Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2579

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2579 tal-10 ta’ Ġunju 2022 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn impriża fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 8a ta’ dik id-Direttiva (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/3342

ĠU L 335, 29.12.2022, pp. 61–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2579/oj

29.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/61


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2579

tal-10 ta’ Ġunju 2022

li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn impriża fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 8a ta’ dik id-Direttiva

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8a(6), it-tieni subparagrafu flimkien mal-Artikolu 8a(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8a tad-Direttiva 2013/36/UE, id-ditti tal-investiment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (1)(b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jenħtieġ li japplikaw għal awtorizzazzjoni bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dawk l-impriżi għandhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jwettqu valutazzjoni komprensiva tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu applikanti.

(2)

Il-lista ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’applikazzjoni minn entitajiet li jfittxu li jiksbu l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 8a tad-Direttiva 2013/36/UE għandha tiġi speċifikata f’regolament. Jenħtieġ li tali informazzjoni tinkludi d-dettalji ta’ identifikazzjoni u l-informazzjoni storika tal-istituzzjoni ta’ kreditu applikanti, inklużi l-liċenzjar eżistenti tagħha, l-attivitajiet proposti, is-sitwazzjoni finanzjarja attwali, il-programm ta’ operazzjonijiet, u l-kapital inizjali.

(3)

Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-armonizzazzjoni tal-informazzjoni tal-awtorizzazzjoni meħtieġa għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu applikanti, dan ir-Regolament jenħtieġ li jirreferi għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2580 (3) dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ir-rekwiżiti applikabbli għall-azzjonisti u l-membri b’parteċipazzjonijiet kwalifikanti u l-ostakli li jistgħu jipprevjenu l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji u jenħtieġ li jkollhom l-għan li jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għad-ditti tal-investiment li jikklassifikaw bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu.

(4)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jidentifika tip ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jieħdu depożiti jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku u jagħtu krediti f’isimhom stess u ieħor li huwa dak kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. B’mod differenti, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li n-negozju tagħhom jinkludi t-teħid ta’ depożiti jew fondi ripagabbli oħra mill-pubbliku u l-għoti ta’ krediti f’isimhom stess jenħtieġ li jsegwu r-rekwiżiti tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2580.

(5)

Il-lista ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni pprovduta f’dan ir-Regolament għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu applikanti jenħtieġ li tqis l-ispeċifiċitajiet tal-mudell tan-negozju tad-ditti tal-investiment u kwalunkwe liċenzja preċedenti mogħtija minn awtorità kompetenti.

(6)

L-awtoritajiet kompetenti jista’ jkollhom bżonn jespandu l-informazzjoni mitluba sabiex ikunu f’pożizzjoni li jivvalutaw bir-reqqa l-istituzzjoni ta’ kreditu applikanti, filwaqt li jqisu l-firxa ta’ mudelli ta’ negozju u forom legali differenti li l-istituzzjonijiet applikanti jistgħu jieħdu. Dan ir-Regolament għandu jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jitolbu informazzjoni addizzjonali minn ditta tal-investiment meta jivvalutaw l-applikazzjoni għal istituzzjoni ta’ kreditu.

(7)

L-awtorità kompetenti tista’ tikkunsidra li tirrinunzja xi rekwiżiti ta’ informazzjoni fid-dawl tad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu applikanti kkonċernata, u b’kont meħud tal-prinċipju tal-proporzjonalità u l-piż tal-implimentazzjoni fuq l-istituzzjonijiet. Madankollu, dan m’għandux jikkomprometti l-possibbiltà li titwettaq valutazzjoni komprensiva tal-applikazzjoni għal istituzzjoni ta’ kreditu.

(8)

Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) lill-Kummissjoni.

(9)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa

1.   Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) punt (1) (b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandha tikkonforma mar-rekwiżiti rigward l-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2580.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu informazzjoni addizzjonali, dment li tali informazzjoni tkun proporzjonata u rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-awtorizzazzjoni.

3.   Sakemm l-awtorità kompetenti ma titlobx mod ieħor, l-applikant mhuwiex meħtieġ jipprovdi l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 meta din l-informazzjoni tkun diġà miżmuma mill-awtorità kompetenti, inkluż fejn tkun intalbet u nkisbet minn awtorità kompetenti oħra, dment li l-applikant jiċċertifika li tali informazzjoni hija preċiża u kompluta fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.

4.   Istituzzjoni ta’ kreditu applikanti tista’ tħalli barra mill-informazzjoni tal-applikazzjoni li hija rilevanti biss għal attivitajiet mhux indikati fl-informazzjoni stabbilita fil-programm ta’ operazzjonijiet skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2580, dment li l-applikant jidentifika fl-applikazzjoni l-informazzjoni li tħalliet barra u jikkwota din id-dispożizzjoni bħala l-bażi għall-ommissjoni.

5.   Wara l-valutazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata fl-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’ titlob lill-applikant jipprovdi informazzjoni jew spjegazzjonijiet addizzjonali, meta l-awtorità tqis li dan ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ verifika ta’ jekk ir-rekwiżiti kollha għall-awtorizzazzjoni ġewx issodisfati.

6.   L-istituzzjoni ta’ kreditu applikanti għandha tiżgura li l-informazzjoni ppreżentata fl-applikazzjoni tkun aġġornata biex tiżgura l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu applikanti.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2580 tas-17 ta’ Ġunju 2022 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ kreditu, u li jispeċifikaw l-ostakli li jistgħu jipprevjenu l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti (ĠU L 335, 7.10.2022 p. 64).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


Top