Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0255

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/255 tal-15 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-estensjoni ta’ miżuri għall-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu tas-slots minħabba l-kriżi tal-COVID-19

    C/2021/9105

    ĠU L 42, 23.2.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/255/oj

    23.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 42/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/255

    tal-15 ta’ Diċembru 2021

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-estensjoni ta’ miżuri għall-eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu tas-slots minħabba l-kriżi tal-COVID-19

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10a(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-livelli tat-traffiku tal-ajru fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kienu konsistentement ogħla fl-2021, meta mqabbla mal-istess ġimgħat fl-2020 wara l-bidu tal-kriżi tal-COVID-19, u dan juri li l-irkupru qiegħed ikompli. Skont it-tbassir tal-Eurocontrol, it-traffiku medju annwali tal-ajru huwa mistenni li jilħaq 89 % fl-2022, abbażi tal-aktar xenarju realistiku ta’ tbassir.

    (2)

    It-traffiku tal-ajru ma huwiex qiegħed jirkupra bl-istess rata fir-reġjuni kollha tad-dinja u f’numru ta’ pajjiżi għadhom jeżistu miżuri sanitarji restrittivi adottati mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex itaffu t-tixrid tal-COVID-19, u jkomplu jnaqqsu d-domanda tal-konsumaturi. Barra minn hekk, l-evoluzzjoni tal-COVID-19 u ta’ varjanti ġodda possibbli ta’ tħassib tibqa’ waħda inċerta.

    (3)

    Ċirkostanzi bħal dawn huma barra mill-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru u l-kanċellazzjonijiet volontarji jew obbligatorji konsegwenti tas-servizzi tal-ajru mit-trasportaturi tal-ajru f’konformità mad-domanda li qiegħda tevolvi huma reazzjoni meħtieġa jew leġittima għal dawk iċ-ċirkostanzi.

    (4)

    Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, li jinqara flimkien mal-Artikolu 10(2), it-trasportaturi tal-ajru jeħtieġ li jużaw mill-anqas 80 % ta’ serje ta’ slots allokati lilhom, jew jitilfu l-preċedenza storika għal dawk is-slots, magħrufa bħala r-regola “tużah jew titilfu”. Fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19, u sabiex tiġi protetta s-saħħa finanzjarja tat-trasportaturi tal-ajru u jiġi evitat l-impatt ambjentali negattiv ta’ titjiriet vojta jew fil-biċċa l-kbira vojta operati biss għall-finijiet taż-żamma ta’ slots tal-ajruporti sottostanti, ir-regola “tużah jew titilfu” ġiet sospiża mill-1 ta’ Marzu 2020 sas-27 ta’ Marzu 2021, u mnaqqsa għal 50 % mit-28 ta’ Marzu 2021 sas-26 ta’ Marzu 2022.

    (5)

    Minkejja żieda kontinwa fil-livelli tat-traffiku tal-ajru taż-ŻEE fl-2021, dawn għadhom taħt il-livelli tat-traffiku tal-2019. Id-data tal-Eurocontrol turi li f’Ottubru tal-2021, it-traffiku tal-ajru kien b’mod ġenerali 27 % taħt il-livelli tal-2019.

    (6)

    Abbażi tat-tbassir ta’ seba’ snin tal-Eurocontrol tal-15 ta’ Ottubru 2021, taħt l-aktar xenarju probabbli, il-livelli tat-traffiku fl-2022 se jilħqu medja annwali ta’ 89 % tal-livelli korrispondenti tal-2019. Abbażi tat-tbassir disponibbli ta’ kull xahar tal-Eurocontrol għall-2021 u l-medja annwali disponibbli tal-Eurocontrol għall-2022, it-traffiku tal-ajru matul il-perjodu ta’ skedar tas-sajf tal-2022 huwa mistenni li jkun bejn 85 % u aktar minn 89 % tal-livelli tal-2019. Madankollu, il-livelli tal-2019 jinkisbu biss sa tmiem l-2023. Għalhekk, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li t-tnaqqis meta mqabbel mal-livelli tat-traffiku tal-ajru tal-2019 x’aktarx jippersisti matul il-perjodu ta’ skedar tas-sajf tal-2022.

    (7)

    Id-data miġbura mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u miċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard (ECDC) turi li t-tnaqqis persistenti tat-traffiku tal-ajru huwa r-riżultat tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19. Id-data disponibbli turi korrelazzjoni bejn in-numri ta’ każijiet li qegħdin jevolvu u r-reazzjonijiet tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi għal dawk in-numri li qegħdin jevolvu, billi jadottaw miżuri li għandhom impatt fuq l-ivvjaġġar bl-ajru, u jirriżultaw fi tnaqqis fit-traffiku tal-ajru. Miżuri bħal dawn, li jistgħu jiġu implimentati jew jitneħħew fi żmien qasir ħafna, jikkontribwixxu għal atmosfera ta’ inċertezza u jħallu impatt negattiv fuq il-fiduċja tal-konsumatur u l-imġiba tal-prenotazzjonijiet. It-tnaqqis persistenti tat-traffiku tal-ajru huwa r-riżultat tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19.

    (8)

    Filwaqt li d-data mill-ECDC tat-30 ta’ Settembru 2021 turi li 61,1 % tal-popolazzjoni totali fiż-ŻEE tlaqqmet għal kollox, id-data mis-sit web tad-WHO turi li r-rata ta’ tilqim f’numru kbir ta’ pajjiżi għadha baxxa. Barra minn hekk, tibqa’ l-inċertezza dwar il-possibbiltà li joħorġu varjanti ġodda ta’ tħassib f’reġjuni differenti. Għalhekk, il-livelli tat-traffiku tal-ajru ma humiex se jirkupraw bl-istess rata fuq livell globali.

    (9)

    L-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jistgħu jkomplu jirrispondu għal varjanti ġodda billi jimponu miżuri li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ivvjaġġar bl-ajru. Għalhekk huwa raġonevoli li xorta waħda wieħed jistenna numru sinifikanti ta’ kanċellazzjonijiet, b’mod partikolari fuq rotot lejn pajjiżi b’miżuri sanitarji stretti ħafna jew fejn ir-rati ta’ tilqim jibqgħu baxxi, bħala konsegwenza tal-kriżi tal-COVID-19 matul il-perjodu ta’ skedar tas-sajf li ġej. B’riżultat ta’ dan, it-trasportaturi tal-ajru ma jistgħux ikunu mistennija li jikkonformaw mar-rata normali ta’ użu tas-slots ta’ 80 % fuq ir-rotot kollha.

    (10)

    Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi estiż il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 10a(3) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 sabiex ikopri l-perjodu ta’ skedar tas-sajf tal-2022 li jibda mis-27 ta’ Marzu 2022 sad-29 ta’ Ottubru 2022.

    (11)

    Id-data dwar il-kanċellazzjonijiet tat-titjiriet, il-fatturi tat-tagħbija, id-daqs tal-flotta u l-użu varjat ħafna bejn it-trasportaturi tal-ajru individwali skont il-mudell tan-negozju tagħhom u s-suq moqdi. Bħala medja setgħet tiġi nnotata xejra ta’ titjib minn Marzu 2021 sa Lulju 2021 abbażi tad-data sottomessa għal 16-il trasportatur tal-Unjoni u għal 16-il trasportatur mhux tal-Unjoni. It-trasportaturi tal-ajru li jipprovdu operazzjonijiet fuq rotot fit-tul affettwati minn miżuri sanitarji li jimpedixxu b’mod sever l-ivvjaġġar tal-passiġġieri, urew xejra anqas pożittiva fl-indikaturi mmonitorjati, u dan jiġġustifika ulterjorment l-estensjoni tal-perjodu ta’ eżenzjoni mis-slots stabbilit fl-Artikolu 10a(3).

    (12)

    Is-sinjali ġenerali inkoraġġanti ta’ rkupru tal-ivvjaġġar bl-ajru fis-suq taż-ŻEE, il-ftuħ mill-ġdid ta’ swieq internazzjonali importanti (pereżempju l-Istati Uniti tal-Amerka minn Novembru 2021) u ż-żieda fl-iffaċilitar tal-ivvjaġġar dovuta f’pajjiżi li jirrikonoxxu ċ-ċertifikat tal-COVID-19, jiġġustifikaw żieda fir-rata tal-użu tas-slots għal 64 %.

    (13)

    Id-data dwar prenotazzjonijiet bil-quddiem tindika li l-passiġġieri għadhom jipprenotaw titjiriet eqreb lejn id-data tat-tluq fl-2021, milli għamlu fl-2019. Madankollu, ix-xejra qiegħda titjieb gradwalment.

    (14)

    Ir-rata tal-użu tas-slots jenħtieġ li tiġi stabbilita f’livell li jikkontribwixxi għall-objettiv li tingħata għajnuna lit-trasportaturi tal-ajru fiċ-ċirkostanzi attwali, iżda wkoll għall-objettiv li jiġi żgurat użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruporti. Ir-rata tal-użu tas-slots jenħtieġ li tqis ukoll bidliet strutturali aktar fit-tul fl-imġiba tas-suq u tal-konsumatur, sabiex is-suq ikun jista’ jadatta gradwalment għad-domanda li qiegħda tinbidel u jiftaħ l-aċċess għall-kapaċità għall-perjodu ta’ skedar tas-sajf tal-2023. Barra minn hekk, ir-rilaxx possibbli ta’ xi kapaċità tal-ajruport minħabba din ir-rata ta’ użu ġdida x’aktarx li ma jikkawżax tfixkil serju fl-operazzjonijiet u fin-networks tat-trasportaturi tal-ajru, filwaqt li rata ta’ użu ogħla tfixkilhom.

    (15)

    L-aktar xenarju probabbli tat-tbassir tat-traffiku tal-ajru tal-Eurocontrol jistabbilixxi l-livell tat-traffiku tal-ajru fil-perjodu ta’ skedar tas-sajf tal-2022 f’livell ogħla minn 85 % u possibbilment jaqbeż id-89 %. Għalhekk, ir-rata tal-użu ta’ 64 %, għadha tagħti lit-trasportaturi tal-ajru marġni ta’ kontinġenza raġonevoli f’każ li t-titjiriet ippjanati jkollhom jiġu kkanċellati fi żmien qasir.

    (16)

    Il-livelli aktar baxxi tat-traffiku tal-ajru għal reġjuni globali oħra ma għandhomx għalfejn jiġu kkunsidrati fir-rata tal-użu billi tista’ tingħata eżenzjoni adegwata mir-regola “tużah jew titilfu” fuq rotot affettwati bħal dawn skont il-punt (e) tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93.

    (17)

    Filwaqt li huwa ġeneralment preżunt li t-trasportaturi tal-ajru joperaw malli terġa’ tiżdied id-domanda, limitu ta’ użu aktar baxx joħloq ir-riskju li xi trasportaturi jistgħu jillimitaw l-operazzjonijiet f’xi ajruporti għall-minimu meħtieġ biss għall-fini li jżommu d-drittijiet storiċi f’dawk is-slots għad-detriment tal-kompetituri, tal-operaturi tal-ajruporti u tal-konsumaturi. Rata ta’ użu ta’ 64 % se ttaffi dawn ir-riskji.

    (18)

    Għall-finijiet taċ-ċertezza legali, b’mod partikolari għall-koordinaturi tas-slots u għall-operaturi tal-ajru, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 10a tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Fir-rigward tas-slots li ma kinux saru disponibbli għall-koordinatur għar-riallokazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(2a), matul il-perjodu mit-28 ta’ Marzu 2021 sad-29 ta’ Ottubru 2022 u għall-finijiet tal-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10(2), jekk trasportatur tal-ajru juri, għas-sodisfazzjon tal-koordinatur, li s-serje ta’ slots inkwistjoni ġiet operata, kif awtorizzata mill-koordinatur, minn dak it-trasportatur tal-ajru għal mill-anqas 50 % tal-ħin matul il-perjodu ta’ skedar mit-28 ta’ Marzu 2021 sat-30 ta’ Ottubru 2021, 50 % tal-ħin matul il-perjodu ta’ skedar mill-31 ta’ Ottubru 2021 sas-26 ta’ Marzu 2022, u 64 % tal-ħin matul il-perjodu ta’ skedar mis-27 ta’ Marzu 2022 sad-29 ta’ Ottubru 2022, it-trasportatur tal-ajru għandu jkun intitolat għall-istess serje ta’ slots għall-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss.

    Fir-rigward tal-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-valuri perċentwali msemmija fl-Artikolu 10(4) u fil-punt (a) tal-Artikolu 14(6) għandhom ikunu ta’ 50 % għall-perjodu ta’ skedar mit-28 ta’ Marzu 2021 sat-30 ta’ Ottubru 2021, 50 % għall-perjodu ta’ skedar mill-31 ta’ Ottubru 2021 sas-26 ta’ Marzu 2022, u 64 % għall-perjodu ta’ skedar mis-27 ta’ Marzu 2022 sad-29 ta’ Ottubru 2022.’.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f”Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1.


    Top