Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0030

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/30 tal-14 ta’ Jannar 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 fir-rigward ta’ regoli dettaljati għall-iskambju elettroniku dirett tal-informazzjoni ppromulgat skont ir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd

    C/2020/46

    ĠU L 9, 15.1.2020, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/30/oj

    15.1.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 9/3


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/30

    tal-14 ta’ Jannar 2020

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 fir-rigward ta’ regoli dettaljati għall-iskambju elettroniku dirett tal-informazzjoni ppromulgat skont ir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 71, 76 u 111 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-regoli dwar l-iskambju tad-data f’format elettroniku bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha kienu stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament ta’ Kontroll”). L-Artikoli 71, 76 u 83 ta’ dak ir-Regolament jikkonċernaw speċifikament l-iskambju tar-rapporti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza.

    (2)

    Il-Kummissjoni żviluppat format ġdid għat-trażmissjoni tad-data tar-rapporti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza li jenħtieġ li jintuża għall-iskambji elettroniċi kollha futuri tad-data msemmija fl-Artikoli 71, 76 u 83 tar-Regolament ta’ Kontroll.

    (3)

    Il-Kapitolu Ia tat-Titolu IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (2) jistabbilixxi r-regoli dwar l-iskambju tad-data bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha. Hemm bżonn li dawn ir-regoli jiġu mmodifikati sabiex ikunu jqisu l-format il-ġdid żviluppat mill-Kummissjoni għad-data ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll it-teknoloġiji l-ġodda u l-istandards internazzjonali.

    (4)

    Minħabba li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (3) tħassar bir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jenħtieġ li jitneħħew ir-referenzi għal dan ir-Regolament li hemm fil-Kapitolu Ia tat-Titolu IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.

    (5)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 jiġi emendat kif xieraq.

    (6)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    l-Artikolu 146a huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 146a

    Dan il-Kapitolu jistabbilixxi regoli dettaljati għall-iskambju tad-data kif imsemmi fl-Artikoli 111 u 116 tar-Regolament ta’ Kontroll, għall-iskambju tad-data tar-rapporti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza kif imsemmi fl-Artikoli 71, 76 u 83 tar-Regolament ta’ Kontroll, kif ukoll għan-notifika tad-data dwar il-qbid kif imsemmi fl-Artikolu 33(2) u (4) tar-Regolament ta’ Kontroll.”;

    (b)

    fl-Artikolu 146i, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri tal-bandiera għandhom jużaw id-Definizzjoni tal-Iskema XML abbażi tal-P1000-12 tal-UN/CEFACT bħala l-format biex jibagħtu d-data aggregata dwar il-qbid imsemmija fl-Artikolu 33(2) u (4) tar-Regolament ta’ Kontroll lill-Kummissjoni.”;

    (c)

    fl-Artikolu 146i, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Il-kwantitajiet mogħtija fir-rapport dwar il-qbid għandhom ikunu bbażati fuq il-kwantitajiet li jinħattu l-art. Jekk il-qabdiet ikun għadhom ma nħattux, għandu jiġi pprovdut rapport dwar l-istima tal-qbid, bl-indikazzjoni ‘miżmum abbord’. Għandha tintbagħat korrezzjoni bl-ammont eżatt tal-piż u bil-post ta’ ħatt l-art qabel il-15 tax-xahar wara ħatt l-art.”;

    (d)

    fl-Artikolu 146j, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-emendi fil-formati XML u fid-dokumenti ta’ implimentazzjoni li jridu jintużaw għall-iskambji elettroniċi kollha tad-data bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha, inklużi l-emendi minħabba l-Artikoli 146f, 146 g, 146h u 146k, għandha tiddeċidihom il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri.”;

    (e)

    jiżdied l-Artikolu 146k li ġej:

    “Artikolu 146k

    Skambju tad-data relatata mal-ispezzjoni u mas-sorveljanza

    1.   Il-format li għandu jintuża għall-iskambju tad-data tar-rapporti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza, imsemmija fl-Artikoli 71, 76 u 83 tar-Regolament ta’ Kontroll, bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jew il-korp maħtur minnha, għandu jkun skont id-Definizzjoni tal-Iskema XML għad-Dominju tal-Ispezzjoni u tas-Sorveljanza abbażi tal-P1000-8 tal-UN/CEFACT.

    2.   Minn data stabbilita mill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri skont l-Artikolu 146j(2), is-sistemi tal-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jibagħtu messaġġi ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza u jwieġbu għat-talbiet għad-data ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza skont id-Definizzjoni tal-Iskema XML għad-Dominju tal-Ispezzjoni u tas-Sorveljanza abbażi tal-P1000-8 tal-UN/CEFACT.”;

    (f)

    fl-Anness XII, taħt il-kliem “P1000 – 7; Il-pożizzjoni tal-bastiment”, tiddaħħal il-linja li ġejja:

    “P1000 – 8; L-ispezzjoni u s-sorveljanza”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).


    Top