Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0938

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/938 tal-10 ta’ Mejju 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 rigward il-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid il-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/2990

    ĠU L 125, 11.5.2023, p. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/938/oj

    11.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 125/16


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/938

    tal-10 ta’ Mejju 2023

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 rigward il-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel ġdid il-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 12(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel il-ġdid awtorizzat u mniżżel fil-lista tal-Unjoni tal-ikel il-ġdid biss jista’ jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni.

    (2)

    Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid.

    (3)

    Il-lista tal-Unjoni stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 tinkludi l-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica bħala ikel ġdid awtorizzat.

    (4)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/760 (3) awtorizza l-introduzzjoni fis-suq tal-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica bħala ikel ġdid biex jintuża fis-supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), minbarra fis-supplimenti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar.

    (5)

    Fis-27 ta’ Lulju 2020, il-kumpanija Skotan S.A. (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex biex issir bidla fil-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel il-ġdid il-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica. L-applikant talab li l-użu tal-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica jiġi estiż għas-sostituti ta’ ikliet għall-kontroll tal-piż maħsubin għall-popolazzjoni adulta. L-applikant talab ukoll li jinbidel it-tikkettar tad-denominazzjoni tal-ikel il-ġdid.

    (6)

    Fil-21 ta’ Diċembru 2020, f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283, il-Kummissjoni kkonsultat mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-ikel (“l-Awtorità”) u talbitha tagħti opinjoni xjentifika dwar il-bidla tal-kundizzjonijiet tal-użu tal-ikel il-ġdid il-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica.

    (7)

    Fl-1 ta’ Lulju 2022, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha “Safety of an extension of use of Yarrowia lipolytica yeast biomass as a novel food pursuant to Regulation (EU) 2015/2283” (5) f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (8)

    Fl-opinjoni xjentifika tagħha l-Awtorità kkonkludiet li l-bidla proposta hija sikura fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti, u, għaldaqstant jixraq li l-kundizzjonijiet tal-użu tal-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica jiġu emendati.

    (9)

    F’konformità mal-kundizzjonijiet tal-użu tas-sostituti ta’ ikliet għall-kontroll tal-piż li fihom il-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica kif ġew proposti mill-applikant u vvalutati mill-Awtorità, jeħtieġ li l-konsumaturi jiġu infurmati permezz ta’ tikketta xierqa, li jenħtieġ li s-sostituti ta’ ikliet għall-kontroll tal-piż li jkun fihom il-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica jkunu kkunsmati biss minn persuni li jkollhom iżjed minn 18-il sena, u li ma għandhomx jintużaw fl-istess jum li jittieħdu supplimenti tal-ikel li fihom tkun inżiedet il-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica.

    (10)

    L-informazzjoni li ngħatat fl-applikazzjoni u fl-opinjoni tal-Awtorità jagħtu biżżejjed raġuni biex jiġi stabbilit li l-bidliet fil-kundizzjonijiet tal-użu u fit-tikkettar tad-denominazzjoni (it-tneħħija tat-terminu “maqtula bis-sħana”) tal-ikel il-ġdid huma konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283, u jenħtieġ li jiġu approvati.

    (11)

    Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

    (12)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/760 tat-13 ta’ Mejju 2019 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 125, 14.5.2019, p. 13).

    (4)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).

    (5)  EFSA Journal 2022;20(7):7450.


    ANNESS

    Fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, l-entrata għall-“bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica ” hija sostitwita b’dan li ġej:

    Ikel ġdid awtorizzat

    Kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel il-ġdid

    Rekwiżiti addizzjonali tat-tikkettar speċifiku

    Rekwiżiti oħrajn

    Protezzjoni tad-data

    “Bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica

    Kategorija tal-ikel speċifikat

    Livelli massimi

    1.

    Id-denominazzjoni tal-ikel il-ġdid fuq it-tikketti tal-oġġetti tal-ikel li fihom minnu għandha tkun ‘bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica’

    2.

    It-tikketti tas-sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż li fihom il-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica għandu jkollhom dikjarazzjoni li dawn għandhom jintużaw biss minn persuni li għandhom aktar minn 18-il sena u ma għandhomx jintużaw fl-istess jum li jiġu kkunsmati supplimenti tal-ikel li fihom il-bijomassa tal-ħmira tal-Yarrowia lipolytica.”

     

     

    Supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE, minbarra s-supplimenti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal iż-żgħar

    6 g/jum għat-tfal minn 10 snin ’il fuq, għall-adolexxenti u għall-popolazzjoni adulta ġenerali

    3 g/jum għat-tfal ta’ età bejn it-3 snin u d-9 snin

    Sostituti tal-ikliet għall-kontroll tal-piż għall-popolazzjoni adulta

    3 g kull ikla (massimu ta’ 2 ikliet/sa massimu ta’ 6 g kuljum)


    Top