Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2349

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2349 tal-21 ta’ Novembru 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt

ST/14173/2022/INIT

ĠU L 311, 2.12.2022, pp. 138–141 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2349/oj

2.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/138


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2349

tal-21 ta’ Novembru 2022

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-2021, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa stabbilixxa Kumitat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (KIA) għall-perjodu 2022-2024, bil-kompitu li jistabbilixxi proċess ta’ negozjati internazzjonali sabiex jinħoloq qafas legali dwar l-iżvilupp, it-tfassil u l-applikazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali (IA), abbażi tal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u li jiffavorixxi l-innovazzjoni.

(2)

Fit-30 ta’ Ġunju 2022, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa ta struzzjonijiet lill-KIA biex jipproċedi malajr bit-tfassil ta’ strument legalment vinkolanti ta’ natura trażversali, jew konvenzjoni jew konvenzjoni qafas, dwar l-IA, abbażi tal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, f’konformità mat-termini ta’ referenza tiegħu, iffukat fuq prinċipji komuni ġenerali, li jiffavorixxi l-innovazzjoni, u jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni minn Stati mhux membri, filwaqt li jqis oqfsa legali internazzjonali eżistenti rilevanti oħra jew oħrajn li qed jiġu żviluppati.

(3)

Sussegwentement, il-President tal-KIA ppropona abbozz żero ta’ konvenzjoni jew ta’ konvenzjoni qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (il-“konvenzjoni”). Dak l-abbozz żero jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-iskop u l-għan, il-kamp ta’ applikazzjoni, id-definizzjonijiet, il-prinċipji fundamentali, inkluż salvagwardji proċedurali u d-drittijiet applikabbli għas-sistemi kollha tal-IA irrispettivament mil-livell tar-riskju tagħhom, miżuri addizzjonali għas-sistemi tal-IA fis-settur pubbliku u għas-sistemi tal-IA li joħolqu livelli “inaċċettabbli” u “sinifikanti” ta’ riskju, mekkaniżmu ta’ segwitu u ta’ kooperazzjoni, dispożizzjonijiet finali, inkluż il-possibbiltà li l-Unjoni taderixxi ma’ tali konvenzjoni, u appendiċi li għadu qed jinħoloq dwar metodoloġija għal valutazzjoni tar-riskju u tal-impatt tas-sistemi tal-IA.

(4)

L-Unjoni adottat regoli komuni li ser jintlaqtu mill-elementi meqjusin fir-rigward tal-konvenzjoni. Dawk l-elementi jinkludu b’mod partikolari sett komprensiv ta’ regoli fil-qasam tas-suq uniku għall-prodotti (1) u s-servizzi (2) li għalihom jistgħu jintużaw sistemi tal-IA, kif ukoll leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni (3) li timplimenta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (4), meta wieħed iqis li dawk id-drittijiet aktarx jintlaqtu ħażin f’ċerti ċirkostanzi mill-iżvilupp u l-użu ta’ ċerti sistemi tal-IA.

(5)

Barra minn hekk, fil-21 ta’ April 2021 il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva għal Regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-IA, li bħalissa qed tiġi nnegozjata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-konvenzjoni tikkoinċidi fil-parti l-kbira ma’ dik il-proposta leġiżlattiva fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, peress li ż-żewġ strumenti jimmiraw li jistabbilixxu regoli applikabbli għat-tfassil, l-iżvilupp u l-applikazzjoni tas-sistemi tal-IA, ipprovduti u użati mill-entitajiet pubbliċi jew privati.

(6)

Għalhekk, il-konklużjoni tal-konvenzjoni tista’ taffettwa r-regoli komuni eżistenti u prevedibbli tal-Unjoni jew tista’ tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(7)

In-negozjati għandhom jinfetħu bil-għan tal-konklużjoni tal-konvenzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, sabiex titħares l-integrità tal-liġi tal-Unjoni u jkun żgurat li r-regoli tad-dritt internazzjonali u tal-liġi tal-Unjoni jibqgħu konsistenti.

(8)

Huwa possibbli li l-konvenzjoni ser tistabbilixxi standards internazzjonali għoljin fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-IA b’impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-funzjonament tad-demokrazija u l-osservanza tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari fid-dawl tal-ħidma li diġà twettqet mill-Kunsill tal-Ewropa f’dak il-qasam.

(9)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fin-negozjati għall-konvenzjoni u għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti ta’ Stat Membru li tikkonkludi, tiffirma jew tirratifika l-konvenzjoni, jew għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fin-negozjati għall-Unjoni biex taderixxi mal-konvenzjoni.

(10)

Is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Fl-implimentazzjoni tal-konvenzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu, f’konformità mal-Artikolu 216(2) TFUE, l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom u li għandhom jadottaw miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom filwaqt li ma jagħmlux il-liġi tal-Unjoni inapplikabbli jew jeżentawhom mill-obbligu tagħhom li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.

(11)

L-Istati Membri kollha huma wkoll Membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Fid-dawl ta’ dik is-sitwazzjoni speċjali, jenħtieġ li l-Istati Membri preżenti fin-negozjati għal dik il-konvenzjoni, f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera msemmi fl-Artikolu 4(3) TUE, b’rispett reċiproku sħiħ, jappoġġaw lin-negozjatur tal-Unjoni fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati.

(12)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u ta opinjoni fit-13 ta’ Ottubru 2022 (6),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

2.   In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi ta’ negozjar tal-Kunsill stabbiliti fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni, li jistgħu jiġu riveduti u żviluppati aktar kif xieraq skont l-evoluzzjoni tan-negozjati.

Artikolu 2

In-negozjati msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Telekomunikazzjoni u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, li huwa b’dan maħtur bħala l-kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) TFUE.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-kumitat speċjali msemmi fl-ewwel subparagrafu dwar il-passi meħuda skont din id-Deċiżjoni u tikkonsultah fuq bażi regolari.

Kull meta tkun mitluba mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar it-twettiq u l-eżitu tan-negozjati, inkluż bil-miktub.

Sa fejn is-suġġett tan-negozjati jaqa’ parzjalment fil-kompetenza tal-Unjoni u parzjalment fil-kompetenza tal-Istati Membri tagħha, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess ta’ negozjar, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-unità fir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. NEKULA


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29); id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4); id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24); id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1); id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62); ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1); ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq, li jemenda r-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 78/2009, (KE) Nru 79/2009 u (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 631/2009, (UE) Nru 406/2010, (UE) Nru 672/2010, (UE) Nru 1003/2010, (UE) Nru 1005/2010, (UE) Nru 1008/2010, (UE) Nru 1009/2010, (UE) Nru 19/2011, (UE) Nru 109/2011, (UE) Nru 458/2011, (UE) Nru 65/2012, (UE) Nru 130/2012, (UE) Nru 347/2012, (UE) Nru 351/2012, (UE) Nru 1230/2012 u (UE) 2015/166 (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1); id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36); id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22); id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16); id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37); ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1); id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(4)  Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(6)  L-Opinjoni 20/2022 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar ir-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


Top