Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2256

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2256 tal-15 ta’ Novembru 2022 dwar il-bidu tal-eżami ddettaljat ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni għat-tielet perjodu referenzjarju ppreżentat mill-Iżvizzera fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2022) 8076) (It-testi bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bit-Taljan biss huma awtentiċi) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/8076

ĠU L 297, 17.11.2022, p. 80–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2256/oj

17.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/80


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2256

tal-15 ta’ Novembru 2022

dwar il-bidu tal-eżami ddettaljat ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni għat-tielet perjodu referenzjarju ppreżentat mill-Iżvizzera fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2022) 8076)

(It-testi bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (2), u b’mod partikolari il-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri għandhom ifasslu, fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”), miri vinkolanti tal-prestazzjoni għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema tal-prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri tal-prestazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-miri għall-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat.

(2)

Il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) ġew oriġinarjament stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (4). Peress li dawk il-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha u l-abbozz tal-pjanijiet tal-prestazzjoni għall-RP3 ġew ippreżentati sussegwentement f’Ottubru 2019 mill-Istati Membri u mill-Iżvizzera qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu 2020, ma qisux it-tnaqqis konsiderevoli fit-traffiku tal-ajru minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi sabiex irażżnu l-pandemija.

(3)

B’rispons għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 (5) ġew stabbiliti miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 (6) li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni riveduti għall-Unjoni kollha għall-RP3. Fuq dik il-bażi, f’Ottubru 2021, l-Istati Membri u l-Iżvizzera ppreżentaw lill-Kummissjoni abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni li fihom miri tal-prestazzjoni riveduti għall-RP3.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/780 (7) analizzat ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni għall-RP3 ippreżentat mill-Iżvizzera, stabbilit b’mod konġunt fil-livell tal-Blokk tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali tal-Ewropa Ċentrali (“FABEC”), flimkien mal-Belġju, mal-Ġermanja, ma’ Franza, mal-Lussemburgu u man-Netherlands (“l-Istati Membri li huma parti mill-FABEC”). Il-Kummissjoni sabet li l-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għaż-żona tal-imposti en route bejn il-Belġju u l-Lussemburgu ma kinux konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha u ħarġet rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri.

(5)

B’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni imponiet miżuri restrittivi li jipprojbixxu lit-trasportaturi tal-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa proprjetà ta’ jew mikri b’lokazzjoni, jew inkella li huwa kkontrollat minn kwalunkwe persuna, entità jew korp fiżiku jew ġuridiku Russu milli jillandja fi u jitlaq minn, jew itir fuq it-territorju tal-Unjoni. Dawk il-miżuri restrittivi u l-kontromiżuri adottati mir-Russja wasslu għal bidliet fit-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru Ewropew. Ċerti Stati Membri ġew affettwati serjament mill-bidliet fl-għadd ta’ titjiriet li jgħaddu minn fuq l-ispazju tal-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Madankollu, fil-livell tal-Unjoni kollha, l-impatt osservat fuq l-għadd ta’ titjiriet kien limitat b’kuntrast mat-tnaqqis qawwi tat-traffiku tal-ajru madwar l-Ewropa li rriżulta mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19.

(6)

Fit-13 ta’ Lulju 2022, l-Iżvizzera, flimkien mal-Istati Membri li huma parti mill-FABEC, ippreżentat abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC għall-RP3 (“abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC”) għall-valutazzjoni mill-Kummissjoni.

(7)

Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ippreżenta rapport lill-Kummissjoni li fih il-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-FAB li hemm fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u qieset iċ-ċirkostanzi lokali. Fir-rigward ta’ kull qasam ewlieni tal-prestazzjoni u l-miri tal-prestazzjoni relatati, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha billi rrieżaminat l-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(9)

Il-previżjoni tat-traffiku bażi tal-Eurocontrol STATFOR ippubblikata f’Ġunju 2022 tqis it-tibdil fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-premessa (5). Abbażi ta’ dik il-previżjoni, il-Kummissjoni tinnota li l-Iżvizzera u l-Istati Membri li huma parti mill-FABEC mhumiex previsti li jesperjenzaw bidliet kbar fil-flussi tat-traffiku tal-ajru matul l-RP3 bħala riżultat tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna. Għalhekk, dawk iċ-ċirkostanzi mibdula ma għandhomx impatt dirett fuq il-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC jew fuq il-valutazzjoni ta’ dawk il-miri fir-rigward tal-konsistenza tagħhom mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

(10)

Abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-premessa (8), il-Kummissjoni sabet li l-miri tal-prestazzjoni direttament applikabbli għall-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li joperaw fl-ispazju tal-ajru tal-Iżvizzera huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Għaldaqstant, ma ġiet stabbilita l-ebda sejba relatata f’din id-Deċiżjoni.

(11)

Madankollu, fid-Deċiżjoni (UE) 2022/2255 (8) tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet, fir-rigward tal-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC, li l-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza proposti għaż-żona tal-imposti en route bejn il-Belġju u l-Lussemburgu għadhom iqajmu dubji dwar il-konsistenza tagħhom mal-miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-eżami ddettaljat stabbilit fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 fir-rigward ta’ dawk il-miri tal-prestazzjoni.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Iżvizzera tiġi nnotifikata li l-Kummissjoni se tibda l-eżami ddettaljat stabbilit fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 fir-rigward tal-miri tal-prestazzjoni msemmija fil-premessa (11), li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC adottat b’mod konġunt mill-Istati Membri li huma parti mill-FABEC u mill-Iżvizzera,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċedura ta’ eżami ddettaljat stabbilita fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 hija b’dan mibdija fir-rigward tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2255.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Konfederazzjoni Żvizzera.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 114, 30.4.2002, p. 73.

(2)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(3)   ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1.

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/780 tat-13 ta’ April 2022 dwar l-inkonsistenza ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz ta’ pjan tal-prestazzjoni ta’ blokk ta’ spazju tal-ajru funzjonali sottomess mill-Iżvizzera skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni tal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju u li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri (ĠU L 139, 18.5.2022, p. 218).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2255 tal-24 ta’ Ottubru 2022 dwar il-bidu tal-eżami ddettaljat ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni għat-tielet perjodu referenzjarju ppreżentat fil-livell tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali mill-Belġju, mill-Ġermanja, minn Franza, mil-Lussemburgu u min-Netherlands skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ara l-paġna 71 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top