Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021Q0618(01)

    Deċiżjoni tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li tadotta r-Regoli tal-Aġenzija li jistabbilixxu l-mod li bih id-domanda għandha tiġi bilanċjata kontra l-provvista ta’ minerali, materji primi u materjali speċjali fissili, u li tħassar ir-Regoli tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-5 ta’ Mejju 1960, kif emendati mir-Regolament tal-15 ta’ Lulju 1975

    C/2021/2893

    ĠU L 218, 18.6.2021, p. 56–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/618/oj

    18.6.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 218/56


    Deċiżjoni tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li tadotta r-Regoli tal-Aġenzija li jistabbilixxu l-mod li bih id-domanda għandha tiġi bilanċjata kontra l-provvista ta’ minerali, materji primi u materjali speċjali fissili, u li tħassar ir-Regoli tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-5 ta’ Mejju 1960, kif emendati mir-Regolament tal-15 ta’ Lulju 1975

    L-AĠENZIJA FORNITRIĊI,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikoli 2(d), 52, 55 u 60(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-Istatuti tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom, stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2008/114/KE, Euratom tat-12 ta’ Frar 2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(3)(a) tagħha,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 66/2006 tas-16 ta’ Jannar 2006 li jeżenta t-trasferiment ta’ kwantitajiet żgħar ta’ minerali, materja prima u materjali speċjali fissili mir-Regoli tal-Kapitolu dwar Provvisti (2),

    Wara li kkunsidrat l-Opinjoni li l-Kumitat Konsultattiv tal-Aġenzija, ikkonsultat u mlaqqa’ kif xieraq, ta dwar ir-Regoli l-ġodda proposti fit-13 ta’ Mejju 2016,

    Billi:

    (1)

    Il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, skont l-Artikolu 2 tat-Trattat li jistabbiliha (“it-Trattat”), għandha tiżgura li l-utenti kollha fil-Komunità jirċievu provvista regolari u ekwa ta’ minerali u fjuwils nukleari, permezz ta’ politika komuni ta’ provvista bbażata fuq il-prinċipju ta’ aċċess ugwali għas-sorsi tal-provvista.

    (2)

    Fl-interess tal-politika komuni tal-provvista, ġiet stabbilita Aġenzija Fornitriċi (“l-Aġenzija” jew l-“Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom”) permezz tal-Kapitolu 6 tat-Trattat.

    (3)

    Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, li hija l-għan prinċipali tal-Aġenzija, hija objettiv ewlieni tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija, skont l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan ġie affermat mill-ġdid fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija (3), adottata fl-2014 u approvata mill-Kunsill.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 60 (6) tat-Trattat, ir-regoli tal-Aġenzija, li għandhom jeħtieġu l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, għandhom jistabbilixxu l-mod li bih id-domanda għandha tiġi bilanċjata kontra l-provvista.

    (5)

    Ir-Regoli tal-Aġenzija fis-seħħ ġew adottati fl-1960 (4) u ġew emendati parzjalment fl-1975 (5).

    (6)

    Sa mis-snin 70, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u prodotti ġodda taċ-ċiklu tal-fjuwil, kif ukoll id-dehra ta’ atturi ġodda tas-suq (partikolarment, l-intermedjarji) u ta’ prattiki kummerċjali ġodda affettwaw b’mod sostanzjali r-rwol tal-Aġenzija fis-sigurtà tal-provvista nukleari. Fl-istess ħin, l-għadd ta’ atturi fis-suq żdied b’mod konsiderevoli.

    (7)

    L-istatuti tal-Aġenzija, stabbiliti fl-2008, saħħew ir-rwol tagħha fil-monitoraġġ tas-suq u fl-għoti ta’ għarfien espert, ta’ informazzjoni u ta’ pariri rilevanti lill-Komunità, u b’hekk issaħħet il-ħtieġa li l-Aġenzija jkollha għarfien sħiħ u aġġornat tas-suq tal-materjali u s-servizzi nukleari, inkluż tax-xejriet tas-suq dinji.

    (8)

    Bħala konsegwenza tal-iżviluppi ta’ hawn fuq, ir-Regoli tal-1960/1975 tal-Aġenzija ma għadhomx jippermettu lill-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom tirreaġixxi għall-iżviluppi fis-suq nukleari u jistgħu jipperikolaw il-kapaċità tal-Aġenzija li twettaq il-missjoni tagħha.

    (9)

    Jeħtieġ li jiġu adattati sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-industrija, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, u biex l-Aġenzija tkun tista’ tiżgura l-ġbir xieraq tad-data għall-Osservatorju tas-Suq tagħha.

    (10)

    Skont l-Artikolu 55 tat-Trattat, l-Aġenzija hija intitolata li tirċievi l-informazzjoni kollha li teħtieġ biex tkun tista’ teżerċita d-dritt tagħha tal-għażla u d-dritt esklussiv tagħha li tikkonkludi kuntratti ta’ provvista.

    (11)

    Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija taġixxi skont il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ aċċess ugwali għas-sorsi ta’ provvista.

    (12)

    Il-proċeduri għall-ibbilanċjar tad-domanda kontra l-provvista għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li jkun possibbli li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet f’diversi sitwazzjonijiet ta’ provvista.

    (13)

    Huwa xieraq li jinżamm il-kuntrattar dirett bejn l-utenti, il-produtturi u l-intermedjarji, dment li tiġi żgurata l-provvista regolari ta’ materjali nukleari lill-utenti Komunitarji.

    (14)

    Fid-dawl ta’ dan il-kunsiderazzjonijiet, l-Aġenzija ħadet l-inizjattiva li taġġorna r-Regoli tagħha, b’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tagħha. Il-Kumitat Konsultattiv tal-Aġenzija, imlaqqa’ u kkonsultat kif xieraq fit-13 ta’ Mejju 2016, ta opinjoni favorevoli dwar ir-Regoli l-ġodda.

    (15)

    Skont l-Istatuti tal-Aġenzija, ir-Regoli tagħha għandhom jiġu adottati b’deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija, li teħtieġ l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

    (16)

    Għal raġunijiet ta’ ċarezza, ir-Regoli attwali tal-Aġenzija jenħtieġ li jitħassru mad-dħul fis-seħħ ta’ dawk ġodda.

    (17)

    Huwa għalhekk xieraq li jiġu adottati r-Regoli annessi ma’ din id-Deċiżjoni u, mad-dħul fis-seħħ tagħhom, jitħassru r-Regoli tal-Aġenzija attwalment fis-seħħ,

    ADOTTAT ID-DEĊIŻJONI LI ĠEJJA:

    Artikolu 1

    Ir-Regoli tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, kif inhuma fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, li jistabbilixxu l-mod li bih id-domanda għandha tiġi bilanċjata kontra l-provvista ta’ minerali, materjali primi u materjali speċjali fissili, huma b’dan adottati.

    Artikolu 2

    Ir-Regoli tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li jistabbilixxu l-mod li bih id-domanda għandha tiġi bilanċjata kontra l-provvista ta’ minerali, materjali primi u materjali speċjali fissili (6), għandhom jitħassru mad-dħul fis-seħħ ta’ dawk ġodda.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2021, soġġett għall-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni Ewropea. Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprovaha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta’ Jannar 2021.

    Għall-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom,

    Id-Direttur Ġenerali

    Agnieszka Ewa KAŹMIERCZAK


    (1)  ĠU L 41, 15.2.2008, p. 15.

    (2)  ĠU L 11, 17.1.2006, p. 6.

    (3)  COM(2014) 330 final.

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni EAEC li tiffissa d-data meta l-Aġenzija għall-Forniment tal-Euratom għandha tibda taqdi d-dmirijiet tagħha u li tapprova r-Regoli tal-Aġenzija tal-5 ta’ Mejju 1960 li jistabbilixxu l-manjiera li fiha d-domanda għandha tiġi bilanċjata kontra l-provvista ta’ minerali, materjali primi u materjali speċjali fissili (ĠU 32, 11.5.1960, p. 776. - Edizzjoni speċjali bl-Ingliż: Serje I, Kapitolu 1959-1962, p. 45).

    (5)  ĠU L 193, 25.7.1975, p. 37.

    (6)  ĠU 32, 11.5.1960, p. 777, kif emendat (ĠU L 193, 25.7.75, p. 37) u kkoreġut (Test konsolidat tar-rettifiki għall-istrumenti ppubblikati fl-Edizzjonijiet Speċjali 1952-72, p. 3 (511/60)).


    Top