Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2078

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2078 tal-24 ta’ Ottubru 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-106 sessjoni tiegħu u fil-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul id-79 sessjoni tiegħu fir-rigward tal-emenda tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (“il-Kodiċi ESP 2011”) u tal-Anness VI għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Bastimenti (MARPOL)

ST/12627/2022/INIT

ĠU L 280, 28.10.2022, pp. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2078/oj

28.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2078

tal-24 ta’ Ottubru 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-106 sessjoni tiegħu u fil-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul id-79 sessjoni tiegħu fir-rigward tal-emenda tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (“il-Kodiċi ESP 2011”) u tal-Anness VI għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Bastimenti (MARPOL)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-għan tal-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkun li tittejjeb is-sikurezza marittima u li jiġi protett l-ambjent tal-baħar u saħħet il-bniedem.

(2)

Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) huwa mistenni jadotta, matul il-106 sessjoni tiegħu (“MSC 106”) mit-2 sal-11 ta’ Novembru 2022, emendi għall-Kapitolu II-2 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) u għall-Kodiċi Internazzjonali dwar il-programm imtejjeb ta’ spezzjonijiet waqt il-kontrolli ta’ Bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa u Tankers taż-żejt, 2011 (il-“Kodiċi ESP 2011”).

(3)

Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI huwa mistenni jadotta, matul id-79 sessjoni tiegħu (“MEPC 79”) mit-12 sas-16 ta’ Diċembru 2022, emendi għar-Regolament 14 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Bastimenti (MARPOL) u għall-Appendiċi VII u IX tal-Anness VI tal-MARPOL.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul l-MSC 106, peress li l-emendi għall-Kapitolu II-2 tas-SOLAS u għall-Kodiċi ESP 2011 jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(5)

L-emendi għall-Kapitolu II-2 tas-SOLAS ser iqisu l-fornituri tal-fjuwil taż-żejt li naqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt tal-fjammabbiltà, l-azzjonijiet kontra l-fornituri tal-fjuwil taż-żejt li nstabu li jipprovdu fjuwil taż-żejt li ma jikkonformax mar-rekwiżiti minimi tal-punt tal-fjammabbiltà, u d-dokumentazzjoni tal-punt ta’ fjammabbiltà tal-lott tal-fjuwil attwali waqt il-bunkering. L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa dawk l-emendi peress li ser itejbu s-sikurezza ta’ bastimenti.

(6)

L-emendi għall-Kodiċi ESP 2011 huma bil-għan li jiġu implimentati rekwiżiti aktar stretti għall-istħarriġ tat-tankijiet tas-saborra u tal-ispazji vojta sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ sikurezza li ġew identifikati matul l-investigazzjoni tas-sikurezza marittima tal-Istat tal-bandiera tat-telf tal-bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa MV Stellar Daisy fl-2017. L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa dawk l-emendi peress li ser itejbu s-sikurezza ta’ bastimenti.

(7)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni matul l-MEPC 79, peress li l-emendi għar-Regolament 14 tal-MARPOL u għall-Appendiċi VII u IX tal-Anness VI tal-MARPOL jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(8)

L-emendi għar-Regolament 14 tal-MARPOL u l-Appendiċi VII tal-Anness VI tal-MARPOL jikkonċernaw id-deżinjazzjoni tal-Baħar Mediterran, kollu kemm hu, bħala Żona ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidi tal-Kubrit (Med SOX ECA). Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa dawk l-emendi peress li dik id-deżinjazzjoni ser tirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fil-livelli ambjentali tat-tniġġis tal-arja fil-Baħar Mediterran kollu kemm hu u fl-Istati kostali tal-Mediterran, li ser iwassal għal benefiċċji sostanzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

(9)

L-emendi għall-Appendiċi IX tal-Anness VI tal-MARPOL ser itejbu informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-intensità tal-karbonju tal-bastiment fis-Sistema ta’ Ġbir tad-Data dwar il-Konsum taż-Żejt Fjuwil mill-Bastimenti tal-OMI (DCS). L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa dawk l-emendi peress li l-informazzjoni mtejba dwar l-intensità tal-karbonju tal-bastimenti ser tipprovdi data essenzjali dwar l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni tal-intensità tal-karbonju tal-flotta globali. Għalhekk, tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi rrapportata lid-DCS tal-OMI.

(10)

L-Unjoni la hija membru tal-OMI, u lanqas ma hija parti kontraenti fis-SOLAS, fil-Kodiċi ESP 2011 jew fil-MARPOL. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni.

(11)

Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jkun limitat għall-kontenut tal-emendi proposti, sa fejn dawk l-emendi jkunu kapaċi jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni u jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) matul il-106 sessjoni tiegħu (“MSC 106”) għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi tal-Kapitolu II-2 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), kif jinsabu fl-Anness 1 tad-dokument MSC 106/3 tal-OMI, u tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet Waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (“il-Kodiċi ESP 2011”), kif jinsabu fl-Anness 5 tad-dokument MSC 106/3 tal-OMI.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal- OMI matul id-79 sessjoni tiegħu (“MEPC 79”) għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emenda tar-Regolament 14 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL) u tal- Appendiċi VII tal-Anness VI tal-MARPOL, kif jinsabu fl-Anness tad-dokument MEPC 79/3/2 tal-OMI, u mal-adozzjoni tal-emenda tal-Appendiċi IX tal--Anness VI MARPOL, kif jinsabu fl-Anness tad-dokument MEPC 79/3/3 tal-OMI.

Artikolu 3

1.   Il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni speċifikati f’din id-Deċiżjoni jkopru l-emendi kkonċernati sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u kapaċi jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni. Dawk il-pożizzjonijiet għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri, li huma lkoll membri tal-IMO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni.

2.   Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet minuri għall-pożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri min-naħa tal-Kunsill.

Artikolu 4

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati jagħtu l-approvazzjoni tagħhom li jintrabtu, fl-interessi tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

A. HUBÁČKOVÁ


(1)  Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58).


Top