Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0398

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/398 tad-9 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

    ST/6838/2022/INIT

    ĠU L 82, 9.3.2022, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/398/oj

    9.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 82/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/398

    tad-9 ta’ Marzu 2022

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-18 ta' Mejju 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 765/2006 (2).

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2012/642/PESK.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/399 (3) tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sanzjonijiet biex jiġu implimentati aktar il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Frar 2022 wara l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni militari inaċċettabbli u illegali Russa kontra l-Ukrajna, li skont id-dritt internazzjonali tikkwalifika bħala att ta’ aggressjoni.

    (4)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, jidher li huwa meħtieġ li jittieħdu miżuri addizzjonali. Konsegwentement, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/399 tkompli tespandi r-restrizzjonijiet finanzjarji eżistenti. B’mod partikolari, tipprojbixxi l-elenkar u l-forniment ta’ servizzi b’rabta mal-ishma ta’ entitajiet tal-Istat tal-Belarussja f’ċentri tan-negozjar tal-Unjoni. Barra minn hekk, tintroduċi miżuri ġodda li jillimitaw b’mod sinifikanti l-influssi finanzjarji mill-Belarussja lejn l-Unjoni billi tipprojbixxi l-aċċettazzjoni ta’ depożiti li jaqbżu ċerti valuri minn ċittadini jew residenti Belarussi, iż-żamma ta’ kontijiet ta’ klijenti Belarussi mid-depożitorji ċentrali tat-titoli tal-Unjoni kif ukoll il-bejgħ ta’ titoli denominati f’euro lil klijenti Belarussi. Tipprojbixxi wkoll tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali tal-Belarussja relatati mal-ġestjoni ta’ riżervi jew assi, il-forniment ta’ finanzjament pubbliku għal kummerċ mal-Belarussja u investiment fil-Belarussja, b’eċċezzjonijiet limitati, u l-forniment ta’ karti tal-flus denominati f’euro lill-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

    (5)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/399 timponi aktar miżuri restrittivi b’rabta mal-forniment ta’ servizzi ta’ messaġġi finanzjarji speċjalizzati lil ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu Belarussi u lis-sussidjarji Belarussi tagħhom, li huma rilevanti għas-sistema finanzjarja Belarussa u li huma diġà s-suġġett ta’ miżuri restrittivi imposti mill-Unjoni.

    (6)

    Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 765/2006, huwa meħtieġ ukoll li jiżdiedu obbligi fuq il-Maniġer tan-Netwerk għall-funzjonijiet tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-ajru uniku Ewropew rigward il-projbizzjonijiet tat-titjiriet u li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet dwar in-nonċirkomvenzjoni. Filwaqt li huwa komunement mifhum li l-kunċett ta’ “assi” u “riżorsi ekonomiċi” soġġetti għall-iffriżar jinkludi wkoll il-kriptoassi, u li s-self u l-krediti jistgħu jiġu pprovduti wkoll permezz ta’ kriptoassi, huwa xieraq li jiġi speċifikat aktar il-kunċett ta’ “titoli trasferibbli” fir-rigward ta’ tali assi minħabba n-natura speċifika tagħhom.

    (7)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, il-punt 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “9.

    ‘titoli trasferibbli’ tfisser il-klassijiet li ġejjin ta’ titoli, inkluż fil-forma ta’ kriptoassi, li huma negozjabbli fis-suq kapitali, bl-eċċezzjoni ta’ strumenti ta’ ħlas:

    (i)

    ishma f’kumpaniji u titoli oħra ekwivalenti għal ishma f’kumpaniji, soċjetajiet f'isem kollettiv jew entitajiet oħra, u rċevuti ta’ depożiti fir-rigward ta’ ishma;

    (ii)

    bonds jew forom oħra ta’ dejn titolizzat, inklużi l-irċevuti ta’ depożiti fir-rigward ta’ tali titoli;

    (iii)

    kwalunkwe titolu ieħor li jagħti d-dritt ta’ akkwist jew bejgħ ta’ kwalunkwe titolu trasferibbli bħal dan jew li jagħti lok għal saldu fi flus determinat b’referenza għal titoli trasferibbli.”;

    (2)

    fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “20.

    ‘depożitorju ċentrali tat-titoli’ tfisser persuna ġuridika kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

    21.

    ‘depożitu’ tfisser bilanċ ta’ kreditu li jirriżulta minn fondi li jitħallew f’kont jew minn sitwazzjonijiet temporanji li joħorġu minn tranżazzjonijiet bankarji normali u li l-istituzzjoni ta’ kreditu hija meħtieġa li tħallas lura taħt il-kondizzjonijiet legali u kontrattwali applikabbli, inkluż depożitu ta’ żmien fiss u depożitu ta’ tfaddil, iżda eskluż bilanċ ta’ kreditu fejn:

    (i)

    l-eżistenza tiegħu tista’ tintwera biss permezz ta’ strument finanzjarju kif definit fl-Artikolu 4(1)(15) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), sakemm ma jkunx prodott ta’ tfaddil li huwa evidenti permezz ta’ ċertifikat ta’ depożitu mogħti lil persuna msemmija u li jeżisti fi Stat Membru fit-2 ta’ Lulju 2014;

    (ii)

    il-kapital mhux ripagabbli at par;

    (iii)

    il-kapital tiegħu huwa ripagabbli biss at par taħt garanzija jew ftehim partikolari mogħti mill-istituzzjoni ta’ kreditu jew parti terza;

    22.

    ‘skemi ta’ ċittadinanza b’investiment’ (jew “passaporti tad-deheb”) tfisser il-proċeduri stabbiliti minn Stat Membru, li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiksbu n-nazzjonalità tiegħu bi skambju għal pagamenti u investimenti predeterminati;

    23.

    ‘skemi ta’ residenza għall-investitur’ (jew ‘viżi tad-deheb’) tfisser il-proċeduri stabbiliti minn Stat Membru, li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiksbu permess ta’ residenza fi Stat Membru bi skambju għal pagamenti u investimenti predeterminati;

    24.

    ‘ċentru tan-negozjar’, kif definit fl-Artikolu 4(1)(24) tad-Direttiva 2014/65/UE, tfisser suq regolat, faċilità multilaterali tan-negozjar jew faċilità organizzata tan-negozjar.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1)."

    (*2)  Id- Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).”;"

    (3)

    l-Artikolu 1m huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun, direttament jew indirettament, iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.”;

    (4)

    jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 1ja

    1.   Tranżazzjonijiet relatati mal-ġestjoni ta’ riżervi kif ukoll ta’ assi tal-Bank Ċentrali tal-Belarussja, inklużi tranżazzjonijiet ma’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem, jew taħt id-direzzjoni tal-Bank Ċentrali tal-Belarussja, huma pprojbiti.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw tranżazzjoni dment li dan ikun strettament meħtieġ biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni kollha jew tal-Istat Membru kkonċernat.

    3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 2.

    Artikolu 1jb

    Għandu jkun ipprojbit li jiġu elenkati u fornuti servizzi mit-12 ta’ April 2022 f’ċentri tan-negozjar irreġistrati jew rikonoxxuti fl-Unjoni għat-titoli trasferibbli ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fil-Belarussja u b’aktar minn 50 % sjieda pubblika.

    Artikolu 1t

    1.   Għandu jkun ipprojbit li jingħata finanzjament pubbliku jew assistenza finanzjarja għal kummerċ mal-Belarussja jew għal investiment fil-Belarussja.

    2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal:

    (a)

    impenji ta’ finanzjament vinkolanti jew ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti qabel l-10 ta’ Marzu 2022;

    (b)

    l-għoti ta’ finanzjament pubbliku jew assistenza finanzjarja sal-valur totali ta’ EUR 10 000 000 għal kull proġett li minnu jibbenefikaw intrapriżi żgħar u medji stabbiliti fl-Unjoni; jew

    (c)

    l-għoti ta’ finanzjament pubbliku jew assistenza finanzjarja għal kummerċ fl-ikel u għal skopijiet agrikoli, mediċi jew umanitarji.

    Artikolu 1u

    1.   Għandu jkun ipprojbit li jiġi aċċettat kwalunkwe depożitu minn ċittadini Belarussi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fil-Belarussja, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja, jekk il-valur totali tad-depożiti tal-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għal kull istituzzjoni ta’ kreditu jaqbeż l-EUR 100 000.

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Iżvizzera, jew għal persuni fiżiċi li jkollhom permess ta’ residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru, f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Iżvizzera.

    3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal depożiti li huma meħtieġa għal kummerċ transfruntier mhux ipprojbit f’oġġetti u f’servizzi bejn l-Unjoni u l-Belarussja.

    Artikolu 1v

    1.   B’deroga mill-Artikolu 1u(1), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu, taħt dawk il-kondizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu stabbilew li l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu hija:

    (a)

    meħtieġa biex tissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 1u(1) u l-membri dipendenti tal-familja tagħhom, inklużi pagamenti għall-ikel, il-kera jew l-ipoteka, għal mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;

    (b)

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta’ spejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

    (c)

    meħtieġa għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li jenħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni speċifika, tal-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

    (d)

    meħtieġa għal skopijiet uffiċjali ta’ missjoni diplomatika jew uffiċċju konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali.

    2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-punti 1(a), (b) u (d) tal-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

    Artikolu 1w

    1.   B’deroga mill-Artikolu 1u(1), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu, taħt dawk il-kondizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu stabbilew li l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu hija:

    (a)

    meħtieġa għal skopijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inklużi provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għal evakwazzjonijiet; jew

    (b)

    meħtieġa għal attivitajiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem jew l-istat tad-dritt fil-Belarussja.

    2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimgħatejn mill-awtorizzazzjoni.

    Artikolu 1x

    1.   Għandu jkun ipprojbit li d-depożitorji ċentrali tat-titoli tal-Unjoni jipprovdu kwalunkwe servizz kif definit fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għal titoli trasferibbli maħruġa wara t-12 ta’ April 2022 lil kwalunkwe ċittadin Belarussu jew lil kwalunkwe persuna fiżika li tirrisjedi fil-Belarussja jew lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fil-Belarussja.

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru jew persuni fiżiċi li jkollhom permess ta’ residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru.

    Artikolu 1y

    1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ ta’ titoli trasferibbli denominati f’euro maħruġa wara t-12 ta’ April 2022 jew unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv li jipprovdu skopertura għal tali titoli, lil kwalunkwe ċittadin Belarussu jew lil kwalunkwe persuna fiżika li tirrisjedi fil-Belarussja jew lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fil-Belarussja.

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru jew persuni fiżiċi li jkollhom permess ta’ residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru.

    Artikolu 1z

    Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rapportar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom:

    (a)

    jipprovdu lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu jew lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mis-27 ta’ Mejju 2022, lista ta’ depożiti li jaqbżu l-EUR 100 000 miżmuma minn ċittadini Belarussi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fil-Belarussja, jew minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja. Huma għandhom jipprovdu aġġornamenti dwar l-ammonti ta’ tali depożiti kull 12-il xahar.

    (b)

    jipprovdu lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu informazzjoni dwar depożiti li jaqbżu l-EUR 100 000 miżmuma minn ċittadini Belarussi jew minn persuni fiżiċi residenti fil-Belarussja li jkunu kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jew drittijiet ta’ residenza fi Stat Membru permezz ta’ skema ta’ ċittadinanza b’investiment jew skema ta’ residenza għall-investituri.

    Artikolu 1za

    1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus denominati f’euro lill-Belarussja jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, inkluż lill-Gvern u lill-Bank Ċentrali tal-Belarussja, jew għall-użu fil-Belarussja.

    2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus denominati f’euro dment li tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jkunu meħtieġa għal:

    (a)

    l-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn il-Belarussja jew ta’ membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom; jew

    (b)

    il-finijiet uffiċjali tal-missjonijiet diplomatiċi, l-uffiċċji konsulari jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-Belarussja li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali.

    Artikolu 1zb

    Għandu jkun ipprojbit mill-20 ta’ Marzu 2022 li jiġu pprovduti servizzi ta’ messaġġi finanzjarji speċjalizzati, li jintużaw għall-iskambju ta’ data finanzjarja, lill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness XV jew lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fil-Belarussja li aktar minn 50% tad-drittijiet proprjetarji tagħhom huma direttament jew indirettament proprjetà ta’ xi waħda mill-entitajiet elenkati fl-Anness XV.

    Artikolu 8ca

    1.   Il-Maniġer tan-Netwerk għall-funzjonijiet tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-ajru uniku Ewropew għandu jappoġġja lill-Kummissjoni u l-Istati Membri tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 2(2) u 8b ta’ dan ir-Regolament u tal-konformità miegħu. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu, b’mod partikolari, jirrifjuta l-pjanijiet tat-titjir kollu ppreżentat minn operaturi tal-inġenji tal-ajru li jindikaw l-intenzjoni li jwettqu attivitajiet fit-territorju tal-Unjoni jew tal-Belarussja li jikkostitwixxu ksur ta’ dan ir-Regolament, b’tali mod li l-bdot ma jitħalliex itir.

    2.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jipprovdi regolarment lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, abbażi tal-analiżi tal-pjanijiet tat-titjiriet, rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 8b.”;

    (5)

    l-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jaqsmu kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma ' dan ir-Regolament, b'mod partikolari informazzjoni fir-rigward ta’:

    (a)

    awtorizzazzjonijiet mogħtija skont dan ir-Regolament;

    (b)

    informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 1z;

    (c)

    ksur u problemi ta’ infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

    3.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tintuża għall-finijiet li għalihom ġiet ipprovduta jew riċevuta, inkluż l-iżgurar tal-effettività tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.”;

    (6)

    fl-Artikolu 8d, il-punt b huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(b)

    entitajiet imsemmija fl-Artikoli 1j, 1k, 1l u 1zb jew elenkati fl-Annessi V, IX u XV;”;

    (7)

    fl-Artikolu 8e, il-punt (c)(ii) tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(ii)

    l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament bħall-valur tal-fondi ffriżati, informazzjoni dwar depożiti u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.”;

    (8)

    l-Anness I għal dan ir-Regolament huwa miżjud bħala l-Anness XV għar-Regolament (KE) Nru 765/2006;

    (9)

    l-Anness Va għar-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tatal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-Y. LE DRIAN


    (1)  ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 134, 20.5.2006, p. 1).

    (3)  Ara l-paġna 9 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    ANNESS I

    “ANNESS XV

    LISTA TA’ PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1ZB

    Belagroprombank

    Bank Dabrabyt

    Development Bank of the Republic of Belarus

    ”.

    ANNESS II

    L-Anness Va għar-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fit-test introduttorju, it-tielet sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1m ta’ dan ir-Regolament, oġġetti mhux ikkontrollati li fihom komponent, wieħed jew aktar, minn dawk elenkati f’dan l-Anness mhumiex soġġetti għall-kontrolli skont l-Artikoli 1f u 1fa ta’ dan ir-Regolament.”;

    (2)

    fil-punt i tas-sottokategorija X.B.I.001 tal-Kategorija I — Elettronika, il-punt 1. huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.

    Tagħmir ta’ “depożitar kimiku f'fażi ta' fwar” li jopera taħt l-105 Pa; jew”;

    (3)

    fis-sottokategorija X.A.VII.001 tal-Kategorija VII — Ajruspazju u Propulsjoni, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “ X.A.VII.001

    Magni diżil, u tratturi u komponenti ddisinjati apposta għalihom, minbarra dawk speċifikati fis-CML jew fir-Regolament (UE) 2021/821:”;

    (4)

    fis-sottokategorija X.A.VII.002 tal-Kategorija VII — Ajruspazju u Propulsjoni, il-punt c huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ c.

    Magni tal-ajru b’turbini tal-gass u komponenti ddisinjati apposta għalihom.”.


    Top