EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1014

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1014 tas-17 ta’ Ġunju 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konfront tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward id-determinazzjoni skont l-Artikolu 540(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, tad-data minn meta d-data personali relatata mal-profili tad-DNA u data dattiloskopika kif imsemmi fl-Artikoli 530, 531, 534 u 536 ta’ dak il-Ftehim tkun tista’ tiġi pprovduta mill-Istati Membri lir-Renju Unit

ST/9539/2022/INIT

ĠU L 170, 28.6.2022, p. 68–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1014/oj

28.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/68


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1014

tas-17 ta’ Ġunju 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konfront tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward id-determinazzjoni skont l-Artikolu 540(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, tad-data minn meta d-data personali relatata mal-profili tad-DNA u data dattiloskopika kif imsemmi fl-Artikoli 530, 531, 534 u 536 ta’ dak il-Ftehim tkun tista’ tiġi pprovduta mill-Istati Membri lir-Renju Unit

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 87(2), punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (1),

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) jipprevedi kooperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kompetenti tal-Istati Membri, minn naħa waħda, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, li tikkonċerna t-tqabbil awtomatizzat tal-profili tad-DNA, id-data dattiloskopika u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Bħala prerekwiżit għal tali kooperazzjoni, l-ewwel jeħtieġ li r-Renju Unit jieħu l-miżuri ta’ implimentazzjoni neċessarji u ssirlu evalwazzjoni mill-Unjoni.

(2)

Abbażi ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali, li jiġbor fil-qosor ir-riżultati ta’ kwestjonarju rilevanti, żjara ta’ evalwazzjoni u, meta jkun applikabbli, prova pilota, l-Unjoni trid tiddetermina d-data jew id-dati minn meta tali data tkun tista’ tiġi pprovduta mill-Istati Membri lir-Renju Unit skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

(3)

Ir-Renju Unit kellu jgħaddi wkoll minn evalwazzjoni fir-rigward tat-tiftix u t-tqabbil ta’ profili tad-DNA u data dattiloskopika, li fir-rigward tagħhom diġà ġew stabbiliti kuntatti mar-Renju Unit f’konformità mal-acquis ta’ “Prüm” tal-Unjoni, kif jinsab fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (3) u 2008/616/ĠAI (4).

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, l-elementi bażiċi tat-Trattat tas-27 ta’ Mejju 2005 bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Olanda u r-Repubblika tal-Awstrija dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità transkonfinali u l-migrazzjoni illegali, ġew trasposti fil-qafas legali tal-Unjoni. Id-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet amministrattivi u tekniċi neċessarji għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta’ data dwar id-DNA, data dattiloskopika u data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. Dawn id-deċiżjonijiet jiffurmaw l-acquis ta’ Prüm u huma vinkolanti f’konformità mat-Trattati u ma’ dawn id-deċiżjonijiet.

(5)

L-Artikolu 527 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi li l-objettiv tat-Titolu II tal-Parti 3 (Infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali) tiegħu hu li jistabbilixxi kooperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tar-Renju Unit, minn naħa, u l-Istati Membri, min-naħa l-oħra, dwar it-trasferiment awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika u ċerta data domestika dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi.

(6)

B’ittra tat-23 ta’ Lulju 2021, ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni, permezz tal-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja, li kien implimenta l-obbligi imposti skont il-Parti 3, Titolu II, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni fir-rigward tal-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika. Ir-Renju Unit għamel ukoll dikjarazzjonijiet u deżinjazzjonijiet f’konformità mal-Kapitolu 0, Artikolu 22, tal-Anness 39 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u esprima r-rieda tiegħu li jiġi evalwat għall-iskambju ta’ data bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri dwar il-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika.

(7)

Fl-14 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju Unitkwestjonarji relatati mal-iskambju awtomatiku ta’ profili tad-DNA u data dattiloskopika. Fit-8 ta’ Novembru 2021, ir-Renju Unit ipprovda lill-Kummissjoni t-tweġibiet tiegħu għal dawk il-kwestjonarji. Fil-11 ta’ Novembru 2021, dawk it-tweġibiet ġew ipprovduti lit-tim ta’ evalwazzjoni u ġew ippreżentati lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Iskambju ta’ Informazzjoni tal-ĠAI u lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar ir-Renju Unit.

(8)

Fid-9 ta’ Novembru 2021, f’konformità mal-Kapitolu 4 tal-Anness 39 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kunsill iddeċieda li ma kienet meħtieġa l-ebda prova pilota fir-rigward tal-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika.

(9)

Fl-24 u l-25 ta’ Novembru 2021, ir-Renju Unit għadda minn evalwazzjoni fir-rigward tat-tiftix u t-tqabbil ta’ profili tad-DNA u data dattiloskopika. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni rigward il-profili tad-DNA kkonkluda li, abbażi tal-eżitu tal-evalwazzjoni ex ante, l-implimentazzjoni tat-tqabbil awtomatizzat tal-profili tad-DNA u l-fluss ta’ informazzjoni relatat tista’ titqies li ġiet konkluża fir-Renju Unit, kemm fil-livell legali kif ukoll f’dak tekniku. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni rigward id-data dattiloskopika kkonkluda li, abbażi tal-eżitu tal-evalwazzjoni ex ante, l-implimentazzjoni tal-applikazzjoni tad-data dattiloskopika awtomatizzata u l-fluss ta’ informazzjoni tad-data dattiloskopika awtomatizzata relatat jistgħu jitqiesu li ġew konklużi fir-Renju Unit, kemm fil-livell legali kif ukoll f’dak tekniku.

(10)

Skont il-Kapitolu 4, Artikolu 5, tal-Anness 39 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni, li jiġbru fil-qosor ir-riżultati tal-kwestjonarji u ż-żjara ta’ evalwazzjoni, ġew ippreżentati lill-Kunsill fis-17 ta’ Marzu 2022.

(11)

Peress li r-Renju Unit issodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 539 u l-Anness 39 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, skont l-Artikolu 540(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jenħtieġ li l-Unjoni tiddetermina d-data jew id-dati minn meta l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu lir-Renju Unit data personali rigward il-profili tad-DNA u data dattiloskopika kif imsemmi fl-Artikoli 530, 531, 534 u 536 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni tinnotifika lir-Renju Unit b’din il-pożizzjoni fil-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja. F’dawk iċ-ċirkostanzi, huwa għaldaqstant xieraq li tiġi stabblita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konfront tar-Renju Unit rigward id-determinazzjoni ta’ dik id-data.

(12)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa vinkolanti għall-Istati Membri kollha bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689, li hija bbażata fuq l-Artikolu 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala l-bażi legali sostantiva tagħha.

(13)

Id-Danimarka u l-Irlanda huma marbutin bl-Artikolu 540 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2021/689 u għalhekk qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li timplimenta l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni fil-konfront tar-Renju Unit rigward id-determinazzjoni tad-data minn meta d-data personali relatata mal-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika kif imsemmi fl-Artikoli 530, 531, 534 u 536 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni tkun tista’ tiġi pprovduta mill-Istati Membri lir-Renju Unit hija stabbilita fid-dikjarazzjoni unilaterali tal-Unjoni mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Ir-Renju Unit għandu jiġi nnotifikat bil-pożizzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 fil-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2.

(2)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).


ANNESS

DIKJARAZZJONI MILL-UNJONI SKONT L-ARTIKOLU 540(2) FIL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT STABBILIT BL-ARTIKOLU 8(1)(R) TAL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA, DWAR ID-DATA MINN META D-DATA PERSONALI LI TIRRIGWARDA L-PROFILI TAD-DNA U D-DATA DATTILOSKOPIKA KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 530, 531, 534 U 536 TAL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI TISTA' TIĠI PPROVDUTA MILL-ISTATI MEMBRI LIR-RENJU UNIT

DIKJARAZZJONI MILL-UNJONI EWROPEA

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu data personali rigward il-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika lir-Renju Unit kif imsemmija fl-Artikoli 530, 531, 534 u 536 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mit-30 ta' Ġunju 2022.


Top