Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2043

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2043 tal-11 ta’ Diċembru 2020 li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 għas-snin skolastiċi 2019/2020 u 2020/2021 fir-rigward tal-verifiki fuq il-post fil-bini tal-applikanti għall-għajnuna jew fl-istabbilimenti edukattivi għall-finijiet tal-iskema għall-iskejjel

    C/2020/8732

    ĠU L 420, 14.12.2020, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/2043/oj

    14.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 420/11


    IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2043

    tal-11 ta’ Diċembru 2020

    li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 għas-snin skolastiċi 2019/2020 u 2020/2021 fir-rigward tal-verifiki fuq il-post fil-bini tal-applikanti għall-għajnuna jew fl-istabbilimenti edukattivi għall-finijiet tal-iskema għall-iskejjel

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-punti (a) (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 10(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 (2) jistabbilixxi l-perċentwal minimu tal-verifiki fuq il-post li jridu jitwettqu fil-bini tal-applikanti għall-għajnuna li jkollhom x’jaqsmu mal-provvista u d-distribuzzjoni tal-prodotti u mal-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament fil-qafas tal-iskema msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“l-iskema għall-iskejjel”). Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 jipprevedi li, meta l-applikant għall-għajnuna ma jkunx stabbiliment edukattiv, il-verifika fuq il-post imwettqa fl-istabbiliment tal-applikant għandha tkun issupplimentata minn verifiki fuq il-post fl-istabbiliment ta’ mill-inqas żewġ stabbilimenti edukattivi jew ta’ mill-inqas 1 % tal-istabbilimenti edukattivi rreġistrati mill-applikant f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/40 (4), skont liema minnhom ikun l-akbar.

    (2)

    Minħabba l-miżuri meħuda sabiex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-ippjanar u fit-twettiq ta’ verifiki fuq il-post f’waqthom fil-bini tal-applikanti għall-għajnuna jew fl-istabbilimenti edukattivi fis-snin skolastiċi 2019/2020 u 2020/2021. Għalhekk, jixraq li jiġi previst li meta l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu dawk il-verifiki fuq il-post kif meħtieġ mill-Artikolu 10(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, huma jistgħu jiddeċiedu li jwettqu tali verifiki fuq il-post mill-bogħod, pereżempju permezz ta’ videoconferences.

    (3)

    L-Artikolu 10(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 jistabbilixxi r-regoli u l-metodi applikabbli għar-rappurtar tal-verifiki u tar-riżultati tagħhom. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġġustifikaw il-ħtieġa għad-deroga prevista f’dan ir-Regolament u li jirrappurtaw dwar l-użu tagħha fir-rapport ta’ kontroll li għandu jitfassal għal kull verifika fuq il-post imwettqa mill-bogħod.

    (4)

    Għalhekk jixraq li ssir deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward tas-snin skolastiċi 2019/2020 u 2020/2021.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   B’deroga mit-tieni sal-ħames subparagrafi tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, meta minħabba l-miżuri meħuda sabiex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu verifiki fuq il-post fil-bini tal-applikanti għall-għajnuna jew fl-istabbilimenti edukattivi fir-rigward tas-snin skolastiċi 2019/2020 u 2020/2021, dawk il-verifiki jistgħu jitwettqu mill-bogħod.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 10(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39, meta l-verifiki fuq il-post jitwettqu mill-bogħod f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità ta’ kontroll kompetenti għandha tinkludi wkoll ġustifikazzjoni dwar il-ħtieġa għal tali deroga u tirrapporta dwar l-użu tagħha fir-rapport ta’ kontroll.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/40 tat-3 ta’ Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi u li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 11).


    Top