Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1202

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1202 tal-21 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2325 fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ ċerti awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll għall-fini tal-importazzjoni ta’ prodotti organiċi fl-Unjoni

    C/2023/3942

    ĠU L 159, 22.6.2023, p. 60–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1202/oj

    22.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 159/60


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1202

    tal-21 ta’ Ġunju 2023

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2325 fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ ċerti awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll għall-fini tal-importazzjoni ta’ prodotti organiċi fl-Unjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48(3) u l-Artikolu 57(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness I tar-Regolament tal-Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2021/2325 (2) jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u l-miżuri ta’ kontroll tagħhom għall-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (3).

    (2)

    L-Indja infurmat lill-Kummissjoni li l-awtorità kompetenti tagħha rtirat l-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ kontroll “APOF Organic Certification Agency” (AOCA-IN-ORG-002), “Bhumaatha Organic Certification Bureau” (BOCB-IN-ORG-034), “Karnataka State Organic Certification Agency” (IN-ORG-027), u ssospendiet l-akkreditazzjoni tal-korp ta’ kontroll “Faircert Certification Services Pvt Ltd” (IN-ORG-023).

    (3)

    Il-Ġappun informa lill-Kummissjoni li l-awtorità kompetenti tiegħu rtirat l-akkreditazzjoni tal-korpi ta’ kontroll “Japan Grain Inspection Association” (JP-BIO-039) u “OCIA Japan” (JP-BIO-008).

    (4)

    Il-Ġappun informa lill-Kummissjoni li l-awtorità kompetenti tiegħu rrikonoxxiet il-korp ta’ kontroll “Japan Association for Inspection and Investigation of Food Including Fats and Oils” (JP-BIO-042).

    (5)

    Ir-Repubblika tal-Korea talbet lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi, apparti l-Ministeru tal-Agrikoltura, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali, is-Servizz Nazzjonali ta’ Ġestjoni tal-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli bħala awtorità kompetenti.

    (6)

    L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2325 jistabbilixxi l-lista tal-awtoritajiet ta’ kontroll u tal-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti għall-fini ta’ ekwivalenza, u li huma kompetenti biex iwettqu l-kontrolli u joħorġu ċ-ċertifikati f’pajjiżi terzi. Fid-dawl ta’ informazzjoni u talbiet ġodda li rċeviet il-Kummissjoni mill-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2325, jenħtieġ li jsiru ċerti bidliet f’dik il-lista.

    (7)

    Il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand “Albinspekt bio.inspecta” biex tirtira r-rikonoxximent tagħha għall-pajjiżi terzi kollha li hija rikonoxxuta għalihom, minħabba l-fużjoni tagħha ma’ “Bio.inspecta AG”.

    (8)

    Għadd ta’ kunsinni ta’ prodotti importati mill-Indja u mill-Eġittu ċċertifikati bħala organiċi minn “Biocert International Pvt Ltd”, ġew ikkontaminati bi prodotti u sustanzi mhux permessi fil-produzzjoni organika u/jew fil-produzzjoni konvenzjonali fl-Unjoni, inkluż l-ossidu tal-etilen (ETO), li huwa karċinoġeniku, mutaġeniku u tossiku għar-riproduzzjoni. Dan irriżulta f’għadd ta’ notifiki fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika (OFIS). Il-livelli ta’ kontaminazzjoni misjuba fil-kunsinni normalment jaqbżu l-livelli massimi ta’ residwi għall-ETO stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (9)

    Barra minn hekk, “Biocert International Pvt Ltd” naqset milli turi li l-prodotti organiċi importati taħt il-kontroll tagħha ġew prodotti f’konformità mar-regoli tal-produzzjoni u soġġetti għal arranġamenti ta’ kontroll ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 834/2007 u fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (5) u (KE) Nru 1235/2008 (6).

    (10)

    Biocert naqset ukoll milli turi li l-operaturi kollha kkontrollati minn “Biocert International Pvt Ltd” kienu soġġetti għal miżuri ta’ kontroll ta’ effettività ekwivalenti u li tali miżuri ta’ kontroll ġew applikati b’mod permanenti u effettiv f’konformità mal-Artikolu 33(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007.

    (11)

    Barra minn hekk, “Biocert International Pvt Ltd” naqset milli tieħu miżuri korrettivi adegwati b’reazzjoni għall-irregolaritajiet u għall-ksur osservati.

    (12)

    Fl-aħħar nett, il-korp ta’ akkreditazzjoni IOAS informa lill-Kummissjoni dwar l-irtirar tal-akkreditazzjoni ISO/IEC 17065 tiegħu ta’ “Biocert International Pvt Ltd” għall-kategoriji kollha tal-prodotti u fil-pajjiżi terzi kollha li għalihom kienet akkreditata minħabba nuqqas ta’ konformità mas-sanzjonijiet preċedenti, biex jieħu l-azzjonijiet speċifikati meħtieġa u biex isolvi n-nuqqasijiet ta’ konformità.

    (13)

    Għal kull waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (8)-(12) hawn fuq, u f’konformità mal-Artikolu 4(1)(d)(v) u (vii) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1342 (7), jenħtieġ li “Biocert International Pvt Ltd” tiġi rtirata mil-lista tal-awtoritajiet ta’ kontroll u tal-korpi ta’ kontroll stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2325.

    (14)

    “Ecogruppo Italia” infurmat lill-Kummissjoni dwar il-bidla fl-indirizz tagħha.

    (15)

    Il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand “Indocert” biex jiġi rtirat ir-rikonoxximent tagħha għall-Kambodja.

    (16)

    Il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand “Kiwa BCS Öko-Garantie GmbH” biex tirtira r-rikonoxximent tagħha għall-Albanija, il-Bangladesh, il-Belarussja, il-Bhutan, Kuba, l-Etjopja, il-Guinea-Bissau, l-Indja, l-Iran, il-Kosovo, il-Mongolja, in-Nepal u l-Pakistan. Barra minn hekk, “Kiwa BCS Öko-Garantie GmbH” infurmat lill-Kummissjoni dwar il-bidla fl-indirizz tal-Internet tagħha.

    (17)

    “Organic Standard” infurmat lill-Kummissjoni dwar il-bidla fl-indirizz tal-Internet tagħha.

    (18)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2325 jiġi emendat skont dan.

    (19)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2325 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

    (2)

    L-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ġunju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2325 tas-16 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-lista ta’ pajjiżi terzi u l-lista ta’ awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll li ġew rikonoxxuti skont l-Artikolu 33(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 għall-fini tal-importazzjoni ta’ prodotti organiċi fl-Unjoni (ĠU L 465, 29.12.2021, p. 8).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25).

    (7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1342 tas-27 ta’ Mejju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-pajjiżi terzi u mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll għall-finijiet tas-superviżjoni tar-rikonoxximent tagħhom skont l-Artikolu 33(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 għall-prodotti organiċi importati u l-miżuri li għandhom jittieħdu fl-eżerċizzju ta’ dik is-superviżjoni (ĠU L 292, 16.8.2021, p. 20).


    ANNESS I

    L-Anness I għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2325 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fit-tabella fil-punt 5 tal-entrata għal “L-INDJA”, jitħassru r-ringieli għan-numri tal-kodiċi IN-ORG-002, IN-ORG-023, IN-ORG-027 u IN-ORG-034;

    (2)

    fl-entrata għal “IL-ĠAPPUN”, it-tabella fil-punt 5 hija emendata kif ġej:

    (a)

    jitħassru r-ringieli għan-numri tal-kodiċi JP-BIO-008 u JP-BIO-039;

    (b)

    tiżdied ir-ringiela li ġejja:

    “JP-BIO-042

    Japan Association for Inspection and Investigation of Food Including Fats and Oils

    www.syken.or.jp”

    (3)

    fl-entrata għal “IR-REPUBBLIKA TAL-KOREA”, il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.

    Awtoritajiet kompetenti: Ministry of Agriculture, Food and Rural Affairs, www.enviagro.go.kr/portal/en/main.do u National Agricultural Products Quality Management Service (NAQS), www.naqs.go.kr/eng/main/main.do”.


    ANNESS II

    L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2325 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-entrata għal “Albinspekt bio.inspecta” titħassar;

    (2)

    l-annotazzjoni għal “Biocert International Pvt Ltd” titħassar;

    (3)

    fl-entrata għal “Ecogruppo Italia”, il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.

    Indirizz: Via Siracusa fil-kantuniera ta’ Via Merano 95037 - San Giovanni La Punta/Catania-l-Italja”;

    (4)

    fit-tabella fil-punt 3 tal-entrata għal “Indocert”, ir-ringiela tal-Kambodja titħassar;

    (5)

    l-entrata għal “Kiwa BCS Öko-Garantie GmbH” hija emendata kif ġej:

    (a)

    il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.

    Indirizz tal-Internet: www.kiwa.de/bio”;

    (b)

    fit-tabella fil-punt 3, jitħassru r-ringieli għall-Albanija, il-Bangladesh, il-Belarussja, il-Bhutan, Kuba, l-Etjopja, il-Guinea-Bissau, l-Indja, l-Iran, il-Kosovo, il-Mongolja, in-Nepal u l-Pakistan;

    (6)

    fl-entrata għal “Organic Standard”, il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.

    Indirizz tal-Internet: http://www.organicstandard.ua”.


    Top