EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1329

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1329 tad-29 ta’ Ġunju 2023 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għall-gliċerol (E 422), għall-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) u għall-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/4285

ĠU L 166, 30.6.2023, p. 66–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1329/oj

30.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 166/66


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1329

tad-29 ta’ Ġunju 2023

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għall-gliċerol (E 422), għall-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) u għall-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati biex jintużaw fl-ikel u l-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(3)

Il-listi tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel u l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu aġġornati f’konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, b’inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li tkun saret applikazzjoni.

(4)

Il-gliċerol (E 422), l-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) u l-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) huma sustanzi awtorizzati f’konformità mal-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(5)

Fil-15 ta’ Marzu 2017, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ħarġet opinjoni xjentifika dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-gliċerol (E 422) bħala addittiv tal-ikel (4), fejn ikkonkludiet li ma kienx hemm bżonn ta’ konsum aċċettabbli ta’ kuljum numeriku, u li ma kien hemm l-ebda tħassib dwar is-sikurezza tal-addittiv tal-ikel għall-użi rrapportati. L-Awtorità rrakkomandat xi modifiki fl-ispeċifikazzjonijiet għall-E 422 stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 231/2012 u li tingħatalha aktar informazzjoni dwar l-użi u l-livelli tal-użu.

(6)

Fit-23 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni nediet sejħa pubblika għal data teknika dwar l-addittiv tal-ikel ġliċerol (E 422), u speċifikat id-data meħtieġa identifikata mill-Awtorità.

(7)

Wara l-preżentazzjoni tad-data mill-operaturi kummerċjali interessati, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità tipprovdi opinjoni xjentifika biex tikkonferma li d-data teknika pprovduta mill-operaturi kummerċjali interessati kienet suffiċjenti biex tappoġġa emenda fl-ispeċifikazzjonijiet għall-addittiv tal-ikel, il-gliċerol (E 422), biex jinġiebu f’konformità mal-istandards attwali, kif kienet irrakkomandat l-Awtorità.

(8)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha adottata fit-18 ta’ Mejju 2022 (5), l-Awtorità kkonkludiet li l-ispeċifikazzjonijiet attwali għall-gliċerol (E 422) kellhom jiġu adattati b’mod partikolari billi jitbaxxew il-limiti massimi għall-elementi tossiċi (arseniku, ċomb, merkurju u kadmju), billi jitħassar il-metodu ta’ identifikazzjoni bbażat fuq il-formazzjoni tal-akroleina mat-tisħin, billi jitħassar it-test għall-preżenza tal-akroleina, billi jiġi inkluż limitu massimu għall-akroleina u billi tiġi mmodifikata d-definizzjoni tal-gliċerol (E 422).

(9)

Għalhekk jixraq li jiġu emendati l-ispeċifikazzjonijiet għall-gliċerol (E 422). Jenħtieġ li d-definizzjoni tal-addittiv tal-ikel tiġi emendata biex tkun ristretta għall-proċessi tal-manifattura li dwarhom kienet ivvalutat id-data l-Awtorità. Jenħtieġ li jitbaxxew il-limiti massimi attwali għall-elementi tossiċi f’konformità mal-opinjoni xjentifika tal-Awtorità, filwaqt li jitqiesu l-livelli li jistgħu jinkisbu fil-preżent billi tintuża prattiki tajba ta’ manifattura. Jenħtieġ li jitħassar il-metodu ta’ identifikazzjoni għall-gliċerol ibbażat fuq il-formazzjoni tal-akroleina mat-tisħin, meta wieħed iqis li l-kontenut tal-gliċerol fl-E 422 għandu jiġi ddeterminat b’metodu analitiku xieraq. Jenħtieġ li jitħassar it-test għall-preżenza tal-akroleina u li jiġi inkluż limitu numeriku massimu għall-akroleina bi qbil mal-opinjoni xjentifika tal-Awtorità u filwaqt li jitqies il-livell li bħalissa jista’ jinkiseb bl-applikazzjoni ta’ prattiki tajba ta’ manifattura.

(10)

Meta jitqies li l-Awtorità ma identifikatx tħassib immedjat dwar is-saħħa marbut mal-preżenza ta’ elementi tossiċi u l-akroleina, huwa xieraq li matul perjodu tranżizzjonali jiġi permess l-użu tal-addittiv tal-ikel, il-gliċerol (E 422), imqiegħed fis-suq legalment qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(11)

Għall-istess raġunijiet, huwa xieraq li l-ikel li jkun fih l-addittiv tal-ikel, il-gliċerol (E 422), li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ikun jista’ jkompli jitqiegħed fis-suq għal perjodu tranżizzjonali u jibqa’ fis-suq sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”.

(12)

Fl-20 ta’ Diċembru 2017, l-Awtorità ħarġet opinjoni xjentifika dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) bħala addittiv tal-ikel (6), li kkonkludiet li ma kienx hemm bżonn ta’ konsum aċċettabbli ta’ kuljum numeriku u li l-addittiv tal-ikel ma kien ta’ ebda tħassib għas-sikurezza bl-użi u bil-livelli tal-użu rrapportati. L-Awtorità rrakkomandat xi modifiki fl-ispeċifikazzjonijiet għall-E 475 stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 231/2012.

(13)

Fit-23 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni nediet sejħa pubblika għal data teknika dwar l-addittiv tal-ikel l-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475), li kellha fil-mira d-data meħtieġa identifikata mill-Awtorità.

(14)

Wara l-preżentazzjoni tad-data mill-operaturi kummerċjali interessati, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità tipprovdi opinjoni xjentifika biex tikkonferma li d-data teknika pprovduta mill-operaturi kummerċjali interessati kienet suffiċjenti biex tappoġġa emenda fl-ispeċifikazzjonijiet għall-addittiv tal-ikel esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) biex jinġiebu f’konformità mal-istandards attwali, kif irrakkomandat mill-Awtorità.

(15)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, adottata fl-1 ta’ April 2022 (7), l-Awtorità kkonkludiet li l-ispeċifikazzjonijiet attwali għall-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) kellhom jiġu adattati b’mod partikolari billi jitnaqqsu l-limiti massimi għall-elementi tossiċi, billi jiġu inklużi l-limiti massimi għall-impuritajiet u l-kostitwenti li huma ta’ tħassib għas-sikurezza u billi tiġi mmodifikata d-definizzjoni tal-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475).

(16)

Għalhekk huwa xieraq li jiġu emendati l-ispeċifikazzjonijiet għall-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475). Id-definizzjoni tal-addittiv tal-ikel jenħtieġ li tiġi emendata sabiex l-użu tal-gliċerol għall-produzzjoni tal-addittiv tal-ikel jiġi ristrett għall-gliċerol li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet għall-addittiv tal-ikel (E 422). Il-limiti massimi attwali għall-elementi tossiċi jenħtieġ li jitnaqqsu u l-limiti massimi għat-total ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u ta’ esteri tat-3-MCPD tal-aċidi xaħmin (espressi bħala 3-MCPD), għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol) u għall-aċidu eruċiku jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mal-opinjoni xjentifika tal-Awtorità u filwaqt li jitqies il-livell li bħalissa jista’ jinkiseb bl-applikazzjoni ta’ prattiki tajba ta’ manifattura.

(17)

Minħabba li qegħdin jiġu implimentati tekniki ġodda ta’ manifattura li jirriżultaw fil-produzzjoni tal-addittiv tal-ikel l-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) b’livelli aktar baxxi ta’ esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol), huwa xieraq li l-manifatturi tal-addittivi tal-ikel jingħataw perjodu tranżizzjonali biex jilħqu livell massimu ta’ 5 mg/kg għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol) fl-addittiv tal-ikel (E 475). Madankollu, minħabba li l-esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin huma ġenotossiċi u karċinoġeniċi, jenħtieġ li japplika livell massimu intermedju ta’ 10 mg/kg għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol) mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(18)

Meta jitqies li l-Awtorità ma identifikatx tħassib immedjat dwar is-saħħa relatat mal-preżenza tal-elementi tossiċi, 3-monokloropropandiol (3-MCPD), l-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi xaħmin, l-aċidu eruċiku u l-esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin, huwa xieraq li jiġi permess għal perjodu tranżizzjonali l-użu tal-addittiv tal-ikel l-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) li tqiegħed fis-suq legalment qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li jkun permess li l-ikel li jkun fih dan l-addittiv, ikompli jitqiegħed fis-suq għall-istess perjodu tranżizzjonali u jibqa’ fis-suq sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”.

(19)

Għall-istess raġunijiet u meta jitqies il-kontenut imnaqqas fih ta’ esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin, l-addittiv tal-ikel l-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) imqiegħed legalment fis-suq wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li jikkonforma mal-livell massimu intermedju mnaqqas għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol) jenħtieġ li jitħalla jintuża sakemm jispiċċaw l-istokkijiet, u l-ikel li jkun fih dan l-addittiv tal-ikel jenħtieġ li jitħalla jitqiegħed fis-suq u jibqa’ fis-suq sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”.

(20)

Fl-24 ta’ Marzu 2017, l-Awtorità ħarġet opinjoni xjentifika dwar l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) bħala addittiv tal-ikel (8). L-Awtorità kkonkludiet li s-sett ta’ data ta raġuni biex jiżdied il-konsum aċċettabbli ta’ kuljum għal 25 mg/kg bw kuljum. L-Awtorità rrakkomandat xi modifiki għall-ispeċifikazzjonijiet tal E 476 stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 231/2012.

(21)

Fit-23 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni nediet sejħa pubblika għal data teknika dwar l-addittiv tal-ikel poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476), li kellha fil-mira d-data identifikata bħala meħtieġa mill-Awtorità.

(22)

Fit-18 ta’ Marzu 2020, ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) bħala emulsjonant fis-silġ li jittiekel għall-emulsjoni tax-xaħam u taż-żejt tat-tip ilma fiż-żejt u z-zlazi emulsifikati b’kontenut ta’ xaħam ta’ aktar minn 20 %. Sussegwentement, il-Kummissjoni qegħdet l-applikazzjoni għad-disponibbiltà tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(23)

Il-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) huwa kapaċi jipproduċi emulsjonijiet stabbli ta’ ilma fiż-żejt bi qtar ta’ daqsijiet iżgħar li jistgħu jiġu ffriżati biex jipproduċu silġ artab, kremuż u li jittiekel li jeħtieġ inqas enerġija fil-proċess tal-manifattura u li jkollu aktar stabbiltà fil-katina tal-provvista tal-oġġetti ffriżati. Dan jippermetti l-użu ta’ xaħmijiet u żjut b’saturazzjoni baxxa u b’inqas zokkor fis-silġ li jittiekel. Il-livell tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) meħtieġ biex tinkiseb il-funzjoni teknoloġika maħsuba huwa 4 000 mg/kg.

(24)

Il-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) jippermetti wkoll li jitnaqqas iż-żejt fiz-zlazi emulsifikati (eż. fil-mayonnaise jew fit-taħlitiet għal fuq l-insalata) mingħajr effett negattiv fuq is-sensazzjoni fil-ħalq. Il-livell massimu awtorizzat attwalment ta’ 4 000 mg/kg mhuwiex biżżejjed għal prodotti b’kontenut ta’ xaħam ta’ aktar minn 20 %. Il-livell ta’ użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) meħtieġ biex tinkiseb il-funzjoni teknoloġika maħsuba fi prodotti b’kontenut ta’ xaħam ta’ aktar minn 20 % huwa ta’ 8 000 mg/kg.

(25)

Wara l-preżentazzjoni tad-data mill-operaturi kummerċjali interessati b’rispons għas-sejħa pubblika għad-data teknika u l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni dwar l-estensjoni tal-użu tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476), il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità tipprovdi opinjoni xjentifika biex tikkonferma li d-data teknika pprovduta mill-operaturi kummerċjali interessati kienet tappoġġa b’mod adegwat emenda fl-ispeċifikazzjonijiet għall-addittiv tal-ikel, il-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476), biex jinġiebu f’konformità mal-istandards attwali, kif irrakkomandat mill-Awtorità.

(26)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha adottata fit-30 ta’ Marzu 2022 (9), l-Awtorità kkonkludiet li l-estensjoni tal-użu proposta ma twassalx għal tħassib dwar is-sikurezza. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-ispeċifikazzjonijiet attwali għall-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) kellhom jiġu adattati b’mod partikolari billi jitbaxxew il-limiti massimi għall-elementi tossiċi, billi jiġu inklużi l-limiti massimi għall-impuritajiet li huma ta’ tħassib għas-sikurezza u billi tiġi mmodifikata d-definizzjoni tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476).

(27)

Għalhekk jixraq li l-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) jiġi awtorizzat fil-kategorija tal-ikel 03 “Silġ li jittiekel” b’livell massimu ta’ 4 000 mg/kg, jiżdied il-livell massimu awtorizzat fil-kategorija tal-ikel 12.6 “Żlazi” għal 8 000 mg/kg għaz-zlazi emulsifikati b’kontenut ta’ xaħam ta’ 20 % jew aktar u jiġu emendati l-ispeċifikazzjonijiet tiegħu fid-dawl tal-opinjoni xjentifika tal-Awtorità. Id-definizzjoni tal-addittiv tal-ikel jenħtieġ li tiġi emendata sabiex l-użu tal-gliċerol għall-produzzjoni tal-addittiv tal-ikel jiġi ristrett għall-gliċerol li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet għall-addittiv tal-ikel (E 422). Jenħtieġ li jitbaxxew il-limiti massimi attwali għall-elementi tossiċi u jenħtieġ li l-limiti massimi għat-total ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u ta’ esteri tat-3-MCPD tal-aċidi xaħmin (espressi bħala 3-MCPD) u ta’ esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol) jiġu stabbiliti f’konformità mal-opinjoni xjentifika tal-Awtorità u filwaqt li jitqies il-livell li bħalissa jista’ jinkiseb bl-applikazzjoni ta’ prattiki tajba ta’ manifattura.

(28)

Meta jitqies li l-Awtorità ma identifikatx tħassib immedjat dwar is-saħħa relatat mal-preżenza tal-elementi tossiċi, 3-monokloropropandiol (3-MCPD), l-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi xaħmin u esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin, jixraq li jiġi permess għal perjodu tranżizzjonali l-użu tal-addittiv tal-ikel il-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) li tqiegħed fis-suq legalment qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(29)

Għall-istess raġunijiet, jixraq li l-ikel li jkun fih l-addittiv tal-ikel poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ikun jista’ jkompli jitqiegħed fis-suq għal perjodu tranżizzjonali u jibqa’ fis-suq sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”.

(30)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 1333/2008 u (UE) Nru 231/2012 jiġu emendati skont dan.

(31)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-addittiv tal-ikel il-gliċerol (E 422) li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel l-20 ta’ Lulju 2023 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-arseniku, għaċ-ċomb, għall-merkurju, għall-kadmju jew għall-akroleina applikabbli mill-20 ta’ Lulju 2023 jista’ jiżdied mal-ikel f’konformità mal-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 sal-20 ta’ Jannar 2024.

L-ikel li fih l-addittiv tal-ikel il-gliċerol (E 422) li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel l-20 ta’ Lulju 2023 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-arseniku, għaċ-ċomb, għall-merkurju, għall-kadmju jew għall-akroleina applikabbli mill-20 ta’ Lulju 2023 jista’ jkompli jitqiegħed fis-suq sal-20 ta’ Jannar 2024 u jista’ jkompli jiġi kkummerċjaizzat sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”.

L-addittiv tal-ikel l-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel l-20 ta’ Lulju 2023 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-arseniku, għaċ-ċomb, għall-merkurju, għall-kadmju, għat-total ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi xaħmin (espressi bħala 3-MCPD), għall-aċidu eruċiku jew għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol) applikabbli mill-20 ta’ Lulju 2023 jista’ jiżdied mal-ikel f’konformità mal-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 sal-20 ta’ Jannar 2024.

L-ikel li fih l-addittiv tal-ikel l-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel l-20 ta’ Lulju 2023 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-arseniku, għaċ-ċomb, għall-merkurju, għall-kadmju, għat-total ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi xaħmin (espressi bħala 3-MCPD), għall-aċidu eruċiku jew għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol) applikabbli minn l-20 ta’ Lulju 2023 jista’ jkompli jitqiegħed fis-suq sal-20 ta’ Jannar 2024 u jista’ jkompli jiġi kkummerċjaizzat sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”.

L-addittiv tal-ikel l-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) li jkun tqiegħed fis-suq legalment wara l-20 ta’ Lulju 2023 u sal-20 ta’ Jannar 2024 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol) applikabbli mill-20 ta’ Jannar 2024 jista’ jiżdied mal-ikel f’konformità mal-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 sakemm jispiċċaw l-istokkijiet.

L-ikel li fih l-addittiv tal-ikel l-esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin (E 475) li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel l-20 ta’ Lulju 2023 u sal-20 ta’ Jannar 2024 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol) applikabbli mill-20 ta’ Jannar 2024 jista’ jkompli jitqiegħed fis-suq u jkompli jiġi kkummerċjalizzat sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”.

L-addittiv tal-ikel il-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel l-20 ta’ Lulju 2023 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-arseniku, għaċ-ċomb, għall-merkurju, għall-kadmju, għat-total ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi xaħmin (espressi bħala 3-MCPD), jew tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol) applikabbli minn l-20 ta’ Lulju 2023 jista’ jiżdied mal-ikel f’konformità mal-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 sal-20 ta’ Jannar 2024.

L-ikel li fih l-addittiv tal-ikel il-poliriċinoleat tal-poligliċerol (E 476) li jkun tqiegħed fis-suq legalment qabel l-20 ta’ Lulju 2023 u li ma jikkonformax mal-limiti massimi għall-arseniku, għaċ-ċomb, għall-merkurju, għall-kadmju, għat-total ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u tal-esteri tat-3-MCPD tal-aċidi xaħmin (espressi bħala 3-MCPD) jew tal-esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol) applikabbli minn l-20 ta’ Lulju 2023 jista’ jkompli jitqiegħed fis-suq sal-20 ta’ Jannar 2024 u jista’ jkompli jiġi kkummerċjaizzat sad-data ta’ durabbiltà minima tiegħu jew “id-data sa meta jista’ jintuża l-aħħar”.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(4)  EFSA Journal 2017;15(3):4720.

(5)  EFSA Journal 2022;20(6):7353.

(6)  EFSA Journal 2017;15(12):5089.

(7)  EFSA Journal 2022;20(5):7308.

(8)  EFSA Journal 2017;15(3):4743.

(9)  EFSA Journal 2022;20(5):7294.


ANNESS I

Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

(1)

fil-Kategorija 03 (Silġ li jittiekel), tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata tal-E 473-474:

 

“E 476

Poliriċinoleat tal-poligliċerol

4 000

 

ħlief is-sorbets”

(2)

fil-Kategorija 12.6 (Zlazi), l-entrata tal-E 476 (Poliriċinoleat tal-poligliċerol) hija sostitwita b’din li ġejja:

 

“E 476

Poliriċinoleat tal-poligliċerol

4 000

 

zlazi emulsifikati b’konenut ta’ xaħam inqas minn 20 % biss

 

E 476

Poliriċinoleat tal-poligliċerol

8 000

 

zlazi emulsifikati b’konenut ta’ xaħam inqas minn 20 % jew aktar, biss”


ANNESS II

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 422 Gliċerol hija sostitwita b’din li ġejja:

E 422 GLIĊEROL

Sinonimi

Gliċerin; Gliċerina

Definizzjoni

Il-gliċerol jinkiseb biss miż-żjut u x-xaħmijiet veġetali, direttament jew mill-gliċerol grezz li jinkiseb bħala prodott sekondarju mill-produzzjoni tal-bijodiżil u jsirulu proċessi ta’ purifikazzjoni li jinvolvu d-distillazzhjoni u passi oħra ta’ tindif biex jinkiseb il-gliċerol irfinut.

Einecs

200-289-5

Isem kimiku

1,2,3-propantriol; Gliċerol; Triidrossipropan

Formola kimika

C3H8NO3

Piż molekulari

92,10

Assaġġ

Kontenut ta’ gliċerol mhux inqas minn 98 % fuq il-bażi anidra

Deskrizzjoni

Likwidu b’konsistenza ta’ ġulepp igroskopiku trasparenti, bla kulur, b’riħa karatteristika ħafifa li mhijiex ħarxa jew oġġezzjonabbli

Identifikazzjoni

 

Densità relattiva (25 C/25 C)

Mhux inqas minn 1,257

Indiċi rifrattiv

[n]D 20 bejn 1,471 u 1,474

Purità

 

Kontenut ta’ ilma

Mhux iktar minn 5 % (il-metodu Karl Fischer)

Irmied sulfatat

Mhux iktar minn 0,01 % ddeterminat fi 800 ± 25 °C

Butanetrioli

Mhux iktar minn 0,2 %

Akrolein

Mhux aktar minn 3 mg/kg

Aċidi xaħmin u esteri

Mhux aktar minn 0,1 % ikkalkulat bħala aċidu butiriku

Komposti klorinati

Mhux aktar minn 30 mg/kg (bħala koru)

3-Monokloropropan-1,2-diol (3-MCPD)

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Arseniku

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Ċomb

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Merkurju

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Kadmju

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg”

(2)

l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 475 Esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin hija sostitwita b’din li ġejja:

E 475 ESTERI TAL-POLIGLIĊEROL TAL-AĊIDI XAĦMIN

Sinonimi

Esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmija; Aċidu xaħmi tal-esteri tal-poligliċerin

Definizzjoni

L-esteri tal-poligliċerol xaħmin jiġu prodotti permezz tal-esterifikazzjoni tal-poligliċerol ma’ xaħmijiet u żjut tal-ikel jew mal-aċidi xaħmin li jinsabu fix-xaħmiiet u fiż-żjut tal-ikel. Is-sehem tal-poligliċerol huwa b’mod predominanti di-, tri- u tetragliċerol u ma fihx aktar minn 10 % ta’ poligliċeroli ugwali għall-eptagliċerol jew iżjed.

Il-poligliċerol huwa prodott minn gliċerol li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet għall-E 422.

Einecs

 

Isem kimiku

 

Formola kimika

 

Piż molekulari

 

Assaġġ

Kontenut ta’ esteri tal-aċidi xaħmin mhux inqas minn 90 %

Deskrizzjoni

Likwidi żejtnin sa viskużi ħafna li jvarjaw fil-kulur bejn isfar ċar u ambra; plastiks jew solidi li jvarjaw fil-kulur minn kulur il-ġlud ikkonsati ħafif sa kannella medju; u solidi xemgħin ibsin kannella

Identifikazzjoni

 

Test għall-gliċerol

Jgħaddi mit-test

Test għall-poligliċeroli

Jgħaddi mit-test

Test għall-aċidi xaħmin

Jgħaddi mit-test

Solubbiltà

L-esteri jvarjaw minn idrofiliċi ħafna sa lipofiliċi ħafna, iżda bħala klassi għandhom tendenza li jkunu dispersibbli fl-ilma u solubbli fis-solventi u fiż-żjut organiċi

Purità

 

Irmied sulfatat

Mhux iktar minn 0,5 % (800 ± 25 °C)

Aċidi li mhumiex aċidi xaħmin

Inqas minn 1 %

Aċidi xaħmin ħielsa

Mhux aktar minn 6 % ikkalkulat bħala aċidu olejku

Total ta’ gliċerol u poligliċerol

Mhux inqas minn 18 % iżda mhux iktar minn 60 %

Gliċerol u poligliċerol ħielsa

Mhux iktar minn 7 %

Arseniku

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Ċomb

Mhux aktar minn 0,3 mg/kg

Merkurju

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Kadmju

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Somma ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u 3-MCPD esteri tal-aċidi xaħmin, espressi bħala 3-MCPD

Mhux aktar minn 2,5 mg/kg

Esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin, espressi bħala gliċidol

Mhux aktar minn 10 mg/kg Dan japplika mill-20 ta’ Lulju 2023 sal-20 ta’ Jannar 2024.

Mhux aktar minn 5 mg/kg Dan japplika mill-20 ta’ Jannar 2024.

Aċidu eruċiku

Mhux iktar minn 2 %

Il-kriterji tal-purità japplikaw għall-addittiv ħieles mill-imlieħ tas-sodju, tal-potassju u tal-kalċju tal-aċidi xaħmin, iżda dawn is-sustanzi jistgħu jkunu preżenti sa livell massimu ta’ 6 % (espressi bħala oleat tas-sodju).”;

(3)

l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 476 Poliriċinoleat tal-poligliċerol hija sostitwita b’din li ġejja:

E 476 POLIRIĊINOLEAT TAL-POLIGLIĊEROL

Sinonimi

Esteri tal-gliċerol tal-aċidi xaħmin taż-żejt ir-riġnu kkondensat; Esteri tal-poligliċerol tal-aċidi xaħmin polikondensati taż-żejt ir-riġnu; Poliriċinoleat tal-poligliċerol; PGPR

Definizzjoni

Il-poliriċinoleat tal-poligliċerol jiġi ppreparat permezz tal-esterifikazzjoni tal-poligliċerol ma’ aċidi xaħmin taż-żejt ir-riġnu kkondensat. Iż-żejt ir-riġnu li jintuża għall-produzzjoni tal-poliriċinoleat tal-poligliċerol huwa ħieles mir-riċin.

Il-poligliċerol huwa prodott minn gliċerol li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet għall-E 422.

Einecs

 

Isem kimiku

 

Formola kimika

 

Piż molekulari

 

Assaġġ

 

Deskrizzjoni

Likwidu trasparenti viskuż ħafna

Identifikazzjoni

 

Solubbiltà

Mhuwiex solubbli fl-ilma u fl-etanol; huwa solubbli fl-etere, fl-idrokarburi u fl-idrokarburi aloġenati

Test għall-gliċerol

Jgħaddi mit-test

Test għall-poligliċeroli

Jgħaddi mit-test

Test għall-aċidu riċinoleiku

Jgħaddi mit-test

Indiċi rifrattiv

[n]D 65 bejn 1,4630 u 1,4665

Purità

 

Poligliċeroli

Is-sehem tal-poligliċerol għandu jkun magħmul minn mhux inqas minn 75 % di-, tri- u tetragliċeroli u għandu jkun fih mhux aktar minn 10 % poligliċeroli ugwali għall-eptagliċerol jew iżjed.

Valur tal-idrossil

Mhux inqas minn 80 u mhux iktar minn 100

Valur tal-aċidu

Mhux iktar minn 6

Arseniku

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Ċomb

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Merkurju

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Kadmju

Mhux aktar minn 0,1 mg/kg

Is-somma ta’ 3-monokloropropandiol (3-MCPD) u 3-MCPD esteri tal-aċidi xaħmin (espressi bħala 3-MCPD)

Mhux aktar minn 2,5 mg/kg

Esteri gliċidiliċi tal-aċidi xaħmin (espressi bħala gliċidol)

Mhux aktar minn 1 mg/kg”


Top