EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0701

Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar il-forniment ta’ assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

PE/11/2020/REV/1

ĠU L 165, 27.5.2020, p. 31–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/701/oj

27.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/31


DEĊIŻJONI (UE) 2020/701 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Mejju 2020

dwar il-forniment ta’ assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-COVID-19 għandha effetti dannużi ħafna fuq l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fir-reġjuni tat-tkabbir u tal-viċinat. Is-sħab bħalissa qed jiffaċċjaw bilanċ ta’ pagamenti u sitwazzjoni fiskali dgħajfin u li qed jaggravaw b’pass mgħaġġel, bl-ekonomija dieħla f’reċessjoni. Hemm każ b’saħħtu biex l-Unjoni taġixxi malajr u b’mod deċiżiv b’appoġġ għal dawk l-ekonomiji. Din id-deċiżjoni għalhekk tkopri għaxart isħab: ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (*), il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq fir-reġjun tat-tkabbir; il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna fil-viċinat tal-Lvant u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan u r-Repubblika tat-Tuneżija fil-viċinat tan-Nofsinhar (“is-sħab”).

(2)

L-urġenza tal-assistenza hija relatata mal-ħtieġa immedjata li s-sħab ikollhom għall-fondi, flimkien ma’ dawk li se jiġu pprovduti permezz ta’ strumenti oħra tal-Unjoni u minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, mill-Istati Membri u minn donaturi bilaterali oħra. Dan huwa neċessarju sabiex jinħoloq spazju ta’ politika ta’ terminu qasir biex l-awtoritajiet tas-sħab ikunu jistgħu jimplimentaw miżuri biex jikkumbattu r-riperkussjonijiet ekonomiċi milll-pandemija tal-COVID-19.

(3)

L-awtoritajiet ta’ kull pajjiż sieħeb u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) diġà qablu dwar programm li jkun appoġġat minn arranġament ta’ kreditu mal-FMI jew huma mistennija li jaqblu dalwaqt dwar tali programm.

(4)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta’ appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikat għall-bilanċ tal-pagamenti, bl-għan li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-benefiċjarju, flimkien ma’ arranġament ta’ kreditu mal-FMI mhux prekawzjonarju li huwa soġġett għal programm miftiehem ta’ riformi ekonomiċi. Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun disponibbli wkoll għas-sħab li jibbenefikaw minn finanzjament ta’ emerġenza mill-FMI, li jista’ jingħata mingħajr azzjonijiet minn qabel u/jew kundizzjonalità, bħal permezz tal-Istrument ta’ Finanzjament Rapidu. Dik l-assistenza jenħtieġ għalhekk li tkun ta’ durata iqsar, limitata għal żewġ żborżi u tirfed l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ politika li jkun jinkludi sett limitat ta’ miżuri ta’ riforma.

(5)

L-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni lis-sħab huwa konsistenti mal-politiki tal-Unjoni tat-tkabbir u l-viċinat.

(6)

Peress li s-sħab huma jew is-sħab tal-adeżjoni jew ta’ qabel l-adeżjoni, jew koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, huma eliġibbli biex jirċievu l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

(7)

Peress li hu mistenni li l-ħtiġijiet finanzjarji esterni tas-sħab li qed jiddeterjoraw b’mod drastiku, ikunu ħafna ogħla mir-riżorsi li jiflaħ jipprovdi l-FMI u l-istituzzjonijiet multilaterali l-oħra, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li se tingħata lis-sħab, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ bħalissa, hija kkunsidrata rispons xieraq għat-talbiet tas-sħab bħala sostenn għall-istabbilizzazzjoni ekonomika. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika, filwaqt li tissupplimenta r-riżorsi li huma disponibbli skont l-arranġament ta’ kreditu tal-FMI.

(8)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jkollha l-għan li tappoġġa r-ritorn ta’ sitwazzjoni ta’ finanzjament estern sostenibbli għas-sħab, u b’hekk tappoġġa żvilupp ekonomiku u soċjali mġedded.

(9)

L-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa bbażat fuq stima preliminari tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu ta’ kull sieħeb u jqis il-kapaċità tiegħu ta’ awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riservi internazzjonali għad-dispożizzjoni tiegħu. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tikkomplementa l-programmi u r-riżorsi li jipprovdu l-FMI u l-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta’ finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni.

(10)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment f’konformità mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin u l-miżuri meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u politiki rilevanti oħra tal-Unjoni.

(11)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni fir-rigward tas-sħab. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-operazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja sabiex jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u jiżguraw il-konsistenza tagħha.

(12)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun tappoġġa l-impenn tas-sħab favur valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tagħhom favur il-prinċipji ta’ kummerċ li hu miftuħ, ibbażat fuq regoli u ġust.

(13)

Jenħtieġ li prekundizzjoni biex tingħata l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun li s-sħab jirrispettaw il-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari multipartitarja, u l-istat tad-dritt, u jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fis-sħab u jippromwovu r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u l-konsolidazzjoni fiskali. Il-Kummissjoni u s-SEAE jenħtieġ li jimmonitorjaw kemm it-twettiq tal-prekundizzjonijiet kif ukoll il-ksib ta’ dawk l-objettivi.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jiġu mħarsa b’mod effiċjenti, jenħtieġ li s-sħab jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu u jikkumbattu l-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta ma’ dik l-assistenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li jsiru provvedimenti biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq verifiki, biex il-Qorti tal-Awdituri tkun tista’ twettaq awditi u biex l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun jista’ jħaddem il-kompetenzi tiegħu.

(15)

Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (bħala l-awtorità baġitarja).

(16)

L-ammonti tal-provvediment meħtieġ għall-assistenza makrofinanzjarja jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(17)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi marbutin ma’ dik l-assistenza u tipprovdilhom bid-dokumenti rilevanti.

(18)

Sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jitħaddmu skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(19)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun soġġetta għal kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika, li jiġu stabbiliti f’Memorandum ta’ Qbil ("il-MtQ"). Sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta’ effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tinnegozja tali kundizzjonijiet mal-awtoritajiet tas-sħab taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-proċedura konsultattiva, bħala regola ġenerali, tapplika fil-każijiet kollha għajr kif previst f’dak ir-Regolament. Meta wieħed iqis l-impatt potenzjalment sinifikanti tal-assistenza ta’ aktar minn EUR 90 miljun, huwa xieraq li l-proċedura ta’ eżami kif speċifikata fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tintuża għall-operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu. Meta wieħed iqis l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lil kull sieħeb, jenħtieġ li tapplika l-proċedura konsultattiva għall-adozzjoni tal-MtQ mal-Montenegro, filwaqt li l-proċedura ta’ eżami jenħtieġ li tapplika għall-adozzjoni tal-MtQ mas-sħab l-oħrajn koperti minn din id-Deċiżjoni, u bl-istess mod għal kull tnaqqis, sospensjoni jew kanċellazzjoni ta’ dik l-assistenza.

(20)

Minħabba li l-għan ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jiġu appoġġati l-ekonomiji tas-sħab li qed jiffaċċjaw bilanċ ta’ pagamenti u sitwazzjoni fiskali dgħajfin u li qed jaggravaw b’pass mgħaġġel, bl-ekonomija dieħla f’reċessjoni, bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(21)

Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, ġie kkunsidrat xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(22)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli assistenza makrofinanzjarja (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”) lir-Repubblika tal-Albanija, lill-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Georgia, lir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, lill-Kosovo, lir-Repubblika tal-Moldova, lill-Montenegro, lir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, lit-Tuneżija u lill-Ukrajna (“is-sħab”) għal ammont massimu totali ta’ EUR 3 biljuni, bil-għan li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tas-sħab u aġenda ta’ riforma sostantiva. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet urġenti tal-bilanċ tal-pagamenti tas-sħab kif identifikati fil-programm appoġġat mill-FMI u għandha tkun disponibbli kif ġej:

(a)

EUR 180 miljun għar-Repubblika tal-Albanija;

(b)

EUR 250 miljun għall-Bożnija-Ħerzegovina;

(c)

EUR 150 miljun għall-Georgia;

(d)

EUR 200 miljun għar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan;

(e)

EUR 100 miljun għall-Kosovo;

(f)

EUR 100 miljun għar-Repubblika tal-Moldova;

(g)

EUR 60 miljun għall-Montenegro;

(h)

EUR 160 miljun għar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq;

(i)

EUR 600 miljun għar-Repubblika tat-Tuneżija;

(j)

EUR 1,2 biljuni għall-Ukrajna.

2.   L-ammont sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jingħata lil kull sieħeb fil-forma ta’ self. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, biex tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u ssellifhom lis-sieħeb. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

3.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew fehim milħuqa bejn l-FMI u s-sieħeb. Il-Kummissjoni għandha regolarment tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi rigward l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż l-iżborżi li tagħmel minnha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet id-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.

4.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perjodu ta’ 12-il xahar, li jibda mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-MtQ imsemmi fl-Artikolu 3(1).

5.   Jekk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ sieħeb jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-projezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal- -Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza, tissospendiha jew tikkanċellaha.

Artikolu 2

1.   Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li s-sieħeb jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluż sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-Kummissjoni u s-SEAS għandhom jimmonitorjaw li l-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 tiġi ssodisfata matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu applikati f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (3).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 7(2), għandha tilħaq ftehim mal-awtoritajiet ta’ kull sieħeb dwar politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji definiti b’mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li għalihom għandha tkun soġġetta l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Dik il-politika ekonomika u dawk il-kundizzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu stabbiliti f’MtQ li għandu jinkludi perjodu ta’ żmien għat-twettiq ta’ dawk il-kundizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-MtQ għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew fehim imsemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku u ta’ riforma strutturali implimentati mis-sieħeb, bl-appoġġ tal-FMI.

2.   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b’mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fis-sħab, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress fil-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta’ kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu bil-mod dovut fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika. Il-progress li jsir biex jinkisbu dawk l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni.

3.   It-termini finanzjarji dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fi ftehim ta’ self li għandu jintlaħaq separatament bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ kull sieħeb (il-“Ftehim ta’ Self”).

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f’intervalli regolari, li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu ssodisfati, inkluż jekk il-politiki ekonomiċi tas-sieħeb ikunux f’konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

Artikolu 4

1.   Soġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni permezz ta’ żewġ pagamenti ta’ self. Id-daqs ta’ kull pagament għandu jiġi stabbilit fil-MtQ.

2.   L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu pprovduti , fejn meħtieġ, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (4).

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti, soġġett għat-twettiq tal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-prekundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2;

(b)

rekord sodisfaċenti kontinwu tal-implimentazzjoni ta’ arranġament ta’ kreditu tal-FMI mhux prekawzjonarju;

(c)

l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u tal-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-MtQ.

Ir-rilaxx tat-tieni pagament ma għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel pagament.

4.   Fejn il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni għandha tissospendi temporanjament jew tikkanċella l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F’tali każijiet, għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għas-sospensjoni jew il-kanċellazzjoni.

5.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi żborżata lill-bank ċentrali tas-sieħeb. Soġġett għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-MtQ, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi bħala l-benefiċjarju finali.

Artikolu 5

1.   L-operazzjonijiet ta’ teħid u għoti b’self relatati mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur, u ma għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni ta’ maturitajiet, jew jesponuha għal kwalunkwe riskju fir-rata tal-kambju jew tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk is-sieħeb jitlob dan, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ir-ripagament bikri fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-self u li din tkun pariġġjata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta’ self.

3.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self u jekk is-sieħeb jitlob dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrifinanzja mill-ġdid it-teħid inizjali minnu ta’ self, kollu jew parti minnu, jew tista’ tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid jew ta’ ristrutturar għandhom jitwettqu skont il-paragrafi 1 u 4, u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta’ kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.

4.   L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni li huma relatati mal-operazzjonijiet ta’ teħid u għoti b’self taħt din id-Deċiżjoni għandhom jitħallsu mis-sieħeb.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar żviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 6

1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

2.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata taħt ġestjoni diretta.

3.   Il-Ftehim ta’ Self għandu jkun fih dispożizzjonijiet li:

(a)

jiżguraw li s-sieħeb jivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit ġenerali tal-Unjoni ntuża korrettament, li dan jieħu miżuri xierqa biex jipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, jieħu azzjoni legali biex jirkupra kwalunkwe fond pprovdut taħt din id-Deċiżjoni u li jkun ġie miżapproprjat;

(b)

jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari billi jipprevedu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni ta’, u tal-ġlieda kontra, il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f’konformità mar-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (6) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 (7) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) kif ukoll, għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw f’kooperazzjoni msaħħa rigward l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (9). Għal dak l-għan, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) għandu jkun espressament awtorizzat li jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post inklużi operazzjonijiet forensiċi diġitali u intervisti;

(c)

jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, jew lir-rappreżentanti tagħha, biex jwettqu verifiki, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post;

(d)

jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri biex jagħmlu awditjar matul u wara l-perjodu ta’ disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta’ dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali;

(e)

jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għal ripagament bikri tas-self fejn ikun stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, is-sieħeb wettaq att ta’ frodi jew ta’ korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tkun ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni; u

(f)

jiżguraw li l-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni relatati mal-operazzjonijiet ta’ teħid u għoti b’self taħt din id-Deċiżjoni għandhom jitħallsu mis-sieħeb.

4.   Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta’ valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni tas-sieħeb li huma rilevanti għall-assistenza.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 għall-assistenza makrofinanzjarja għall-Montenegro, filwaqt li għall-assistenza makrofinanzjarja għas-sħab l-oħrajn kollha koperti minn din id-Deċiżjoni għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ dik l-implimentazzjoni. Ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

(b)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tas-sħab, kif ukoll il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika msemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika stabbiliti fil-MtQ, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tas-sħab u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompletata tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwixxiet għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2020.

Għall Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Mejju 2020... (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2020.

(*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom. KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(‘l-UPPE’) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).


Top