Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32021R0140

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/140 tal-1 ta’ Frar 2021 li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem imdaħħal fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti “Munster”/“Munster-Géromé” (DOP)

    C/2021/756

    ĠU L 43, 8.2.2021, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Status legali tad-dokument Fis-seħħ

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/140/oj

    8.2.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 43/8


    IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/140

    tal-1 ta’ Frar 2021

    li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem imdaħħal fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti “Munster”/“Munster-Géromé” (DOP)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta’ Franza għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Munster”/“Munster-Géromé”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (2).

    (2)

    Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Awwissu 2019, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni li ngħata perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, sal-31 ta’ Diċembru 2023, lil operaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu msemmi f’konformità mad-digriet tat-18 ta’ Lulju 2019 li jemenda d-digriet tat-8 ta’ Novembru 2018 dwar l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Munster”/“Munster-Géromé” ippubblikat fis-26 ta’ Lulju 2019 fil-Journal Officiel de la République française (3). Il-lista tal-operaturi li jibbenefikaw minn dan il-perjodu tranżitorju hija annessa mal-imsemmi Digriet tar-Repubblika Franċiża. Matul il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni, dawn l-operaturi li kienu kkummerċjalizzaw legalment il-“Munster”/“Munster-Géromé” b’mod kontinwu għal mill-inqas ħames snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, kienu ressqu oppożizzjonijiet. Dsatax-il operatur ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “Il-ħalib użat għall-produzzjoni tal-“Munster”/“Munster-Géromé” ġej biss mill-baqar tar-razez Vosgienne, Simmental, Prim’Holstein, Montbéliarde jew ikun ġej minn taħlita ta’ dawn ir-razez. F’dan il-każ, għandhom jiġu aċċettati biss baqar li l-missier tagħhom ikun barri ta’ razza pura ta’ waħda mill-erba’ razez definiti hawn fuq”. Erbatax-il operatur ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “Fuq bażi medja annwali, ir-razzjon bażiku tal-merħla tal-ħalib (f’materja niexfa) jiġi prodott mill-inqas 95 % fiż-żona ġeografika”. Erba’ operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “Fuq medja annwali, ir-razzjon bażiku tal-merħla tal-ħalib (f’materja niexfa) jiġi prodott mill-inqas 70 % fl-azjenda”. Għaxar operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “F’forma jew oħra, il-ħaxix (materja niexfa) jirrappreżenta, għall-baqar tal-ħalib, mill-inqas 40 % tar-razzjon bażiku bħala medja annwali u mill-inqas 25 % tar-razzjon bażiku kuljum tas-sena”. Tlettax-il operatur ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “Kull baqra tal-ħalib għandha superfiċje minima ta’ 1000 metru kwadru ta’ mergħa”. Seba’ operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “[Il-baqar tal-ħalib] jirgħu għal minimu ta’ 150 jum fis-sena”. Tnax-il operatur ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li “Il-konċentrati għandhom jammontaw għal massimu ta’ 1,8 tunnellati ta’ materja niexfa għal kull baqra fis-sena”. Ħames operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin: “Il-proċess ta’ maturazzjoni jeħtieġ atmosfera speċifika (mill-inqas 90 % umdità relattiva) […]. Matul il-fażi tal-ħmira, it-temperatura hija ta’ 16 °C jew aktar. Matul il-fażi tal-proċess tat-tixrib, it-temperatura tal-kantina tal-maturazzjoni tkun ta’ bejn 10 °C u 16 °C”.

    (3)

    Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għal emenda, kif meħtieġ skont l-Artikolu 50(2)(a) tal-istess Regolament, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4).

    (4)

    Billi l-Kummissjoni ma rċeviet ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-isem “Munster”/“Munster-Géromé” (DOP) hija approvata.

    Artikolu 2

    Il-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 hija soġġetta għall-perjodu tranżitorju mogħti minn Franza skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, lil operaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu msemmi f’konformità mad-digriet tat-18 ta’ Lulju 2019 li jemenda d-digriet tat-8 ta’ Novembru 2018 dwar l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Munster”/“Munster-Géromé” ippubblikat fis-26 ta’ Lulju 2019 fil-Journal Officiel de la République française.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2021.

    Għall-Kummissjoni

    F’isem il-President,

    Janusz WOJCIECHOWSKI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi u Denominazzjonijiet ta’ Oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1).

    (3)  JORF n°0172 tas-26 ta’ Lulju 2019, texte n°75.

    (4)   ĠU C 295, 2.9.2020, p. 5.


    Fuq