EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2245

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2245 tal-14 ta’ Novembru 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati Ukreni mħarrġa mill-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna b’tagħmir u pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali

ST/14113/2022/INIT

ĠU L 294, 15.11.2022, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 27/11/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2245/oj

15.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 294/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/2245

tal-14 ta’ Novembru 2022

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati Ukreni mħarrġa mill-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna b’tagħmir u pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1), ġiet stabbilita Faċilità Ewropea għall-Paċi (FEP) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni skont il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2), il-punt (b)(i) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF tista’ tiffinanzja azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

L-approfondiment tad-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża huwa wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Ukrajna. (2) Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u l-allinjament mal-PESK bejn l-Unjoni u l-Ukrajna kienu wħud mill-eżiti tat-22 summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna tas-6 ta’ Ottubru 2020, li ġiet imsaħħa aktar fit-23 summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li sar f’Kyiv fit-12 ta’ Ottubru 2021.

(3)

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-2014 ’l hawn eskalat b’mod drammatiku fi Frar 2022 bl-invażjoni mhux provokata tal-Ukrajna. Il-Forzi Armati Ukreni jkomplu jiddefendu l-integrità territorjali tal-Ukrajna u jipproteġu ċ-ċivili tagħha bir-riżorsi limitati disponibbli.

(4)

Fit-30 ta’ Settembru 2022, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Ministru għad-Difiża tal-Ukrajna laqgħu b’mod konġunt l-appoġġ tal-Unjoni għall-Forzi Armati Ukreni u talbu lill-Unjoni tniedi Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati Ukreni.

(5)

Fis-17 ta’ Ottubru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1968 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna. (3) Kif enfasizzat f’dik id-Deċiżjoni, il-Missjoni hija parti mill-Approċċ Integrat tal-UE fl-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna, li jinkludi miżuri ta’ assistenza b’appoġġ għall-Forzi Armati Ukreni.

(6)

EUMAM Ukraine għandha tiġi fdata bl-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza. Hija għandha tkun responsabbli għar-rimborż tal-munizzjon u tagħmir jew pjattaformi mfassla biex iwasslu forza letali pprovduti mill-Istati Membri biex jappoġġaw l-attivitajiet ta’ taħriġ, kif ukoll ta’ servizzi, inkluż it-trasport, il-kustodja u l-manutenzjoni u t-tiswija ta’ dak it-tagħmir militari. Ser tkun meħtieġa koordinazzjoni mill-qrib bejn il-Persunal Militari tal-UE, l-EUMAM Ukraine u kwartieri ġenerali oħra tal-missjoni, kif ukoll bejn l-Istati Membri involuti fl-attivitajiet ta’ taħriġ.

(7)

Il-Miżura ta’ Assistenza għandha tiġi implimentata filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u b’mod partikolari tal-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (4), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fl-ambitu l-EPF.

(8)

Hekk kif ikun meħtieġ u mhux aktar tard minn meta jiġi impenjat kompletament l-ammont ta’ referenza finanzjarja allokat inizjalment ta’ EUR 16 000 000, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà ser jikkunsidra l-kwistjoni ta’ allokazzjonijiet ulterjuri sabiex ikompli l-appoġġ finanzjarju għall-ħtiġijiet ta’ taħriġ abbażi ta’ valutazzjoni rapida mill-EUMAM Ukraine u r-rapporti regolari tagħha, taħt il-Miżura ta’ Assistenza.

(9)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u tul ta’ żmien

1.   Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza li tibbenifika minnha l-Ukrajna (il-“benefiċjarju”), li tiġi ffinanzjata fil-qafas tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“Miżura ta’ Assistenza”).

2.   L-objettiv tal-Miżura ta’ Assistenza huwa li tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati Ukreni mill-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine), sabiex il-Forzi Armati Ukreni jkunu jistgħu jiddefendu l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna kif ukoll jipproteġu l-popolazzjoni ċivili kontra l-aggressjoni militari li għaddejja.

3.   Sabiex jinkiseb l-objettiv stipulat fil-paragrafu 2, il-Miżura ta’ Assistenza għandha tiffinanzja l-forniment mill-Istati Membri ta’:

(a)

munizzjon, tagħmir u pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali, kif meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti operazzjonali tal-EUMAM Ukraine; u,

(b)

servizzi, inkluż it-trasport, il-kustodja u l-manutenzjoni u t-tiswija tal-oġġetti taħt il-punt (a) magħmula disponibbli mill-Istati Membri, għat-taħriġ taħt l-EUMAM Ukraine.

4.   Mat-tlestija tat-taħriġ jew meta l-EUMAM Ukraine tiġi tterminata, il-kustodja tal-munizzjon, it-tagħmir u pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali, li ġew ipprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza, għandha tiġi ttrasferita lura lill-benefiċjarju.

5.   Id-durata tal-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun ta’ 24 xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja inizjali maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Miżura ta’ Assistenza għandu jkun ta’ EUR 16 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq għal operazzjonijiet iffinanzjati fl-ambitu l-EPF.

3.   F’konformità mal-Artikolu 29(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-amministratur għall-operazzjonijiet jista’ jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, sa EUR 16 000 000. Il-fondi li għalihom għamel sejħa l-amministratur għall-operazzjonijiet għandhom jintużaw biss biex titħallas in-nefqa fil-limiti approvati mill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 fil-baġit emendatorju relatat li jikkorrispondi għall-Miżura ta’ Assistenza.

4.   In-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun eliġibbli mid-data tat-tnedija tal-EUMAM Ukraine.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir- Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u mal-Artikolu 62(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ fl-ambitu tal-Miżura ta’ Assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati Ukreni appoġġati taħt il-Miżura ta’ Assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza għall-għanijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(c)

il-manutenzjoni tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza li tkun suffiċjenti biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; u,

(d)

li l-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza la jkunu mitlufa, u lanqas trasferiti fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati fl-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ fl-ambitu tal-Miżura ta’ Assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fl-ambitu tal-EPF, b’mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza fl-ambitu tal-EPF.

2.   EUMAM Ukraine għandha timplimenta l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3), relatati mar-rimborż u l-monitoraġġ tal-munizzjon, it-tagħmir u l-pjattaformi militari, imfassla biex iwasslu forza letali, ipprovduti mill-Istati Membri.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformita’ tal-benefiċjarju mal-obbligi tiegħu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u tar-riskji tan-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk l-obbligi, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali nuqqas ta’ konformità, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali minn unitajiet tal-Forzi Armati Ukreni appoġġati fl-ambitu tal-Miżura ta’ Assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir għandu jiġi organizzat b’mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-Miżura ta’ Assistenza, biex jivvaluta jekk il-Miżura ta’ Assistenza kinitx ikkontribwixxiet biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati.

Artikolu 6

Rappurtar

Matul il-perjodu tal-implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) b’rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, kif ukoll rapport fi żmien xieraq qabel ma l-ammont ta’ referenza finanzjarja inizjali jkun ġie impenjat kompletament. L-amministratur għall-operazzjonijiet, bl-appoġġ tal-Kmandant tal-Missjoni, għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni disponibbli dwar it-tagħmir fornut.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza, skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Il-KPS jista’ jirrakkomanda wkoll lill-Kunsill itemm il-Miżura ta’ Assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1968 tas-17 ta’ Ottubru 2022 dwar Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għall-Ukrajna (EUMAM Ukraine) (ĠU L 270, 18.10.2022, p. 85).

(4)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).


Top