This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R2224
Commission Implementing Regulation (EU) 2021/2224 of 16 November 2021 laying down the details of the automated data quality control mechanisms and procedures, the common data quality indicators and the minimum quality standards for storage of data, pursuant to Article 37(4) of Regulation (EU) 2019/818 of the European Parliament and of the Council
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2224 tas-16 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi d-dettalji tal-mekkaniżmi u l-proċeduri awtomatizzati għall-kontroll tal-kwalità tad-data, l-indikaturi komuni tal-kwalità tad-data u l-istandards minimi tal-kwalità għall-ħżin tad-data, skont l-Artikolu 37(4) tar-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2224 tas-16 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi d-dettalji tal-mekkaniżmi u l-proċeduri awtomatizzati għall-kontroll tal-kwalità tad-data, l-indikaturi komuni tal-kwalità tad-data u l-istandards minimi tal-kwalità għall-ħżin tad-data, skont l-Artikolu 37(4) tar-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
C/2021/6720
ĠU L 448, 15.12.2021, pp. 14–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
15.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 448/14 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2224
tas-16 ta’ Novembru 2021
li jistabbilixxi d-dettalji tal-mekkaniżmi u l-proċeduri awtomatizzati għall-kontroll tal-kwalità tad-data, l-indikaturi komuni tal-kwalità tad-data u l-istandards minimi tal-kwalità għall-ħżin tad-data, skont l-Artikolu 37(4) tar-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 37(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2019/818, flimkien mar-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jistabbilixxi qafas biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-fruntieri, il-viża, il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni. |
|
(2) |
Sabiex tittejjeb il-kwalità tad-data u jiġu armonizzati r-rekwiżiti tal-kwalità, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti d-dettalji tal-mekkaniżmi u l-proċeduri awtomatizzati għall-kontroll tal-kwalità tad-data, l-indikaturi komuni tal-kwalità tad-data u l-istandards minimi tal-kwalità għad-data mdaħħla u maħżuna fis-sistemi ta’ informazzjoni sottostanti tal-UE, is-servizz kondiviż ta’ tqabbil bijometriku u r-repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità. |
|
(3) |
Jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu implimentati u vvalutati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti għal kull sistema ta’ informazzjoni tal-UE u l-komponent tal-interoperabbiltà. Biex twettaq dawn il-kompiti, jenħtieġ li l-eu-LISA tingħata pariri minn esperti mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-aġenziji tal-Unjoni li jużaw is-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-mekkaniżmi u l-proċeduri għall-kontroll tal-kwalità tad-data jiddeterminaw il-konformità tad-data tal-input mar-regoli tal-imblukkar u dawk mhux vinkolanti applikabbli għas-sistemi ta’ informazzjoni sottostanti tal-UE, għas-servizz kondiviż ta’ tqabbil bijometriku u għar-repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità. L-eu-LISA jenħtieġ li tkun responsabbli biex tiżgura li r-regoli dwar il-kwalità tad-data jibqgħu xierqa biex jintlaħqu l-objettivi tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u tal-komponenti tal-interoperabbiltà. |
|
(5) |
Għal kull indikatur tal-kontroll tal-kwalità, jenħtieġ li l-eu-LISA tiddetermina u tivvaluta l-adegwatezza tal-istandard minimu ta’ kwalità indispensabbli għall-ħżin tad-data fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u fil-komponenti tal-interoperabbiltà. Jenħtieġ li l-istandards tal-kwalità tad-data jippermettu l-identifikazzjoni awtomatika ta’ sottomissjonijiet ta’ data apparentement inkorretti jew inkonsistenti, sabiex l-Istat Membru ta’ oriġini jkun jista’ jivverifika d-data u jwettaq kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju meħtieġa. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-mekkaniżmi tat-tindif u tal-identifikazzjoni tal-problemi tad-data jiġu stabbiliti sabiex jivverifikaw b’mod regolari l-validità u l-konformità tad-data maħżuna fis-sistemi ta’ informazzjoni sottostanti tal-UE u l-komponenti tal-interoperabbiltà mal-istandards tal-kwalità tad-data. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-eu-LISA tiżgura kapaċità ta’ monitoraġġ ċentrali għall-kwalità tad-data u għall-produzzjoni ta’ rapporti dwar il-kwalità tad-data fuq bażi regolari lill-Istati Membri. Jenħtieġ li dawn ir-rapporti jiġu prodotti mir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika skont l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2019/818 u r-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2021/2222 (3). |
|
(8) |
Billi r-Regolament (UE) 2019/818 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/818 fid-dritt nazzjonali tagħha. Għaldaqstant hija marbuta b’dan ir-Regolament. |
|
(9) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem (4). Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
|
(10) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6). |
|
(11) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8). |
|
(12) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10). |
|
(13) |
Fir-rigward ta’ Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew huwa marbut mod ieħor miegħu, skont it-tifsira, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011. |
|
(14) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u ta opinjoni fit-30 ta’ April 2021. |
|
(15) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Interoperabbiltà, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni u suġġett
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dettalji tal-mekkaniżmi u l-proċeduri awtomatizzati għall-kontroll tal-kwalità tad-data dwar id-data maħżuna fis-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/818.
2. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll dettalji dwar l-indikaturi komuni tal-kwalità tad-data u l-istandards minimi tal-kwalità għall-ħżin tad-data, b’mod partikolari fir-rigward tad-data bijometrika, fis-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/818.
3. Il-miżuri msemmija fil-paragrafi 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika dwar il-kwalità tad-data relatata mas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni.
4. Dan ir-Regolament japplika għas-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/818.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“data tal-input” tfisser data, soġġetta għal verifiki tal-kwalità tad-data għall-fini li tinħażen f’sistema ta’ informazzjoni jew komponent tal-interoperabbiltà tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/818; |
|
(b) |
“mekkaniżmu tat-tindif tad-data” tfisser mekkaniżmu li jwettaq kontrolli sabiex jiżgura t-tħassir skedat tad-data maħżuna f’sistema ta’ informazzjoni jew komponent tal-interoperabbiltà tal-UE f’konformità mad-dritt tal-Unjoni; |
|
(c) |
“mekkaniżmu ta’ detezzjoni tal-problemi” tfisser mekkaniżmu li jwettaq kontrolli sabiex jidentifika data li ma tissodisfax ir-regoli jew l-istandards tal-kwalità tad-data; |
|
(d) |
“regoli tal-imblukkar” tfisser regoli jew sett ta’ regoli li jkejlu l-grad sa fejn id-data tal-input tkun konformi ma’ rekwiżiti tad-data definiti li jikkundizzjonaw il-ħżin jew l-użu tagħha jew it-tnejn li huma. Dawn jinkludu wkoll regoli dwar il-kwalità tad-data li jirregolaw kull sistema ta’ informazzjoni tal-UE li jridu jiġu osservati qabel ma d-data tkun tista’ tiddaħħal fis-sistema. Id-data tal-input li ma tikkonformax ma’ regola tal-imblukkar tiġi rrifjutata milli tiddaħħal u tinħażen fis-sistema ta’ informazzjoni u fil-komponent tal-interoperabbiltà tal-UE; |
|
(e) |
“regoli mhux vinkolanti” tfisser regoli jew sett ta’ regoli li jkejlu l-grad sa fejn id-data tal-input tkun konformi mar-rekwiżiti tad-data definiti li jikkundizzjonaw ir-rilevanza tagħha jew l-aħjar użu tagħha jew it-tnejn li huma. Regoli mhux vinkolanti ma għandhomx jipprevjenu d-dħul u l-ħżin ta’ data tal-input mhux konformi. Dawn jinkludu wkoll regoli dwar il-kwalità tad-data li jirregolaw kull sistema ta’ informazzjoni tal-UE li għandhom jiġu segwiti qabel ma d-data tkun tista’ tiddaħħal fis-sistema. Id-data tal-input li ma tikkonformax ma’ regola mhux vinkolanti għandha tiddaħħal fis-sistema ta’ informazzjoni tal-UE jew il-komponent tal-interoperabbiltà b’indikaturavviż jew messaġġ ta’ twissija dwar problema fil-kwalità tad-data. |
Artikolu 3
Mekkaniżmi u proċeduri awtomatizzati għall-kontroll tal-kwalità tad-data
1. Għandhom jitwettqu kontrolli awtomatizzati tal-kwalità fuq id-data mdaħħla u maħżuna fis-servizz kondiviż ta’ tqabbil bijometriku u fir-repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4.
2. Għandhom jitwettqu kontrolli awtomatizzati tal-kwalità fuq id-data mdaħħla u maħżuna fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/818 f’konformità mar-regoli li jirregolaw il-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità tad-data f’dawk is-sistemi.
3. Il-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità tad-data għandhom jiġu skattati skont ir-regoli li jirregolaw il-kwalità tad-data f’dawk is-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE.
4. Sabiex tiġi ddeterminata l-konformità tad-data tal-input mar-regoli tal-imblukkar jew tar-regoli mhux vinkolanti li japplikaw għalihom, il-mekkaniżmi għall-kontroll tal-kwalità tad-data msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu konformi mat-Taqsima 1 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
5. Jekk id-data tal-input trid tiddaħħal fis-sistema ta’ informazzjoni tal-UE jew fil-komponenti tal-interoperabbiltà msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/818, il-mekkaniżmi għall-kontroll tal-kwalità tad-data għandhom jivvalutaw il-punt sa fejn id-data tikkonforma ma’ kull indikatur tal-kwalità tad-data billi japplikaw l-istandard tal-kwalità tad-data ta’ kull indikatur. Bħala riżultat ta’ dik il-valutazzjoni, il-mekkaniżmi għall-kontroll tal-kwalità tad-data għandhom jassenjaw klassifikazzjoni tal-kwalità tad-data għad-data tal-input skont il-proċess stabbilit fit-Taqsimiet 2 u 3 tal-Anness għal dan ir-Regolament.
6. L-indikaturi komuni tal-kwalità tad-data għandhom ikunu dawn li ġejjin: il-kompletezza, l-akkuratezza, it-tempestività, l-uniċità u l-konsistenza.
7. L-eu-LISA għandha timplimenta l-istandards tal-kwalità tad-data għal kull indikatur skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 5.
8. Il-mekkaniżmi tat-tindif u tal-identifikazzjoni tal-problemi tad-data għandhom jivverifikaw b’mod regolari l-validità u l-konformità tal-kwalità tad-data maħżuna fis-sistemi ta’ informazzjoni u fil-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/818, f’konformità mat-Taqsima 4 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Mekkaniżmi awtomatizzati għall-kontroll tal-kwalità tad-data għad-data mdaħħla u maħżuna
1. Sabiex tittejjeb il-kwalità tad-data, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi awtomatizzati għall-kontroll tal-kwalità tad-data biex jappoġġaw id-dħul u l-ħżin ta’ data li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-kwalità tad-data fis-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 2019/818. Id-data għandha tiddaħħal u tinħażen skont ir-regoli li jirregolaw il-kwalità tad-data f’dawk is-sistemi ta’ informazzjoni jew komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE.
2. Għall-fini tad-dħul tad-data mill-persunal debitament awtorizzat fis-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 2019/818, il-mekkaniżmi awtomatizzati għall-kontroll tal-kwalità għandhom jivverifikaw l-indikaturi komuni tal-kwalità msemmija fit-Taqsima 2 tal-Anness għal dan ir-Regolament.
3. Il-mekkaniżmi għall-kontroll tal-kwalità tad-data għandhom jippermettu l-applikazzjoni ta’ regoli tal-imblukkar u regoli mhux vinkolanti skont l-Artikolu 3(4) li jirregolaw il-kwalità tad-data fis-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/818.
Artikolu 5
Proċeduri li jirregolaw l-indikaturi, l-istandards u l-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità tad-data
1. L-eu-LISA għandha tkun responsabbli biex tiżgura li r-regoli dwar il-kwalità tad-data jkunu xierqa biex jintlaħqu l-objettivi tas-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 2019/818.
2. L-eu-LISA għandha tkun responsabbli wkoll għall-implimentazzjoni tal-istandards minimi tal-kwalità għall-ħżin ta’ data bijometrika fis-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 2019/818.
3. Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-eu-LISA għandha tqis il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull sistema ta’ informazzjoni u komponent tal-interoperabbiltà tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 2019/818 u għandha tkun assistita u mogħtija pariri minn esperti mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-aġenziji tal-Unjoni li jużaw dawn is-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE.
4. Għandhom japplikaw il-proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità tad-data li ġejjin:
|
(a) |
L-eu-LISA għandha timplimenta l-istandards tal-kwalità tad-data għal kull indikatur tal-kwalità tad-data f’konformità mat-Taqsima 2 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
il-valuri għandhom jiġu assenjati għall-istandards b’mod separat għal kull wieħed mill-indikaturi tal-kwalità tad-data msemmija fl-Artikolu 3(6) . Għal kull indikatur, l-istandards jistgħu jassenjaw valuri differenti skont il-kategorija tad-data; |
|
(c) |
meta jkun meħtieġ u wara l-ħruġ tar-rapporti regolari dwar il-kwalità tad-data f’konformità mal-Artikolu 6, l-eu-LISA għandha tivvaluta l-adegwatezza tal-valuri u l-istandards u temendahom skont fejn ma jkunux xierqa; |
|
(d) |
meta jkun meħtieġ u wara l-ħruġ tar-rapporti regolari dwar il-kwalità tad-data f’konformità mal-Artikolu 6, l-eu-LISA għandha tivvaluta l-adegwatezza tal-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità tad-data li jippermettu l-applikazzjoni ta’ regoli tal-imblukkar u regoli mhux vinkolanti u temendahom fejn rilevanti; |
|
(e) |
bil-ħsieb li jiġu emendati l-istandards tal-kwalità tad-data u l-valuri tagħhom, u li tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità tad-data skont il-punti (c) u (d) ta’ dan il-paragrafu, l-eu-LISA għandha tikkonsulta lill-Gruppi Konsultattivi għal kull waħda mis-sistemi ta’ informazzjoni u l-komponenti tal-interoperabbiltà tal-UE msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/818. |
5. L-eu-LISA għandha toqgħod fuq il-valutazzjoni tal-funzjonament tal-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità tad-data bil-ħsieb li jiġu emendati l-valuri tal-istandards tal-kwalità tad-data u li tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità tad-data.
Artikolu 6
Rapporti dwar mekkaniżmi u proċeduri awtomatizzati għall-kontroll tal-kwalità tad-data u indikaturi komuni tal-kwalità tad-data skont l-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) 2019/818
1. Ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) 2019/818 għandhom jiġu prodotti mir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika skont l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2019/818 u r-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2021/2222.
2. Ir-rapporti ma għandhomx jinkludu data personali u jinkludu mill-inqas il-metrika ta’ informazzjoni li ġejja dwar il-kwalità tad-data, estratta permezz ta’ għodda jew sett ta’ għodod żviluppati għal dawn l-iskopijiet:
|
(a) |
għal data alfanumerika u bijometrika vvalutata skont ir-regoli tal-imblukkar u r-regoli mhux vinkolanti, il-konformità mal-indikaturi tal-kwalità tad-data:
|
|
(b) |
kompletezza tal-fajls tal-applikazzjoni (%); |
|
(c) |
il-konformità tad-data mal-klassifikazzjoni ta’ “kwalità tajba” (%); |
|
(d) |
il-konformità tad-data mal-klassifikazzjoni ta’ “kwalità baxxa” (%); |
|
(e) |
ir-riżultati tal-mekkaniżmu tat-tindif tad-data; |
|
(f) |
ir-riżultati tal-mekkaniżmu ta’ detezzjoni tal-problemi; |
|
(g) |
kampijiet tad-data li jikkawżaw problemi frekwenti ta’ kwalità; |
|
(h) |
lista tal-ogħla 10 problemi għal kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-punti (a) sa (g); |
|
(i) |
l-Istati Membri kkonċernati mill-ogħla 10 problemi ta’ kwalità. |
3. L-eu-LISA għandha tiżviluppa kapaċità ta’ monitoraġġ ċentrali għall-kwalità tad-data u għall-produzzjoni tar-rapporti msemmija f’dan l-Artikolu kull ġimgħa.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2021
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85.
(2) Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d- Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2021/2222 30 Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dettaljati dwar l-operat tar-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika. (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali)
(4) Dan ir-Regolament ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(5) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(7) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(9) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(11) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ANNESS
TAQSIMA 1
Mekkaniżmu awtomatizzat għall-kontroll tal-kwalità tad-data biex tiddaħħal id-data
Id-data mdaħħla fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u l-komponenti tal-interoperabilità se tkun soġġetta għal mekkaniżmi awtomatizzati għall-kontroll tal-kwalità tad-data bbażati fuq regoli tal-imblukkar u regoli mhux vinkolanti kif definit fl-Artikolu 2. Dawn huma r-regoli stabbiliti fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u l-komponenti tal-interoperabilità li jiddeterminaw jekk id-dħul u l-ħżin tad-data tal-input għandhomx ikunu permessi jew rifjutati. Ir-regoli tal-imblukkar u dawk mhux vinkolanti huma stabbiliti fuq il-bażi tal-parametri li ġejjin: it-tul, il-format, it-tip, il-konformità mal-istandards tal-kwalità, is-semantiċi, ripetizzjoni u s-sintassi.
TAQSIMA 2
Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-indikaturi komuni tal-kwalità tad-data u l-istandards minimi tal-kwalità għad-data li għandha tiddaħħal
Id-data tal-input soġġetta għall-proċess ta’ verifika tal-kwalità għandha tiġi vvalutata skont ir-regoli tal-kwalità tad-data definiti f’kull sistema ta’ informazzjoni tal-UE u komponent tal-interoperabilità, kif stabbilit fit-Taqsima 1. Jekk ir-regoli li japplikaw għad-data tal-input ma jipprevjenux id-dħul u l-ħżin, il-mekkaniżmi għall-kontroll tal-kwalità tad-data għandhom ikejlu l-kwalità tad-data tal-input billi jużaw l-indikaturi tal-kwalità tad-data li japplikaw għalihom.
Il-mekkaniżmi għall-kontroll tal-kwalità tad-data għandhom ikejlu l-kwalità tad-data tal-input skont kull indikatur rilevanti. Il-mekkaniżmi għall-kontroll tal-kwalità tad-data għandhom iqisu koeffiċjent tal-użin biex jikkalkulaw il-piż relattiv ta’ kull indikatur fuq il-kwalità ġenerali tad-data tal-input.
Għal dan il-għan, il-mekkaniżmi għall-kontroll tal-kwalità tad-data għandhom jiġu adattati biex japplikaw għal ġabra unika ta’ data f’rekord, jew għal bażi tad-data.
Wara li jiġi applikat il-koeffiċjent tal-użin għad-data tal-input, il-mekkaniżmi għall-kontroll tal-kwalità tad-data għandhom jipproduċu profil tad-data tal-input li jkun fih ir-riżultati tal-applikazzjoni tal-istandards tal-indikatur, pereżempju valuri numeriċi li jevalwaw il-kwalità tad-data tal-input taħt kull indikatur.
It-Tabella 1 telenka s-sett minimu ta’ indikaturi tal-kwalità tad-data, pereżempju indikaturi li għandhom japplikaw dejjem għad-data tal-input, f’konformità mar-regoli applikati minn kull sistema ta’ informazzjoni u komponent tal-interoperabilità tal-UE. Dawn l-indikaturi huma dawn li ġejjin: kompletezza, akkuratezza, konsistenza, tempestività, uniċità.
Tabella 1
Lista ta’ indikaturi minimi tal-kwalità tad-data
|
L-indikatur |
Deskrizzjoni |
Kamp ta’ applikazzjoni prinċipali |
Unità ta’ kejl |
|
Kompletezza |
Tfisser il-grad sa fejn id-data tal-input għandha valuri għall-attributi kollha mistennija u r-rekwiżiti relatati f’kuntest speċifiku tal-użu. Tkejjel jekk id-data obbligatorja kollha tkunx ipprovduta u jekk l-elenkar tal-bażi tad-data (jew settorjali) jissodisfax id-domandi stabbiliti. |
Oqsma ta’ data obbligatorji (alfanumeriċi u bijometriċi) |
Ir-rata ta' kompletezza tad-data: proporzjon tan-numru ta’ ċelloli tad-data pprovduti għan-numru ta’ ċelloli tad-data meħtieġa |
|
Akkuratezza |
Tfisser il-grad sa fejn id-data tal-input tirrappreżenta l-qrubija tal-istimi għall-valuri reali mhux magħrufa. Tista’ tkun waħda jew it-tnejn li huma fost data dwar entità waħda u data simili għal entitajiet komparabbli |
Data alfanumerika u bijometrika |
Ir-rati ta’ żball fit-teħid tal-kampjun, ir-rata unitarja tan-nuqqas ta’ tweġib, rata tan-nuqqas ta’ tweġib parzjali, rata tal-qbid ta’ żbalji ta’ data, eċċ. |
|
Konsistenza |
Tfisser il-grad sa fejn id-data tal-input għandha attributi li jkunu ħielsa minn kontradizzjoni u jkunu koerenti ma’ data oħra f’kuntest speċifiku ta’ użu. Tkejjel il-grad sa fejn sett ta’ data jissodisfa regoli tan-negozju definiti li japplikaw għal din id-data bejniethom, tfisser in-nuqqas ta’ kunflitt fil-kontenut tad-data. Tista’ tkun waħda jew it-tnejn li huma fost data dwar entità waħda u data simili għal entitajiet komparabbli. |
Data alfanumerika |
Perċentwali |
|
Tempestività |
Tfisser il-grad sa fejn id-data tal-input tiġi pprovduta f’data jew f’ħin predefiniti li jikkundizzjonaw il-validità tad-data jew il-kuntest tal-użu tagħha. Tkejjel kemm tkun aġġornata d-data, u jekk id-data meħtieġa tistax tiġi pprovduta saż-żmien meħtieġ. |
Data alfanumerika u bijometrika |
Intervall ta’ ħin - finali: għadd ta’ jiem mill-aħħar jum tar-referenza sal-jum li fih tiġi pprovduta d-data tal-input |
|
L-uniċità |
Tfisser il-grad sa fejn id-data tal-input ma tiġix duplikata fl-istess sistema ta’ informazzjoni jew komponent tal-interoperabilità tal-UE. |
Oqsma ta’ data obbligatorji (alfanumeriċi u bijometriċi) |
Perċentwali ta’ unitajiet tad-data li mhumiex duplikati |
L-indikatur tal-preċiżjoni għad-data bijometrika jinkludi wkoll ir-riżoluzzjoni. Ir-riżoluzzjoni tkejjel il-grad sa fejn id-data tal-input jkun fiha l-ammont meħtieġ ta’ punti jew pixels skont l-unità tat-tul. Unità li għandha tintwera fuq il-pixel tal-iskrin: unità pi għall-istampar; dot pi għal sistemi ta’ output. Pixel bits wieħed jew aktar (firxa ta’ kuluri pereż.: 16-il kulur 4b, 256 8b, 16b 65k, 24b 16,5 miljun).
TAQSIMA 3
Klassifikazzjoni tal-Kwalità tad-Data
Wara l-iżvilupp tal-profil tad-data tal-input, imsemmi fit-Taqsima 2, id-data tal-input għandha tiġi assenjata klassifikazzjoni tal-kwalità tad-data. Għandhom japplikaw il-klassifikazzjonijiet tal-kwalità tad-data li ġejjin:
|
(a) |
“kwalità tajba” tfisser il-profil tad-data tal-input juri l-konformità meħtieġa mal-indikatur tal-kwalità tad-data applikabbli; |
|
(b) |
“kwalità baxxa” tfisser il-profil tad-data tal-input ma jurix il-konformità meħtieġa mal-indikaturi tal-kwalità tad-data applikabbli, fil-każ ta’ regola mhux vinkolanti; |
|
(c) |
“rifjutata” tfisser il-profil tad-data tal-input ma jurix il-konformità meħtieġa mal-indikaturi tal-kwalità tad-data applikabbli f’każ ta’ regola tal-imblukkar. |
Meta d-data tal-input tiġi assenjata bi klassifikazzjoni ta’ “kwalità tajba”, id-data għandha tinħażen fis-sistema jew fil-komponent mingħajr ebda twissija dwar il-kwalità tad-data.
Meta d-data tal-input tiġi assenjata klassifikazzjoni ta’ “kwalità baxxa”, id-data għandha tinħażen fis-sistema jew il-komponent u bi twissija dwar il-kwalità tad-data. Twissija għandha tindika li d-data tal-input għandha tiġi rettifikata u r-raġuni għaliex id-data tal-input ma turix il-konformità meħtieġa mal-indikaturi tal-kwalità tad-data applikabbli. Meta possibbli, it-twissija għandha tidentifika l-qasam/oqsma tad-data jew il-kontenut (i) tad-data jew it-tnejn affettwati minn kwistjonijiet ta’ kwalità tad-data u tissuġġerixxi l-bidliet meħtieġa biex id-data tal-input tissodisfa l-klassifikazzjoni ta’ “kwalità tajba”.
TAQSIMA 4
Monitoraġġ tal-kwalità tad-data
Għall-finijiet tal-Artikolu 3(8) għandhom jintużaw żewġ tipi ta’ mekkaniżmi:
|
(a) |
Mekkaniżmi għat-tindif tad-data. Mekkaniżmi bħal dawn għandhom iwettqu kontrolli biex jidentifikaw data li l-perjodu ta’ żamma tagħha jkun inqas miż-żmien definit fil-leġiżlazzjoni li tirregola s-sistema ta’ informazzjoni jew il-komponent tal-interoperabilità rilevanti tal-UE. Il-mekkaniżmi għat-tindif tad-data għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru dwar it-tħassir skedat tad-data u jippermettulhom jadottaw, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri xierqa. |
|
(b) |
Mekkaniżmi ta’ detezzjoni ta’ kwistjonijiet. Mekkaniżmi bħal dawn għandhom iwettqu kontrolli biex jidentifikaw id-data li ma għadhiex tissodisfa regola jew standard tal-kwalità tad-data wieħed jew aktar relatati mal-indikaturi tal-kwalità tad-data. Verifiki bħal dawn jistgħu jirritornaw twissija jew notifika lill-awtorità responsabbli tal-Istat Membru li tindika r-raġuni għaliex id-data ma għadhiex tissodisfa regola jew standard tal-kwalità tad-data waħda jew aktar. Meta possibbli, it-twissija għandha tissuġġerixxi l-bidliet meħtieġa biex id-data tal-input tissodisfa r-regoli jew l-istandards il-ġodda. L-applikazzjoni ta’ kontrolli bħal dawn fl-ebda każ ma għandha twassal għat-tħassir awtomatizzat ta’ data maħżuna fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE jew fil-komponenti tal-interoperabilità. Meta tkun qed tiddaħħal data ġdida f’sistema ta’ informazzjoni tal-UE jew f’komponent tal-interoperabilità waqt li jkunu qed jitħaddmu l-mekkaniżmi ta’ detezzjoni tal-ħruġ, il-mekkaniżmi ta’ detezzjoni tal-ħruġ ma għandhomx japplikaw għal din id-data. |
eu-LISA tista’ tiddeċiedi li mekkaniżmi għad-detezzjoni ta’ kwistjonijiet ad hoc għandhom jitwettqu fis-sistema ta’ informazzjoni tal-UE u fil-komponenti tal-interoperabilità mar-reviżjoni tar-regoli jew tal-istandards tal-kwalità tad-data.
eu-LISA tista’ tikkonsulta lill-Grupp Konsultattiv għal waħda mis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE jew il-komponenti tal-interoperabilità dwar jekk għandhiex twettaq mekkaniżmi ta’ detezzjoni ta’ ħruġ ad hoc fis-sistema ta’ informazzjoni tal-UE jew il-komponent tal-interoperabilità korrispondenti tagħha sa fejn ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ din is-sistema ta’ informazzjoni jew il-komponent tal-interoperabilità tal-UE.