Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1193

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1193 tal-14 ta’ Marzu 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjan ta’ riżoluzzjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/1595

ĠU L 158, 21.6.2023, p. 48–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1193/oj

21.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/48


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1193

tal-14 ta’ Marzu 2023

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjan ta’ riżoluzzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(9), ir-raba’ subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Meta jfasslu l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jiżguraw li jikkunsidraw l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 12(7), il-punti (a) sa (s) tar-Regolament (UE) 2021/23. L-istandards għall-kontenut tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jkunu dettaljati biżżejjed sabiex jiżguraw li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jkunu mmirati u utli għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li jippermettu wkoll flessibbiltà suffiċjenti sabiex jitqiesu l-qafas legali nazzjonali fil-qasam tad-dritt tal-insolvenza, kif ukoll in-natura u l-kumplessità tan-negozju tal-ikklerjar tas-CCP.

(2)

Filwaqt li l-elementi kollha li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, li huma regolati fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/23, jenħtieġ li jiġu inklużi fil-pjan ta’ riżoluzzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li tiżgura li dawn l-elementi jkunu riflessi fil-pjan ta’ riżoluzzjoni b’mod xieraq filwaqt li tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-kontroparti ċentrali (CCP), bħan-natura u l-kumplessità tan-negozju tal-ikklerjar li din twettaq.

(3)

Is-sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjan ta’ riżoluzzjoni msemmi fl-Artikolu 12(7), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/23 jenħtieġ li jkun konċiż u ffokat iżda fl-istess ħin ikun fih biżżejjed spjegazzjonijiet sabiex ikopri l-elementi ewlenin tal-pjan li għandhom jiġu ddivulgati lis-CCP. Is-sommarju jenħtieġ li jagħmel lis-CCPs konxji tal-azzjonijiet ewlenin li jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu u tad-data li jenħtieġ li jkunu jistgħu jissottomettu. Is-sommarju jenħtieġ li jiffoka fuq fejn dak il-pjan jista’ jkollu impatt materjali fuq l-ippjanar tal-irkupru u tal-ġestjoni tal-kriżijiet tas-CCP, u jiċċara kwalunkwe aspettattiva mis-CCP fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-fażi ta’ riżoluzzjoni u l-miżuri li jistgħu jaffettwaw il-funzjonijiet tas-CCP.

(4)

Sabiex jiġu żgurati l-adegwatezza u l-proporzjonalità ġenerali tal-pjan ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li dan ikun fih xenarji ta’ riżoluzzjoni u strateġiji ta’ riżoluzzjoni. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jkollha l-għodod, fil-forma ta’ tipi differenti ta’ xenarji possibbli, inklużi l-kombinazzjonijiet tagħhom, sabiex toħloq xenarji rilevanti u xierqa għas-CCP, u lista ta’ aspetti ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu stabbiliti strateġiji ta’ riżoluzzjoni għax-xenarji ta’ riżoluzzjoni.

(5)

Sabiex iqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-qafas legali nazzjonali applikabbli fil-qasam tad-dritt tal-insolvenza, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jkollhom il-flessibbiltà li jikkunsidraw xi aspetti tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni bir-reqqa, bħall-mekkaniżmu skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) 2021/23, u kwalunkwe differenza bejn il-klassifikazzjoni tal-kredituri skont il-proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza u l-ordni ta’ assorbiment tat-telf stabbilita skont dak ir-Regolament. Din il-flessibbiltà ġenerali hija evidenzjata minn dan ir-Regolament, li jipprovdi l-elementi li għandhom jiġu riflessi fil-pjan ta’ riżoluzzjoni, mingħajr preġudizzju għall-flessibbiltà meħtieġa skont ir-Regolament (UE) 2021/23. L-elementi speċifikati f’dan ir-Regolament lanqas ma jipprekludu lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni milli tiddetermina aspetti oħrajn li għandhom jiġu riflessi fil-pjan ta’ riżoluzzjoni.

(6)

Sabiex tiġi ffaċilitata u żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan ta’ riżoluzzjoni, huwa essenzjali li, meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun ivvalutat ċerti aspetti tas-CCP b’mod differenti mill-valutazzjoni proprja tas-CCP skont il-pjan ta’ rkupru, dawn id-differenzi jitqiesu fid-dawl ta’ impatt possibbli fuq l-implimentazzjoni rapida tal-pjan ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, fejn jiġu identifikati xi differenzi, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li tikkunsidrahom fil-pjan ta’ riżoluzzjoni u tevalwahom sabiex tifhem l-effett tagħhom, jekk ikun hemm, fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riżoluzzjoni.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni, fejn meħtieġ, ikunu jistgħu jiġu implimentati b’mod effettiv fi żmien xieraq, huwa essenzjali li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu “ittestjaw bl-evidenza” l-applikazzjoni tal-pjan ta’ riżoluzzjoni maħsub, sa fejn ikun possibbli, billi jittestjaw il-proċessi u l-proċeduri fid-dettall. Tali ttestjar jenħtieġ li jinkludi l-bgħit ta’ posta elettronika u informazzjoni sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe azzjoni ppjanata minn qabel, relatata ma’ kif u meta għandhom jittieħdu ċerti passi u kif u meta tinġabar ċerta informazzjoni, tkun fattibbli f’kundizzjonijiet ta’ stress u li kwalunkwe impediment li jinstab jiġi kkoreġut sabiex jiġi żgurat, sa fejn ikun possibbli, li l-perjodi ta’ żmien stmati x’aktarx jiġu rrispettati.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-impjegati ewlenin jibqgħu fis-CCP matul il-fażi ta’ riżoluzzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li tipprova tivvaluta u tantiċipa strutturi ta’ inċentivi li għandhom jintużaw, possibbilment mhux biss marbuta mal-qligħ futur tas-CCPs, iżda wkoll rimunerazzjoni diretta u jenħtieġ li jikkunsidraw kif jiżguraw biżżejjed persunal billi jikkunsidraw l-ingaġġi għal żmien qasir, l-iskambji, l-allokazzjonijiet temporanji jew l-arranġamenti ta’ konsulenza tal-impjegati, fejn rilevanti, sabiex is-CCPs ikollhom il-kompetenza li jeħtieġu.

(9)

Sabiex tiżgura kooperazzjoni rapida u effiċjenti mal-awtoritajiet li l-oqsma ta’ kompetenza tagħhom ikunu affettwati mill-falliment ta’ CCP, u li huma rrappreżentati fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni kif definit skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li tħejji u tittestja regolarment l-arranġamenti għan-notifika tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni u għall-komunikazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

(10)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) wara li kkonsultat lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

(11)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Valutazzjoni tal-kwantifikazzjoni

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tivvaluta kif l-aspetti differenti tal-pjan ta’ riżoluzzjoni huma kkwantifikati jew jistgħu jiġu kkwantifikati meta tfassal il-pjan ta’ riżoluzzjoni u għandha tipprovdi spjegazzjonijiet dwar kif u sa liema punt twettqet valutazzjoni kwantitattiva għal ċertu aspett tal-pjan ta’ riżoluzzjoni. Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tasal għall-konklużjoni li valutazzjoni kwantitattiva la tkun xierqa u lanqas possibbli fir-rigward ta’ aspett speċifiku tal-pjan ta’ riżoluzzjoni, dan jenħtieġ li jiġi ddikjarat fil-pjan ta’ riżoluzzjoni.

Artikolu 2

Sommarju ta’ elementi ewlenin tal-pjan ta’ riżoluzzjoni

Meta tħejji sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjan ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

l-elementi ewlenin tal-istrateġiji ta’ riżoluzzjoni stabbiliti u x-xenarji ewlenin sottostanti skont il-pjan ta’ riżoluzzjoni, b’distinzjoni bejn l-avvenimenti ta’ inadempjenza, l-avvenimenti mhux ta’ inadempjenza u kombinazzjoni tat-tnejn;

(b)

sommarju qasir tal-elementi ewlenin tal-pjan ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mill-punti skont l-Artikolu 12(7), il-punti (b) sa (s), tar-Regolament (UE) 2021/23 li jiffoka fuq l-aspetti rilevanti għas-CCP:

(i)

l-azzjonijiet ewlenin li s-CCP jenħtieġ li tkun tista’ twettaq;

(ii)

data li s-CCP jenħtieġ li tkun tista’ tissottometti;

(iii)

kwalunkwe aspett tal-pjan li x’aktarx ikollu impatt materjali fuq l-ippjanar tal-irkupru u tal-ġestjoni tal-kriżijiet tas-CCP.

Artikolu 3

Sommarju ta’ bidliet materjali

Meta tħejji sommarju tal-bidliet materjali fil-pjan ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jinkludi bidliet materjali li jikkonċernaw mill-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

is-swieq fejn topera s-CCP, il-linji tan-negozju meqjusa bħala ewlenin għas-CCP, u s-servizzi tal-ikklerjar offruti mis-CCP;

(b)

l-arranġamenti tal-interoperabbiltà tas-CCP jew l-interdipendenzi tas-CCP, inklużi l-fornituri ta’ servizzi tas-CCP;

(c)

il-kapital u l-istruttura kapitali tas-CCP, inklużi l-ammonti ta’ riżorsi proprji ddedikati ffinanzjati minn qabel;

(d)

ir-rekwiżiti prudenzjali tas-CCP, inklużi bidliet fil-metodoloġiji tal-fond tal-inadempjenza, fl-oqfsa tal-immaniġġjar tar-riskju tal-marġni u tal-likwidità, fil-politiki ta’ investiment, fil-politiki tal-kollateral u fis-saldu;

(e)

ir-rekwiżiti mhux prudenzjali tas-CCP, inklużi l-aspetti organizzattivi bħall-istruttura organizzazzjonali, il-kontinwità tan-negozju u l-esternalizzazzjoni, u bidliet materjali fir-regoli tat-twettiq tan-negozju tas-CCP, inkluża l-kompożizzjoni tas-sħubija tas-CCP u bidliet rigward is-segregazzjoni u l-portabbiltà;

(f)

l-istruttura tal-istrutturi ta’ inċentivi tas-sjieda u tal-maniġers tas-CCP;

(g)

ix-xenarji ta’ riżoluzzjoni u l-istrateġiji ta’ riżoluzzjoni.

Artikolu 4

Funzjonijiet kritiċi

Meta tħejji deskrizzjoni ta’ kif il-funzjonijiet kritiċi tas-CCP jistgħu jiġu sseparati legalment u ekonomikament f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-funzjonijiet meqjusa bħala kritiċi mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni;

(b)

fejn jeżistu differenzi materjali meta mqabbla mal-lista ta’ funzjonijiet kritiċi tal-pjan ta’ rkupru, deskrizzjoni dettaljata tar-raġunijiet ewlenin għaliex l-awtorità ta’ riżoluzzjoni vvalutat il-funzjonijiet kritiċi b’mod differenti, l-effetti materjali ta’ tali valutazzjoni differenti u kif dan jista’ jaffettwa r-riżolvibbiltà tas-CCP;

(c)

deskrizzjoni tad-dipendenzi ewlenin bejn il-funzjonijiet kritiċi u l-interdipendenzi kritiċi u tal-arranġamenti u l-proċessi interni u esterni ewlenin, inklużi l-operazzjonijiet, il-proċeduri tal-IT, lista ta’ persunal ewlieni u fornituri ta’ servizzi ewlenin li huma meħtieġa sabiex is-CCP tkompli tipprovdi l-funzjonijiet kritiċi tagħha, jew kwalunkwe aspett ieħor li jista’ jkun meħtieġ li jitqies fid-dawl ta’ trasferiment possibbli ta’ xi wħud mill-operazzjonijiet tas-CCP jew tal-operazzjonijiet kollha tagħha lil infrastruttura oħra tas-suq finanzjarju jew lil CCP tranżitorja, meta dan ikun parti mill-istrateġija ta’ riżoluzzjoni proposta;

(d)

deskrizzjoni ta’ kif il-funzjonijiet kritiċi jistgħu jiġu sseparati minn funzjonijiet mhux kritiċi f’termini ekonomiċi, operazzjonali u legali u li tinkludi dettalji dwar kif l-awtorità ta’ riżoluzzjoni vvalutat l-effetti materjali ta’ tali separazzjoni fuq il-partijiet ikkonċernati, inklużi:

(i)

l-effetti materjali fuq is-settijiet ta’ netting għall-membri tal-ikklerjar meta t-tranżazzjonijiet jinqasmu f’silos differenti tas-CCP jew CCP differenti;

(ii)

meta jkun possibbli li jiġu identifikati, l-effetti materjali fuq l-operazzjonijiet jew l-effetti legali tal-qsim tat-tranżazzjonijiet f’CCPs differenti u l-effetti fuq il-membri tal-ikklerjar, il-klijenti u l-klijenti indiretti;

(iii)

meta jkun possibbli li jiġu identifikati, l-effetti materjali fuq il-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kollateral u b’mod partikolari l-marġnijiet ta’ varjazzjoni u kif is-separazzjoni taffettwa l-kollateral mitlub mill-membri tal-ikklerjar, mill-klijenti u mill-klijenti indiretti;

(iv)

meta jkun possibbli li jiġi identifikat, evalwazzjoni tal-prezz tat-trasferiment ta’ tali tranżazzjonijiet;

(e)

sommarju ta’ kif l-approċċ propost tas-CCP għas-separazzjoni, jew le, tal-funzjonijiet kritiċi tas-CCP mill-funzjonijiet l-oħrajn tagħha jista’ jaffettwa l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà għas-CCP;

(f)

immappjar tal-funzjonijiet kritiċi għall-entitajiet ġuridiċi identifikati u għal-linji operatorji ewlenin tas-CCP.

Artikolu 5

Skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni

1.   Meta tħejji stima tal-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

lista ta’ azzjonijiet li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tipprevedi li tieħu u, fejn rilevanti, jekk dawn l-azzjonijiet jirriżultawx mill-applikazzjoni tal-pjan ta’ rkupru;

(b)

lista tal-passi previsti, bl-iskedi ta’ żmien allokati, li għandhom jittieħdu mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni għall-implimentazzjoni ta’ kull aspett materjali tal-pjan ta’ riżoluzzjoni u li tispeċifika l-passi korrispondenti għal tali implimentazzjoni, inkluża stima taż-żmien meħtieġ għall-valutazzjoni ta’ kull waħda mill-istrateġiji ta’ riżoluzzjoni u l-applikabbiltà tagħha;

(c)

deskrizzjoni ta’ kif huwa previst ir-riforniment tar-riżorsi finanzjarji tas-CCP skont il-pjan ta’ riżoluzzjoni, inkluż fejn ikunu derivati mill-pjan ta’ rkupru, u l-perjodu ta’ żmien stmat għal miżuri differenti sabiex jiġu riforniti r-riżorsi finanzjarji tas-CCP.

2.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-iskedi ta’ żmien imsemmija fl-ewwel (1) paragrafu jkunu:

(a)

xierqa u rilevanti, kif muri minn deskrizzjoni ta’ kif l-awtorità ta’ riżoluzzjoni vvalutat il-fattibbiltà u l-kredibbiltà tal-passi previsti u l-perjodi ta’ żmien allokati fil-pjan ta’ riżoluzzjoni;

(b)

ittestjati b’mod regolari, u mill-anqas mal-istabbiliment tal-pjan ta’ riżoluzzjoni, u minn hemm ’il quddiem, wara kwalunkwe bidla materjali;

(c)

effettivi, billi tqis il-proċessi u l-proċeduri, inkluża l-applikazzjoni ta’ mudelli.

Artikolu 6

Valutazzjoni tar-riżolvibbiltà

Meta tħejji deskrizzjoni dettaljata tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà li għandha tiġi inkluża fil-pjan ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, inkluż mill-anqas jekk is-CCP titqiesx riżolvibbli jew le abbażi tal-kunsiderazzjonijiet tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2021/23;

(b)

deskrizzjoni ta’ kif l-awtorità ta’ riżoluzzjoni vvalutat sa liema punt is-CCP hija riżolvibbli mingħajr ma tassumi xi wieħed mill-arranġamenti ta’ finanzjament kif stabbilit fl-Artikolu 15(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2021/23;

(c)

deskrizzjoni tal-loġika tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni sabiex tqis il-fattibbiltà tal-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni b’tali mod li jintlaħqu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni;

(d)

deskrizzjoni tal-valutazzjonijiet tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-informazzjoni riċevuta mis-CCP skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2021/23, fejn tagħti dettalji dwar jekk l-awtorità ta’ riżoluzzjoni taqbilx mal-valutazzjoni tas-CCP fir-rigward tan-nuqqas ta’ impedimenti;

(e)

deskrizzjoni li tipprovdi d-dettalji ta’ meta u kif ir-riżolvibbiltà ġiet ivvalutata l-aħħar mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni;

(f)

deskrizzjoni tad-disponibbiltà, tal-assi u d-drittijiet previsti għas-CCP u jekk tali assi jkunux disponibbli għall-użu f’riżoluzzjoni jew jekk tali użu jew trasferiment ta’ tali assi jistax jiġi mfixkel jew impedit minn interessi residwi ta’ parteċipanti diretti u indiretti f’dawk l-assi jew minn restrizzjonijiet legali, bħall-mekkaniżmu legali li bih jiġi pprovdut il-kollateral, inkluż jekk il-kollateral huwiex ipprovdut bħala interess ta’ garanzija, rahan jew permezz ta’ trasferiment ta’ titolu;

(g)

deskrizzjoni ta’ kull kwistjoni li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tikkunsidra meta tivvaluta r-riżolvibbiltà ta’ CCP, kif stabbilit fit-Taqsima C tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/23.

Artikolu 7

Impedimenti għar-riżolvibbiltà

Meta tħejji deskrizzjoni ta’ kwalunkwe miżura meħtieġa skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/23 sabiex jiġu indirizzati jew imneħħija l-impedimenti għar-riżolvibbiltà li għandhom jiġu inklużi fil-pjan ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

meta jkun ġie identifikat impediment materjali, sommarju deskrittiv tal-miżuri meħtieġa skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/23, sabiex tiġi identifikata kwalunkwe bidla meħtieġa fl-istruttura, fl-operazzjonijiet jew fl-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju u fir-riżorsi finanzjarji tas-CCP, jew kwalunkwe miżura sabiex tittejjeb ir-riżolvibbiltà tas-CCP, u l-iskeda ta’ żmien għat-tlestija tal-bidliet mitluba;

(b)

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe impediment indirizzat jew imneħħi f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/23 fuq perjodu ta’ sentejn (2) qabel ir-rieżami attwali tal-impedimenti skont l-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 8

Determinazzjoni tal-valur u tal-kummerċjabbiltà ta’ funzjonijiet u assi kritiċi

Meta tħejji deskrizzjoni tal-proċessi għad-determinazzjoni tal-valur u tal-kummerċjabbiltà tal-funzjonijiet u tal-assi kritiċi li għandhom jiġu inklużi fil-pjan ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-metodu għad-determinazzjoni tal-valur u tal-kummerċjabbiltà tal-funzjonijiet u tal-assi kritiċi bħal-linji tan-negozju ewlenin, l-operazzjonijiet u l-assi tas-CCP u li tiffoka l-aktar fuq aspetti li jista’ jkollhom impatt fuq il-valwazzjoni bħall-volatilità fis-suq, in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà u/jew l-inċertezza tal-prezzijiet tas-suq, ir-restrizzjonijiet ta’ żmien u l-kwistjonijiet legali;

(b)

jekk il-metodu deskritt fil-punt (a) jiddevja materjalment mill-metodoloġija ta’ valwazzjoni applikata skont il-pjan ta’ rkupru, deskrizzjoni tar-raġunijiet ewlenin li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun ivvalutat il-metodoloġija ta’ valwazzjoni b’mod differenti u l-effetti materjali ta’ tali differenza, jekk ikun hemm.

Artikolu 9

Rekwiżiti ta’ informazzjoni

Meta tħejji deskrizzjoni tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 12(7), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-arranġamenti bejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni u s-CCP li jiżguraw l-aċċess għall-informazzjoni u l-kondiviżjoni tagħha u kif is-CCP se żżomm is-sistemi u l-kontrolli tal-informazzjoni li jistgħu jipproduċu u jagħmlu disponibbli fil-pront id-data u l-informazzjoni rilevanti lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni; arranġamenti bħal dawn inklużi l-proċeduri sabiex l-informazzjoni tiġi datata u l-għoti ta’ aġġornamenti standardizzati fejn ikun hemm bidliet materjali.

(b)

lista tal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/23 u deskrizzjoni ta’ kif is-CCP tkun ipprevediet li tiżgura li tali informazzjoni tinżamm aġġornata u disponibbli f’kull ħin għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

Artikolu 10

Kif jistgħu jiġu ffinanzjati l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni

Meta tħejji spjegazzjoni dwar il-finanzjament tal-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jinkludi mill-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tar-riżorsi finanzjarji previsti bħala meħtieġa skont il-pjan ta’ riżoluzzjoni, li tissepara b’mod ċar is-solvenza mill-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-likwidità, inklużi deskrizzjonijiet ġenerali dwar ir-riżorsi finanzjarji possibbli li x’aktarx ikunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni inkluż kull xenarju ta’ riżoluzzjoni rilevanti;

(b)

meta ma jkunux ġew infurzati l-obbligi kuntrattwali kollha u arranġamenti oħrajn qabel ma s-CCP tkun daħlet f’riżoluzzjoni, valutazzjoni minn qabel tal-kwistjonijiet possibbli li jistgħu jinqalgħu bit-twettiq ta’ tali obbligi u arranġamenti b’rabta mar-riżorsi għall-finanzjament ta’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, u ta’ jekk tali kwistjonijiet identifikati jistgħux jaffettwaw b’mod negattiv il-possibbiltà li jintlaħqu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni fil-ħin;

(c)

deskrizzjoni tas-sorsi potenzjali ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni, inklużi t-termini ewlenin ta’ finanzjament, il-prekundizzjonijiet materjali għall-użu tagħhom, iż-żmien meta jkunu disponibbli, u kwalunkwe rekwiżit ta’ kollateral sa fejn ikun disponibbli ex ante;

(d)

deskrizzjoni u analiżi ta’ kif u meta s-CCP tista’ tapplika għall-użu ta’ faċilitajiet ta’ bank ċentrali, li jikkonformaw mar-rekwiżit li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li ma jassumux aċċess għal faċilitajiet ta’ bank ċentrali b’termini mhux standard;

(e)

deskrizzjoni u identifikazzjoni tal-assi li jistgħu jintużaw u jekk humiex mistennija jikkwalifikaw bħala kollateral, u kif tali aspettattiva ta’ użu tal-assi tista’ toħloq xi impedimenti, primarjament fil-valur u fl-użu ta’ tali assi.

Artikolu 11

Strateġiji u xenarji ta’ riżoluzzjoni

Meta tħejji deskrizzjoni dettaljata tal-istrateġiji u x-xenarji ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (j), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

mill-anqas disa’ xenarji ta’ pjan ta’ riżoluzzjoni mfassla bbażati fuq il-matriċi għall-bini tax-xenarji tal-pjan ta’ riżoluzzjoni kif stabbilit fl-Anness, jew lista ta’ xenarji tal-pjan ta’ riżoluzzjoni li jkopru t-“Tipi ta’ xenarji” kollha stabbiliti fl-Anness fejn rilevanti għas-CCP li jistgħu jitfasslu b’mod differenti;

(b)

deskrizzjoni tax-xenarji ta’ riżoluzzjoni magħżula abbażi tal-valutazzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni u li tqis il-karatteristiċi speċifiċi u l-livell ta’ kumplessità tas-CCP, u ta’ kwalunkwe xenarju addizzjonali mfassal fil-pjan ta’ riżoluzzjoni;

(c)

l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tinkludi għodod ta’ valutazzjoni kwantitattiva għal kull tip ta’ xenarju, fejn possibbli skont l-aċċess għad-data, li għandu jintuża sabiex jiġu prodotti impatti kwantitattivi għax-xenarji ta’ riżoluzzjoni; meta l-ebda data ma tkun disponibbli u ma tkunx tista’ tiġi ġġenerata wara li jsir sforz raġonevoli, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha twettaq, u turi fil-pjan, valutazzjoni kwalitattiva tal-għodod sa fejn ikun possibbli, li tinkludi dettalji dwar sa liema punt tkun twettqet valutazzjoni kwantitattiva għal ċertu xenarju;

(d)

deskrizzjoni tal-istrateġiji ta’ riżoluzzjoni magħżula għax-xenarji ta’ riżoluzzjoni, li tispeċifika l-punti li ġejjin:

(i)

deskrizzjoni dettaljata tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ewlenija li ntgħażlet, u jekk ikunu ntgħażlu diversi strateġiji, kif tvarja l-applikazzjoni tagħhom, jekk japplikawx skadenzi differenti għall-implimentazzjoni tagħhom, u l-analiżi strateġika ewlenija li fuqha jkunu bbażati l-għażliet differenti tal-istrateġiji ta’ riżoluzzjoni magħżula;

(ii)

deskrizzjoni dettaljata ta’ kif l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ttestjat l-istrateġiji previsti fil-pjan ta’ riżoluzzjoni, inkluż kif ġiet ikkunsidrata r-reżiljenza tal-istrateġiji previsti abbażi tax-xenarju magħżul u jekk jistgħux jinqalgħu kwistjonijiet jew impedimenti u jekk iva, kif dawn ġew immitigati billi ġew riveduti l-istrateġija u x-xenarju magħżula;

(iii)

deskrizzjoni dettaljata tal-kundizzjonijiet, li għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fid-deċiżjoni dwar jekk għandux isir intervent skont l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, flimkien mal-għodod ta’ riżoluzzjoni previsti;

(iv)

deskrizzjoni dettaljata ta’ kif l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tqis l-impatt fuq il-parteċipanti diretti u indiretti fis-CCP kif ukoll l-interdipendenzi bħal infrastrutturi tas-swieq finanzjarji u ċentri tan-negozjar konnessi oħrajn;

(v)

deskrizzjoni dettaljata tal-effetti ta’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni differenti skont l-istrateġiji ta’ riżoluzzjoni, bħal għodod ta’ riżoluzzjoni li jaqsmu s-settijiet ta’ netting u wkoll deskrizzjonijiet ta’ kif dan jista’ jaffettwa aspetti oħrajn tal-funzjonament tas-CCP bħar-rekwiżiti tal-likwidità u tal-kollateral kif ukoll tipi oħrajn ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni inkluż il-bejgħ ta’ għodda tan-negozju jew it-tniżżil fil-valur jew konverżjoni;

(vi)

deskrizzjoni dettaljata ta’ kif l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tqis u tiżgura l-kontinwità tal-arranġamenti legali u tekniċi tas-CCP u kif il-pjan jappoġġa t-trasferiment tal-funzjonijiet tagħha, inkluż billi jipprevedi ftehim minn qabel ma’ infrastrutturi oħrajn tas-swieq finanzjarji jew ma’ fornituri ta’ servizzi rilevanti.

Artikolu 12

Interdipendenzi kritiċi

Meta tħejji deskrizzjoni tal-interdipendenzi kritiċi msemmija fl-Artikolu 12(7), il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni skont il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-interdipendenzi kritiċi kollha li ġew identifikati;

(b)

jekk l-interdipendenzi identifikati kif imsemmija fil-punt (a) jinvolvux xi differenzi materjali meta mqabbla mal-lista ta’ interdipendenzi kritiċi tal-pjan ta’ rkupru, deskrizzjoni dettaljata tar-raġunijiet ewlenin li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni vvalutat l-indipendenzi kritiċi b’mod differenti u kwalunkwe konsegwenza materjali għall-applikazzjoni tal-pjan ta’ riżoluzzjoni minħabba l-valutazzjonijiet differenti tal-interdipendenzi kritiċi u kif dan jista’ jaffettwa r-riżolvibbiltà tas-CCP;

(c)

deskrizzjoni tat-tipi differenti ta’ entitajiet b’interdipendenzi mas-CCP, inkluża lista li fiha l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha inklużi l-parteċipanti diretti u indiretti tas-CCP, fejn ikun possibbli li jiġu identifikati, is-sidien, il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji bħal fornituri tal-likwidità, banek tas-saldu jew aġenti, pjattaformi, aġenti ta’ investiment, banek, kustodji u fornituri oħrajn ta’ servizzi, inklużi fornituri tal-IT u fornituri tad-data, u l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji relatati, u r-rilevanza tagħhom għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni;

(d)

deskrizzjoni tal-valutazzjoni tal-entitajiet, kif imsemmi fil-punt (c), b’interdipendenza mas-CCP, li tkopri l-importanza tagħhom għas-CCP, b’mod partikolari, għaliex ikunu jitqiesu jew ma jkunux jitqiesu kritiċi, u jekk il-kapaċità tas-CCP li tkompli tipprovdi l-funzjonijiet kritiċi tagħha tkunx tiddependi fuq dawn l-entitajiet;

(e)

deskrizzjoni tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni ta’ servizzi li jkopru parti min-negozju ewlieni tas-CCP lil fornituri kritiċi, inkluż meta entità oħra tiddetermina l-prezzijiet u tipprovdi sistemi għall-ikklerjar, kalkoli tal-marġnijiet jew partijiet essenzjali oħrajn tal-operazzjonijiet tas-CCP;

(f)

deskrizzjoni ta’ kif ġew ivvalutati l-entitajiet identifikati bħala li għandhom interdipendenza kritika mas-CCP skont il-punt (a) u kif kwalunkwe riskju identifikat ġie mmitigat u indirizzat, inklużi l-eżegwibbiltà legali u r-restrizzjonijiet regolatorji ta’ arranġamenti bħal tpaċija u netting, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità operazzjonali fir-riżoluzzjoni;

(g)

deskrizzjoni ta’ kif kwalunkwe kwistjoni materjali, minħabba nuqqas potenzjali ta’ konformità mal-obbligi skont l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni mill-fornitur ta’ arranġamenti kritiċi ta’ servizzi esternalizzati, ġiet immitigata fil-pjan ta’ riżoluzzjoni;

(h)

deskrizzjoni ta’ kif il-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun irrifletta l-impatt potenzjali tal-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni fuq kwalunkwe CCP interoperabbli, u li tkopri t-trażmissjoni ta’ sejħiet għal flus għal riżoluzzjoni jew il-haircutting tal-gwadanji tal-marġni ta’ varjazzjoni permezz ta’ arranġament ta’ interoperabbiltà;

(i)

deskrizzjoni tal-impatti possibbli fuq infrastrutturi oħrajn tas-suq finanzjarju marbuta mas-CCP, inkluż billi jiġi vvalutat is-sinifikat tal-involviment tas-CCP f’dawk l-entitajiet inkluż jekk ir-riżoluzzjoni tas-CCP tistax tikkawża kontaġju fl-infrastrutturi tas-suq finanzjarju billi tiskatta proċeduri ta’ inadempjenza fl-infrastrutturi tas-suq finanzjarju, jew tħalli ditti oħrajn mingħajr aċċess għall-infrastrutturi tas-suq finanzjarju.

Artikolu 13

Interdipendenzi intragrupp kritiċi

Meta tħejji deskrizzjoni tal-interdipendenzi intragrupp kritiċi f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (l), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun jinkludi tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-grupp li s-CCP tappartjeni għalih u lista tal-entitajiet tal-grupp li s-CCP għandha rabtiet magħhom, valutazzjoni dwar liema entitajiet tal-grupp għandhom jitqiesu bħala interdipendenzi intragrupp kritiċi, u deskrizzjoni tad-dipendenzi intragrupp identifikati skont il-pjan ta’ riżoluzzjoni;

(b)

jekk tali interdipendenzi identifikati jinvolvux xi differenzi materjali identifikati meta mqabbla mal-lista tal-pjan ta’ rkupru ta’ interdipendenzi intragrupp kritiċi u, fejn ikun hemm differenzi, deskrizzjoni dettaljata tar-raġunijiet ewlenin li għalihom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni vvalutat l-indipendenzi intragrupp kritiċi b’mod differenti u kwalunkwe effett materjali minħabba l-valutazzjoni differenti u kif dan jista’ jaffettwa r-riżolvibbiltà tas-CCP, jekk ikun hemm;

(c)

deskrizzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni fuq linji kummerċjali oħrajn ta’ entitajiet intragrupp kritiċi u entitajiet ġuridiċi, inkluż jekk il-miżuri ta’ riżoluzzjoni jaffettwawx il-kapaċità ta’ entità oħra li tkompli topera;

(d)

deskrizzjoni ta’ kif entitajiet intragrupp rilevanti jkunu jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju jew miftiehem minn qabel jew fuq bażi volontarja;

(e)

deskrizzjoni tal-eżegwibbiltà legali jew tar-restrizzjonijiet regolatorji li jistgħu jaffettwaw l-interdipendenzi intragrupp;

(f)

deskrizzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni relatati ma’ dawk l-interdipendenzi intragrupp kritiċi li se jiżguraw kontinwità operazzjonali fir-riżoluzzjoni, kif meħtieġ sabiex tinżamm il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tas-CCP.

Artikolu 14

Żgurar ta’ ċerti funzjonijiet tas-CCP

Meta tħejji deskrizzjoni ta’ kif ċerti funzjonijiet tas-CCP huma żgurati f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jinkludu mill-anqas id-deskrizzjonijiet tal-elementi li ġejjin:

(a)

kull proċess u sistema operazzjonali essenzjali, u deskrizzjoni ta’ kif għandhom jiġu vvalutati u miżmuma tali operazzjonijiet u sistemi essenzjali billi jiġu pprovduti opzjonijiet identifikati ta’ aċċess kontinwu għall-infrastrutturi, il-proċessi u l-arranġamenti operazzjonali sabiex jinżamm il-funzjonament kontinwu tal-proċessi operazzjonali tas-CCP kif elenkati fl-Artikolu 12(7), il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2021/23 u l-eżiti ewlenin tal-valutazzjoni;

(b)

l-opzjonijiet identifikati sabiex tinżamm ir-reżiljenza finanzjarja;

(c)

l-opzjonijiet identifikati sabiex jiġi żgurat li jinżammu l-ftehimiet kuntrattwali, inklużi klawżoli kuntrattwali ta’ reżiljenza, klawżoli reżistenti għar-riżoluzzjoni u limitazzjonijiet tad-drittijiet ta’ terminazzjoni f’riżoluzzjoni;

(d)

l-opzjonijiet identifikati sabiex jiġi żgurat li l-ftehimiet interni jkunu jistgħu jinżammu matul il-fażi ta’ riżoluzzjoni, inklużi l-istrutturi tal-ipprezzar ta’ distakkament u l-aċċess kontinwu għall-assi operazzjonali;

(e)

id-diversi arranġamenti li jkunu diġà saru skont il-pjan ta’ riżoluzzjoni sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonament tal-proċessi operazzjonali, elenkati fl-Artikolu 12(7), il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2021/23, matul ir-riżoluzzjoni;

(f)

kif il-pjan ta’ riżoluzzjoni jippermetti, bl-użu tal-opzjonijiet identifikati, li s-CCP tkompli tipprovdi servizzi kritiċi tal-ikklerjar mingħajr interruzzjoni, inkluż bl-użu ta’ soluzzjonijiet interim, bħal xerrej jew istituzzjoni tranżitorja li tuża l-persunal u l-infrastruttura eżistenti jew, fejn ma jkunx possibbli li jiġu żviluppati tali soluzzjonijiet minn qabel, lista ta’ opzjonijiet li jistgħu jiġu applikati f’riżoluzzjoni u lista ta’ informazzjoni meħtieġa għat-tfassil ta’ tali arranġamenti u ftehimiet f’qasir żmien.

Artikolu 15

Kif tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa sabiex titwettaq il-valwazzjoni

Meta tħejji deskrizzjoni ta’ kif għandha tikseb l-informazzjoni meħtieġa sabiex twettaq il-valwazzjoni f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (n), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jinkludu mill-anqas id-deskrizzjonijiet tal-elementi li ġejjin:

(a)

kif huwa previst li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-valwatur indipendenti jiksbu l-informazzjoni meħtieġa sabiex iwettqu l-valwazzjoni msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/23;

(b)

l-informazzjoni u l-proċessi sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà f’ħin xieraq u b’mod xieraq tal-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-valwazzjoni, b’mod partikolari skont it-Titolu V, il-Kapitolu II, tar-Regolament (UE) 2021/23, u għall-kummerċjabbiltà, b’mod partikolari skont ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bejgħ ta’ għodod tan-negozju u ta’ CCPs tranżitorji;

(c)

kif tinġabar, tinħażen, tiġi strutturata, organizzata u aġġornata d-data tas-suq rilevanti mis-CCP u kif tali data tas-suq rilevanti għall-pjan ta’ riżoluzzjoni titħejja u tiġi vvalidata kemm jista’ jkun qrib id-data tal-valwazzjoni;

(d)

kif ir-rapporti finanzjarji u r-rapportar regolatorju jitħejjew u jiġu aġġornati regolarment mis-CCP, u kif tali informazzjoni finanzjarja titħejja, tiġi ddettaljata u vvalidata kemm jista’ jkun qrib id-data tal-valwazzjoni, u turi li l-valwazzjonijiet tal-assi u tal-obbligazzjonijiet huma kompluti;

(e)

kif il-livell ta’ dettall tal-informazzjoni huwa previst li jkun biżżejjed għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni u għall-valwatur indipendenti sabiex jieħdu azzjoni skont il-pjan ta’ riżoluzzjoni, billi tipprovdi rekwiżiti dwar il-livell ta’ granularità meħtieġa għall-valwazzjoni, inkluż fejn l-informazzjoni trid tinkludi dettalji dwar pożizzjonijiet, tranżazzjonijiet u kollateral linja b’linja jew portafoll b’portafoll u l-kapital proprju tas-CCP;

(f)

ir-regoli, il-metodoloġiji, is-suppożizzjonijiet u l-valutazzjonijiet ewlenin użati mis-CCP sabiex jitħejjew ir-rapporti finanzjarji u r-rapportar regolatorju;

(g)

kif l-informazzjoni tiġi organizzata, ittikkettata u strutturata u kif tista’ tintuża u tiġi analizzata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u mill-valwatur indipendenti b’mod effettiv u sigur sabiex jiġi żgurat li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jkollha l-informazzjoni meħtieġa sabiex tieħu azzjonijiet skont il-pjan ta’ riżoluzzjoni.

Artikolu 16

Valutazzjoni tal-impatt fuq l-impjegati

Meta tħejji valutazzjoni tal-impatt fuq l-impjegati f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (o), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun jirrifletti tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tat-tipi differenti ta’ impjegati u l-kategorizzazzjonijiet ta’ kif tipi differenti ta’ impjegati għandhom jiġu informati u mmaniġġjati f’sitwazzjoni ta’ riżoluzzjoni u l-impatt stmat tal-pjan fuq it-tipi differenti ta’ impjegati tas-CCP;

(b)

deskrizzjoni ta’ kif għandu jittaffa t-telf ta’ impjegati kritiċi qabel ir-riżoluzzjoni u kif jinħolqu inċentivi effettivi f’riżoluzzjoni sabiex jinżammu l-impjegati kritiċi identifikati abbażi tal-valur u r-rilevanza tagħhom matul fażi ta’ riżoluzzjoni; l-aspetti li għandhom jitqiesu jinkludu: (i) kwalunkwe proċedura regolatorja li teħtieġ li tiġi segwita f’riżoluzzjoni, (ii) valutazzjonijiet dwar l-effettività prevista tal-istrutturi ta’ inċentivi, (iii) il-possibbiltà li jsiru bidliet fil-kuntratti, fil-kundizzjonijiet u fl-organizzazzjoni tal-impjiegi matul fażi ta’ riżoluzzjoni, u (iv) stima ta’ kwalunkwe kost assoċjat taż-żamma ta’ impjegati kritiċi jew tar-reklutaġġ, inkluża valutazzjoni ta’ kwalunkwe kost assoċjat filwaqt li jitqiesu r-regoli nazzjonali rilevanti għall-kumpens u r-rimborżi matul ir-riżoluzzjoni;

(c)

deskrizzjoni tal-pjan ta’ komunikazzjoni mal-impjegati, inkluża deskrizzjoni tal-proċeduri previsti għall-konsultazzjoni mal-impjegati matul il-proċess ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li jitqiesu kwalunkwe regola u sistema nazzjonali għad-djalogu mas-sħab soċjali, il-maniġment, is-sidien, u l-unions tal-persunal.

Artikolu 17

Pjan ta’ komunikazzjoni

Meta tħejji deskrizzjoni tal-pjan ta’ komunikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (p), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jinkludu mill-anqas id-deskrizzjonijiet tal-elementi li ġejjin:

(a)

il-pjan ta’ komunikazzjoni li jispeċifika dan li ġej:

(i)

min jinforma lill-media u lill-pubbliku;

(ii)

meta l-media u l-pubbliku għandhom jiġu informati;

(iii)

x’għandu jiġi kkomunikat, sabiex jiġi żgurat li informazzjoni pubblika dwar il-pjan ta’ riżoluzzjoni biss tiġi kkomunikata f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/23;

(b)

l-arranġamenti u l-proċeduri operazzjonali tal-pjan ta’ komunikazzjoni, il-kriterji għall-applikazzjoni tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni, l-adegwatezza tal-pjan ta’ komunikazzjoni u kif il-pjan jilħaq l-għan li jiżgura li l-pjan ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni tas-CCP jirnexxielu jissodisfa l-objettiv ta’ aġir trasparenti;

(c)

dettalji li jiddifferenzjaw bejn in-notifiki formali meħtieġa legalment u l-komunikazzjoni volontarja b’deskrizzjoni ta’ kif il-pjan ta’ riżoluzzjoni jkun ikkunsidra rekwiżiti regolatorji differenti għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni, b’mod partikolari meta tali informazzjoni tista’ taffettwa s-servizzi kritiċi fis-suq finanzjarju u meta s-CCP tkun kumpanija elenkata jew tkun proprjetà ta’ kumpanija elenkata;

(d)

kif il-pjan ta’ riżoluzzjoni vvaluta r-reazzjonijiet tas-suq materjali negattivi possibbli għar-riżoluzzjoni ta’ CCP u kif il-pjan jipprevedi l-mitigazzjoni ta’ tali reazzjonijiet tas-suq potenzjalment negattivi meta jiżvela l-informazzjoni.

Artikolu 18

Operazzjonijiet u sistemi essenzjali

Meta tħejji deskrizzjoni tal-operazzjonijiet u s-sistemi essenzjali f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (q), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jinkludu mill-anqas id-deskrizzjonijiet tal-elementi li ġejjin:

(a)

l-operazzjonijiet u s-sistemi essenzjali identifikati taħt il-pjan ta’ riżoluzzjoni;

(b)

meta l-operazzjonijiet u s-sistemi identifikati jkunu materjalment differenti mill-operazzjonijiet u mis-sistemi essenzjali identifikati skont il-pjan ta’ rkupru, deskrizzjoni tar-raġunijiet ewlenin għaliex l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun ivvalutat l-operazzjonijiet u s-sistemi essenzjali b’mod differenti, kwalunkwe effett materjali minħabba l-valutazzjoni differenti u kif dan jista’ jaffettwa r-riżolvibbiltà tas-CCP;

(c)

kif jiġu identifikati tali operazzjonijiet u sistemi essenzjali, il-kriterji applikati, u l-limiti użati, sabiex dawn jiġu differenzjati minn operazzjonijiet u sistemi oħrajn tas-CCP li ma għandhomx jitqiesu bħala operazzjonijiet u sistemi essenzjali.

Artikolu 19

Notifika lill-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni

Meta tħejji deskrizzjoni tal-arranġamenti għan-notifika lill-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (r), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jinkludu mill-anqas id-deskrizzjonijiet tal-elementi li ġejjin:

(a)

il-proċeduri u l-proċessi li għandhom jiġu segwiti meta jiġi nnotifikat il-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni u, b’mod partikolari, l-informazzjoni dwar il-listi ta’ distribuzzjoni, id-dokumenti mudell u l-iskedi ta’ żmien dwar kif u meta għandu jiġi informat il-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni;

(b)

il-proċeduri għaż-żamma tal-listi ta’ distribuzzjoni aġġornati;

(c)

l-arranġamenti għall-ittestjar tal-proċess ta’ notifika lill-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, inkluża informazzjoni dwar l-ambitu u l-intervalli għal tali eżerċizzji u proċeduri ta’ ttestjar sabiex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas bħal żbalji, nuqqas ta’ fehim jew dewmien.

Artikolu 20

Miżuri sabiex tiġi ffaċilitata l-portabbiltà tal-pożizzjonijiet u tal-assi relatati

Meta tħejji deskrizzjoni tal-miżuri sabiex tiġi ffaċilitata l-portabbiltà tal-pożizzjonijiet u tal-assi relatati f’konformità mal-Artikolu 12(7), il-punt (s), tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jinkludu mill-anqas id-deskrizzjonijiet tal-elementi li ġejjin:

(a)

valutazzjoni ta’ jekk il-portabbiltà tal-pożizzjonijiet u tal-assi relatati lil CCP oħra hijiex possibbli, inkluża valutazzjoni dwar il-fattibbiltà tagħha u l-eżitu probabbli tagħha u valutazzjoni tas-sitwazzjoni fejn il-portabbiltà jew it-trasferiment fl-aħħar mill-aħħar ma jkunx possibbli;

(b)

kif is-CCP iżżomm id-data rilevanti dwar il-pożizzjonijiet f’kontijiet tal-klijenti omnibus u segregati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u kif is-CCP tista’ tipprovdi dettalji dwar ir-riżorsi u s-sistemi fis-seħħ sabiex iżżomm informazzjoni aġġornata li tista’ tiġi pprovduta malajr f’riżoluzzjoni sabiex jiġi żgurat li l-pożizzjonijiet tal-klijenti, meta jkun possibbli li jiġu identifikati, fis-CCP ikunu jistgħu jiġu identifikati u potenzjalment ittrasferiti b’suċċess;

(c)

il-miżuri sabiex tiġi ffaċilitata l-portabbiltà tal-pożizzjonijiet u tal-assi relatati tal-membri tal-ikklerjar u tal-klijenti tas-CCP inadempjenti mis-CCP inadempjenti għal CCP oħra jew għal CCP tranżitorja.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).


ANNESS

IX-XENARJI LI GĦANDHOM JIĠU INKLUŻI FIL-PJAN TA’ RIŻOLUZZJONI TAS-CCP

Tipi ta’ xenarji

(Artikolu 12(3), punt (a), u 12 (7), punt (j) tar-Regolament (UE) 2021/23)

Fatturi li jiddeskrivu t-tip ta’ xenarji

(Artikolu 12(3), punt (a), u 12(7), punt (j) tar-Regolament (UE) 2021/23)

Xenarju tal-Inadempjenza – Irkupru mingħajr suċċess meta s-CCP ma jkollhiex biżżejjed riżorsi u għodod għal irkupru b’suċċess

Jiġi stabbilit xenarju fejn CCP ma tkunx indirizzat b’mod sħiħ in-nuqqasijiet ta’ likwidità jew l-arranġamenti ta’ allokazzjoni tat-telf stabbiliti li jindirizzaw bis-sħiħ it-telf ta’ kreditu mhux kopert. B’riżultat ta’ dan, ir-riżorsi u l-għodod ta’ rkupru mhumiex biżżejjed biex jassorbu t-telf u jfornu mill-ġdid ir-riżorsi finanzjarji għal rekwiżiti regolatorji minimi.

Xenarju tal-Inadempjenza – Nuqqas ta’ arranġamenti għall-allokazzjoni tat-telf

Jiġi stabbilit xenarju fejn l-arranġamenti tal-allokazzjoni tat-telf tas-CCP stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru ma joperawx kif maħsub u b’riżultat ta’ dan, ir-riżorsi jew l-għodod ippjanati ma jkunux, jew ma jkunux biżżejjed, disponibbli fiż-żmien tal-irkupru.

Xenarju tal-Inadempjenza – Membri tal-ikklirjar multipli ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom skont l-azzjonijiet ta’ rkupru tas-CCP

Jiġi stabbilit xenarju fejn il-membri tal-ikklirjar multipli ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom skont l-azzjonijiet ta’ rkupru tas-CCP Jekk il-grupp ta’ membri tal-ikklerjar improduttivi jkun kbir biżżejjed jew jekk in-nuqqas tagħhom li jissodisfaw l-obbligi jwassal għal telf ġenerali ta’ fiduċja fis-CCP, is-CCP tista’ ma tkunx tista’ tkompli bl-operazzjonijiet.

Xenarju tal-Inadempjenza – Twaqqit ta’azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni

Jiġi stabbilit xenarju fejn l-awtoritajiet rilevanti jiddeterminaw li r-riżoluzzjoni għandha tinbeda qabel ma jiġu applikati wħud mill-arranġamenti jew l-għodod skont il-pjan ta’ rkupru tas-CCP. F’dan ix-xenarju, l-awtoritajiet rilevanti jkunu ddeterminaw li l-applikazzjoni ta’ arranġamenti jew għodod ta’ rkupru fil-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq tista’ thedded l-istabbiltà finanzjarja u/jew il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi.

Xenarju mhux tal-Inadempjenza – Riskji ta’ investiment

Jiġi stabbilit xenarju fejn jista’ jirriżulta telf fuq investimenti ta’ marġni inizjali jew assi ta’ fond tal-inadempjenza pereżempju jekk kontroparti ta’ investiment tfalli. CCP jista’ jkollha bżonn iġġarrab tali telf, jekk l-għodod tal-allokazzjoni tat-telf fir-regoli tas-CCP ma jkopruhomx b’mod ieħor. It-telf jista’ jseħħ ukoll mill-investiment tar-riżorsi finanzjarji proprji ta’ CCP inklużi SITG u SSITG. It-telf fl-investiment jista’ jimmaterjalizza f’daqqa waħda.

Xenarju mhux tal-Inadempjenza – Falliment ta’ fornituri ta’ servizzi

Jiġi stabbilit xenarju fejn, bħala riżultat tal-falliment ta’ kustodju, depożitarju, bank ta’ pagament jew saldu, sistema ta’ pagament, sistema ta’ saldu tat-titoli jew entità oħra li tipprovdi servizzi simili, is-CCP tista’ titlef l-aċċess f’waqtu għall-assi tagħha, ma tkunx tista’ tiġbor il-marġni jew ma tkunx tista’ tittrasforma kollateral mhux fi flus jew investimenti fi flus kontanti. Dan jista’ jikkawża problemi ta’ likwidità u/jew ta’ solvenza lil CCP, skont in-natura jew il-konsegwenzi tal-falliment u ż-żmien meħtieġ biex jinkiseb mill-ġdid l-aċċess għall-assi.

Xenarju mhux inadempjenti – Avvenimenti ta’ riskju operazzjonali

Jiġi stabbilit xenarju fejn it-telf finanzjarju jew l-isfidi ta’ likwidità jirriżultaw minn firxa ta’ fallimenti operazzjonali, bħal żball uman, falliment tat-teknoloġija tal-informazzjoni, frodi, inċident ċibernetiku, jew nuqqas ta’ prestazzjoni tal-bejjiegħa jew tal-fornituri tas-servizzi. CCP tista’ ġġarrab telf operazzjonali direttament (telf primarju) jew minħabba l-azzjonijiet legali meħuda minn oħrajn affettwati mill-avveniment (telf sekondarju). L-avvenimenti ta’ riskju operazzjonali jistgħu jseħħu f’daqqa, iżda ċertu telf, b’mod partikolari t-telf sekondarju jista’ jieħu s-snin biex jimmaterjalizza kompletament.

Xenarju mhux tal-Inadempjenza – Telf finanzjarju (Arranġamenti komprensivi għall-allokazzjoni tat-telf għal telf ta’ kustodja u ta’ investiment li s-CCP iġġarrab bħala riżultat tal-attività tal-ikklirjar u tas-saldu tagħha)

Jiġi stabbilit xenarju fejn is-CCP ma jkollhiex biżżejjed riżorsi finanzjarji jew għodod biex tkopri telf mhux inadempjenti (inkluż telf li jirriżulta minn riskji legali, inklużi penali legali, regolatorji, ta’ infurzar jew kuntrattwali li jistgħu jwasslu għal telf jew inċertezza sinifikanti għas-CCP u li jistgħu jieħdu żmien twil biex jimmaterjalizzaw). F’dan ix-xenarju, it-telf mhux inadempjenti jkun akbar mir-riżorsi kapitali u kontinġenti tas-CCP (eż. assigurazzjoni, garanziji tal-ġenituri). Alternattivament, f’xenarju fejn il-membri tal-ikklirjar tas-CCP ikunu meħtieġa wkoll li jġarrbu t-telf, ir-riżorsi aggregati disponibbli ma jkunux biżżejjed biex ikopru t-telf u/jew jirrikostitwixxu l-kapital lura għall-minimu meħtieġ.

Jiġi stabbilit xenarju fejn l-arranġamenti tas-CCP biex tkopri t-telf mhux inadempjenti (speċifiku) stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru ma jkunux jistgħu jintużaw jew ma joperawx kif maħsub. B’riżultat ta’ dan, ir-riżorsi jew l-għodod ippjanati mhumiex, jew mhumiex biżżejjed, disponibbli fiż-żmien tal-irkupru.

Jiġi stabbilit xenarju fejn il-membri tal-ikklirjar tas-CCPs ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom skont l-azzjonijiet ta’ rkupru tas-CCP F’dan ix-xenarju, il-membri tal-ikklerjar ma jissodisfawx l-obbligi applikabbli tal-allokazzjoni tat-telf jew tar-rikostituzzjoni.

Jiġi stabbilit xenarju fejn id-detenturi tal-ishma tas-CCPs ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom skont l-azzjonijiet ta’ rkupru tas-CCP F’dan ix-xenarju, il-kumpanija omm tas-CCP jew azzjonisti oħra ma jkoprux it-telf mhux inadempjenti tas-CCP li mhuwiex allokat xi mkien ieħor u/jew li mhumiex lesti jirrikapitalizzaw is-CCP, irrispettivament minn jekk hemmx impenn kuntrattwali, garanzija tal-ġenituri, jew arranġament simili biex jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji jew le.

Jiġi stabbilit xenarju fejn l-awtoritajiet rilevanti jiddeterminaw li r-riżoluzzjoni għandha tinbeda qabel ma jiġu applikati wħud mill-arranġamenti jew l-għodod talßirkupru jew l-istralċ tas-CCP. F’dan ix-xenarju, l-arranġamenti ta’ rkupru u stralċ tas-CCP huma konsistenti mal-PFMI, iżda l-awtoritajiet rilevanti ddeterminaw li l-applikazzjoni tagħhom fil-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq tista’ thedded l-istabbiltà finanzjarja u/jew il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi.

Avveniment(i) li jikkawża(w) telf simultanju ta’ inadempjenza u mhux ta’ inadempjenza – Dan ix-xenarju jindirizza s-sitwazzjoni li fiha jkun hemm telf konkorrenti ta’ inadempjenza u mhux ta’ inadempjenza bħala riżultat ta’ event wieħed jew bħala riżultat ta’ diversi avvenimenti li jseħħu f’perjodu ta’ żmien imnaqqas.

Jiġi stabbilit xenarju fejn ikun hemm entitajiet speċifiċi li huma sorsi materjali kemm ta’ telf ta’ inadempjenza kif ukoll ta’ telf mhux inadempjenti, xenarji speċifiċi li janalizzaw l-effetti ta’ eventi ta’ inadempjenza li jaffettwaw lil dawn l-entitajiet jistgħu jkunu rilevanti.

Jitqies fejn it-telf mhux inadempjenti jiġġarrab mill-membri tal-ikklirjar li jaffettwaw il-perkors tal-propagazzjoni tat-telf u fejn ikun hemm differenzi materjali bejn kombinazzjonijiet differenti ta’ eventi ta’ inadempjenza u mhux ta’ inadempjenza fir-rigward tal-għodod disponibbli, l-użu tal-għodod, il-perkorsi tat-telf jew l-impatt fuq il-partijiet ikkonċernati.


Top