Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0141

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/141 tal-5 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tal-projbizzjoni tas-sajd f’ħabitats protetti, id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti tat-tkarkir “gangui” li jistadu f’ċertu ilmijiet territorjali ta’ Franza (Provence-Alpes-Côte d’Azur)

    C/2021/476

    ĠU L 43, 8.2.2021, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/05/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/141/oj

    8.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 43/10


    IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/141

    tal-5 ta’ Frar 2021

    li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tal-projbizzjoni tas-sajd f’ħabitats protetti, id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti tat-tkarkir “gangui” li jistadu f’ċertu ilmijiet territorjali ta’ Franza (Provence-Alpes-Côte d’Azur)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 4(5) u l-Artikolu 13(5) u (10) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi s-sajd bi xbieki tat-tkarkir, gangmi, tartaruni tal-borża, tartaruni, tartaruni tax-xatt jew xbieki simili fuq qigħan tal-alki, b’mod partikolari, tal-Posidonia oceanica jew fanerogammi tal-baħar oħrajn.

    (2)

    Fuq talba ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tippermetti deroga mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dment li jiġu ssodisfati għadd ta’ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5).

    (3)

    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta’ tagħmir irmunkat sa tliet mili nawtiċi mill-kosta jew sa livell ta’ fond ta’ 50 m meta dak il-fond jintlaħaq ’il ġewwa minn dik id-distanza mill-kosta.

    (4)

    Fuq talba ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tagħti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dment li jiġu ssodisfati għadd ta’ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9).

    (5)

    Ingħatat deroga mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u mill-Artikolu 13(1) u (2) tiegħu għall-użu ta’ bastimenti tat-tkarkir “gangui” f’ċerti ilmijiet territorjali ta’ Franza (Provence-Alpes-Côte d’Azur) għall-ewwel darba bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 586/2014 (2). Din kienet tapplika sas-6 ta’ Ġunju 2017.

    (6)

    Mill-11 ta’ Mejju 2018 sal-11 ta’ Mejju 2020 ingħatat estensjoni ta’ dik id-deroga bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/693 (3).

    (7)

    Fil-25 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni rċeviet talba minn Franza biex testendi din id-deroga bi tliet snin. Fit-3 ta’ Diċembru 2020, Franza rrevediet it-talba tagħha għal estensjoni b’sentejn. Franza pprovdiet informazzjoni u data xjentifika biex tiġġustifika t-tiġdid tad-deroga, inkluż rapport ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ ġestjoni adottat minn Franza fit-13 ta’ Mejju 2014 (4) f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, immappjar aġġornat tal-qigħan tal-alki tal-Posidonia oceanica fiż-żona koperta bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/693 u rapport ta’ implimentazzjoni dwar il-miżuri msaħħa ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ.

    (8)

    Tul it-62 sessjoni plenarja tiegħu organizzata f’Novembru 2019 (5), il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta t-talba għall-estensjoni tad-deroga, id-data u r-rapporti ta’ implimentazzjoni. L-STECF ikkonkluda li ċerta data ppreżentata mill-awtoritajiet Franċiżi kellha bżonn titjieb, b’mod partikolari billi jiġi ċċarat l-impatt tal-irkaptu fuq il-qigħan tal-Posidonia u billi tiġi pprovduta data aġġornata.

    (9)

    Fl-10 ta’ Frar 2020, Franza pprovdiet lill-Kummissjoni b’data aġġornata dwar il-kompożizzjoni tal-qabda u analiżi ġdida msejsa fuq id-data trażmessa mit-transponders VMS (“data VMS”) installata fil-bastimenti tat-tkarkir “gangui” awtorizzati. Id-data VMS tippermetti li tiġi ddefinita s-superfiċe taż-żona attwali tal-Posidonia affettwata minn dan l-irkaptu. L-analiżi turi li l-bastimenti tat-tkarkir “gangui” jaffettwaw 19,9 % taż-żona koperta mill-qigħan tal-Posidonia oceanica fi ħdan iż-żona koperta mill-pjan ta’ ġestjoni Franċiż u 7,1 % tal-qigħan tal-Posidonia oceanica fl-ilmijiet territorjali ta’ Franza.

    (10)

    Barra minn hekk, Franza ntrabtet li tniedi studju soċjoekonomiku maħsub li jtejjeb l-għarfien dwar dan is-sajd, b’mod partikolari billi tiġbor data aġġornata dwar il-prezzijiet kif ukoll data aġġornata dwar il-qabdiet u l-kompożizzjoni tal-qabdiet.

    (11)

    Fl-aħħar, fi Frar 2020 ġie ppubblikat digriet Franċiż (6) li naqqas l-isforz massimu permissibbli minn 200 għal 180 jum fis-sena għall-irkaptu “grand gangui”.

    (12)

    Tul l-64 sessjoni plenarja organizzata f’Lulju 2020 (7), l-STECF ivverifika d-data VMS ipprovduta minn Franza u kkonkluda li ż-żoni tal-qigħan tal-Posidonia affettwati mill-irkaptu kienu taħt il-limiti stabbiliti fil-punti (ii) u (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (13)

    L-STECF ivverfika wkoll id-data dwar il-kompożizzjoni tal-qabdiet. Ikkonkluda li s-sajd ma kienx immirat għaċ-ċefalopodi, peress li dawk l-ispeċijiet jirrappreżentaw biss medja ta’ 6 % tal-volum totali maqbud, u li l-qabdiet tal-ispeċijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) kienu minimi.

    (14)

    L-STECF irrikonoxxa l-isforz li sar mill-amministrazzjoni Franċiża biex tiġġestixxi s-sajd bil-gangui u kkonkluda li t-talba franċiża għall-estensjoni tad-deroga b’sentejn oħra kienet konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (15)

    Id-deroga mitluba tikkonċerna l-attivitajiet tas-sajd minn bastimenti b’tul totali ta’ 12-il metru jew inqas, b’magna b’potenza ta’ 85 kW jew inqas u bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li jintużaw tradizzjonalment għall-qigħan tal-Posidonia oceanica.

    (16)

    Is-sajd ikkonċernat jaffettwa inqas minn 33 % taż-żona koperta mill-qigħan tal-alki tal-Posidonia oceanica fi ħdan iż-żona koperta mill-pjan ta’ ġestjoni Franċiż u 10 % tal-qigħan tal-Posidonia oceanica fl-ilmijiet territorjali ta’ Franza, f’konformità mal-limiti stabbiliti fil-punti (ii) u (iii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (17)

    Minħabba d-daqs limitat tal-blata kontinentali jeżistu xi limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi.

    (18)

    Dan is-sajd ma jħalli ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar.

    (19)

    Id-deroga mitluba minn Franza tikkonċerna għadd limitat ta’ 17-il bastiment, li 10 minnhom biss kienu attivi fl-2019. Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 53 % tal-isforz tas-sajd f’termini tal-għadd ta’ bastimenti awtorizzati meta mqabbel mal-2014, meta l-pjan ta’ ġestjoni Franċiż ġie adottat.

    (20)

    Is-sajd li jsir bil-bastimenti tat-tkarkir “gangui” jimmira varjetà ta’ speċijiet li tikkorrispondi għal niche ekoloġika; il-kompożizzjoni tal-qabdiet minn dan is-sajd, b’mod partikolari fir-rigward tal-varjetajiet ta’ speċijiet maqbuda, ma hi riflessa bl-ebda rkaptu tas-sajd ieħor. Għalhekk, ma jistax isir dan is-sajd bi rkapti oħra.

    (21)

    It-talba tkopri bastimenti li għandhom esperjenza dimostrabbli ta’ aktar minn ħames snin f’dan it-tip ta’ sajd u li joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż.

    (22)

    Dawk il-bastimenti huma inklużi f’lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (23)

    Il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd, peress li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lis-17-il bastiment speċifikat li jinvolvu sforz totali ta’ 838 kW li diġà huma awtorizzati għas-sajd minn Franza. B’mod aktar speċifiku, skont il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż, kwalunkwe awtorizzazzjoni tas-sajd “gangui” trid titħassar meta l-bastiment awtorizzat ikkonċernat huwa sostitwit jew il-kaptan tal-bastiment ibigħ il-bastiment tiegħu jew jirtira. Għalhekk, il-Kummissjoni tinnota li din id-dispożizzjoni se twassal mekkanikament biex dan is-sajd jgħib gradwalment maż-żmien.

    (24)

    Id-deroga mitluba hija konformi mal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, kif sostitwit bl-Artikolu 8(1) u t-Taqsima I tal-Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241, peress li hija relatata ma’ bastimenti tat-tkarkir li jaħdmu b’malji mhux iżgħar minn 40 mm.

    (25)

    L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, kif sostitwit bl-Artikolu 8(1) u t-Taqsima I tal-Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 peress li ma tintuża l-ebda malja kwadra ta’ inqas minn 40 mm fl-armar tax-xbieki “gangui”.

    (26)

    L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati ma jfixklux l-attivitajiet tal-bastimenti bi rkapti oħra għajr dawk tat-tkarkir, tartaruni jew xbieki rmunkati simili.

    (27)

    L-attività tal-bastimenti tat-tkarkir “gangui” jirregolaha l-pjan ta’ ġestjoni Franċiż biex ikun żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fil-Parti A tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 ikunu minimi.

    (28)

    Il-bastimenti tat-tkarkir “gangui” ma jimmirawx iċ-ċefalopodi.

    (29)

    Il-pjan ta’ ġestjoni Franċiż jinkludi miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tiegħu. Dan jinkludi wkoll miżuri għar-reġistrazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd, u b’hekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (9).

    (30)

    Għalhekk, id-deroga mitluba tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5) u fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u jenħtieġ li tingħata.

    (31)

    Jenħtieġ li Franza tirrapporta lill-Kummissjoni fil-mument opportun u f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ previst fil-pjan ta’ ġestjoni Franċiż.

    (32)

    Jenħtieġ li t-tul tad-deroga jkun limitat biex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ ġestjoni korrettivi fil-pront f’każ li r-rapport lill-Kummissjoni jikxef qagħda ħażina ta’ konservazzjoni tal-istokk sfruttat, filwaqt li jkun hemm l-opportunità biex tittejjeb il-bażi xjentifika għal pjan ta’ ġestjoni aħjar.

    (33)

    Peress li d-deroga mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/693 skadiet fil-11 ta’ Mejju 2020, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’effett mit-12 ta’ Mejju 2020. Għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

    (34)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Deroga

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandhomx japplikaw fl-ilmijiet territorjali ta’ Franza biswit il-kosta tar-reġjun ta’ Provence-Alpes-Côte d’Azur fil-każ ta’ bastimenti tat-tkarkir “gangui” li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    li għandhom numru tar-reġistrazzjoni msemmi fil-pjan ta’ ġestjoni Franċiż li Franza adottat f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006;

    (b)

    li għandhom esperjenza dimostrabbli fis-sajd ta’ aktar minn ħames snin u li ma huma involuti fl-ebda żieda fil-ġejjieni fl-isforz tas-sajd previst;

    (c)

    li għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u li joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni li Franza adottat f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    Artikolu 2

    Rappurtar

    Sa Ġunju ta’ kull sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u mhux aktar tard minn Ġunju 2021 għall-ewwel darba, Franza għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni, imsejjes fuq data xjentifika u teknika, dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri addizzjonali ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ u dwar il-konformità mar-rekwiżiti għall-għoti tad-derogi previsti minn dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mit-12 ta’ Mejju 2020 sal-11 ta’ Mejju 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 586/2014 tat-2 ta’ Ġunju 2014 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn jidħlu l-projbizzjoni tas-sajd f’ħabitats protetti u d-distanza minima mill-kosta u l-fond għal bastimenti tat-tkarkir “gangui” li jistadu f’ċertu ilmijiet territorjali ta’ Franza (Provenzja-Alpi-Côte d’Azur) (ĠU L 164, 3.6.2014, p. 10).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/693 tas-7 ta’ Mejju 2018 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tal-projbizzjoni tas-sajd f’ħabitats protetti, id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għal bastimenti tat-tkarkir “gangui” li jistadu f’ċertu ilmijiet territorjali ta’ Franza (Provence-Alpes-Côte d’Azur) (ĠU L 117, 8.5.2018, p. 13).

    (4)  Arrêté du 13 mai 2014 portant adoption de plans de gestion pour les activités de pêche professionnelle à la senne tournante coulissante, à la drague, à la senne de plage et au gangui en mer Méditerranée par les navires battant pavillon français (JORF n° 122, 27.5.2014, p. 8669).

    (5)  Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries (STECF) – 62nd Plenary Meeting Report (PLEN-19-03). L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2019, ISBN 978-92-76-14169-3, doi:10.2760/325560, JRC118961, https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2620849/STECF+PLEN+19-03.pdf/3b331f34-5dee-48d7-b9dc-97d00b5f1f16

    (6)  Arrêté du 3 février 2020 modifiant l’arrêté du 13 mai 2014 portant adoption de plans de gestion pour les activités de pêche professionnelle à la senne tournante coulissante, à la drague, à la senne de plage et au gangui en mer Méditerranée par les navires battant pavillon français (JORF n° 33, 8.2.2020, texte n° 32).

    (7)  Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries (STECF) – 64thPlenary Report (PLEN-20-02). L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020, https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2684997/STECF+PLEN+20-02.pdf/f9c9718d-bf76-449f-bdef-3c94d4c4132d

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).

    (9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).


    Top