EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1299

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1299 tal-24 ta’ Marzu 2022 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet miċ-ċentri tan-negozjar (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/1709

ĠU L 197, 26.7.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/07/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1299/oj

26.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1299

tal-24 ta’ Marzu 2022

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet miċ-ċentri tan-negozjar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 57(8) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2021/338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi emendi fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward tal-kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet.

(2)

F’konformità ma’ dawk l-emendi għall-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/65/UE, iċ-ċentri tan-negozjar li jinnegozjaw derivattivi ta’ komoditajiet irid ikollhom fis-seħħ u jridu japplikaw kontrolli effettivi tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet biex jipprevjenu u jindirizzaw in-negozjar diżordinat, jappoġġaw kundizzjonijiet ta’ pprezzar u saldu ordnati u jiżguraw l-effiċjenza tas-swieq.

(3)

Kontrolli effettivi tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet jinkludu pereżempju arranġamenti legali biex tinkiseb u tintuża data ta’ detenturi ta’ pożizzjoni finali u impriżi prinċipali kif ukoll arranġamenti tekniċi, bħal rapporti u metriċi biex jinħoloq, pereżempju dashboard tal-pożizzjoni. Għalhekk, kontrolli effettivi tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet jenħtieġ li jkunu marbutin mill-qrib mal-monitoraġġ kontinwu miċ-ċentru tan-negozjar u jiddependu fuqu.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-iskoperta tal-prezzijiet ma jkunx influwenzat b’mod mhux xieraq mill-eżistenza ta’ pożizzjoni u sabiex tiġi identifikata l-akkumulazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet ta’ pożizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw f’distorsjoni tal-prezzijiet, manipulazzjoni tas-suq jew prattiki ta’ negozjar abbużivi oħra, iċ-ċentri tan-negozjar jenħtieġ li jkunu konxji minn pożizzjonijiet kbar miżmuma minn detenturi ta’ pożizzjoni finali u minn impriżi prinċipali f’derivattivi ta’ komoditajiet saldati fiżikament u r-raġunijiet għaż-żamma ta’ dawk il-pożizzjonijiet. Peress li l-provvista reali tal-komodità fiżika sottostanti hija ristretta għal provvista finita, derivattivi ta’ komoditajiet saldati fiżikament huma aktar suxxettibbli għal prattiki ta’ negozjar diżordinati bħal għafis tas-suq jew trekkin tas-suq fejn il-kontropartijiet jagħmlu użu minn pożizzjoni dominanti biex iżommu l-prezz ta’ derivattiv ta’ komodità, jew tal-komodità sottostanti, f’livell artifiċjali. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu identifikati l-pożizzjonijiet kbar f’derivattivi ta’ komoditajiet li jiġu saldati fiżikament mid-disinn kif ukoll f’dawk id-derivattivi ta’ komoditajiet li jistgħu jiġu saldati fiżikament fuq l-għażla tax-xerrej jew tal-bejjiegħ.

(5)

Id-determinazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi pożizzjoni kbira jenħtieġ li ssir miċ-ċentri tan-negozjar filwaqt li jitqiesu d-daqs u l-kompożizzjoni tas-suq inkwistjoni. Għal dak il-għan, iċ-ċentri tan-negozjar jenħtieġ li jistabbilixxu kriterji kwalitattivi jew kwantitattivi li jintużaw biex jidentifikaw skoperturi kbar bħal dawn u jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ proċeduri biex jidentifikaw il-pożizzjonijiet kollha miżmuma minn kwalunkwe persuna li taqbeż dawn il-livelli ta’ akkontabbiltà predeterminati. Il-kriterji kwantitattivi u kwalitattivi jistgħu jkunu, fost l-oħrajn, id-daqs tal-interess miftuħ totali fid-derivattiv ta’ komodità, is-sehem tal-pożizzjoni tad-detentur tal-pożizzjoni, il-volatilità tas-swieq u l-karatteristiċi tas-suq tal-komoditajiet sottostanti. Meta jinqabżu dawn il-livelli, iċ-ċentru tan-negozjar jenħtieġ li jipprova jifhem ir-raġuni għall-akkumulazzjoni ta’ dik il-pożizzjoni kbira. Għal dak il-għan, iċ-ċentru tan-negozjar jenħtieġ li jivvaluta jekk jeħtiġlux jitlob informazzjoni addizzjonali mill-persuna li jkollha dik il-pożizzjoni kbira, filwaqt li jqis b’mod partikolari kemm il-pożizzjonijiet miżmuma minn dik il-persuna jaqbżu l-livelli ta’ akkontabbiltà u l-punt sa fejn jinqabżu l-livelli tal-akkontabbiltà. Tali informazzjoni tista’ tinkludi, fost l-oħrajn, pożizzjonijiet fi prodotti relatati, ir-raġuni ekonomika għall-pożizzjoni miftuħa u l-attività f’suq tal-komoditajiet sottostanti relatat. Abbażi tal-informazzjoni diġà disponibbli jew miġbura permezz ta’ talba għal informazzjoni, iċ-ċentru tan-negozjar jenħtieġ li jieħu azzjonijiet xierqa meta meħtieġ.

(6)

Huwa importanti li l-livelli ta’ akkontabbiltà stabbiliti jibqgħu adegwati u effettivi biex jaqdu l-iskop maħsub tagħhom u li l-awtorità kompetenti tkun infurmata dwar il-metodoloġija użata għall-istabbiliment u l-aġġornament ta’ dawk il-livelli ta’ akkontabbiltà.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(8)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Obbligi ġenerali ta’ monitoraġġ

Iċ-ċentri tan-negozjar għandu jkollhom arranġamenti fis-seħħ għall-monitoraġġ kontinwu tal-pożizzjonijiet miżmuma minn detenturi ta’ pożizzjoni finali u impriżi prinċipali f’kull derivattiv ta’ komodità nnegozjat fiċ-ċentri tan-negozjar tagħhom.

Artikolu 2

Livelli ta’ akkontabbiltà

1.   Bħala parti mill-kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet tagħhom, iċ-ċentri tan-negozjar li joffru negozjar f’derivattivi ta’ komoditajiet għandhom jistabbilixxu livelli ta’ akkontabbiltà fix-xahar spot kif definit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1301 (4) u fix-xhur l-oħra kif definit fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1301 għal derivattivi ta’ komoditajiet disponibbli għan-negozjar li huma saldati fiżikament jew li jistgħu jiġu saldati fiżikament.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, livell ta’ akkontabbiltà huwa l-livell tal-pożizzjoni netta miżmuma f’derivattiv ta’ komodità minn detentur ta’ pożizzjoni finali jew impriża prinċipali li meta jinqabeż tista’ tiskatta talba għal informazzjoni addizzjonali miċ-ċentru tan-negozjar skont il-paragrafu 3.

3.   Meta pożizzjoni netta miżmuma minn detentur ta’ pożizzjoni finali jew impriża prinċipali f’derivattiv ta’ komodità msemmi fil-paragrafu 1 taqbeż il-livell ta’ akkontabbiltà stabbilit għax-xahar spot jew għax-xhur l-oħra skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iċ-ċentru tan-negozjar għandu, fejn jitqies xieraq, jikseb informazzjoni dwar in-natura u l-iskop tal-pożizzjoni miżmuma f’dak id-derivattiv ta’ komodità.

Meta jivvaluta jekk huwiex xieraq li jikseb informazzjoni, iċ-ċentru tan-negozjar għandu jqis il-frekwenza li biha l-livelli ta’ akkontabbiltà jinqabżu mill-istess detentur ta’ pożizzjoni finali jew impriża prinċipali, id-daqs tal-eċċess u informazzjoni rilevanti oħra diġà disponibbli.

Artikolu 3

Rieżami u rappurtar tal-livelli ta’ akkontabbiltà

1.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom, fuq bażi annwali, jevalwaw l-adegwatezza u l-effettività tal-livelli ta’ akkontabbiltà stabbiliti skont l-Artikolu 2(1).

2.   Ċentru tan-negozjar għandu jikkomunika lill-awtorità kompetenti tiegħu l-metodoloġija użata għall-istabbiliment tal-livelli ta’ akkontabbiltà msemmija fl-Artikolu 2(1).

3.   Ċentru tan-negozjar għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tiegħu fuq bażi annwali dwar l-għadd ta’ każijiet fejn il-livelli ta’ akkontabbiltà jkunu nqabżu, dwar kwalunkwe talba għal informazzjoni addizzjonali li saret skont l-Artikolu 2(3) u dwar kwalunkwe azzjoni meħuda skont l-Artikolu 2(4).

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2021/338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni, governanza tal-prodotti u limiti ta’ pożizzjoni, u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/878 fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għad-ditti tal-investiment, għas-sostenn tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 68, 26.2.2021, p. 14).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1301 tal-31 ta’ Marzu 2022 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/1226 fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tingħata skont ir-rekwiżiti ta’ notifika STS għal titolizzazzjonijiet sintetiċi fil-karta tal-bilanċ (ĠU L 197, xx.xx.2022, p. 10).


Top