Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0459

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/459 tal-1 ta’ Frar 2024 dwar l-istabbiliment tal-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali għat-Tewmin Diġitali Lokali f’Network lejn CitiVERSE (LDT CitiVERSE EDIC)

C/2024/391

ĠU L, 2024/459, 7.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/459/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/459/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/459

7.2.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/459

tal-1 ta’ Frar 2024

dwar l-istabbiliment tal-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali għat-Tewmin Diġitali Lokali f’Network lejn CitiVERSE (LDT CitiVERSE EDIC)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi Konsorzji għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea (“EDICs”).

(2)

Fl-20 ta’ Diċembru 2023, il-Kroazja, l-Estonja, Franza, il-Latvja, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja appellaw lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali għat-Tewmin Diġitali Lokali f’Network lejn CitiVERSE (LDT CitiVERSE EDIC). Iċ-Ċekja ngħaqdet ma’ din it-talba fl-4 ta’ Jannar.

(3)

Bħala Stat Membru ospitanti, Spanja pprovdiet dikjarazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (d) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 li tirrikonoxxi l-LDT CitiVERSE EDIC bħala korp internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 143(1), il-punt (g) u l-Artikolu 151(1), il-punt (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2) u bħala organizzazzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 11(1), il-punt (b) tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (3), mid-data li fiha jiġi stabbilit l-EDIC.

(4)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 u kkonkludiet li din kienet tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 21 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481, il-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 23(1) ta’ dik id-Deċiżjoni ġie kkonsultat dwar l-istabbiliment tal-LDT CitiVERSE EDIC u ta opinjoni pożittiva.

(6)

L-intelliġenza artifiċjali (IA) hija mutur ewlieni fl-iżvilupp u l-introduzzjoni tat-Tewmin Diġitali Lokali, u tgħin lill-bliet joperaw b’mod aktar effiċjenti. Peress li l-Unjoni Ewropea tinsab fuq quddiem nett fl-isforzi biex tappoġġa l-innovazzjoni responsabbli f’AI affidabbli, LDT CitiVERSE EDIC se tippromwovi qasam ta’ applikazzjoni emerġenti għall-innovazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali u toffri opportunitajiet ġodda għall-iżviluppaturi tal-IA u għan-negozji ġodda.

(7)

Il-kompitu tal-LDT CitiVERSE EDIC għandu jkun li jimplimenta t-Tewmin Diġitali Lokali f’Network lejn CitiVERSE fiż-żona tal-proġett multinazzjonali tal-infrastruttura komuni Ewropea tad-data u tas-servizzi relatati mal-IA. Fl-attivitajiet tagħha f’dan il-qasam, LDT CitiVERSE EDIC għandha tiżviluppa azzjoni konġunta komuni mill-Istati Membri tal-UE għall-implimentazzjoni ta’ ekosistema diġitali b’saħħitha madwar il-komponenti infrastrutturali kondiviżi u t-teknoloġiji tal-ogħla livell għad-data, servizzi bbażati fuq l-IA u elementi relatati għal Komunitajiet Intelliġenti bbażati fuq il-cloud.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar id-Deċennju Diġitali stabbilit bl-Artikolu 23(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali għat-Tewmin Diġitali Lokali f’Network lejn CitiVERSE (LDT CitiVERSE) EDIC huwa b’dan stabbilit.

2.   L-LDT CitiVERSE EDIC għandu jkollu personalità ġuridika u għandu jgawdi, f’kull wieħed mill-Istati Membri, mill-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lill-entitajiet ġuridiċi skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. B’mod partikolari, dan jista’ jikseb, jippossjedi jew jiddisponi minn proprjetà mobbli, immobbli u intellettwali, jikkonkludi kuntratti u jkun parti fi proċedimenti ġudizzjarji.

3.   L-elementi essenzjali tal-istatuti tal-LDT CitiVERSE EDIC, kif miftehma bejn il-membri tiegħu, huma annessi ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2481/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/262/oj).


ANNESS

ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-LDT CitiVERSE EDIC

1)   Li jikkorrispondu għall-Artikolu 17(1)(c) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:

Artikolu 2

L-isem, is-sede, il-post u l-lingwa operattiva

 

   […]

2.   L-isem tal-EDIC imsemmi fil-paragrafu (1) għandu jkun “Tewmin Diġitali Lokali f’Network lejn CitiVERSE EDIC”, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ LDT CitiVERSE EDIC.

3.   L-LDT CitiVERSE EDIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu f’Valenzja (Spanja).

2)   Li jikkorrispondu għall-Artikolu 17(1)(d) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:

Artikolu 30

Durata

1.   L-LDT CitiVERSE EDIC għandu jeżisti għal perjodu ta’ żmien indefinit.

Artikolu 31

Stralċ

1.   L-istralċ tal-LDT CitiVERSE EDIC għandu jiġi deċiż mill-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 11.

2.   Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni biex jiġi stralċat l-LDT CitiVERSE EDIC, l-LDT CitiVERSE EDIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni.

3.   L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-djun ta’ LDT CitiVERSE EDIC għandhom jitqassmu fost il-membri b’mod proporzjonat mal-kontribut annwali akkumulat tagħhom għall-LDT CitiVERSE EDIC, kif speċifikat fl-Artikolu 10, jew jiġu trasferiti lil entità ġuridika oħra, jekk din l-entità tkompli l-attivitajiet tal-EDIC.

4.   Mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem mill-għeluq tal-proċedura ta’ stralċ, l-LDT CitiVERSE EDIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.

3)   Li jikkorrispondu għall-Artikolu 17(1)(e) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:

Artikolu 22

Responsabbiltà u assigurazzjoni

1.   EDIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

2.   L-obbligazzjoni finanzjarja tal-membri għad-djun tal-EDIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi pprovduti lill-EDIC, kif speċifikat fl-Anness III.

3.   L-Unjoni Ewropea ma għandhiex tkun responsabbli għad-djun tal-LDT CitiVERSE EDIC.

4)   Li jikkorrispondu għall-Artikolu 17(1)(i) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:

Artikolu 21

Eżenzjonijiet mit-taxxa u mid-dazju tas-sisa

1.   L-eżenzjonijiet mill-VAT ibbażati fuq l-Artikoli 143(1)(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, għandhom ikunu limitati għal xiri mill-LDT CitiVERSE EDIC u mill-membri tal-LDT CitiVERSE EDIC li huma għall-użu uffiċjali u esklussiv mil-LDT CitiVERSE EDIC dment li tali xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-LDT CitiVERSE EDIC f’konformità mal-attivitajiet tiegħu.

2.   L-eżenzjonijiet mill-VAT għandhom ikunu limitati għal xiri li jaqbeż il-valur ta’ EUR 300.

3.   L-eżenzjonijiet mid-Dazju tas-Sisa abbażi tal-Artikolu 11(1), punt (b), tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262, għandhom ikunu limitati għal xiri mill-LDT CitiVERSE EDIC li jkun għall-użu uffiċjali u esklużiv tal-LDT CitiVERSE EDIC, dment li tali xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-LDT CitiVERSE EDIC f’konformità mal-attivitajiet tiegħu u li x-xiri jaqbeż il-valur ta’ EUR 300.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/459/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top