Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022H2548

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2548 tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar lejn l-Unjoni matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912

ST/15535/2022/INIT

ĠU L 328, 22.12.2022, p. 146–152 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2022/2548/oj

22.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/146


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2548

tat-13 ta’ Diċembru 2022

dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar lejn l-Unjoni matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punti (b) u (e), u l-Artikolu 292, l-ewwel u t-tieni sentenza tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-30 ta' Ġunju 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta' tali restrizzjoni (1).

(2)

Minn dak iż-żmien 'l hawn, iż-żieda fit-teħid tat-tilqim madwar id-dinja, b'vaċċini li joffru livelli għoljin ta' protezzjoni kontra każijiet severi ta' mard u mwiet, kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni tar-razez Omicron BA.4 u BA.5, li ilhom dominanti madwar id-dinja minn Lulju 2022 u għandhom it-tendenza li jikkawżaw eżiti inqas severi mill-varjanti Delta preċedenti, wasslu għal titjib sinifikanti tas-sitwazzjoni epidemjoloġika.

(3)

Għalhekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali u mistennija, jidher xieraq li tiġi rakkomandata t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-Unjoni. L-Istati Membri u l-pajjiżi kollha li għalihom japplika l-acquis ta' Schengen diġà rrevokaw dawn ir-restrizzjonijiet matul is-sajf.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 introduċiet, fost l-oħrajn, fl-Anness I tagħha, lista ta' dawk il-pajjiżi terzi, ir-reġjuni amministrattivi speċjali, u entitajiet u awtoritajiet territorjali oħra ("pajjiżi terzi jew reġjuni") li jissodisfaw il-kriterji epidemjoloġiċi stabbiliti f'dik ir-Rakkomandazzjoni u li minnhom tista' titneħħa r-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-Unjoni. Bil-laxkar tar-restrizzjonijiet, dik il-lista ma għadhiex meħtieġa u, għalhekk, jenħtieġ li titħassar.

(5)

Madankollu, il-virus tas-SARS-CoV-2 għadu qed jiċċirkola. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu lesti li jaġixxu b'mod koordinat u proporzjonat f'każ li s-sitwazzjoni epidemjoloġika tiddeterjora b'mod sinifikanti, inkluż minħabba l-emerġenza ta' varjant ġdid ta' tħassib jew ta' interess.

(6)

B'mod partikolari, meta s-sitwazzjoni epidemjoloġika f'pajjiż terz jew reġjun tmur għall-agħar b'mod sinifikanti, jenħtieġ li l-Istati Membri, fejn meħtieġ, jillimitaw l-ivvjaġġar mhux essenzjali bl-eċċezzjoni ta' persuni li jkunu tlaqqmu jew irkupraw, jew li ġew ittestjati b'mod negattiv permezz ta' Test ta' Amplifikazzjoni tal-Aċidi Nuklejċi (NAAT) fi żmien 72 siegħa qabel it-tluq tagħhom. Dan ma għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri addizzjonali mal-wasla bħal pereżempju ttestjar addizzjonali, awtoiżolament jew kwarantina.

(7)

Kull meta Stat Membru jintroduċi restrizzjonijiet relatati mal-COVID-19 f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2022/107 (2), jenħtieġ li l-Istati Membri, fl-istrutturi tal-Kunsill u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, jikkoordinaw bil-ħsieb li jiddeterminaw jekk jenħtieġx li jiġu introdotti restrizzjonijiet simili fir-rigward tal-ivvjaġġar minn pajjiżi terzi lejn l-Istati Membri. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar kwalunkwe miżura ġdida tiġi ppubblikata kmieni kemm jista' jkun u, bħala regola ġenerali, mill-inqas 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ, filwaqt li jitqies li hija meħtieġa ċertu flessibbiltà għal emerġenzi epidemjoloġiċi.

(8)

F'dan il-kuntest, jenħtieġ li ċ-ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolamenti (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jibqa' l-punt ta' referenza biex jiġu ppruvati t-tilqim, l-irkupru u l-ittestjar. Dan jenħtieġ li jkopri wkoll ċertifikati maħruġa minn pajjiżi terzi li huma koperti minn deċiżjoni ta' implimentazzjoni adottata skont l-Artikolu 3(10) jew l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(9)

Barra minn hekk, meta jitfaċċa varjant ta' tħassib jew ta' interess f'pajjiż terz jew reġjun, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqa' jkollhom il-possibbiltà li jieħdu, b'mod koordinat, miżuri urġenti, limitati fiż-żmien u flessibbli sabiex idewmu u jħejju għall-introduzzjoni ta' tali varjant ta' tħassib jew ta' interess.

(10)

Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tipprevedi wkoll l-eżenzjonijiet meħtieġa mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar minn pajjiżi terzi lejn l-Istati Membri. Jenħtieġ li persuni li jivvjaġġaw għal ħtieġa jew funzjoni essenzjali jitħallew jivvjaġġaw lejn l-Istati Membri u pajjiżi oħra li għalihom japplika l-acquis ta' Schengen anki fejn japplika l-brejk ta' emerġenza. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-lista ta' vjaġġaturi essenzjali tiġi adattata biex tkun limitata għal dawk il-persuni li jeħtieġ li jkunu jistgħu jivvjaġġaw anki f'sitwazzjonijiet bħal dawn.

(11)

Bl-istess mod, jenħtieġ li ċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Unjoni jkunu jistgħu jirritornaw lejn l-Istat Membru tan-nazzjonalità jew tar-residenza tagħhom, madankollu jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri mal-wasla tagħhom. Tfal taħt it-12-il sena ma għandux għalfejn ikollhom prova ta' tilqim, fejqan jew test.

(12)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni. Peress li din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, jenħtieġ li d-Danimarka, f'konformità mal-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill ikun ħa deċiżjoni dwar din ir-Rakkomandazzjoni, jekk tkunx ser timplimentah.

(13)

Din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5). Għaldaqstant, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(14)

Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (6) ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (7).

(15)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (8) ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9).

(16)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din ir-Rakkomandazzjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (10) ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (11).

(17)

Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha, fl-interess tal-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen, jiddeċiedu dwar kwalunkwe introduzzjoni mill-ġdid ta' restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-Unjoni b'mod koordinat,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar

(1)

Mit-22 ta’ Diċembru 2022, ir-restrizzjonijiet kollha marbuta mal-COVID-19 għall-vjaġġaturi lejn l-Unjoni jenħtieġ li jitneħħew.

Rekwiżiti għall-ivvjaġġar f'każ ta' deterjorament serju tas-sitwazzjoni epidemjoloġika

(2)

Fejn ikun meħtieġ biex jiġi indirizzat deterjorament serju tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, kemm fl-Istati Membri kif ukoll f'pajjiżi terzi, l-Istati Membri, fejn meħtieġ, jenħtieġ li jiddeċiedu, b'mod koordinat mal-Kunsill u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, li jintroduċu mill-ġdid rekwiżiti xierqa għall-vjaġġaturi qabel it-tluq tagħhom. Tali rekwiżiti jistgħu jkunu wieħed dawn li ġejjin jew taħlita tagħhom:

(a)

ikunu rċevew sa mhux aktar tard minn 14-il jum qabel ma jidħlu fl-Unjoni, l-aħħar doża rakkomandata ta' serje primarja tat-tilqim ta' wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 awtorizzati fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jew wieħed mill-vaċċini kontra l-COVID-19 li jkunu lestew il-proċess ta' Tqegħid fuq il-Lista għall-Użu ta' Emerġenza tad-WHO; meta l-vjaġġatur ikollu 18-il sena jew aktar, ma għandhomx ikunu għaddew aktar minn 270 jum minn meta tingħata d-doża indikata fiċ-ċertifikat tat-tilqim għat-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim jew, wara dan il-perjodu ta' 270 jum, trid tkun ingħatat doża addizzjonali wara t-tlestija tas-serje primarja tat-tilqim;

(b)

ikunu fiequ mill-COVID-19 mhux aktar tard minn 180 jum wara d-data tal-ewwel riżultat pożittiv tat-test NAAT qabel ma jivvjaġġaw lejn l-Istati Membri;

(c)

ikunu ttestjaw negattivi għal Test ta' Amplifikazzjoni tal-Aċidi Nuklejċi (NAAT) li ttieħed mhux aktar minn 72 siegħa qabel it-tluq lejn l-Istati Membri;

(3)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni għandhiex, għall-finijiet tal-punt 2, tiġi kwalifikata bħala li sejra għall-agħar b'mod serju, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu, b'mod partikolari, il-pressjoni fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom minħabba l-COVID-19, b'mod partikolari f'termini ta' ammissjonijiet u għadd ta' pazjenti fl-isptarijiet u fl-unità tal-kura intensiva, is-severità tal-varjanti tas-SARS-CoV-2, kif ukoll l-informazzjoni mogħtija regolarment miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fir-rigward tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni epidemjoloġika.

(4)

Barra minn hekk, jekk Stat Membru wieħed jew aktar jintroduċu mill-ġdid restrizzjonijiet ibbażati fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/107 (13), rigward l-ivvjaġġar fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddiskutu, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), jekk ikunx meħtieġ li jiġu introdotti restrizzjonijiet simili skont din ir-Rakkomandazzjoni fir-rigward tal-ivvjaġġar minn pajjiżi terzi lejn l-Istati Membri.

(5)

Meta r-restrizzjonijiet ikunu ġew introdotti mill-ġdid f'konformità mal-punti 2 jew 4, il-vjaġġaturi għandhom ikunu fil-pussess ta' wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

prova valida tat-tilqim maħruġa abbażi ta' vaċċin kontra l-COVID-19 awtorizzat fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004;

(b)

prova valida tat-tilqim maħruġa abbażi ta' vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun lesta l-proċess ta' Tqegħid fuq il-Lista għall-Użu ta' Emerġenza tad-WHO iżda li ma jkunx jidher fil-lista ta' vaċċini awtorizzati fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004;

(c)

prova valida ta' rkupru;

(d)

prova valida ta' Test ta' Amplifikazzjoni tal-Aċidi Nuklejċi (NAAT) negattiv mhux aktar minn 72 siegħa qabel it-tluq.

(6)

It-tfal taħt l-età ta' 12-il sena ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda rekwiżit qabel it-tluq.

(7)

L-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll miżuri addizzjonali mal-wasla f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, bħal, pereżempju, ittestjar addizzjonali, awtoiżolament u kwarantina.

(8)

Madanakollu:

(a)

jenħtieġ li l-vjaġġaturi b'funzjoni jew ħtieġa essenzjali msemmija fl-Anness (15) ma jkunux soġġetti għal xi miżura mal-wasla li timpedixxi l-iskop proprju tal-vjaġġ;

(b)

fir-rigward tal-persunal tat-trasport, il-baħħara u l-ħaddiema fruntaliera, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrikjedux aktar minn Test Rapidu tal-Antiġeni (RAT) negattiv mal-wasla biex jidħlu fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri;

(c)

jenħtieġ li l-ekwipaġġi tal-ajru jiġu eżentati minn kwalunkwe ttestjar jekk is-soġġorn tagħhom f'pajjiż terz kien ta' inqas minn 12-il siegħa.

(9)

Meta l-Istati Membri jimponu miżuri addizzjonali mal-wasla, kif stabbilit fil-punt 7, jenħtieġ li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-vjaġġaturi l-informazzjoni xierqa b'mod faċilment aċċessibbli.

Provi tat-tilqim, tal-irkupru u tal-ittestjar

(10)

Minbarra ċ-ċertifikati maħruġa skont ir-Regolament (UE) 2021/953, jenħtieġ li l-Istati Membri jaċċettaw provi tat-tilqim, tal-fejqan jew tal-ittestjar kontra l-COVID-19 koperti minn att ta' implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 3(10) jew l-Artikolu 8(2) ta' dan ir-Regolament.

(11)

Meta ma jkun ġie adottat l-ebda att ta' implimentazzjoni bħal dan għall-finijiet tal-punt 5, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaċċettaw, għall-finijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, f'konformità mal-liġi nazzjonali, prova tat-tilqim, tal-fejqan jew tal-ittestjar maħruġa minn pajjiż terz, filwaqt li titqies il-ħtieġa li tkun tista' ssir verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità tad-dokument, u jekk dan ikunx fih id-data rilevanti kollha kif previst fir-Regolament (UE) 2021/953.

Indirizzar ta' varjanti ta' tħassib jew ta' interess u l-mekkaniżmu ta' brejk ta' emerġenza

(12)

Meta jiġi identifikat varjant ta' tħassib jew ta' interess f'pajjiż terz jew reġjun, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri urġenti ("brejk ta' emerġenza") biex irażżnu l-firxa tal-varjant lejn l-Unjoni. B'rispons għall-emerġenza ta' tali varjant ġdid ta' tħassib jew ta' interess f'pajjiż terz jew reġjun, jenħtieġ li fi żmien 48 siegħa tissejjaħ laqgħa fl-istrutturi tal-Kunsill biex tiġi diskussa l-ħtieġa ta' miżuri koordinati għall-ivvjaġġar lejn l-Unjoni biex jiġi ttardjat it-tixrid tal-varjant il-ġdid, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u bl-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Fejn meħtieġ, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeċiedu, b'mod koordinat fil-Kunsill, dwar kwalunkwe rekwiżit xieraq. L-Istati Membri jistgħu eċċezzjonalment jistabbilixxu fi ħdan l-istrutturi tal-Kunsill, restrizzjoni urġenti, komuni u temporanja fuq il-vjaġġi kollha lejn it-territorji tagħhom għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu żaru dak il-pajjiż terz jew reġjun fi kwalunkwe ħin matul l-14-il jum qabel it-tluq lejn l-Istati Membri. Dan jenħtieġ li japplika wkoll għal sitwazzjonijiet meta s-sitwazzjoni epidemjoloġika tiddeterjora malajr u b'mod gravi b'mod li jissuġġerixxi l-emerġenza ta' varjant ġdid tas-SARS-CoV-2 li jkun ta' tħassib jew ta' interess.

(13)

Jenħtieġ li l-Istati Membri, fi ħdan l-istrutturi tal-Kunsill u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, jirrieżaminaw regolarment is-sitwazzjoni b'mod koordinat.

(14)

Jenħtieġ li tali restrizzjonijiet jiskadu wara 21 jum kalendarju, sakemm l-Istati Membri ma jiddeċidux, fi ħdan il-proċedura stabbilita fil-punti 12 u 13, li jqassruhom jew jestenduhom għal perjodu addizzjonali.

(15)

Jenħtieġ li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jippubblika u jaġġorna regolarment mappa li tippreżenta s-sitwazzjoni fir-rigward tal-varjanti ta' tħassib u l-varjanti ta' interess f'pajjiżi terzi.

Eżenzjonijiet minn restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar

(16)

Jenħtieġ li l-vjaġġaturi b'funzjoni jew ħtieġa essenzjali msemmija fl-Anness ma jkunux soġġetti għar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imsemmija fil-punti 2 u 12.

(17)

Il-kategoriji ta' persuni li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imsemmija fil-punti 2 u 12, iżda jenħtieġ li jżommu l-possibbiltà li jirritornaw lejn l-Unjoni:

(a)

ċittadini tal-Unjoni u nazzjonali ta' pajjiżi terzi li, skont ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u dawk il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, igawdu drittijiet ta' moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom (16);

(b)

iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE (17) u l-persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu minn strumenti oħrajn tad-dritt tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali jew li jkollhom fil-pussess tagħhom viżi nazzjonali għal soġġorn twil, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom.

Meta tali persuni ma jkunux fil-pussess ta' Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu, huma jistgħu jkunu soġġetti, mal-wasla tagħhom, għall-miżuri addizzjonali msemmija fil-punt 7.

(18)

Jenħtieġ li l-miżuri addizzjonali li jistgħu jiġu applikati mal-wasla kif stabbilit fil-punt 7 jkomplu japplikaw għall-vjaġġaturi eżentati mir-restrizzjonijiet f'konformità mal-punti 16 u 17.

Komunikazzjoni u informazzjoni lill-pubbliku

(19)

Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar kwalunkwe miżura ġdida taħt il-punt 5 tiġi ppubblikata kmieni kemm jista' jkun u, bħala regola ġenerali, mill-inqas 48 siegħa qabel ma tidħol fis-seħħ.

Dispożizzjonijiet finali

(20)

Għall-fini ta' din ir-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li r-residenti ta' Andorra, Monaco, San Marino u l-Vatikan/is-Santa Sede jitqiesu bħala nazzjonali ta' pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-punt 17(b).

(21)

Din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912. Jenħtieġ li tapplika mit-22 ta’ Diċembru 2022.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 tat-30 ta' Ġunju 2020 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta' tali restrizzjoni (ĠU L 208 I, 1.7.2020, p. 1).

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/107 tal-25 ta’ Jannar 2022 dwar approċċ ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 (ĠU L 18, 27.1.2022, p. 110).

(3)  Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1).

(4)  Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(6)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(8)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(10)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(12)  Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1).

(13)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/107 dwar approċċ ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475.

(14)  Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1).

(15)  Ara wkoll il-Gwida tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2020 (COM (2020) 686 final, 28.10.2020).

(16)  Kif definit fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(17)  Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44).


ANNESS

Kategoriji ta' persuni li jivvjaġġaw fl-eżerċizzju ta' funzjoni jew ħtieġa essenzjali:

i.

Professjonisti fil-kura tas-saħħa, riċerkaturi tas-saħħa, u professjonisti fil-kura tal-anzjani;

ii.

Ħaddiema fruntaliera;

iii.

Persunal tat-trasport;

iv.

Diplomatiċi, persunal ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u persuni mistiedna minn organizzazzjonijiet internazzjonali, persunal militari u ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u persunal tal-protezzjoni ċivili;

v.

Passiġġieri fi tranżitu;

vi.

Passiġġieri li jivvjaġġaw minħabba raġunijiet imperattivi mediċi jew tal-familja;

vii.

Baħħara;

viii.

Persuni li jaħdmu f'infrastrutturi kritiċi jew bi kwalunkwe mod ieħor essenzjali;

ix.

Persuni fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali jew għal raġunijiet umanitarji oħra;


Top