Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0972

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/972 tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Unjoni Ewropea għal estensjoni tad-deroga tad-WTO li tippermetti preferenzi kummerċjali awtonomi għall-Balkani tal-Punent

ST/8781/2021/INIT

ĠU L 214, 17.6.2021, p. 66–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/972/oj

17.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/66


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/972

tal-14 ta’ Ġunju 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Unjoni Ewropea għal estensjoni tad-deroga tad-WTO li tippermetti preferenzi kummerċjali awtonomi għall-Balkani tal-Punent

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu II tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-“Ftehim tad-WTO”), il-ftehimiet u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 (“Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali”) miegħu, inkluż il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT tal-1994), huma partijiet integrali mill-Ftehim tad-WTO, vinkolanti għall-Membri kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), inkluża l-Unjoni.

(2)

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, id-WTO tista’ tadotta deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha koperti minn kwalunkwe wieħed mill-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali.

(3)

F’konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, id-WTO tista’ tiddeċiedi li tagħti deroga għal obbligu impost fuq Membru mill-Ftehim tad-WTO jew minn kwalunkwe Ftehim Kummerċjali Multilaterali.

(4)

L-Unjoni ngħatat għall-ewwel darba deroga mill-obbligi tagħha skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-GATT tal-1994 fit-8 ta’ Diċembru 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2006, li ġiet estiża l-aħħar fis-7 ta’ Diċembru 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2021, sal-punt li kien meħtieġ biex l-Unjoni tkun tista’ tikkonċedi trattament preferenzjali għall-prodotti eliġibbli li joriġinaw fil-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kosovo (*), il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, u s-Serbja).

(5)

Fis-16 ta’ Diċembru 2020, ir-Regolament (UE) 2020/2172 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) estenda ulterjorment il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-preferenzi kummerċjali awtonomi għall-Balkani tal-Punent sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(6)

Fin-nuqqas ta’ deroga mill-obbligi tad-WTO, l-applikazzjoni tal-preferenzi kummerċjali awtonomi mill-Unjoni għall-Balkani tal-Punent sal-31 ta’ Diċembru 2025 ikollha tiġi estiża għall-Membri l-oħra kollha tad-WTO.

(7)

It-talba biex tiġi estiża d-deroga fuq l-obbligi tad-WTO skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu I u l-Artikolu XIII tal-GATT 1994 li tippermetti preferenzi kummerċjali awtonomi għall-Balkani tal-Punent hija ġustifikata meta titqies is-sitwazzjoni ekonomika mwiegħra persistenti fir-reġjun u li t-trattament preferenzjali fir-rigward tal-prodotti eliġibbli li l-Unjoni tikkonċedi lil dawk il-pajjiżi huwa maħsub biex jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku b’mod konsistenti mal-objettivi tal-GATT tal-1994 u mhux biex joħloq ostakli għall-kummerċ ta’ Membri oħra tad-WTO.

(8)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO, billi l-estensjoni tad-deroga tad-WTO fuq il-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija mill-Unjoni lill-Balkani tal-Punent ser tkun vinkolanti għall-Membri tad-WTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tkun li ssir talba għal estensjoni tad-deroga eżistenti tad-WTO fuq il-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija mill-Unjoni lill-Balkani tal-Punent sal-31 ta’ Diċembru 2026 u li tiġi appoġġata l-adozzjoni ta’ dik it-talba.

Dik il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. MENDES GODINHO


(*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  Ir-Regolament (UE) 2020/2172 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu (ĠU L 432, 21.12.2020, p. 7).


Top