Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1942

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1942 tat-13 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil ta’ Jasminum polyanthum Franchet li joriġinaw mill-Uganda, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni u li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil ta’ Jasminum polyanthum Franchet li joriġinaw fl-Iżrael, fit-territorju tal-Unjoni

    C/2022/7176

    ĠU L 268, 14.10.2022, p. 16–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1942/oj

    14.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 268/16


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1942

    tat-13 ta’ Ottubru 2022

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil ta’ Jasminum polyanthum Franchet li joriġinaw mill-Uganda, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni u li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil ta’ Jasminum polyanthum Franchet li joriġinaw fl-Iżrael, fit-territorju tal-Unjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), it-tielet subparagrafu tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2) jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

    (2)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 (3) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għall-pjanti, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

    (3)

    Wara valutazzjoni preliminari, fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 iddaħħlu 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw mill-pajjiżi terzi kollha, bħala pjanti ta’ riskju għoli. Dak l-Anness jinkludi l-ġeneru Jasminum L.

    (4)

    Il-lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra, imneħħija mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 u li jistgħu jiġu introdotti jew imċaqilqa fit-territorju tal-Unjoni biss jekk jiġu ssodisfati rekwiżiti speċjali, hija prevista fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (4).

    (5)

    Fl-4 ta’ Diċembru 2019, l-Uganda ressqet talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ biċċiet bla għeruq ta’ Jasminum polyanthum Franchet. Dik it-talba kienet sostnuta mid-dossier tekniku rilevanti.

    (6)

    Fil-31 ta’ Marzu 2022, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ komodità tal-biċċiet mingħajr għeruq ta’ Jasminum polyanthum Franchet mill-Uganda (5). L-Awtorità identifikat lil Bemisia tabaci (popolazzjonijiet mhux Ewropej), Coccus viridis, Diaphania indica, Pulvinaria psidii, Scirtothrips dorsalis u Selenaspidus articulatus bħala pesti relevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil.

    (7)

    L-Awtorità evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju deskritti fid-dossier għal Bemisia tabaci (popolazzjonijiet mhux Ewropej), Coccus viridis, Diaphania indica, Pulvinaria psidii, Scirtothrips dorsalis u Selenaspidus articulatus u stmat il-probabbiltà tal-ħelsien tal-komodità minn dawk il-pesti.

    (8)

    Abbażi ta’ dik l-opinjoni, huwa kkunsidrat li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ biċċiet mingħajr għeruq ta’ Jasminum polynathum Franchet li joriġinaw mill-Uganda, tnaqqas għal livell aċċettabbli, dment li jiġu applikati miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa li jindirizzaw ir-riskju ta’ pesti relatati ma’ dawk il-pjanti għat-tħawwil. B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li l-biċċiet mingħajr għeruq ta’ Jasminum polyanthum Franchet li joriġinaw mill-Uganda ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli.

    (9)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Il-miżuri deskritti mill-Uganda fid-dossier huma kkunsidrati suffiċjenti biex ir-riskju mill-introduzzjoni tal-komodità fit-territorju tal-Unjoni jitnaqqas għal livell aċċettabbli. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji għall-importazzjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni mill-introduzzjoni ta’ dik il-komodità fih.

    (11)

    Bemisia tabaci (popolazzjonijiet mhux Ewropej) u Scirtothrips dorsalis huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (6). Coccus viridis, Pulvinaria psidii u Selenaspidus articulatus għadhom mhumiex inklużi fil-lista ta’ pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, iżda jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi ladarba tkun twettqet valutazzjoni tar-riskju kompluta.

    (12)

    Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jiġi emendat skont dan.

    (13)

    L-opinjoni tal-Awtorità tindika li s’issa ma hemm l-ebda rekord ta’ Dijaphania indica assoċjata ma’ Jasminium polyanthum Franchet bħala ospitant. Għal din ir-raġuni, ma huma meħtieġa l-ebda rekwiżiti tal-importazzjoni fir-rigward ta’ dak il-pest.

    (14)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/419 (7) emenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 billi speċifika li huwa pprojbit li fl-Unjoni jiġu introdotti pjanti għat-tħawwil ta’ Jasminum L., għajr biċċiet mingħajr għeruq ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ Jasminum polyanthum Franchet li joriġinaw mill-Iżrael. L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 ġie emendat biex jinkludi r-rekwiżiti fitosanitarji tal-importazzjoni meħtieġa biex jiġi żgurat li r-riskju mill-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fl-Unjoni mill-Iżrael ikun aċċettabbli. Dawk ir-rekwiżiti fitosanitarji inkludew b’mod żbaljat miżuri dwar il-pest tal-kwarantina fl-Unjoni Scirtothrips dorsalis. Billi, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, għall-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni huma pprojbiti l-introduzzjoni, iċ-ċaqliq jew iż-żamma, il-multiplikazzjoni jew ir-rilaxx tagħhom fit-territorju tal-Unjoni, ma kienx meħtieġ li jiġu inklużi miżuri għal Scirtothrips dorsalis fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213.

    (15)

    Għalhekk, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jenħtieġ li jiġi kkoreġut skont dan.

    (16)

    Sabiex ikun hemm konformità mal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji (8), l-importazzjoni tal-biċċiet mingħajr għeruq ta’ Jasminum polyanthum Franchet mill-Uganda jenħtieġ li tissokta fl-iqsar żmien possibbli. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (17)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa kkoreġut f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju ta’ pjanti b’riskju għoli, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 7).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5).

    (5)  EFSA PLH Panel (EFSA Panel on Plant Health), 2022. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Jasminum polyanthum unrooted cuttings from Uganda. EFSA Journal 2022;20(5):7300, 83 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2022.7300.

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/419 tad-9 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Jasminum polyanthum Franchet li toriġina f’Iżrael, u li jadatta l-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda għall-Ullucus tuberosus u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni (ĠU L 83, 10.3.2021, p. 6).

    (8)  Il-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (il-Ftehim SPS), https://www.wto.org/english/tratop_e/sps_e/spsagr_e.htm


    ANNESS I

    Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019

    Fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fit-tieni kolonna tat-tabella “Deskrizzjoni”, l-entrata “Jasminum L., għajr biċċiet mingħajr għeruq ta’ pjanti għat-tħawwil tal-Jasminum polyanthum Franchet li joriġinaw mill-Iżrael” hija sostitwita b’dan li ġej:

    Jasminum L., għajr il-biċċiet mingħajr għeruq ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ Jasminum polyanthum Franchet li joriġinaw mill-Iżrael u mill-Uganda”.


    ANNESS II

    Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213

    Fit-tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara “Jasminum polyanthum Franchet, biċċiet mingħajr għeruq ta’ pjanti għat-tħawwil” li joriġinaw fl-Iżrael:

    Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

    Kodiċi NM

    Pajjiżi terzi tal-oriġini

    Miżuri

    Jasminum polyanthum Franchet, biċċiet mingħajr għeruq ta’ pjanti għat-tħawwil

    ex 0602 10 90

    L-Uganda

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa minn Coccus viridis, Pulvinaria psidii u Selenaspidus articulatus;

    (ii)

    il-pjanti tkabbru f’sit bi protezzjoni fiżika kontra l-introduzzjoni ta’ Coccus viridis, Pulvinaria psidii u Selenaspidus articulatus;

    (iii)

    is-sit tal-produzzjoni ġie soġġett għal spezzjoni uffiċjali mill-inqas darba fix-xahar għall-preżenza ta’ Coccus viridis, Pulvinaria psidii u Selenaspidus articulatus, u nstab ħieles minn dawk il-pesti;

    (iv)

    immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza ta’ Coccus viridis, Pulvinaria psidii u Selenaspidus articulatus, b’daqs tal-kampjun li jkun jippermetti d-detezzjoni ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 % b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 % għal kull pest;

    (b)

    taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213”; kif ukoll

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”


    ANNESS III

    Korrezzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213

    Fit-Tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213, l-entrata “Jasminum polyanthum Franchet, biċċiet mingħajr għeruq ta’ pjanti għat-tħawwil” li joriġinaw mill-Iżrael, hija sostitwita b’dan li ġej:

    Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

    Kodiċi NM

    Pajjiżi terzi tal-oriġini

    Miżuri

    Jasminum polyanthum Franchet, biċċiet mingħajr għeruq ta’ pjanti għat-tħawwil

    ex 0602 10 90

    Iżrael

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa minn Aonidiella orientalis, Milviscutulus mangiferae, Paracoccus marginatus, Pulvinaria psidii u Colletotrichum siamense;

    (ii)

    tul ħajjithom, il-pjanti tkabbru dejjem f’post tal-produzzjoni li, flimkien mas-siti tal-produzzjoni li huma parti minnu, hu rreġistrat u ssorveljat mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-pajjiż tal-oriġini;

    (iii)

    il-pjanti tkabbru f’sit bi protezzjoni fiżika kontra l-introduzzjoni ta’ Aonidiella orientalis, Milviscutulus mangiferae, Paracoccus marginatus, u Pulvinaria psidii;

    (iv)

    is-sit tal-produzzjoni sarulu spezzjonijiet uffiċjali għall-preżenza ta’ Aonidiella orientalis, Milviscutulus mangiferae, Paracoccus marginatus, Pulvinaria psidii, u Colletotrichum siamense kull tliet ġimgħat u nstab ħieles minn dawk il-pesti;

    (v)

    eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza ta’Aonidiella orientalis, Milviscutulus mangiferae, Paracoccus marginatus, u Pulvinaria psidii, u d-daqs tal-kampjun spezzjonat kien biżżejjed biex jippermetti d-detezzjoni ta’ mill-inqas livell ta’ 1 % ta’ infestazzjoni b’livell ta’ fiduċja ta’ 99 %; u saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza ta’ Colletotrichum siamense, inkluż bl-ittestjar tal-pjanti sintomatiċi;

    (b)

    taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213”; kif ukoll

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”


    Top