EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1011

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1011 tal-10 ta’ Marzu 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw kif jiġu ddeterminati l-iskoperturi indiretti għal klijent li jirriżultaw minn kuntratti ta’ derivattivi u derivattivi ta’ kreditu meta l-kuntratt ma jkunx sar direttament mal-klijent iżda l-istrument sottostanti ta’ dejn jew ekwità jkun inħareġ minn dak il-klijent (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/1377

ĠU L 170, 28.6.2022, p. 22–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1011/oj

28.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/22


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1011

tal-10 ta’ Marzu 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw kif jiġu ddeterminati l-iskoperturi indiretti għal klijent li jirriżultaw minn kuntratti ta’ derivattivi u derivattivi ta’ kreditu meta l-kuntratt ma jkunx sar direttament mal-klijent iżda l-istrument sottostanti ta’ dejn jew ekwità jkun inħareġ minn dak il-klijent

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 390(9), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Id-determinazzjoni tal-valuri tal-iskopertura indiretta għal klijent li jirriżultaw minn kuntratti tad-derivattivi u tad-derivattivi tal-kreditu għal finijiet ta’ skoperturi kbar jenħtieġ li tkun differenti mill-metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-iskopertura użat għar-rekwiżiti kapitali bbażati fuq ir-riskju stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 minħabba li inadempjenza tal-istrument sottostanti tista’ twassal għal profitt minflok telf. Il-valur tal-iskopertura indiretta għandu għalhekk ikun dipendenti fuq it-telf (jiġifieri l-valur tal-iskopertura pożittiv) jew il-qligħ (jiġifieri l-valur tal-iskopertura negattiv) li jirriżulta minn inadempjenza potenzjali tal-istrument sottostanti tagħha. Skont ir-reġim tal-iskoperturi l-kbar stabbilit fil-Parti Erbgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fil-każ ta’ skoperturi fil-portafoll tan-negozjar, l-istituzzjonijiet jistgħu jpaċu pożizzjonijiet pożittivi u negattivi fl-istess strumenti finanzjarji, jew, taħt ċerti kundizzjonijiet, fi strumenti finanzjarji differenti, maħruġa minn klijent partikolari. L-iskopertura netta kumplessiva għal klijent individwali titqies biss jekk tkun pożittiva. Bl-istess mod, l-iskopertura netta kumplessiva għal klijent partikolari, wara l-inklużjoni tal-iskoperturi indiretti għal dak il-klijent li jirriżultaw minn kuntratti ta’ derivattivi jew derivattivi ta’ kreditu allokati lill-portafoll tan-negozjar, għandha titqies biss jekk tkun pożittiva. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tpaċija ta’ kwalunkwe skopertura indiretta li tirriżulta minn kuntratti derivattivi jew derivattivi ta’ kreditu allokati lill-portafoll mhux tan-negozjar, kwalunkwe valur ta’ skopertura indiretta negattiv li jirriżulta minn dawk il-pożizzjonijiet għandu jiġi stabbilit għal żero.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li r-riskju ta’ inadempjenza jinqabad b’mod xieraq, il-valur tal-iskopertura indiretta tal-opzjonijiet, irrispettivament minn jekk jiġix allokat lill-portafoll tan-negozjar jew lill-portafoll mhux tan-negozjar, għandu għalhekk jiddependi fuq il-bidliet fil-prezzijiet tal-opzjonijiet li jirriżultaw minn inadempjenza tal-istrument sottostanti rispettiv, eż. il-valur tas-suq tal-opzjoni għal opzjonijiet “eżerċitabbli” u l-valur tas-suq tal-opzjoni nieqes il-prezz tal-eżerċitar tagħha għall-opzjonijiet “put”.

(3)

L-għan tad-derivattivi ta’ kreditu huwa li jittrasferixxu r-riskju tal-kreditu fir-rigward tal-mutwatarji mingħajr ma jittrasferixxu l-assi nfushom. Ir-rwol li għandhom l-istituzzjonijiet bħala bejjiegħ tal-protezzjoni jew xerrej tal-protezzjoni u t-tip ta’ derivattiv tal-kreditu li jidħlu fih għandhom jitqiesu għad-determinazzjoni tal-valur tal-iskopertura indiretta tal-istrument sottostanti. L-iskopertura indiretta għandha għalhekk tkun ugwali għall-valur tas-suq tal-kuntratt tad-derivattivi ta’ kreditu, li għandu jiġi aġġustat bl-ammont dovut jew mistenni li jiġi riċevut mill-kontroparti fil-każ ta’ inadempjenza tal-emittent tal-istrument ta’ dejn sottostanti.

(4)

Għal tipi oħra ta’ kuntratti tad-derivattivi li jikkostitwixxu taħlita ta’ pożizzjonijiet twal u qosra, sabiex jiġi żgurat li r-riskju ta’ inadempjenza preċiż jinqabad, l-istituzzjonijiet għandhom jiddekomponu dawk il-kuntratti tad-derivattivi f’komponenti individwali tat-tranżazzjonijiet. Huma biss il-komponenti b’riskju ta’ inadempjenza, fejn l-istituzzjonijiet għandhom riskju ta’ telf fil-każ ta’ inadempjenza, li għandhom ikunu rilevanti għall-kalkolu tal-valur tal-iskopertura indiretta li jirriżulta minn dawk il-kuntratti tad-derivattivi. Madankollu, meta l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu japplikaw dik il-metodoloġija, u jiżguraw trattament konservattiv, jenħtieġ li jitħallew jiddeterminaw il-valur tal-iskopertura indiretta tal-istrumenti sottostanti bħala t-telf massimu li jistgħu jġarrbu wara l-inadempjenza tal-emittent tas-sottostanti li għalih jirreferi d-derivattiv.

(5)

Id-derivattivi jistgħu jinkitbu fuq strumenti li għandhom ismijiet ta’ referenza sottostanti multipli. Għal dawk id-derivattivi multisottostanti, fejn istituzzjoni tista’ tħares lejn l-ismijiet ta’ referenza sottostanti, u biex tiżgura li jintuża l-aktar metodu preċiż, il-valur tal-iskopertura indiretta għandu jiġi kkalkulat billi titqies il-varjazzjoni fil-prezz tad-derivattiv f’każ ta’ inadempjenza ta’ kull wieħed mill-ismijiet ta’ referenza sottostanti fl-istrument multisottostanti. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-qafas ta’ skoperturi kbar applikabbli għal tranżazzjonijiet fejn ikun hemm skopertura għal assi sottostanti, l-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1187/2014 (2) jenħtieġ li japplika biex jassenja l-iskoperturi lill-klijent identifikat, klijent separat jew klijent mhux magħruf. F’każijiet fejn l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu japplikaw approċċ ta’ trasparenza jew fejn approċċ ta’ trasparenza għal derivattiv b’ismijiet ta’ referenza multipli jkun ta’ piż żejjed għalihom, u biex jiżguraw trattament konservattiv, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkulaw il-valur tal-iskopertura indiretta billi jħarsu lejn il-varjazzjoni tal-prezz tad-derivattiv fil-każ ta’ inadempjenza ta’ dawk l-ismijiet ta’ referenza sottostanti kollha. Bl-istess mod, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-qafas tal-iskoperturi l-kbar applikabbli għal tranżazzjonijiet fejn ikun hemm skopertura għal assi sottostanti, jenħtieġ li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1187/2014 japplika biex jassenja l-iskopertura lil klijent separat jew klijent mhux magħruf. Fil-każijiet kollha fejn l-istrumenti sottostanti jiġu assenjati lill-klijent mhux magħruf, sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-valuri negattivi ta’ skopertura indiretta jiġu paċuti b’valuri ta’ skopertura indiretta pożittivi, l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu għal żero kwalunkwe valur negattiv ta’ skopertura indiretta.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(7)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Regoli ġenerali għad-determinazzjoni tal-valur tal-iskopertura indiretta għal klijent li jirriżulta minn kuntratti tad-derivattivi u tad-derivattivi tal-kreditu

1.   L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkulaw il-valur tal-iskopertura indiretta għal klijent li jirriżulta minn kuntratti tad-derivattivi elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u kuntratti tad-derivattivi ta’ kreditu, meta l-kuntratti tad-derivattivi ma jkunux daħlu fihom direttament ma’ dak il-klijent iżda l-istrument sottostanti ta’ dejn jew ekwità jkun inħareġ minn dak il-klijent, skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, meta l-istrumenti sottostanti jkunu inklużi f’indiċi ta’ swap ta’ dejn, ekwità jew kreditu jew impriża ta’ investiment kollettiv, jew fejn il-kuntratti tad-derivattivi jkollhom ismijiet ta’ referenza sottostanti multipli, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkulaw il-valuri tal-iskopertura indiretta għal klijent li jirriżulta mill-kuntratti tad-derivattivi msemmija fil-paragrafu 1 u l-kontribuzzjoni ta’ dik l-iskopertura għall-iskopertura għal klijent skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 6.

3.   Meta l-kuntratti tad-derivattivi u tad-derivattivi tal-kreditu msemmija fil-paragrafu 1 jiġu allokati lill-portafoll tan-negozjar, wara l-kalkolu tal-valuri tal-iskopertura indiretta għal klijent li jirriżultaw minn dawk il-kuntratti, l-istituzzjonijiet għandhom jinkludu dawk il-valuri tal-iskopertura fl-iskoperturi għal dak il-klijent fil-portafoll tan-negozjar. Wara l-aggregazzjoni, l-iskoperturi netti negattivi għall-klijent għandhom jiġu stabbiliti għal żero.

4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, meta l-kuntratti tad-derivattivi u tad-derivattivi ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu 1 jiġu allokati lill-portafoll mhux tan-negozjar u fejn, wara l-kalkolu tal-valuri tal-iskopertura indiretta għal klijent li jirriżultaw minn dawk il-kuntratti, l-iskoperturi indiretti jkollhom valur negattiv, l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu għal żero dawk il-valuri tal-iskoperturi qabel ma jgħodduhom għall-iskoperturi għal dak il-klijent.

Artikolu 2

Allokazzjoni tal-iskoperturi indiretti għal kategoriji ta’ kuntratti tad-derivattivi

L-istituzzjonijiet għandhom jallokaw l-iskoperturi indiretti msemmija fl-Artikolu 1(1) għal waħda mill-kategoriji ta’ kuntratti tad-derivattivi li ġejjin:

(a)

opzjonijiet fuq strumenti ta’ dejn u ekwità;

(b)

kuntratti ta’ derivattivi ta’ kreditu;

(c)

il-kuntratti derivattivi l-oħra kollha elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li għandhom bħala assi sottostanti strument ta’ dejn jew ekwità u li mhumiex inklużi fil-kategoriji msemmija fil-punti (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu.

Artikolu 3

Kalkolu tal-valur tal-iskopertura indiretta għal opzjonijiet fuq strumenti ta’ dejn u ekwità

1.   Soġġett għall-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkulaw il-valur tal-iskopertura indiretta għall-opzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-punt (a), bħala s-somma tal-valur tas-suq attwali tal-opzjoni u l-ammont dovut lill-kontroparti tal-opzjoni bħala riżultat ta’ inadempjenza potenzjali tal-emittent tal-istrument sottostanti mnaqqas bl-ammont dovut lill-istituzzjoni minn dik il-kontroparti f’dak il-każ.

2.   Għall-opzjonijiet eżerċitabbli, il-valur tal-iskopertura indiretta għandu jkun ugwali għall-valur tas-suq tal-opzjoni. Għal pożizzjoni twila f’opzjoni eżerċitabbli, il-valur tal-iskopertura indiretta għandu jkun pożittiv filwaqt li għal pożizzjoni qasira f’opzjoni eżerċitabbli, il-valur tal-iskopertura indiretta għandu jkun negattiv.

3.   Għall-opzjonijiet put, il-valur tal-iskopertura indiretta għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-valur tas-suq tal-opzjoni u l-prezz tal-eżerċitar tagħha. Għal pożizzjoni qasira f’opzjoni put, il-valur tal-iskopertura indiretta għandu jkun pożittiv filwaqt li għal pożizzjoni twila f’opzjoni put, il-valur tal-iskopertura indiretta għandu jkun negattiv.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, għal opzjonijiet put li ma għandhomx prezz tal-eżerċitar disponibbli fid-data tat-tranżazzjoni, iżda fi stadju aktar tard, l-istituzzjonijiet għandhom jużaw il-prezz tal-eżerċitar immudellat mistenni użat għall-kalkolu tal-valur ġust tal-opzjoni.

5.   Meta l-valur tas-suq ta’ pożizzjoni ma jkunx disponibbli f’data partikolari, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu valur ġust għall-pożizzjoni f’dik id-data. Meta la l-valur tas-suq u lanqas il-valur ġust ta’ opzjoni ma jkunu disponibbli f’data partikolari, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu l-valur tas-suq jew il-valur ġust l-aktar reċenti. Meta la l-valur tas-suq u lanqas il-valur ġust ta’ opzjoni ma jkunu disponibbli fl-ebda data, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu l-valur li bih titkejjel l-opzjoni skont il-qafas kontabilistiku applikabbli.

Artikolu 4

Kalkolu tal-valuri tal-iskopertura indiretta għal kuntratti tad-derivattivi tal-kreditu

1.   Il-valur tal-iskopertura indiretta għal klijent li jirriżulta minn kuntratti tad-derivattivi ta’ kreditu msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (b), għandu jkun ugwali għas-somma tal-valur tas-suq attwali tal-kuntratt tad-derivattivi ta’ kreditu u l-ammont dovut lill-kontroparti tal-kuntratt tad-derivattivi ta’ kreditu bħala riżultat ta’ inadempjenza potenzjali tal-emittent tal-istrument sottostanti mnaqqas bl-ammont dovut lill-istituzzjoni minn dik il-kontroparti f’dak il-każ.

2.   Meta l-valur tas-suq tad-derivattiv ta’ kreditu ma jkunx disponibbli f’data partikolari, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu l-valur ġust tad-derivattiv ta’ kreditu f’dik id-data. Meta la l-valur tas-suq, u lanqas il-valur ġust tad-derivattiv ta’ kreditu ma jkunu disponibbli f’data partikolari, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu l-valur tas-suq jew il-valur ġust l-aktar reċenti. Meta la l-valur tas-suq u lanqas il-valur ġust ta’ kuntratt tad-derivattivi ta’ kreditu ma jkunu disponibbli fi kwalunkwe data, l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu l-valur li bih il-kuntratt tad-derivattivi ta’ kreditu jitkejjel skont il-qafas kontabilistiku applikabbli.

Artikolu 5

Kalkolu tal-valur tal-iskopertura indiretta għal kuntratti tad-derivattivi oħrajn elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   Meta jikkalkulaw il-valur tal-iskopertura indiretta għal klijent li jirriżulta minn kuntratti tad-derivattivi oħra msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (c), inklużi swaps, futuri jew forwards, l-istituzzjonijiet għandhom jiddekomponu l-komponenti multipli tat-tranżazzjonijiet tagħhom f’komponenti individwali tat-tranżazzjonijiet.

2.   Għall-komponenti tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 li jinvolvu riskju ta’ inadempjenza tal-emittent tal-istrument sottostanti, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkulaw il-valur tal-iskopertura indiretta tagħhom daqslikieku kienu pożizzjonijiet f’dawk il-komponenti.

3.   Meta istituzzjoni ma tkunx tista’ tapplika t-trattament previst fil-paragrafi 1 u 2, hija għandha tiddetermina l-valur tal-iskopertura indiretta lejn l-emittent tal-istrumenti sottostanti bħala t-telf massimu li l-istituzzjoni ġġarrab minn inadempjenza potenzjali tal-emittent tal-istrumenti sottostanti li għalihom jirreferi l-kuntratt tad-derivattivi.

Artikolu 6

Kalkolu tal-valuri tal-iskopertura indiretta li jirriżultaw minn kuntratti tad-derivattivi b’multisottostanti

1.   Meta jiddeterminaw il-valur tal-iskopertura indiretta għal klijent li jirriżulta minn kuntratti tad-derivattivi miktuba fuq indiċi ta’ dejn, ekwità jew swap ta’ inadempjenza tal-kreditu jew impriża ta’ investiment kollettiv, jew b’ismijiet ta’ referenza multisottostanti, l-istituzzjonijiet għandhom iħarsu lejn l-istrumenti sottostanti individwali kollha u jikkalkulaw il-valuri tal-iskopertura indiretti bħala l-varjazzjoni fil-prezz tal-kuntratt tad-derivattivi fil-każ ta’ inadempjenza ta’ kull wieħed mill-ismijiet ta’ referenza sottostanti. L-istituzzjonijiet għandhom jassenjaw kull valur tal-iskopertura indiretta jew lil klijent identifikat, klijent separat jew klijent mhux magħruf, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1187/2014.

2.   Meta istituzzjoni ma tkunx tista’ tfittex l-istrumenti sottostanti individwali kollha tal-kuntratt tad-derivattivi kif previst fil-paragrafu 1 jew meta jkun ta’ piż żejjed għall-istituzzjoni li tagħmel dan, hija għandha:

(a)

tħares lejn dawk l-istrumenti sottostanti individwali fejn l-istituzzjoni tkun tista’ tagħmel dan jew fejn ma jkunx ta’ piż bla bżonn għall-istituzzjoni li tagħmel dan u tikkalkula l-valur tal-iskopertura indiretta skont il-paragrafu 1;

(b)

għal dawk l-istrumenti sottostanti fejn l-istituzzjoni ma tkunx tista’ tfittex jew fejn ikun ta’ piż bla bżonn għal istituzzjoni li tagħmel dan, tikkalkula l-valur tal-iskopertura indiretta billi tħares lejn il-varjazzjoni tal-prezz tal-kuntratt tad-derivattivi fil-każ ta’ inadempjenza ta’ dawk l-ismijiet ta’ referenza sottostanti kollha.

Il-valur tal-iskopertura indiretta msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi assenjat jew għat-tranżazzjoni derivattiva bħala klijent separat jew għall-klijent mhux magħruf, kif stabbilit fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1187/2014.

3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, fejn il-valuri tal-iskopertura indiretta għandhom jiġu assenjati lill-klijent mhux magħruf, kif stabbilit fl-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1187/2014, u fejn il-valuri tal-iskopertura indiretta jkunu negattivi, l-istituzzjoni għandha tistabbilixxi għal żero dawk il-valuri tal-iskoperturi indiretti qabel tgħoddhom mal-iskoperturi għall-klijent mhux magħruf.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1187/2014 tat-2 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward standards tekniċi regolatorji għad-determinazzjoni tal-iskopertura ġenerali għal klijent jew grupp ta’ klijenti relatati fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ma’ assi sottostanti (ĠU L 324, 7.11.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


Top