Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D2955

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2955 tal-21 ta’ Novembru 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-emenda tal-Protokoll 2 ta’ dak il-Ftehim fir-rigward tal-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji u r-Regoli tal-oriġini tranżitorji

ST/13280/2024/INIT

ĠU L, 2024/2955, 29.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2955/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2025

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2955/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2955

29.11.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2955

tal-21 ta’ Novembru 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-emenda tal-Protokoll 2 ta’ dak il-Ftehim fir-rigward tal-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji u r-Regoli tal-oriġini tranżitorji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/998 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2015.

(2)

Skont l-Artikolu 117 tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni, stabbilit skont l-Artikolu 115 tal-Ftehim (il-“Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni”) jista’ jieħu deċiżjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll 2 tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.

(3)

Fil-laqgħa tiegħu li jmiss, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni għandu jieħu deċiżjoni dwar emenda tal-Protokoll 2 tal-Ftehim.

(4)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni, peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni ser ikollha effetti legali.

(5)

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE (2) u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/2198 (3), il-Kunsill appoġġa l-emenda tal-Konvenzjoni li tipprevedi sett ġdid ta’ regoli tal-oriġini modernizzati u aktar flessibbli (l-“emenda tal-Konvenzjoni”). L-emenda tal-Konvenzjoni ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025.

(6)

Fil-laqgħa teknika li saret fi Brussell fil-5 ta’ Frar 2020, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni qablu li jimplimentaw sett alternattiv ta’ regoli tal-oriġini, abbażi tal-emenda tal-Konvenzjoni fuq bażi tranżitorja u bilaterali (ir-“Regoli tranżitorji”). Ir-Regoli tranżitorji japplikaw b’mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni, sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni.

(7)

L-applikazzjoni tar-Regoli tranżitorji tiżgura l-adattament tal-flussi kummerċjali u l-prattiki doganali sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni.

(8)

Mill-1 ta’ Settembru 2021, daħal fis-seħħ għadd ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tal-oriġini fost diversi Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni (4) li jagħmlu applikabbli r-Regoli tranżitorji. Fir-rigward tal-Bożnija-Ħerzegovina, il-Protokoll 2 tal-Ftehim ġie sostitwit minn Protokoll 2 ġdid bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni UE-Bożnija-Ħerzegovina (5). Ir-Regoli tranżitorji huma stabbiliti fl-Appendiċi A ta’ dak il-Protokoll 2 ġdid.

(9)

L-objettiv tar-Regoli tranżitorji huwa li jipprevedu regoli inqas stretti, li jagħmluha aktar faċli għall-oġġetti biex tikkwalifika għal status oriġinarju preferenzjali.. Peress li r-Regoli tranżitorji huma, b’mod ġenerali, inqas strettiminn dawk tal-Konvenzjoni, l-oġġetti li jissodisfaw ir-regoli tal-oriġini stabbiliti fil-Konvenzjoni jistgħu jikkwalifikaw ukoll bħala li joriġinaw skont ir-Regoli tranżitorji, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli kklassifikati fil-Kapitoli 2, 4 sa 15 u 16 (ħlief għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u l-Kapitoli 17 sa 24 tas-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija. Ir-Regoli tranżitorji huma applikabbli b’mod parallel mar-regoli tal-oriġini stabbiliti fil-Konvenzjoni, u b’hekk joħolqu żewġ żoni distinti ta’ akkumulazzjoni tal-oriġini. F’dak il-kuntest, jista’ jiġri li l-oġġetti jaqgħu taħt iż-żewġ settijiet ta’ regoli tal-oriġini simultanjament. Skont il-prinċipju tal-permeabbiltà fl-Artikolu 21(1), il-punt (d), tal-Appendiċi A tal-Protokoll 2 tal-Ftehim (“permeabbiltà”), l-oġġetti li jkunu kisbu status oriġinarju skont sett wieħed ta’ regoli tal-oriġini jistgħu jitqiesu wkoll bħala li joriġinaw skont is-sett l-ieħor ta’ regoli tal-oriġini. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni u r-Regoli tranżitorji, jenħtieġ li l-Artikolu 8 tal-Appendiċi A tal-Protokoll 2 tal-Ftehim jiġi emendat.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), fil-laqgħa tiegħu li jmiss, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-emenda tal-Protokoll 2 tal-Ftehim fir-rigward tal-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, minn naħa waħda, u r-Regoli tal-oriġini tranżitorji inklużi fl-Appendiċi A tal-Protokoll 2 tal-Ftehim, min-naħa l-oħra, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2025.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

SZIJJÁRTÓ P.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/998 tal-21 ta’ April 2015 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra (ĠU L 164 30.6.2015, p. 548).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2198 tal-25 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt imwaqqaf mill-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji fir-rigward tal-emendar tal-Konvenzjoni (ĠU L 339, 30.12.2019, p. 1).

(4)  L-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Konfederazzjoni Żvizzera (inkluż il-Liechtenstein), in-Norveġja, il-Gżejjer Faeroe, l-Istat ta’ Iżrael, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, il-Palestina (din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni), ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo), ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Repubblika tas-Serbja, il-Montenegro, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna.

(5)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni UE-Bożnija-Herzegovina tal-11 ta’ Diċembru 2023 li temenda l-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, billi tissostitwixxi l-Protokoll 2 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva [2024/245] (ĠU L, 2024/245, 18.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/245/mt).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2955/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top