tal-Aġenda.


    ANNESS I

    Referenzi

    Fl-adozzjoni ta' din ir-Riżoluzzjoni, il-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill jirreferu għad-dokumenti li ġejjin:

    Dokumenti tal-Kunsill

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ (ĠU C 414, 10.12.2019, p. 2)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħidma intelliġenti fost iż-żgħażagħ (ĠU C 418, 7.12.2017, p. 2)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ (ĠU C 412, 9.12.2019, p. 12)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ f'żoni rurali u remoti (ĠU C 193, 9.6.2020, p. 3)

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ (ĠU C 327, 4.12.2010, p. 1)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (ĠU C 195, 7.6.2018, p. 1)

    Dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea

    Study on youth work and entrepreneurial learning (Studju dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ u t-tagħlim intraprenditorjali) (2017)

    Study on the value of youth work in the EU: general report - case studies- country reports (2014) (Studju dwar il-valur tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-UE: rapport ġenerali - studji tal-każijiet - rapporti tal-pajjiżi) (2014))

    Youthpass impact study (Studju tal-impatt tal-Youthpass). Young people's personal development and employability and the recognition of youth work (L-iżvilupp personali u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ) (2013)

    Rapporti tal-gruppi ta' esperti mill-kooperazzjoni tal-Kunsill fil-qasam taż-żgħażagħ

    Rapport tal-grupp ta' esperti: Developing digital youth work – Policy recommendations, training needs and good practice examples (L-iżvilupp tal-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ - Rakkomandazzjonijiet ta' politika, ħtiġijiet ta' taħriġ u eżempji ta' prattika tajba) (2018)

    Rapport tal-grupp ta' esperti: The contribution of youth work to preventing marginalisation and violent radicalisation (Il-kontribut tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għall-prevenzjoni tal-emarġinazzjoni u r-radikalizzazzjoni vjolenti) (2017)

    Rapport tal-grupp ta' esperti: The contribution of youth work to address the challenges young people are facing, in particular the transition from education to employment (Il-kontribut tal-ħidma fost iż-żgħażagħ biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ, b'mod partikolari fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg) (2015)

    Rapport tal-grupp ta' esperti: Quality Youth Work - A common framework for the further development of youth work (Ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ - Qafas komuni għall-iżvilupp ulterjuri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ)(2015)

    Dokumenti tal-Kunsill tal-Ewropa

    Rakkomandazzjoni CM/Rec(2017)4 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-ħidma fost iż-żgħażagħ

    Riżoluzzjoni CM/Res (2020)2 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istrateġija 2030 tal-Kunsill tal-Ewropa għas-settur taż-żgħażagħ

    Oħrajn

    Dikjarazzjoni tat-tieni Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fost iż-Żgħażagħ (1)

    European Training Strategy in the field of Youth. Supporting the development of quality youth work in Europe through capacity building (Strateġija Ewropea ta' Taħriġ fil-qasam taż-Żgħażagħ. Appoġġ għall-iżvilupp ta' ħidma ta' kwalità fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet) (2015) (2)


    (1)  https://pjp-eu.coe.int/documents/42128013/47262187/The+2nd+European+Youth+Work+Declaration_FINAL.pdf/cc602b1d-6efc-46d9-80ec-5ca57c35eb85

    (2)  https://ec.europa.eu/youth/sites/youth/files/eu-training-strategy-youth_en.pdf


    ANNESS II

    Għall-iskopijiet ta' din ir-Riżoluzzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    Komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ (1)

    Fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għandha tinftiehem bħala grupp ta' persuni, professjonali jew mhux professjonali, li jikkondividu l-istess interessi fir-riżoluzzjoni ta' kwistjoni, fit-titjib tal-ħiliet tagħhom, u fit-tagħlim mill-esperjenzi ta' xulxin.

    Il-komunità ta' prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ tinkludi partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha mil-livell lokali sa dak Ewropew, bħal:

    persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u mexxejja taż-żgħażagħ;

    maniġers fil-ħidma fost iż-żgħażagħ;

    trasportaturi ta' proġetti;

    organizzazzjonijiet tal-ħidma fost iż-żgħażagħ akkreditati u indipendenti;

    ħarrieġa;

    riċerkaturi;

    edukaturi ta' persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ;

    komunitajiet lokali u muniċipalitajiet;

    Aġenziji Nazzjonali għall-Erasmus+ Żgħażagħ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà;

    rappreżentanzi taż-żgħażagħ u żgħażagħ u

    dawk li jfasslu l-politika għaż-żgħażagħ.

    L-atturi kollha fil-komunità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għandhom, fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, mandati, rwoli u kapaċitajiet differenti għall-iżvilupp ulterjuri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.


    (1)  It-terminu "komunità ta' prattika" huwa terminu teoretiku żviluppat mill-psikologi edukattivi Jean Lave u Étienne Wenger.


    ANNESS III

    Infografika dwar l-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ

    Image 1


    Top