Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2255

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (Euratom) 2020/2255 tad-29 ta' Diċembru 2020 dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użi Sikuri u Paċifiċi tal-Enerġija Nukleari u dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

    C/2020/9660

    ĠU L 445, 31.12.2020, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2255/oj

    Related international agreement
    Related international agreement

    31.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 445/2


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (Euratom) 2020/2255

    tad-29 ta' Diċembru 2020

    dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użi Sikuri u Paċifiċi tal-Enerġija Nukleari u dwar il-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (“it-Trattat Euratom”), u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat l-approvazzjoni tal-Kunsill,

    Billi:

    (1)

    Fil-25 ta’ Frar 2020, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ in-negozjati mar-Renju Unit għal ftehim ta' sħubija ġdid. Wara negozjati, il-Partijiet, fil-livell ta’ negozjaturi qablu dwar il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit, min-naħa l-oħra, (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim tal-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) u dwar Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użi Sikuri u Paċifiċi tal-Enerġija Nukleari (“il-Ftehim dwar l-Enerġija Nukleari”).

    (2)

    Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni jkopri l-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Komunità”), jiġifieri l-assoċjazzjoni mal-programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom u tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER iggvernata mid-dispożizzjonijiet tal-Parti Ħamsa tal-Ftehim tal-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni jiġi konkluż f’isem il-Komunità rigward il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom. L-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea huma soġġetti għal proċedura separata.

    (3)

    B’kont meħud tas-sitwazzjoni eċċezzjonali tar-Renju Unit fir-rigward tal-Unjoni u tal-Komunità, u tal-urġenza tas-sitwazzjoni mal-perjodu ta’ tranżizzjoni li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni, fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom, jenħtieġ li jiġi applikat fuq bażi proviżorja sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul tiegħu fis-seħħ.

    (4)

    Bi qbil mar-Renju Unit, jenħtieġ li l-Ftehim dwar l-Enerġija Nukleari jiġi applikat fuq bażi proviżorja sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu u sakemm titlesta r-reviżjoni ġuridikolingwistika finali u jiġu stabbiliti dawn il-verżjonijiet lingwistiċi riveduti finalment bħala awtentiċi u definittivi mill-Partijiet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li s-setgħa li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali taqa’ taħt il-Kummissjoni taħt l-Artikolu 101 tat-Trattat u li, skont it-Trattat Euratom, hija l-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar l-iffirmar u li tiżgura l-applikazzjoni proviżorja ta’ tali ftehimiet f’konformità mal-approvazzjoni li tingħata mill-Kunsill.

    (5)

    Jitfakkar li jistgħu jiġu konklużi abbozzi ta’ ftehimiet bilaterali bejn Stat Membru tal-Komunità u r-Renju Unit fl-ambitu tal-kompetenza tat-Trattat Euratom, inkluż ftehimiet għall-iskambju ta’ informazzjoni xjentifika jew industrijali fil-qasam nukleari, diment li dawn ikunu konformi mal-konklużjonijiet u r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikoli 29 u 103 ta’ dak it-Trattat.

    (6)

    Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użi Sikuri u Paċifiċi tal-Enerġija Nukleari jenħtieġ li jiġi konkluż f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    1.   Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għall-Kooperazzjoni dwar l-Użi Sikuri u Paċifiċi tal-Enerġija Nukleari huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    Soġġett għar-reċiproċità, il-ftehim imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-1 ta’ Jannar 2021, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3.

    2.   Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat Euratom, huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    Soġġett għar-reċiproċità, il-ftehim imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-1 ta’ Jannar 2021, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3.

    3.   Il-verżjonijiet tal-Ftehimiet bil-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, in-Netherlandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni ġuridikolingwistika finali.

    Il-verżjonijiet lingwistiċi li jirriżultaw mir-reviżjoni ġuridikolingwistika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu stabbiliti bħala awtentiċi u definittivi permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi mar-Renju Unit.

    It-testi awtentiċi u definittivi msemmija fit-tieni subparagrafu għandhom jissostitwixxu ab initio l-verżjonijiet iffirmati tal-Ftehim.

    4.   It-testi tal-Ftehim imsemmija fil-paragrafu 1 huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni. It-testi tal-Ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 huwa mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 (1).

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata taħtar il-persuna/i bis-setgħa li tipproċedi/jipproċedu, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, sabiex tagħti/jagħtu n-notifika stipulata fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 5 tal-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1(1) lir-Renju Unit. Din in-notifika għandu jkun fiha l-lista tal-Istati Membri li informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni li ma jpoġġux it-teknoloġija fil-qafas tal-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1(1) sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak il-Ftehim.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kummissjoni Ewropea hija b’dan awtorizzata tiffirma l-Ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u taħtar il-persuna/i awtorizzata/i li twettaq/jwettqu l-passi neċessarji kollha għall-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1.

    Artikolu 4

    Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, tad-29 ta' Diċembru 2020.

    Ursula VON DER LEYEN

    President tal-Kummissjoni


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2252 tat-30 ta' Diċembru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim rigward il-proċeduri tas-sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 444, 31.12.2020, p. 2).


    Top