Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022H2547

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2547 tat-13 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107 dwar approċċ ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ST/15379/2022/INIT

    ĠU L 328, 22.12.2022, p. 138–145 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2022/2547/oj

    22.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 328/138


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2547

    tat-13 ta’ Diċembru 2022

    li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107 dwar approċċ ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 21(2), l-Artikolu 168(6) u l-Artikolu 292, l-ewwel u t-tieni sentenza tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fil-25 ta' Jannar 2022, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107 (1). Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107 issegwi approċċ "ibbażat fuq il-persuna" rigward ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, billi tipprevedi li persuna li tkun fil-pussess ta' ċertifikat validu maħruġ abbażi tar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (iċ-"Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE") jenħtieġ li fil-prinċipju ma tkunx soġġetta għal restrizzjonijiet addizzjonali, bħal testijiet jew kwarantina, irrispettivament mill-post tat-tluq tagħha fl-Unjoni. Persuni li ma jkollhomx Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu jistgħu jintalbu jwettqu test qabel jew mhux aktar tard minn 24 siegħa wara l-wasla tagħhom. Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107 adattat ukoll il-metodoloġija tal-mappa tad-dawl tat-traffiku li tindika s-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-livell reġjonali madwar l-Unjoni stabbilita bir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 (3) u ppubblikata kull ġimgħa miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.

    (2)

    Fil-25 ta' Novembru 2021, meta l-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha (4) għal dik li saret ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107, is-sitwazzjoni epidemjoloġika li tikkonċerna l-pandemija tal-COVID-19 kienet differenti b'mod sinifikanti mil-lum. F'dak il-mument, il-varjant ta' tħassib Delta kien għadu prevalenti fl-Unjoni. Aktar minn għaxar xhur wara, il-varjant Omicron li huwa trażmissibbli ħafna sar il-varjant dominanti fl-Unjoni – fil-forma ta' subvarjanti differenti.

    (3)

    Il-varjant Omicron huwa inqas sever mill-varjant Delta osservat qabel, u dan jista' jiġi attribwit mill-inqas parzjalment għall-effett protettiv tal-vaċċinazzjoni u tal-infezzjoni preċedenti (5). B'riżultat ta' dan, u flimkien ma' livelli ogħla ta' protezzjoni li jirriżultaw mill-vaċċinazzjoni u minn infezzjoni preċedenti, il-pressjoni fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa bħalissa għadha f'livelli maniġġabbli, anki matul l-ogħla livelli momentarji ta' infezzjonijiet bħall-mewġa xprunata mis-subvarjanti Omicron BA.4 u BA.5 osservati matul is-sajf tal-2022.

    (4)

    Kwalunkwe restrizzjoni fuq il-moviment liberu stabbilita b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 ma għandhiex testendi lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ għas-salvagwardja tas-saħħa pubblika. Kif innotat fil-punti 1 u 2 tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107, jenħtieġ li kwalunkwe restrizzjoni bħal din, f'konformità mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità, titneħħa hekk kif is-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti. Sa Awwissu 2022, l-Istati Membri kollha kienu neħħew il-miżuri kollha li jaffettwaw il-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni, inkluż ir-rekwiżit li l-vjaġġaturi jkollhom Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.

    (5)

    Għalhekk l-approċċ stabbilit fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107 jenħtieġ li jiġi adattat. B'mod partikolari, din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tiġi emendata biex tipprevedi li l-Istati Membri fil-prinċipju jenħtieġ li ma jimponu l-ebda restrizzjoni relatata mal-pandemija għall-moviment liberu tal-persuni għal raġunijiet ta' saħħa pubblika. Il-mewġa ta' infezzjonijiet tas-sajf tal-2022 turi kif iċ-ċirkolazzjoni għolja tal-virus, wara l-feġġ ta' varjant ġdid ta' tħassib, mhux neċessarjament twassal għal pressjoni sostanzjali fuq is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa. Dan jenfasizza l-importanza ta' approċċ prudenti meta tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-persuni abbażi tal-għadd ta' każijiet jew tal-preżenza ta' varjant ġdid.

    (6)

    Fl-istess ħin, il-pandemija globali tal-COVID-19 għadha ma spiċċatx. Mewġiet ġodda ta' infezzjonijiet li jistgħu jikkawżaw li s-sitwazzjoni epidemjoloġika tmur għall-agħar, inkluż bħala riżultat tal-feġġ ta' varjant ġdid ta' tħassib jew interess, ma jistgħux jiġu esklużi. Għalhekk huwa importanti li titkompla l-koordinazzjoni tal-isforzi ta' tħejjija madwar l-Unjoni. Bħala parti minn dawn l-isforzi, fid-29 ta' Ġunju 2022, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill estendew il-perjodu ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/953 dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE sat-30 ta' Ġunju 2023.

    (7)

    L-estensjoni tal-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE tiżgura li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw minn ċertifikati interoperabbli u aċċettati b'mod reċiproku tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan mill-COVID-19 f'sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jistgħu jqisu li jkun meħtieġ li jiġu introdotti mill-ġdid temporanjament ċerti restrizzjonijiet għall-moviment liberu abbażi tas-saħħa pubblika. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-Regolament (UE) 2021/953 bl-ebda mod ma jobbliga lill-Istati Membri jitolbu prova tal-istatus tat-tilqim, ta' test jew tal-fejqan fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-moviment liberu.

    (8)

    Meta, b'rispons għal deterjorament serju tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, Stat Membru jqis li madankollu huma meħtieġa restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu biex tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika u huma proporzjonati, dawn ir-restrizzjonijiet jenħtieġ li jkunu limitati għar-rekwiżit li l-vjaġġaturi jkunu fil-pussess ta' Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-persuni li jivvjaġġaw fl-Unjoni li jkunu fil-pussess ta' Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu, f'sitwazzjonijiet bħal dawn, ma jkunux meħtieġa jagħmlu kwarantina, awtoiżolament jew ittestjar addizzjonali. Sabiex jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni għandhiex tikkwalifika bħala deterjorament serju tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu b'mod partikolari l-pressjoni fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa tagħhom minħabba l-COVID-19, b'mod partikolari f'termini ta' ammissjonijiet u għadd ta' pazjenti fl-isptarijiet u fl-unitajiet tal-kura intensiva, is-severità tal-varjanti tas-SARS-CoV-2 li jkunu qed jiċċirkolaw, kif ukoll l-informazzjoni pprovduta miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni epidemjoloġika. F'dan il-kuntest, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jippubblika data rilevanti dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni epidemjoloġika.

    (9)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw ukoll jekk tali restrizzjonijiet hux probabbli li jkollhom impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika, inkluż tnaqqis sinifikanti fil-pressjoni fuq is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa, minħabba li l-fatturi domestiċi normalment huma xpruni aktar b'saħħithom tas-sitwazzjoni epidemjoloġika mill-ivvjaġġar transfruntier. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, interventi domestiċi mhux farmaċewtiċi, bħall-ilbies tal-maskri, il-ventilazzjoni u t-tbegħid fiżiku, aktar milli restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, jistgħu jkunu effettivi biex inaqqsu r-ritmu tat-tixrid tal-COVID-19, jekk jiġu implimentati kmieni u b'mod komprensiv u jiġu pprattikati b'mod suffiċjenti mis-soċjetà (6).

    (10)

    Fir-rigward tar-rekwiżit possibbli li wieħed ikun fil-pussess ta' Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu, l-emendi fir-Regolament (UE) 2021/953 introdotti bir-Regolament (UE) 2022/1034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jenħtieġ li jiġu riflessi fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107. L-ewwel nett, ta' min isemmi li ċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE maħruġa lil persuni li jipparteċipaw fi provi kliniċi għall-vaċċini kontra l-COVID-19 jistgħu jiġu aċċettati minn Stati Membri oħra sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu. Biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu rċevew vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun lesta l-proċedura ta' elenkar għall-użu ta' emerġenza tad-WHO, huwa rrakkomandat ukoll li l-Istati Membri jaċċettaw Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE maħruġa wara l-amministrazzjoni ta' tali vaċċini. Barra minn hekk, iċ-ċertifikati tat-testijiet u tal-fejqan issa jistgħu jinħarġu fuq il-bażi ta' assaġġi antiġeniċi bbażati fil-laboratorju.

    (11)

    Minħabba s-sitwazzjoni speċifika jew il-funzjoni essenzjali tagħhom, ċerti kategoriji ta' vjaġġaturi jenħtieġ li jiġu eżentati minn rekwiżit possibbli li jkunu fil-pussess ta' Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, meta jkunu qed jeżerċitaw din il-funzjoni essenzjali. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-sigurtà, huwa importanti li din il-lista tinkludi b'mod ċar diplomatiċi, persunal ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, persuni mistiedna minn organizzazzjonijiet internazzjonali, persunal militari, ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u persunal tal-protezzjoni ċivili. Jenħtieġ li l-lista tinkludi wkoll persuni koperti mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (8) u tkun konsistenti mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2548 (9). Fl-istess ħin, dan jenħtieġ li ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli joffru vaċċinazzjoni u ttestjar lil dawn il-kategoriji ta' persuni.

    (12)

    Sabiex ikun jista' jkun hemm reazzjoni f'waqtha għall-varjanti emerġenti ġodda tas-SARS-CoV-2, il-"brejk ta' emerġenza", jiġifieri, il-possibbiltà li jittieħdu miżuri oħra minbarra ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, jenħtieġ li jinżamm. Din il-proċedura tal-"brejk ta' emerġenza" tista' tintuża b'reazzjoni għall-feġġ ta' varjant ġdid ta' tħassib jew ta' interess tas-SARS-CoV-2, bl-għan li jitnaqqas it-tixrid tiegħu permezz ta' restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, ikun hemm aktar ħin biex tiġi mobilizzata l-kapaċità tal-isptarijiet f'daqqa, u jiġi attivat l-iżvilupp tal-vaċċini. Tista' tintuża wkoll f'sitwazzjonijiet fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika tmur għall-agħar malajr u severament b'mod li jissuġġerixxi l-feġġ ta' varjant ġdid ta' tħassib jew ta' interess tas-SARS-CoV-2.

    (13)

    Meta Stat Membru jintroduċi rekwiżit biex jippreżenta Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu, jew meta jieħu miżuri addizzjonali f'konformità mal-proċedura tal-brejk ta' emerġenza, jenħtieġ li jinforma malajr lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq permezz tan-network Integrat ta' Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (Integrated Political Crisis Response, "IPCR") u jipprovdi informazzjoni dwar ir-raġunijiet, l-impatt mistenni, id-dħul fis-seħħ u t-tul ta' żmien ta' kwalunkwe restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar bħal din. Dan jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar għaliex l-introduzzjoni ta' tali restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar tikkonforma mal-prinċipji ta' neċessità u proporzjonalità, pereżempju minħabba s-sitwazzjoni ġeografika partikolari tal-Istat Membru kkonċernat jew il-vulnerabbiltajiet partikolari tas-sistema tal-kura tas-saħħa nazzjonali tiegħu. Dan jenħtieġ li jservi wkoll biex tiġi żgurata l-konsistenza mar-regoli dwar l-ivvjaġġar minn pajjiżi terzi. Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li n-network tal-IPCR jiltaqa' malajr biex jeżamina s-sitwazzjoni jekk Stat Membru jattiva l-brejk ta' emerġenza.

    (14)

    Sabiex tinkiseb informazzjoni f'waqtha, rilevanti u rappreżentattiva dwar il-feġġ u ċ-ċirkolazzjoni ta' varjanti ta' tħassib jew ta' interess tas-SARS-CoV-2, l-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw iċ-ċirkolazzjoni ta' varjanti differenti tas-SARS-CoV-2 fil-komunità billi jagħżlu kampjuni rappreżentattivi għas-sekwenzjar, iwettqu karatterizzazzjoni ġenetika u jirrapportaw ir-riżultati tat-tipizzazzjoni tal-varjanti f'konformità mal-gwida dwar is-sekwenzjar ippubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (10).

    (15)

    Jibqa' importanti wkoll li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar kwalunkwe miżura ġdida tkun disponibbli pubblikament malajr kemm jista' jkun. Tabilħaqq, kif innotat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tat-2 ta' Settembru 2022 (11), l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li l-vjaġġaturi potenzjali jkunu infurmati tajjeb dwar ir-restrizzjonijiet possibbli fuq l-ivvjaġġar li jistgħu jiffaċċjaw meta jidħlu fi Stat Membru ieħor. Il-pjattaforma web "Re-Open EU" tibqa' punt ta' referenza ewlieni għal kull min jivvjaġġa fl-Unjoni.

    (16)

    Huwa xieraq li titwaqqaf il-mappa tad-dawl tat-traffiku ppubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 f'Ottubru 2020. Fid-dawl tal-iżviluppi epidemjoloġiċi, il-metodoloġija tal-mappa ġiet adattata diversi drabi. L-aktar iterazzjoni reċenti tagħha, bl-użu tar-rata ta' notifika ta' 14-il jum ponderata skont it-teħid tal-vaċċin, kienet ibbażata fuq esperjenzi miksuba dwar il-varjant Delta. Madankollu, in-numri għoljin ta' infezzjonijiet kkawżati mill-varjant Omicron wasslu biex partijiet kbar tal-mappa jiġu mmarkati bħala "ħomor skuri" minkejja li l-Istati Membri kollha neħħew ir-restrizzjonijiet tagħhom fuq il-moviment liberu. Barra minn hekk, hekk kif l-Istati Membri adattaw ir-reġimi tal-ittestjar tagħhom, diversi reġjuni dehru bħala "griżi skuri" minħabba r-rati tal-ittestjar irrappurtati li waqgħu taħt il-limitu stabbilit mir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107. Din il-bidla fl-istrateġiji tal-ittestjar lejn kampjuni rappreżentattivi tal-popolazzjoni mhux ser tinbidel fil-futur prevedibbli. B'riżultat ta' dan, il-mappa tas-sinjali tat-traffiku kienet saret rappreżentazzjoni inadegwata tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni. Wara diskussjonijiet mal-Istati Membri u l-Kummissjoni, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard diġà ssospenda temporanjament il-pubblikazzjoni tal-mappa f'Lulju 2022.

    (17)

    Konsegwentement, ir-referenzi għal miżuri addizzjonali speċifiċi għall-persuni li jivvjaġġaw minn żoni "ħomor skuri" jenħtieġ li jitneħħew mir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107 flimkien mal-mappa tad-dawl tat-traffiku.

    (18)

    Is-sottomissjoni obbligatorja tal-formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri ("PLF") fil-kuntest tal-ivvjaġġar intra-UE għal skopijiet ta' traċċar tal-kuntatti tikkostitwixxi rekwiżit addizzjonali għall-eżerċizzju tal-moviment liberu. Tali rekwiżit huwa għalhekk iġġustifikat biss jekk ikun neċessarju u proporzjonat. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrikjedux li l-vjaġġaturi li jużaw it-trasport privat, kemm jekk ikunu karozzi, roti jew bil-mixi, jissottomettu l-PLF. Dan minħabba li l-esponiment tagħhom huwa neċessarjament inqas intensiv milli fil-każ tat-trasport pubbliku u minħabba li tipikament ikunu jafu l-identitajiet tas-sħab fil-vjaġġ tagħhom.

    (19)

    Fl-istess ħin, jekk l-Istati Membri jkunu jixtiequ jattivaw it-traċċar tal-kuntatti ta' passiġġieri transfruntiera, għodod komuni, bħall-Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri diġitali tal-UE u l-modulu ta' skambju selettiv tas-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Rispons, ikunu disponibbli għall-iskambju ta' data dwar il-passiġġieri biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom ta' traċċar tal-kuntatti filwaqt li jillimitaw il-piżijiet fuq il-passiġġieri u l-operaturi tat-trasport. Sabiex tiġi evitata l-ħtieġa għall-preżentazzjoni tal-PLF, l-Istati Membri jistgħu, fejn possibbli skont il-liġi nazzjonali u f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, jikkunsidraw ukoll li jużaw id-data eżistenti dwar il-passiġġieri għall-finijiet tat-traċċar tal-kuntatti.

    (20)

    Il-Kummissjoni, bl-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, jenħtieġ li tkompli r-rieżami regolari tagħha tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107, u tibgħat is-sejbiet tagħha lill-Kunsill għall-konsiderazzjoni tagħha, flimkien ma' proposta biex tiġi emendata din ir-Rakkomandazzjoni, fejn meħtieġ,

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/107 hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-intestatura "Qafas ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19" wara l-punt 10 hija sostitwita b'dan li ġej:

    "Qafas ikkoordinat dwar il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19";

    (2)

    il-punt 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "11.

    Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jimponu l-ebda restrizzjoni relatata mal-pandemija fuq id-dritt tal-moviment liberu tal-persuni għal raġunijiet ta' saħħa pubblika ħlief fis-sitwazzjonijiet koperti mill-punti 11a u 22.";

    (3)

    jiddaħħlu l-punti 11a, 11b u 11c li ġejjin:

    "11a.

    Mingħajr preġudizzju għall-proċedura tal-brejk ta' emerġenza stabbilita fil-punt 22, jenħtieġ li Stat Membru jintroduċi restrizzjonijiet relatati mal-pandemija fuq id-dritt tal-moviment liberu tal-persuni għal raġunijiet ta' saħħa pubblika biss f'konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-punti minn 1 sa 10 u b'reazzjoni għal deterjorament serju tas-sitwazzjoni epidemjoloġika.

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk sitwazzjoni għandhiex, għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, tiġi kkwalifikata bħala li sejra għall-agħar b'mod sever, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu, b'mod partikolari, il-pressjoni fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom minħabba l-COVID-19, b'mod partikolari f'termini ta' ammissjonijiet u għadd ta' pazjenti fl-isptarijiet u fl-unitajiet tal-kura intensiva, is-severità tal-varjanti tas-SARS-CoV-2 li jkunu qed jiċċirkolaw, kif ukoll l-informazzjoni pprovduta regolarment miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni epidemjoloġika.

    Qabel ma jintroduċi tali restrizzjonijiet, jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jivvaluta jekk huwiex probabbli li dawn ikollhom impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika, inkluż tnaqqis sinifikanti fil-piż imqiegħed fuq is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa.

    11b.

    Jekk Stat Membru jimponi restrizzjonijiet skont il-punt 11a, jenħtieġ li l-vjaġġaturi jkunu meħtieġa biss li jkunu fil-pussess ta' Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu maħruġ skont ir-Regolament (UE) 2021/953 li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-punt 12.

    F'dan il-kuntest, jenħtieġ li japplikaw id-derogi li ġejjin:

    (a)

    l-eżenzjonijiet mill-ħtieġa li jkunu fil-pussess ta' Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu stabbiliti fil-punt 16;

    (b)

    miżuri addizzjonali meħuda f'konformità mal-proċedura tal-brejk ta' emerġenza stabbilita fil-punt 22 biex jittardjaw il-firxa tal-varjanti l-ġodda tas-SARS CoV-2 ta' tħassib jew ta' interess.

    11c.

    Jekk Stat Membru jimponi restrizzjonijiet skont il-punt 11a, jenħtieġ li jinforma malajr lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq permezz tan-network Integrat ta' Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (IPCR). Għal dan l-għan, l-Istat Membru jenħtieġ li jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    ir-raġunijiet għal tali rekwiżit, inkluż il-konformità tiegħu mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità;

    (b)

    stima tal-impatt mistenni ta' tali rekwiżit fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika;

    (c)

    id-dħul fis-seħħ, id-data tar-rieżami fejn rilevanti, u t-tul ta' żmien ippjanat ta' tali rekwiżit.

    Barra minn hekk, tali restrizzjonijiet jenħtieġ li jiġu diskussi fi ħdan in-network tal-IPCR, inkluż bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza mar-Rakkomandazzjoni (UE) 2022/2548."

    (4)

    il-punt 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "12.

    Iċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE li ġejjin jenħtieġ li jiġu aċċettati jekk l-awtentiċità, il-validità u l-integrità tagħhom ikunu jistgħu jiġu vverifikati:

    (a)

    ċertifikati tal-vaċċinazzjoni maħruġa skont ir-Regolament (UE) 2021/953 għal vaċċin tal-COVID-19 kopert mill-Artikolu 5(5), l-ewwel subparagrafu, ta' dan ir-Regolament jew vaċċin tal-COVID-19 li jkun lesta l-proċedura tal-elenkar għall-użu ta' emerġenza tad-WHO u li jindika li d-detentur:

    lesta s-sensiela primarja tal-vaċċinazzjoni u għaddew mill-inqas 14-il jum mill-aktar doża reċenti; jew

    irċieva doża booster waħda jew aktar wara t-tlestija tas-sensiela primarja tal-vaċċinazzjoni;

    sakemm il-perjodu ta' aċċettazzjoni stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/953 ikun għadu ma skadiex.

    L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw ukoll ċertifikati tal-vaċċinazzjoni maħruġa għal vaċċini oħra kontra l-COVID-19 koperti mill-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2021/953 jew ċertifikati tal-vaċċinazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 5(5), ir-raba' subparagrafu tar-Regolament (UE) 2021/953.

    Abbażi ta' evidenza xjentifika ulterjuri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid b'mod regolari l-approċċ stabbilit fil-punt (a).

    (b)

    ċertifikati tat-testijiet maħruġa skont ir-Regolament (UE) 2021/953 li jindikaw riżultat negattiv ta' test miksub:

    mhux aktar minn 72 siegħa qabel it-tluq, fil-każ ta' test ta' amplifikazzjoni tal-aċidi nuklejċi molekulari (NAAT); jew

    mhux aktar minn 24 siegħa qabel it-tluq, f'każ ta' test tal-antiġeni elenkat fil-lista komuni tal-UE ta' testijiet tal-antiġeni tal-COVID-19 maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (12).

    Għall-finijiet tal-ivvjaġġar fl-eżerċitar tad-drittijiet ta' moviment liberu, l-Istati Membri jenħtieġ li jaċċettaw iż-żewġ tipi ta' testijiet.

    L-Istati Membri jenħtieġ li jfittxu li jiżguraw li ċ-ċertifikati tat-test jinħarġu mill-aktar fis possibbli wara l-ġbir tal-kampjun tat-test.

    (c)

    ċertifikati tal-fejqan maħruġa skont ir-Regolament (UE) 2021/953 sakemm il-perjodu ta' validità stabbilit f'dak ir-Regolament ma jkunx għadu skada.";

    (5)

    il-punt 15 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "15.

    Jekk Stat Membru jintroduċi rekwiżit li wieħed ikun fil-pussess ta' Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu, il-persuni li ma jkollhomx dan fil-pussess tagħhom jistgħu jkunu meħtieġa jagħmlu test NAAT jew tal-antiġeni elenkat fil-lista komuni tal-UE tat-testijiet tal-antiġeni tal-COVID-19 qabel jew mhux aktar tard minn 24 siegħa wara l-wasla tagħhom. Dan ma japplikax għall-persuni eżentati milli jkollhom Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE f'konformità mal-punt 16.";

    (6)

    fil-punt 16, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "(a)

    it-tipi ta' kategoriji li ġejjin b'funzjoni jew bi ħtieġa essenzjali, meta jeżerċitaw din il-funzjoni jew ħtieġa essenzjali:

    ħaddiema tat-trasport jew il-fornituri ta' servizzi tat-trasport, inkluż is-sewwieqa u l-ekwipaġġ ta' vetturi tal-merkanzija li jkunu qegħdin iġorru oġġetti għall-użu fit-territorju kif ukoll dawk li sempliċiment jgħaddu fi tranżitu;

    professjonisti tal-kura tas-saħħa, riċerkaturi tas-saħħa, u professjonisti tal-kura tal-anzjani;

    passiġġiera li jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi jew familjari imperattivi;

    diplomatiċi, il-persunal ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, persuni mistiedna minn organizzazzjonijiet internazzjonali, il-persunal militari, il-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja, il-persunal tal-protezzjoni ċivili u l-persuni koperti mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (13);

    passiġġieri fi tranżitu;

    baħħara;

    persuni li jaħdmu fuq infrastrutturi kritiċi jew essenzjali b'xi mod ieħor.";

    (7)

    titħassar l-intestatura "mappa tal-UE bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku u eċċezzjonijiet u miżuri addizzjonali bbażati fuqha" wara l-punt 16;

    (8)

    jitħassru l-punti 17, 18 u 19;

    (9)

    fil-punt 20, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "Biex jappoġġa lill-Istati Membri, jenħtieġ li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ikompli jippubblika informazzjoni u data dwar il-varjanti ta' tħassib jew ta' interess tas-SARS-CoV-2.";

    (10)

    il-punti 21, 22 u 23 huma sostitwiti b'dan li ġej:

    "21.

    L-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw iċ-ċirkolazzjoni ta' varjanti differenti tas-SARS-CoV-2 fil-komunità billi jagħżlu kampjuni rappreżentattivi għas-sekwenzjar, iwettqu karatterizzazzjoni ġenetika u jirrapportaw ir-riżultati tat-tipizzazzjoni tal-varjanti f'konformità mal-gwida dwar is-sekwenzjar ippubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.

    22.

    Fejn, b'reazzjoni għall-feġġ ta' varjant ġdid tas-SARS-CoV-2 ta' tħassib jew ta' interess, Stat Membru jirrikjedi li l-vjaġġaturi, inkluż id-detenturi taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE, wara d-dħul fit-territorju tiegħu, jagħmlu kwarantina jew awtoiżolament jew jiġu ttestjati għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, jew jekk jimponi restrizzjonijiet oħra fuq id-detenturi ta' tali ċertifikati, jenħtieġ li, permezz tan-network tal-IPCR, jinforma malajr lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq, inkluż billi jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-punt 11c ta' din ir-Rakkomandazzjoni, u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/953. Jekk ikun possibbli, tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi pprovduta 48 siegħa qabel l-introduzzjoni ta' dawn ir-restrizzjonijiet ġodda. Kull fejn ikun possibbli, tali miżuri jenħtieġ li jkunu limitati għal-livell reġjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprivileġġaw l-ittestjar fuq miżuri oħra.

    Dan jenħtieġ li japplika wkoll għal sitwazzjonijiet fejn is-sitwazzjoni epidemjoloġika tmur għall-agħar malajr u severament b'mod li juri l-feġġ ta' varjant ġdid ta' tħassib jew ta' interess tas-SARS-CoV-2.

    23.

    Fejn Stat Membru jiskatta l-brejk ta' emerġenza u, bħala riżultat, jirrikjedi li l-ħaddiema tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19, jenħtieġ li jintużaw testijiet rapidi tal-antiġeni u ma tkun meħtieġa ebda kwarantina, u dan ma għandux iwassal għal tħarbit fit-trasport. Jekk ikun hemm tħarbit fit-trasport jew fil-katina tal-provvista, jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu jew iħassru immedjatament kwalunkwe rekwiżit ta' ttestjar sistematiku bħal dan sabiex jippreżervaw il-funzjonament tal-"Korsiji Ħodor". Barra minn hekk, tipi oħra ta' vjaġġaturi li jaqgħu taħt il-punti 16(a) u (b) ma għandhomx ikunu meħtieġa jagħmlu kwarantina jew awtoiżolament.";

    (11)

    il-punt 24 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "Meta Stat Membru jikkunsidra li jattiva l-brejk ta' emerġenza b'reazzjoni għall-emerġenza ta' varjant ġdid tas-SARS-CoV-2 ta' tħassib jew ta' interess, jenħtieġ li n-network tal-IPCR jitlaqqa' fit-48 siegħa ta' wara biex tiġi diskussa l-ħtieġa ta' miżuri kkoordinati madwar l-UE biex tiġi ttardjata l-firxa tal-varjant il-ġdid, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u bl-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Matul tali laqgħa ta' koordinazzjoni, jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jispjega għaliex jikkunsidra li jattiva l-brejk ta' emerġenza. Jenħtieġ li l-miżuri diskussi jiġu implimentati mill-Istati Membri kif xieraq, b'mod koordinat.

    Il-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjoni regolari ta' evidenza ġdida dwar il-varjanti miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, id-diskussjonijiet rilevanti dwar is-saħħa pubblika fil-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u l-analiżi pprovduta mill-grupp ta' esperti Ewropew dwar il-varjanti tas-SARS-CoV-2, tista' tissuġġerixxi wkoll diskussjoni fil-Kunsill dwar varjant ġdid ta' tħassib jew ta' interess tas-SARS-CoV-2.";

    (12)

    il-punt 27 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "27.

    Meta, fil-kuntest tal-punt 11a jew 22, l-Istati Membri jirrikjedu li persuni li jivvjaġġaw lejn it-territorju tagħhom permezz ta' modi kollettivi ta' trasport b'siġġu jew kabina assenjata minn qabel jippreżentaw Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri ("PLF") għal finijiet ta' traċċar tal-kuntatti f'konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data, huma mħeġġa jagħmlu użu mill-Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri diġitali tal-UE żviluppata mill-EU Healthy Gateways (14) u jagħmlu użu mill-funzjonalità ta' skambju selettiv tas-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Rispons (EWRS), stabbilita bl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), filwaqt li jinkludu kwalunkwe informazzjoni strutturata rilevanti għat-traċċar transfruntiera tal-kuntatti. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrikjedux is-sottomissjoni tal-PLF għall-ivvjaġġar bi trasport privat. Fejn possibbli skont il-liġi nazzjonali u f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw ukoll li jużaw id-data eżistenti dwar il-passiġġieri għall-finijiet tat-traċċar tal-kuntatti.";

    (13)

    il-punti 29 u 30 huma sostitwiti b'dan li ġej:

    "29.

    F'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/953, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti u lill-pubbliku ġenerali informazzjoni ċara, komprensiva u f'waqtha dwar kwalunkwe miżura li taffettwa d-dritt tal-moviment liberu u kwalunkwe rekwiżit ta' akkumpanjament, bħall-ħtieġa li tiġi ppreżentata PLF. Dan jinkludi informazzjoni dwar it-tneħħija jew in-nuqqas ta' tali rekwiżiti. L-informazzjoni jenħtieġ li tiġi ppubblikata wkoll f'format li tinqara mill-magni.

    30.

    Jenħtieġ li din l-informazzjoni tiġi aġġornata regolarment mill-Istati Membri u ssir disponibbli wkoll fuq il-pjattaforma web "Re-Open EU" fil-ħin. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu wkoll, fuq "Re-open EU", informazzjoni dwar kwalunkwe użu domestiku taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE.

    Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar kwalunkwe miżura ġdida tiġi ppubblikata kmieni kemm jista' jkun u, bħala regola ġenerali, mill-inqas 24 siegħa qabel ma l-miżuri jidħlu fis-seħħ, b'kont meħud tal-ħtieġa ta' xi flessibbiltà għal emerġenzi epidemjoloġiċi.";

    (14)

    l-Anness jitħassar.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BEK


    (1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/107 tal-25 ta' Jannar 2022 dwar approċċ ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 (ĠU L 18, 27.1.2022, p. 110).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1).

    (3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3).

    (4)  Il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 (COM(2021) 749 final).

    (5)  https://www.ecdc.europa.eu/en/covid-19/latest-evidence/clinical

    (6)  Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-COVID-19 – Sostenn tal-Istat tat-Tħejjija u r-Rispons tal-UE: Ħarsa 'l quddiem (COM(2022)190 final).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2022/1034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/953 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta' ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 37).

    (8)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta' Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta' influss bil-massa ta' persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).

    (9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2548 tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar lejn l-Unjoni matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 (ara paġna 146 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (10)  https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/methods-detection-and-characterisation-sars-cov-2-variants-second-update

    (11)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Rispons tal-UE għall-COVID-19: inħejju għall-ħarifa u x-xitwa 2023 (COM (2022) 452 final).

    (12)  Disponibbli minn: https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/coronavirus-response/public-health/high-quality-covid-19-testing_en

    (13)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta' Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta' influss bil-massa ta' persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).

    (14)  https://www.euplf.eu/en/home/index.html

    (15)  Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).


    Top