Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0038

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/38 tas-16 ta’ Jannar 2020 li jistabbilixxi rekwiżiti operattivi tekniċi għar-reġistrar, l-ifformattjar u t-trażmissjoni tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni

C/2020/47

ĠU L 13, 17.1.2020, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/38/oj

17.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/38

tas-16 ta’ Jannar 2020

li jistabbilixxi rekwiżiti operattivi tekniċi għar-reġistrar, l-ifformattjar u t-trażmissjoni tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (1) (ir-“Regolament SMEFF”), u b’mod partikolari l-Artikolu 40(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament SMEFF jipprevedi l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu rekwiżiti operattivi tekniċi għar-reġistrar, l-ifformattjar u t-trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija fit-Titoli II, III u IV ta’ dak ir-Regolament.

(2)

L-Artikolu 40 tar-Regolament SMEFF jistipula li l-iskambju tal-informazzjoni msemmi fit-Titoli II, III u IV ta’ dak ir-Regolament irid isir b’format elettroniku. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għat-tlestija u għat-trażmissjoni elettronika ta’ din id-data u li jiġi speċifikat il-format tagħhom, kif ukoll li tiġi stabbilita l-proċedura għall-bidliet fil-format.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 (2) jeżiġi li l-Istati Membri jippreżentaw informazzjoni lill-Kummissjoni dwar is-sjieda, dwar il-karatteristiċi tal-bastiment u tal-irkaptu u dwar l-attività tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tagħhom. L-informazzjoni disponibbli f’din il-bażi tad-data jenħtieġ li tintuża fl-iskambji tal-informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd kif meħtieġ mir-Regolament SMEFF.

(4)

L-informazzjoni inkluża fil-bażi tad-data tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-Unjoni, stabbilita f’konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament SMEFF, tista’ tinkludi data personali, inkluż l-identifikaturi u l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tas-sidien tal-bastimenti. L-ipproċessar ta’ tali data personali huwa meħtieġ għall-ġestjoni effettiva tal-iskambju tad-data u tal-informazzjoni kif meħtieġ mir-Regolament SMEFF. Jenħtieġ li f’kull ħin u fil-livelli kollha jkun żgurat li hemm konformità mal-obbligi marbuta mal-protezzjoni tad-data personali fir-Regolamenti (UE) 2018/1725 (3) u (UE) 2016/679 (4) u tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Sabiex tkun żgurata l-ġestjoni sostenibbli tal-flotta tas-sajd estern u tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż terz, huwa meħtieġ li d-data tinħażen għal perjodu ta’ 10 snin. F’xi każijiet, jenħtieġ li d-data tinħażen għal perjodu li jaqbeż l-10 snin.

(5)

L-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw is-sistemi nazzjonali tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda tad-data stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti operattivi tekniċi għar-reġistrar, l-ifformattjar u t-trażmissjoni tal-informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament SMEFF.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament SMEFF.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, tapplika wkoll id-definizzjoni li ġejja:

(a)

“Bażi tad-data tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni” tfisser ir-reġistru, miżmum mill-Kummissjoni, li fih informazzjoni dwar il-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni, f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/218 u li hu ssupplimentat b’dettalji addizzjonali dwar il-bastimenti fl-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd skont ir-Regolament SMEFF.

(b)

“Bażi tad-data tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-Unjoni” tfisser il-bażi tad-data stabbilita f’konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament SMEFF sabiex jiġi żgurat l-iskambju tal-informazzjoni msemmi fit-Titoli II u III ta’ dak ir-Regolament.

KAPITOLU II

INFORMAZZJONI FIL-BAŻI TAD-DATA TAL-AWTORIZZAZZJONIJIET TAS-SAJD TAL-UNJONI

Artikolu 3

Applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni

1.   Meta jissottomettu applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 39(3) tar-Regolament SMEFF, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi għandhom jippreżentaw applikazzjoni waħda għal kull bastiment, għal kull ftehim, għal kull kategorija ta’ sajd u għal kull perjodu.

2.   L-informazzjoni disponibbli dwar il-bastiment fil-bażi tad-data tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni għandha tintuża mill-bażi tad-data tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-Unjoni biex tiżgura l-iskambji tad-data dwar l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd kif meħtieġ mir-Regolament SMEFF.

Artikolu 4

Format tal-informazzjoni skambjata

1.   Il-format tal-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u l-Kummissjoni f’konformità mal-Artikoli 11, 18, 22 u 25 tar-Regolament SMEFF għandu jkun id-Definizzjoni ta’ Skema XML tad-Dominju tal-Awtorizzazzjoni tal-Liċenzji u tal-Permessi tas-Sajd (FLAP) ibbażata fuq l-istandard tal-Lingwa tas-Sajd għall-Iskambju Universali tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/FLUX) P1000-9.

2.   L-oqsma tad-data, il-komponenti ewlenin u l-messaġġi tal-Extensible Markup Language (XML) ifformattjati tajjeb għandhom jikkonformaw mad-Definizzjoni ta’ Skema XML (XSD) ibbażata fuq il-libreriji tal-istandardizzazzjoni UN/FLUX.

3.   Għandhom jintużaw l-XSD u l-kodiċijiet li hemm fil-paġna tar-Reġistru tad-Data Ewlenija fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sajd.

4.   L-Istati Membri għandhom jużaw id-dokument ta’ implimentazzjoni FLAP li huwa disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sajd biex jiżguraw li jiġu kkomunikati l-messaġġi korretti u li jiġu segwiti l-proċeduri korretti għall-bażi tad-data tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-Unjoni.

Artikolu 5

Trażmissjoni tal-messaġġi

1.   It-trażmissjoni tal-messaġġi għandha tkun kompletament awtomatizzata u immedjata, bl-użu tas-saff tat-trasport għall-iskambji tad-data dwar is-sajd li għamlet disponibbli l-Kummissjoni.

2.   Min jibgħat il-messaġġ għandu jkun responsabbli biex jikkomunika l-messaġġi f’konformità mar-regoli ta’ validazzjoni u verifika stabbiliti fid-dokument ta’ implimentazzjoni tal-FLAP.

3.   Min jirċievi l-messaġġ għandu jinforma lil min jibagħtu bil-wasla tiegħu u bil-validazzjoni u l-verifika tar-riżultati tal-messaġġ billi jibgħat messaġġ ta’ risposta.

Artikolu 6

Bidliet fil-formati XML u fid-dokumenti ta’ implimentazzjoni

1.   L-emendi fil-format XML tad-dominju UN/FLUX/FLAP u fid-dokument ta’ implimentazzjoni tal-FLAP għandhom jiġu deċiżi mis-servizzi tal-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri.

2.   L-emendi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jidħlu fis-seħħ mhux aktar kmieni minn sitt xhur u sa mhux aktar tard minn 18-il xahar minn meta jkunu ġew deċiżi. Il-waqt opportun għandu jiġi deċiż mis-servizzi tal-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri.

Artikolu 7

Data personali

Id-data personali fil-bażi tad-data tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd tal-Unjoni ma għandhiex tinħażen għal perjodu itwal minn 10 snin, għajr jekk din id-data personali tkun meħtieġa biex ikun jista’ jsir is-segwitu ta’ xi ksur, spezzjoni, jew proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi. F’dawn il-każijiet, id-data personali tista’ tinħażen għal 20 sena. Jekk id-data personali tinżamm għal perjodu itwal, id-data għandha tiġi anonimizzata.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 tas-6 ta’ Frar 2017 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni (ĠU L 34, 9.2.2017, p. 9).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


Top