Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42007X1222(02)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal- 25 ta' Mejju 2007 dwar perspettivi futuri għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ

    ĠU C 314, 22.12.2007, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 314/24


    Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-25 ta' Mejju 2007 dwar perspettivi futuri għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ

    (2007/C 314/07)

    Il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill,

    WARA LI KKUNSIDRAW

    (1)

    it-talba tal-Kunsill (1) biex jiġi evalwat fl-2009 l-qafas ġenerali għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ li ġie maqbul fl-2002;

    (2)

    l-ewwel skambju ta' fehmiet dwar il-perspettivi futuri għall-politika Ewropea dwar iż-żgħażagħ, li nżamm fil-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ u Kultura li ltaqa' fis-16 ta' Frar 2007 abbażi ta' dokument ta' diskussjoni konġunt mill-Presidenzi tal-Ġermanja, il-Portugall u s-Slovenja u bil-ħsieb ta' l-evalwazzjoni tal-qafas ta' kooperazzjoni;

    (3)

    il-ħidma ta' l-Uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea ta' Konsulenti dwar il-Politika Ewropea (2) li tenfasizza l-importanza ta' investimenti fil-benesseri taż-żgħażagħ, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol u ċ-ċittadinanza attiva;

    (4)

    ir-rapport interim tal-Kummissjoni Ewropea għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2007 intitolat Inventarju tar-Realtà Soċjali  (3), li jisħaq dwar il-kwistjoni ta' ekwità interġenerazzjonali kontra l-isfond ta' globalizzazzjoni u bidla demografika u jħejji t-triq għal dibattitu miftuħ dwar kwistjonijiet soċjali u sfidi li ser jaffettwaw ukoll fundamentalment is-sitwazzjoni soċjali taż-żgħażagħ fl-Ewropa;

    (5)

    it-talba tal-Kunsill (4) biex jiġi promoss djalogu strutturat ma' żgħażagħ bil-ħsieb li jiżdied l-involviment, fil-livelli kollha, ta' żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom fl-iffurmar u l-implimentazzjoni tal-linji politiċi li jaffettwawhom u b'hekk tiġi promossa ċ-ċittadinanza attiva tagħhom.

    (6)

    il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ approvat mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2005, li identifika oqsma ta' prijorità għal azzjoni li fihom kien meħtieġ involviment akbar taż-żgħażagħ u ta' l-atturi rilevanti kollha fil-politika dwar iż-żgħażagħ,

    1.

    JIĠBDU L-ATTENTENZJONI GĦALL-FATT li, skond il-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, tfassil ta' politika dwar iż-żgħażagħ effettiva u sostenibbli jeħtieġ approċċ verament trans-settorjali fl-oqsma ta' politika rilevanti, li l-Kunsill għandu l-ħsieb jagħmel kontribut prinċipali fl-iffurmar u l-implimentazzjoni tagħhom;

    2.

    JIĠBDU L-ATTENZJONI WKOLL GĦALL-FATT li, bil-ħsieb ta' bidliet demografiċi osservabbli fl-Istati Membri kollha, bin-numru ta' żgħażagħ bħala proporzjoni tal-popolazzjoni totali li għandu jonqos aktar fid-deċenni li ġejjin, qed tenħtieġ aktar strateġija trans-settorjali sabiex jiġu żviluppati linji politiċi sostenibbili u ekwi b'mod interġenerazzjonali li jaqsmu l-opportunitajiet u l-piżijiet meħtieġa b'mod uniformi fil-gruppi ta' età kollha u li jippermettu ż-żgħażagħ jiksbu livell ta' awtonomija li jixraq aktar għall-età u l-ħtiġijiet tagħhom;

    3.

    JINNOTAW li l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ huma l-għodod prinċipali għall-iżvilupp ta' politika dwar iż-żgħażagħ fl-Ewropa. Fl-interessi ta' l-effiċjenza, il-koerenza u l-viżibbiltà, għandhom jiġu żviluppati inizjattivi mmirati biex jiżguraw li dawn l-għodod jistgħu fil-futur jinteraġġixxu aħjar u b'hekk ikunu rinfurzabbli b'mod reċiproku. Kwalunkwe żieda fl-ammont ta' rapportar meħtieġ attwalment mill-Istati Membri għandu jiġi evitat;

    4.

    JISSOTTOLINJAW l-importanza tal-programm Żgħażagħ f'Azzjoni  (5) fiż-żieda ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ, u tal-Fondi Strutturali Ewropej fil-kontribut lejn l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni;

    5.

    JILQGĦU inizjattivi mill-Kummissjoni li jenfasizzaw ir-rwol ta' żgħażagħ irġiel u nisa bħala riżors fundamentali għall-organizzazzjoni futura tas-soċjetà fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, billi jinkoraġġixxu approċċ verament trans-settorjali lejn it-tfassil ta' politika dwar iż-żgħażagħ, jirrinforzaw id-djalogu strutturat maż-żgħażagħ u jippromwovu l-awtonomija u ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ;

    6.

    JESPRIMU r-rieda tagħhom biex jgħinu fl-iżvilupp, it-tmexxija 'l quddiem u s-segwitu ta' tali inizjattivi, waqt li jfittxu l-appoġġ mill-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, u jieħdu kont tar-rwol ta' l-atturi reġjonali u lokali rilevanti;

    6a)

    BI ĦSIEBHOM, li bl-adozzjoni ta' dawn il-konklużjonijiet, jikkontribwixxu b'sett ta' proposti rilevanti dwar perspettivi tematiċi u strutturali futuri għal diskussjoni sħiħa dwar perspettivi futuri għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ u għall-evalwazzjoni tal-qafas ta' kooperazzjoni fl-2009;

    7.

    JIKKUNSIDRAW li, f'dan l-isfond, il-kwistjonijiet li ġejjin huma partikolarment rilevanti:

    (a)

    Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ tikkondividi r-responsabbiltà għall-indirizzar tal-kwalità tal-ħajja taż-żgħażagħ fl-Ewropa permezz ta' strumenti speċifiċi ta' politika dwar iż-żgħażagħ, iżda wkoll permezz ta' integrazzjoni mtejba tad-dimensjoni taż-żgħażagħ fi u l-koordinazzjoni trans-settorjali ma' oqsma ta' politika relatati. Tali kooperazzjoni tista' tiġi msaħħa bl-għan ta':

    it-titjib ta' l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ u l-faċilitar tat-transizzjoni tagħhom lejn l-awtonomija u b'hekk rispons għall-isfidi demokratiċi, b'mod partikolari permezz ta':

    l-għoti tal-possibbiltà għaż-żgħażagħ kollha li jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi bażiċi meħtieġa,

    il-faċilitar tat-transizzjoni bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjieg,

    il-kombinar ta' flessibbiltà, inkluż mobbiltà miżjuda meħtieġa miż-żgħażagħ, u s-sigurtà (“flessigurtà”),

    il-promozzjoni tal-potenzjal intraprenditorjali taż-żgħażagħ, u

    fejn meħtieġ, il-promozzjoni ta' linji politiċi li joffru t-tieni ċans li jerġa' jpoġġi ż-żgħażagħ fit-triq biex jiżviluppaw il-kapital uman tagħhom għall-futur;

    it-titjib tal-kondizzjonijiet għal meta wieħed jgħix f'soċjetajiet multikulturali permezz tat-trawwim tal-kapaċitajiet interkulturali taż-żgħażagħ;

    il-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u valuri bħat-tolleranza, ir-rispett reċiproku, id-diversità, l-ugwaljanza u s-solidarjetà kif ukoll il-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni;

    iż-żieda fil-benesseri taż-żgħażagħ, li jinkludi li l-possibbiltà li jgħixu fi stat ta' saħħa;

    il-promozzjoni ta' l-impenn kulturali u kreattiv taż-żgħażagħ;

    l-għoti ta' appoġġ għaż-żgħażagħ permezz ta' rikonċiljazzjoni aħjar tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata biex ikun possibbli għalihom, jekk ikunu jixtiequ hekk, li jibdew familja u li jipparteċipaw b'mod sħiħ fit-taħriġ u l-edukazzjoni jew jibdew il-ħajja tax-xogħol fl-istess ħin;

    it-titjib tal-kondizzjonijiet soċjo-ekonomiċi li fihom jgħixu ż-żgħażagħ f'żoni urbani jew rurali żvantaġġati.

    (b)

    L-iżvilupp tal-politika dwar iż-żgħażagħ f'mod trans-settorjali u f'kooperazzjoni mill-qrib maż-żgħażagħ, ma' dawk attivi fil-qasam taż-żgħażagħ u ma' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huwa mill-aktar importanti. Fost proposti oħra li għandhom jiġu żviluppati, l-istrumenti eżistenti tad-djalogu strutturat — bħall-avvenimenti taż-żgħażagħ tal-Presidenza u l-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ — għandhom jintużaw biex jospitaw fora informali li jinvolvu atturi minn oqsma ta' politika relatati tal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew. Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li r-rappreżentanti taż-żgħażagħ huma involuti mill-bidu fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' tali fora, b'kunsiderazzjoni partikolari għaż-żgħażagħ li huma f'sitwazzjonijiet soċjalment, kulturalment jew ekonomikament żvantaġġati.

    Għandhom jiġu żviluppati proposti għal kooperazzjoni trans-settorjali msaħħa fil-Kunsill u l-korpi tiegħu li huma involuti fil-qasam taż-żgħażagħ.

    (ċ)

    Rapport regolari taż-Żgħażagħ Ewropej dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-Ewropa jista' jgħin biex jiġu analizzati u tinġibed l-attenzjoni għat-tħassib taż-żgħażagħ u l-kwalità tal-ħajja tagħhom, kif ukoll għall-iżvilupp tal-politika dwar iż-żgħażagħ fl-Ewropa. Bħala parti mid-djalogu strutturat, iż-żgħażagħ għandhom jikkontribwixxu b'mod attiv għall-eżerċizzju tar-rappurtar. Ir-Rapporti għandhom jitqiesu bħala inċentivi viżibbli biex iqajmu diskussjonijiet skond il-prijoritajiet tematiċi tagħhom.

    Biex jiġu evitati obbligi ta' rappurtar addizzjonali, dan għandu jsir bl-użu ta' l-informazzjoni miġbura permezz ta' l-eżerċizzji ta' rappurtar taħt il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, bl-addizzjoni possibbli ta' data rilevanti u eżempji strutturati ta' prattika tajba mill-Istati Membri, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-qasam tar-riċerka.

    (d)

    Sabiex jittejbu l-kontinwità, il-koerenza u l-viżibbiltà fil-qasam taż-żgħażagħ, għandu jsir użu ottimali tal-kooperazzjoni bejn it-tliet Presidenzi abbażi ta' programmi ta' 18-il xahar. F'konformità mar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (6), dan jinkludi kooperazzjoni f'waqtha mat-tliet Presidenzi li ġejjin u l-Kummissjoni, sabiex abbażi ta' aġenda endorsjata mill-Kunsill il-prijoritajiet tematiċi jkunu identifikati b'mod ċar għat-tliet snin li ġejjin.

    Il-Presidenzi għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex jagħmlu konnessjonijiet bejn il-passi individwali tad-djalogu strutturat maż-żgħażagħ u biex jiżguraw li jkun hemm segwitu għal kwistjonijiet diskussi maż-żgħażagħ.

    (e)

    Għandu jiġi stabbilit qafas trans-konfini biex jiġu ffaċilitati skambji ta' l-aħjar prattika bejn l-atturi lokali u reġjonali tal-politika dwar iż-żgħażagħ, b'enfasi partikolari fuq “tagħlim mill-pari” fir-rigward ta' l-istrateġiji ta' implimentazzjoni lokali għall-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ. Is-sejbiet ta' dawk l-iskambji għandhom ikunu faċilment aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha u għandhom jiġu evalwati u sfruttati b'mod sistematiku, ukoll bħala parti mill-kontribut tal-Ministri taż-Żgħażagħ lejn il-kisba ta' l-Għanijiet ta' Lisbona.

    L-iskambji għandhom jiġu appoġġati minn sett ta' linji gwida għall-ippjanar, l-istrutturar u l-evalwazzjoni. Għandu jiġi kkunsidrat l-iżvilupp ta' skema ta' premjijiet sabiex tinġibed l-attenzjoni għall-eżempji eċċellenti ta' l-implimentazzjoni b'suċċess ta' strateġiji lokali u biex titqajjem kuxjenza tal-ħidma li ssir fil-qasam taż-żgħażagħ fil-kuntest Ewropew.


    (1)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-indirizzar tat-tħassib taż-żgħażagħ fl-Ewropa — l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u l-promozzjoni ta' ċittadinanza attiva (ĠU C 292, 24.11.2005, p. 5).

    (2)  http://ec.europa.eu/dgs/policy_advisers/publications/index_en.htm

    (3)  COM(2007) 63 finali.

    (4)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-implimentazzjoni ta' l-objettivi komuni għall-parteċipazzjoni minn u l-informazzjoni għaż-żgħażagħ bil-ħsieb li tiġi promossa ċ-ċittadinanza Ewropea attiva tagħhom (ĠU C 297, 7.12.2006, p.6).

    (5)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.

    (6)  ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47.


    Top