EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2188

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/2188 tat-22 ta' Diċembru 2020 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja

ĠU L 435, 23.12.2020, p. 74–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2188/oj

23.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 435/74


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/2188

tat-22 ta' Diċembru 2020

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK (1) li tistabbilixxi l-operazzjoni militari Atalanta tal-UE.

(2)

Fit-30 ta' Lulju 2018, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1083 (2) emendat l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK u estendiet Atalanta sal-31 ta' Diċembru 2020.

(3)

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu Fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi, iffirmata fl-20 ta' Diċembru 1988, tipprevedi li l-Partijiet għandhom jikkooperaw bl-aktar mod sħiħ possibbli biex irażżnu t-traffiku illegali bil-baħar, f'konformità mad-dritt internazzjonali tal-baħar.

(4)

Fil-15 ta' Novembru 2019, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), fir-Riżoluzzjoni 2498 (2019) tiegħu, afferma mill-ġdid li l-Istati kollha għandhom, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-paċi u l-istabbiltà fis-Somalja, jimplimentaw l-embargo fuq l-armi u t-tagħmir militari fuq is-Somalja inizjalment impost mill-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni 733 (1992) tiegħu u l-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1425 (2002) tiegħu.

(5)

Fir-Riżoluzzjoni 2498 (2019), il-KSNU kkundanna wkoll kwalunkwe esportazzjoni ta' faħam mis-Somalja bi ksur tal-projbizzjoni totali fuq l-esportazzjoni tal-faħam u afferma mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu rigward il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-faħam Somalu, kif stabbilit fil-paragrafu 22 tar-Riżoluzzjoni 2036 (2012) tiegħu u l-paragrafi 11 sa 21 tar-Riżoluzzjoni 2182 (2014) tiegħu.

(6)

Fl-4 ta' Diċembru 2019, il-KSNU fir-Riżoluzzjoni 2500 (2019) tiegħu ġedded l-appell tiegħu lill-Istati u lill-organizzazzjonijiet reġjonali li jistgħu jagħmlu dan biex jieħdu sehem fil-ġlieda kontra l-piraterija u s-serq bl-użu tal-armi fuq il-baħar 'il barra mix-xtut tas-Somalja, appella lill-Istati kollha biex jikkooperaw fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-persuni kollha responsabbli għal jew assoċjati ma' tali atti u rrikonoxxa l-prosekuzzjoni b'suċċess tal-każijiet ta' piraterija mis-Seychelles.

(7)

Fir-Riżoluzzjoni 2500 (2019), il-KSNU esprima ulterjorment tħassib serju dwar rapporti ta' sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) fiż-Żona Ekonomika Esklussiva tas-Somalja u rrikonoxxa li s-sajd IUU jista' jikkontribwixxi għad-destabbilizzazzjoni fost il-komunitajiet kostali.

(8)

Fil-25 ta' Frar 2020, l-Operazzjoni Agénor, il-komponent militari tal-inizjattiva mmexxija mill-Ewropa Għarfien tas-Sitwazzjoni Marittima fl-Istrett ta' Hormuz, (EMASOH), laħqet il-kapaċità operazzjonali sħiħa.

(9)

Fit-12 ta' Novembru 2020, il-KSNU fir-Riżoluzzjoni 2551 (2020) tiegħu ġedded l-awtorizzazzjonijiet mogħtija fir-Riżoluzzjoni 2182 (2014) tiegħu sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni stretta tal-embargo fuq l-armi fuq is-Somalja u l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-faħam Somalu, u ħeġġeġ lil Atalanta ssaħħaħ il-kontribut tagħha għall-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tar-rispons għall-flussi marittimi illeċiti u tfixkel il-forom kollha ta' traffikar ta' oġġetti leċiti u illeċiti li jistgħu jiffinanzjaw attivitajiet terroristiċi fis-Somalja.

(10)

Ir-Rieżami Strateġiku ta' Atalanta fl-2020 wassal għall-konklużjoni li l-mandat tal-operazzjoni jenħtieġ li jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2022 u jiġi emendat biex jintroduċi kompitu sekondarju mhux eżekuttiv għall-monitoraġġ tat-traffikar tad-drogi narkotiċi, it-traffikar tal-armi, is-sajd IUU u l-kummerċ illeċitu ta' faħam 'il barra mill-kosta tas-Somalja.

(11)

Ir-Rieżami Strateġiku ta' Atalanta fl-2020 wassal ukoll għall-konklużjoni li l-kompiti eżekuttivi sekondarji għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u t-traffikar tal-armi jenħtieġ li jiġu introdotti fil-mandat ta' Atalanta, f'konformità mal-qafas legali applikabbli, ladarba jiġi definit. Fl-1 ta' Diċembru 2020, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà qabel li Atalanta ser teżerċita dawk il-kompiti u li l-arranġamenti meħtieġa ser ikollhom jiġu definiti fid-dokumenti ta' ppjanar għall-operazzjoni.

(12)

Jenħtieġ li l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK tiġi emendata skont dan.

(13)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Id-Danimarka ma tiħux sehem fl-implimentazzjoni ta' din d-Deċiżjoni u għaldaqstant ma tiħux sehem fil-finanzjament tal-operazzjoni Atalanta,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.   Barra minn hekk, Atalanta għandha tikkontribwixxi, bħala kompiti eżekuttivi sekondarji, għall-implimentazzjoni tal-embargo tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-armi fuq is-Somalja f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2182 (2014) u għall-ġlieda kontra t-traffikar ta' drogi narkotiċi 'l barra mill-kosta tas-Somalja fil-kuntest tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu ta' Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tal-20 ta' Diċembru 1988.

4.   Barra minn hekk, Atalanta għandha twettaq monitoraġġ, bħala kompitu sekondarju mhux eżekuttiv, tat-traffikar ta' drogi narkotiċi, it-traffikar ta' armi, is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) u l-kummerċ illeċitu tal-faħam 'il barra mill-kosta tas-Somalja f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU 2498 (2019) u 2500 (2019) u b'mod konsistenti mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu ta' Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi tal-20 ta' Diċembru 1988.

5.   Atalanta tista' tikkontribwixxi, bħala kompitu sekondarju mhux eżekuttiv, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet u fuq talba, għall-approċċ integrat tal-UE għas-Somalja u l-attivitajiet rilevanti tal-komunità internazzjonali, u b'hekk tgħin sabiex jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-piraterija u n-networks tagħha.

6.   Il-Persunal Militari tal-UE għandu jappoġġa lil Atalanta billi jidentifika theddid u jwettaq ippjanar minn qabel dwar fatturi deċiżivi li jistgħu jaffettwaw l-operazzjoni, bil-ħsieb li l-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà jinżamm infurmat dwar tali theddid u fatturi.";

(2)

it-titolu tal-Artikolu 2 huwa sostitwit bi "Ġlieda kontra l-piraterija u s-serq bl-użu tal-armi 'l barra mill-kosta tas-Somalja u protezzjoni tat-tbaħħir vulnerabbli";

(3)

l-Artikolu li ġej jiddaħħal, liema test huwa identiku għall-Artikolu 12 tal-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK kif imħassra b'din id-Deċiżjoni:

"Artikolu 2a

Trasferiment ta’ persuni arrestati u miżmuma bil-ħsieb li jiġu proċessati

1.   Abbażi tal-aċċettazzjoni mis-Somalja tal-eżerċitar ta’ ġuriżdizzjoni minn Stati Membri jew Stati terzi, minn naħa, u l-Artikolu 105 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, min-naħa l-oħra, persuni suspettati li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikoli 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi fl-ilmijiet territorjali u interni tas-Somalja jew fl-ibħra internazzjonali, li huma arrestati u miżmuma, bil-ħsieb tal-prosekuzzjoni tagħhom, u l-proprjetà li tkun intużat biex jitwettqu dawn l-atti, għandhom jiġu ttrasferiti:

lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew ta’ Stat terz parteċipanti fl-operazzjoni, li l-bastiment li jkun qabadhom itajjar il-bandiera tiegħu, jew

jekk dak l-Istat ma jistax, jew ma jixtieqx, jeżerċita l-ġuriżdizzjoni tiegħu, lil Stat Membru jew kwalunkwe Stat terz li jixtieq jeżerċita l-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq il-persuni jew il-proprjetà msemmija hawn fuq.

2.   Persuni suspettati li għandhom il-ħsieb, kif imsemmi fl-Artikoli 101 u 103 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li jikkommettu, li qed jikkommettu jew li kkommettew atti ta’ piraterija jew ta’ serq bl-użu tal-armi li huma arrestati u miżmuma, bil-ħsieb li jiġu proċessati minn Atalanta fl-ilmijiet territorjali, fl-ilmijiet interni jew fl-ilmijiet tal-arċipelagu ta’ Stati oħra fir-reġjun bi ftehim ma’ dawn l-Istati, u l-proprjetà li tkun intużat biex jitwettqu dawn l-atti, jistgħu jiġu ttrasferiti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ikkonċernat, jew, bil-kunsens tal-Istat ikkonċernat, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat ieħor.

3.   Ebda persuna msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu trasferiti fi Stat terz sakemm il-kondizzjonijiet għat-trasferiment kienu maqbula ma’ dak l-Istat terz b’mod konsistenti mad-dritt internazzjonali rilevanti, notevolment id-dritt internazzjonali dwar drittijiet tal-bniedem, sabiex tiggarantixxi b’mod partikolari li ħadd ma għandu jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għal tortura jew għal kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti.";

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 2b

Kontribut għall-implimentazzjoni tal-embargo tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-armi fuq is-Somalja u għall-ġlieda kontra t-traffikar ta' drogi narkotiċi 'l barra mill-kosta tas-Somalja

1.   Bil-għan li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-embargo tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-armi fuq is-Somalja f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU rilevanti, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2182 (2014), Atalanta għandha twettaq, kif stabbilit fid-dokumenti ta' ppjanar u fi ħdan iż-żona ta' operazzjonijiet maqbula fl-ibħra internazzjonali 'l barra mill-kosta tas-Somalja, spezzjonijiet ta' bastimenti lejn u mis-Somalja fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li tali bastimenti qed iġorru armi jew tagħmir militari lejn is-Somalja, direttament jew indirettament, bi ksur tal-embargo fuq l-armi fuq is-Somalja jew li qed iġorru armi jew tagħmir militari lil individwi jew entitajiet iddeżinjati mill-Kumitat stabbilit skont ir-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU 751 (1992) u 1907 (2009). Atalanta għandha tikkonfiska tali oġġetti, tirreġistrahom u tiddisponi minnhom, u tista' tiddevja tali bastimenti u l-ekwipaġġi tagħhom lejn port adatt biex tiffaċilita tali konfiska, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU rilevanti, inkluż ir-Riżoluzzjoni 2182 (2014), u mal-arranġamenti stabbiliti fil-Pjan ta' Operazzjoni.

2.   Bil-għan li tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-traffikar ta' drogi narkotiċi 'l barra mill-kosta tas-Somalja, Atalanta għandha taġixxi f'konformità mal-arranġamenti u fi ħdan iż-Żona ta' Operazzjoni maqbula fl-ibħra internazzjonali 'l barra mill-kosta tas-Somalja, kif stabbilit fid-dokumenti ta' ppjanar:

(a)

fir-rigward ta' bastimenti li jtajru l-bandiera nazzjonali, fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li tali bastiment qed jintuża għat-traffikar ta' drogi narkotiċi, Atalanta għandha, jekk tkun awtorizzata b'mod espliċitu mill-Istat tal-bandiera, titla' abbord dak il-bastiment suspettat, tfittex għal drogi narkotiċi u, jekk tinstab evidenza ta' traffikar illeċitu, tieħu azzjoni xierqa fir-rigward ta' dak il-bastiment u l-merkanzija abbord. Kwalunkwe arrest, detenzjoni, trasferiment lejn Stat terz jew prosekuzzjoni ta' persuni involuti fit-traffikar ta' drogi narkotiċi jistgħu jitwettqu minn Stati Membri disposti fil-kapaċità nazzjonali tagħhom abbażi tal-liġi domestika tagħhom;

(b)

fir-rigward ta' bastimenti mingħajr bandiera nazzjonali, Atalanta għandha tieħu azzjoni, inkluż l-imbark u t-tiftix, f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli għall-bastiment li jintervjeni u mad-dritt internazzjonali, u dan biss permezz tal-użu ta' assi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni minn dawk l-Istati Membri li jkunu indikaw li huma kapaċi jieħdu tali azzjoni. Azzjoni ulterjuri, bħall-qbid tad-drogi u d-devjazzjoni ta' tali bastiment, kif ukoll l-arrest, id-detenzjoni, it-trasferiment lejn Stat terz u l-prosekuzzjoni ta' persuni involuti fit-traffikar ta' drogi narkotiċi, jistgħu jitwettqu minn Stati Membri disposti fil-kapaċità nazzjonali tagħhom abbażi tal-liġi domestika tagħhom.

3.   Ladarba jkun ġie approvat il-Pjan Operazzjonali bl-arranġamenti meħtieġa, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà għandu jattiva l-kompiti eżekuttivi sekondarji meta l-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jirrapporta li Atalanta tiddisponi mill-assi meħtieġa biex twettaq dawk il-kompiti u, fir-rigward tal-embargo tan-NU fuq l-armi, meta s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jirrapporta li jkunu saru n-notifiki meħtieġa skont il-paragrafu 15 tar-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2182 (2014).

4.   L-evidenza misjuba relatata mal-ġarr ta' oġġetti pprojbiti skont l-embargo fuq l-armi fuq is-Somalja jew ta' drogi narkotiċi, b'mod partikolari matul l-ispezzjonijiet imwettqa f'konformità mal-paragrafi 1 u 2, tista' tinħażen minn Atalanta fir-rigward tal-ġarr ta' armi u mill-Istati Membri li huma disposti u kapaċi jagħmlu dan fir-rigward tal-ġarr ta' drogi narkotiċi. B'mod partikolari, tista' tinġabar u tinħażen data personali, f'konformità mal-liġi applikabbli, li tikkonċerna persuni involuti fil-ġarr ta' tali armi jew drogi narkotiċi u li tkun relatata ma' karatteristiċi li x'aktarx jgħinu biex jiġu identifikati tali persuni, inkluż marki tas-swaba', kif ukoll id-dettalji li ġejjin, bl-esklużjoni ta' data personali oħra: kunjom, kunjom xebba, ismijiet attribwiti u kwalunkwe psewdonimu jew isem assunt; data u post tat-twelid, nazzjonalità, sess, post ta' residenza, professjoni u l-post fejn jinsabu; liċenzji tas-sewqan, dokumenti ta' identifikazzjoni u data tal-passaport. Tali data, kif ukoll data relatata mal-bastimenti u t-tagħmir użati minn tali persuni, u l-informazzjoni rilevanti miksuba waqt it-twettiq tal-kompiti skont dan l-Artikolu, jistgħu jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri. Hija tista' tiġi kkomunikata wkoll minn Atalanta fir-rigward tal-ġarr ta' armi, u minn Stati Membri disposti fir-rigward tal-ġarr ta' drogi narkotiċi, lil Stati terzi li jixtiequ jeżerċitaw il-ġuriżdizzjoni tagħhom fuq tali persuni u proprjetà, u lill-korpi kompetenti tal-UE f'konformità mal-liġi applikabbli.

5.   Jistgħu jiġu konklużi ftehimiet ma' Stati terzi, abbażi ta' awtorizzazzjonijiet mogħtija fuq bażi ta' każ b'każ mill-Kunsill, biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment minn Stat Membru ta' persuni arrestati u detenuti skont il-liġi nazzjonali tiegħu talli pparteċipaw fi ksur tal-embargo tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-armi fuq is-Somalja jew fit-traffikar ta' drogi narkotiċi 'l barra mill-kosta tas-Somalja, bil-ħsieb tal-prosekuzzjoni ta' tali persuni. Tali ftehimiet għandhom jinkludu kondizzjonijiet għat-trasferiment ta' tali persuni konsistenti mad-dritt internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiġi ggarantit b'mod partikolari li l-persuni kkonċernati ma jkunux soġġetti għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti.";

(5)

fl-Artikolu 8, jinżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"Atalanta għandha tikkoordina mill-qrib mal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia) u mal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia). Hija għandha tappoġġa, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, il-programmi rilevanti tal-UE.

Atalanta għandha tiżviluppa, skont mezzi u kapaċitajiet, kooperazzjoni speċifika mal-Operazzjoni Agénor.'';

(6)

fl-Artikolu 9, jinżdied il-paragrafu li ġej:

"3.   Atalanta għandha tappoġġa, skont mezzi u kapaċitajiet, b'mod partikolari permezz tal-bini ta' kapaċità u l-iskambju ta' informazzjoni, liċ-Ċentru Reġjonali għall-Fużjoni tal-Informazzjoni Marittima (RMIFC) fil-Madagascar u ċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni Operazzjonali Reġjonali (ROCC) fis-Seychelles.";

(7)

L-Artikolu 12 huwa mħassar;

(8)

fl-Artikolu 14, jinżdied il-paragrafu li ġej:

"7.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2022 għandu jkun ta' EUR 9 930 000. Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta' 0 %.";

(9)

fl-Artikolu 15, il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b'dan li ġej:

"4.   Atalanta hija b'dan awtorizzata tikkondividi mal-Bord ta' Esperti dwar is-Somalja, mal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, mas-CMF, mar-RMIFC u mar-ROCC informazzjoni, għajr data personali, dwar attivitajiet illegali jew mhux awtorizzati, miġbura matul l-operazzjonijiet tagħha.

5.   Atalanta hija b'dan awtorizzata tirrilaxxa lill-INTERPOL, f'konformità mal-Artikolu 2(h), u lill-EUROPOL, f'konformità mal-Artikolu 2(i), informazzjoni dwar attivitajiet illegali għajr piraterija miġbura matul l-operazzjonijiet tagħha.";

(10)

fl-Artikolu 16, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.   L-operazzjoni tal-UE għandha tintemm fil-31 ta' Diċembru 2022.".

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1083 tat-30 ta' Lulju 2018 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja (ĠU L 194, 31.7.2018, p. 142).


Top