EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021Q0622(01)

Deċiżjoni Nru 42-2021 tal-Qorti tal-Awdituri tal-20 ta’ Mejju 2021 li tadotta regoli interni dwar restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-attivitajiet imwettqa mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri

ĠU L 223, 22.6.2021, p. 24–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2021/622/oj

22.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 223/24


DEĊIŻJONI Nru 42-2021 TAL-QORTI TAL-AWDITURI

tal-20 ta’ Mejju 2021

li tadotta regoli interni dwar restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-attivitajiet imwettqa mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI,

WARA LI KKUNSIDRAT it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”);

WARA LI KKUNSIDRAT ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ir-“Regolament”), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 u l-Kapitolu VI tiegħu;

WARA LI KKUNSIDRAT id-diskussjonijiet li saru mill-Qorti tal-Awdituri fil-laqgħa tagħha tal-20 ta’ Mejju 2021;

WARA LI KKONSULTAT lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar din id-Deċiżjoni, skont l-Artikolu 41(2) tar-Regolament, li ta l-opinjoni tiegħu fit-23 ta’ Settembru 2019;

 

BILLI fil-qafas tal-attivitajiet tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (il-“Qorti”) tipproċessa bosta kategoriji ta’ data personali u hija marbuta li tirrispetta d-drittijiet ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali rikonoxxuti mill-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 16(1) TFUE;

BILLI f’ċerti ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament mal-ħtiġijiet tal-kompiti u l-attivitajiet tal-Qorti. Għal dak il-għan, l-Artikolu 25 tar-Regolament jipprevedi, taħt kundizzjonijiet stretti, il-possibbiltà li tiġi ristretta l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 20, 35 u 36, kif ukoll tal-Artikolu 4;

BILLI jenħtieġ li l-Qorti tapplika restrizzjonijiet biss meta dawn jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u jkunu miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika. Jenħtieġ li l-Qorti tittratta r-restrizzjonijiet kollha b’mod trasparenti u tipprovdi informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ restrizzjoni lis-suġġett tad-data;

BILLI jenħtieġ li l-Qorti tneħħi r-restrizzjoni hekk kif il-kundizzjonijiet li jiġġustifikawha ma jibqgħux japplikaw, u tivvaluta dawk il-kundizzjonijiet fuq bażi regolari;

BILLI jenħtieġ li l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Qorti (l-“UPD”) jiġi infurmat fi żmien debitu dwar kwalunkwe restrizzjoni li tkun qed tiġi applikata u jwettaq rieżaminar indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, bil-ħsieb li tiġi żgurata konformità ma’ din id-Deċiżjoni,

IDDEĊIDIET:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet li permezz tagħhom il-Qorti, abbażi tal-Artikolu 25 tar-Regolament, tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 20, 35 u 36, kif ukoll l-Artikolu 4 tiegħu.

Artikolu 2

Restrizzjonijiet

1.   Skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament, il-Qorti tista’ tirrestrinġi, fuq bażi ta’ każ b’każ, l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 20, 35 u 36, kif ukoll tal-Artikolu 4 tiegħu, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20, meta:

(a)

jitwettqu awditi, abbażi tal-Artikolu 287 TFUE. Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(c), (g), (h) tar-Regolament;

(b)

jitwettqu inkjesti amministrattivi, proċedimenti predixxiplinari, dixxiplinari u ta’ sospensjoni, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) (ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u skont l-Anness IX tagħhom. Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(b), (c), (d), (f), (g), (h) tar-Regolament;

(c)

jiġu pproċessati lmenti interni u esterni kontra membru tal-persunal jew Membru tal-QEA. Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament;

(d)

jitwettqu attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF. Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(b), (c), (h) tar-Regolament;

(e)

jiġi żgurat li l-membri tal-persunal tal-Qorti jistgħu jipprovdu b’mod kunfidenzjali informazzjoni dwar irregolaritajiet serji li jsiru jafu bihom fil-qadi ta’ dmirijiethom, f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti biex tiġi pprovduta informazzjoni fil-każ ta’ irregolaritajiet serji (żvelar ta’ informazzjoni protetta). Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(f), (h) tar-Regolament;

(f)

jiġi żgurat li l-membri tal-persunal tal-Qorti li jqisu lilhom infushom li kienu suġġetti għal fastidju jistgħu jfittxu b’mod kunfidenzjali konsulenza u appoġġ minn maniġer, persuna ta’ kuntatt, l-uffiċjal mediku jew medjatur, f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 26-2017 tal-Qorti dwar il-politika għaż-żamma ta’ ambjent sodisfaċenti tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u sesswali. Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(f), (h) tar-Regolament;

(g)

jitwettqu awditi interni, skont id-Deċiżjoni Nru 38-2016 tal-Qorti li tistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri. Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(c), (g), (h) tar-Regolament;

(h)

jiġi żgurat l-aċċess, skont l-Artikolu 26a tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 16 u 91 tal-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra, tas-suġġetti tad-data għal data medika ta’ natura psikoloġika jew psikjatrika li tikkonċernahom, fejn l-aċċess dirett għal tali data x’aktarx li jirrappreżenta riskju għas-saħħa tas-suġġett tad-data, jew għal data medika meta l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt ikun jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew ta’ suġġetti oħra. Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament;

(i)

tiġi żgurata s-sigurtà interna fil-Qorti, jiġifieri s-sigurtà tal-persuni, l-assi u l-informazzjoni, inkluż it-twettiq ta’ inkjesti dwar is-sigurtà interna, eventwalment b’involviment estern (CERT-UE, awtoritajiet tal-pulizija nazzjonali, eċċ.). Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(a), (b), (c), (d), (g), (h) tar-Regolament;

(j)

jiġi żgurat li l-UPD jista’ jwettaq investigazzjonijiet skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolament. Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(d), (g), (h) tar-Regolament;

(k)

tingħata assistenza u kooperazzjoni lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lil aġenziji oħra tal-Unjoni, kif ukoll meta l-assistenza u l-kooperazzjoni jiġu riċevuti mingħandhom. Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(c), (d), (g), (h) tar-Regolament;

(l)

tingħata assistenza u kooperazzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, lill-pajjiżi terzi u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, fuq talba tagħhom jew fuq inizjattiva proprja, kif ukoll meta l-assistenza u l-kooperazzjoni jiġu riċevuti mingħandhom. Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(c), (g), (h) tar-Regolament;

(m)

tiġi pproċessata data personali f’dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Ir-restrizzjonijiet rilevanti jistgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament;

2.   Il-kategoriji ta’ data jinkludu d-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna fiżika, l-informazzjoni ta’ kuntatt, ir-rwoli u l-kompiti professjonali, l-informazzjoni dwar l-imġiba u l-prestazzjoni privata u professjonali, u d-data finanzjarja.

3.   Kwalunkwe restrizzjoni għandha tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’soċjetà demokratika u għandha tkun meħtieġa u proporzjonata.

4.   Qabel ma jiġu applikati r-restrizzjonijiet, għandu jitwettaq test tan-neċessità u tal-proporzjonalità mill-kontrollur u mill-UPD fuq bażi ta’ każ b’każ. Ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti.

5.   Il-Qorti għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjonijiet applikati, il-bażi ġuridika, il-valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data li d-data personali tagħhom tista’ tkun suġġetta għal restrizzjonijiet, u l-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni. Ir-rekord u, fejn applikabbli, id-dokumenti li jkun fihom elementi fattwali u legali sottostanti għandhom ikunu parti minn reġistru ad hoc, li għandu jsir disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“EDPS”) fuq talba. Id-dokumentazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet għall-fajl mediku għandha tiġi rreġistrata biss fil-fajl mediku rilevanti.

6.   Meta tipproċessa data personali skambjata ma’ organizzazzjonijiet oħra fil-kuntest tal-kompiti tagħha, il-Qorti għandha tikkonsulta u għandha tiġi kkonsultata minn dawk l-organizzazzjonijiet dwar ir-raġunijiet rilevanti possibbli għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet u n-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet, sakemm dan ma jkunx jipperikola l-attivitajiet tal-Qorti.

Artikolu 3

Monitoraġġ tar-restrizzjonijiet u rieżaminar

1.   Ir-restrizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 2 għandhom ikomplu japplikaw sakemm iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawhom jibqgħu applikabbli.

2.   Il-Qorti għandha tirrieżamina l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha. Irid isir ukoll rieżaminar meta l-elementi essenzjali ta’ każ jinbidlu.

Artikolu 4

Salvagwardji

1.   Il-Qorti għandha timplimenta salvagwardji biex tipprevieni l-abbuż jew l-aċċess jew it-trasferiment illegali ta’ data personali li tista’ tkun suġġetta għal restrizzjonijiet. Dawn is-salvagwardji għandhom jinkludu miżuri tekniċi u organizzazzjonali u għandhom jiġu spjegati fid-dettall, kif meħtieġ, fid-deċiżjonijiet, fil-proċeduri u fir-regoli ta’ implimentazzjoni interni tal-Qorti. Is-salvagwardji għandhom jinkludu:

(a)

definizzjoni adegwata tar-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-passi proċedurali;

(b)

jekk ikun applikabbli, ambjent elettroniku sigur li jipprevieni l-aċċess jew it-trasferiment illegali jew aċċidentali ta’ data elettronika lil persuni mhux awtorizzati;

(c)

jekk ikun applikabbli, il-ħażna u l-ipproċessar siguri ta’ dokumenti tal-karti.

Artikolu 5

Informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-UPD u rrieżaminata minnu

1.   L-UPD għandu jiġi infurmat mingħajr dewmien żejjed kull meta d-drittijiet tas-suġġett tad-data jiġu ristretti skont din id-Deċiżjoni u għandu jingħata aċċess għar-rekord u għal kwalunkwe dokument li jkun fih elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti.

2.   L-UPD jista’ jippreżenta talba għal rieżaminar tal-applikazzjoni ta’ restrizzjoni. Il-Qorti għandha tinforma lill-UPD bil-miktub dwar l-eżitu tat-talba.

3.   L-involviment tal-UPD fil-proċedura tar-restrizzjonijiet, inklużi l-iskambji ta’ informazzjoni, għandu jkun dokumentat f’forma xierqa.

Artikolu 6

Informazzjoni pprovduta lis-suġġetti tad-data dwar restrizzjonijiet għad-drittijiet tagħhom

1.   Il-Qorti għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha informazzjoni ġenerali dwar ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data deskritti fl-Artikolu 2. Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni, ir-raġunijiet sottostanti u d-durata potenzjali għandhom jiġu spjegati.

2.   Fejn il-Qorti tapplika l-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni, hija għandha tinforma lis-suġġetti tad-data, mingħajr dewmien żejjed u bil-miktub, dwar ir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni, u dwar id-dritt tas-suġġetti tad-data li jressqu lment mal-EDPS u li jfittxu rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Qorti tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmijin fil-paragrafu 2 sakemm dan ikun jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Din il-valutazzjoni għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ.

Artikolu 7

Komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġetti tad-data

Meta l-Qorti tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament, hija għandha żżomm rekord u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni skont l-Artikolu 2(5) ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni elettronika

1.   Il-Qorti, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika, tista’ tirrestrinġi d-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif imsemmi fl-Artikolu 36 tar-Regolament. F’dan il-każ, il-Qorti għandha tiddeskrivi ċ-ċirkustanzi, ir-raġunijiet, ir-riskji rilevanti u s-salvagwardji relatati f’regoli interni speċifiċi.

2.   Meta l-Qorti tirrestrinġi d-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba ta’ dan tal-aħħar, dwar ir-raġunijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni, u dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem l-EDPS jew li jfittex rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Qorti tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 sakemm dan iħassar l-effett tar-restrizzjoni. Din il-valutazzjoni għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Mejju 2021.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE

Il-President


(1)  Ir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).


Top