EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019Q1125(01)

Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tal-1 ta’ Ottubru 2019 li tadotta regoli interni rigward restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data b’rabta mal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-ESMA

ĠU L 303, 25.11.2019, p. 31–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2020/1125/oj

25.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/31


DEĊIŻJONI TAL-BORD MANIĠERJALI TAL-AWTORITÀ EWROPEA TAT-TITOLI U S-SWIEQ

tal-1 ta’ Ottubru 2019

li tadotta regoli interni rigward restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data b’rabta mal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-ESMA

Il-Bord Maniġerjali

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (2) kif jista’ jiġi emendat ulterjorment, imħassar jew sostitwit, u b’mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-EDPS tal-20 ta’ Ġunju 2019 u tal-Gwida tal-EDPS dwar l-Artikolu 25 tar-Regolament il-ġdid u r-regoli interni,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat tal-Persunal,

Billi:

(1)

L-ESMA twettaq l-attivitajiet tagħha f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 (ir-“Regolament tal-ESMA” u l-“ESMA”), kif jista’ jiġi emendat ulterjorment, imħassar jew sostitwit.

(2)

L-ESMA tipproċessa diversi kategoriji ta’ data personali, inkluża data oġġettiva (bħal data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data dwar it-traffiku) u/jew data“suġġettiva” (relatata mal-każ bħal data dwar ir-raġunament, data komportamentali u dwar l-imġiba, u data relatata ma’ jew ippreżentata b’konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew attività.

(3)

L-ESMA, irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, taġixxi bħala l-kontrollur tad-data irrispettivament minn delegazzjonijiet ulterjuri tar-rwol tal-kontrollur fi ħdan l-ESMA biex jiġu riflessi r-responsabbiltajiet operazzjonali għal operazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar tad-data personali.

(4)

Id-data personali tinħażen b’mod sigur f’ambjent elettroniku jew fuq il-karti, filwaqt li jiġi evitat aċċess jew trasferiment illegali ta’ data lil persuni li ma jkollhomx ħtieġa ta’ tagħrif. Id-data personali pproċessata tinżamm għal żmien mhux itwal milli jkun meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data għall-perjodu speċifikat fir-reġistri tal-protezzjoni tad-data u l-istqarrijiet ta’ privatezza tal-ESMA.

(5)

Għall-eżerċitar tal-missjonijiet tagħha, l-ESMA għandha obbligu li tirrispetta, kemm jista’ jkun, id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari dawk relatati mad-dritt ta’ forniment ta’ informazzjoni, ta’ aċċess u ta’ rettifika, id-dritt ta’ tħassir, ta’ restrizzjoni tal-ipproċessar, id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data, jew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni, kif minquxa fir-Regolament (UE) 2018/1725.

(6)

Madankollu, l-ESMA tista’ tkun obbligata tirrestrinġi l-informazzjoni lis-suġġett tad-data jew drittijiet oħra tas-suġġett tad-data biex, b’mod partikolari, tipproteġi l-kunfidenzjalità u l-effettività tal-investigazzjonijiet proprji tagħha, l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni oħra relatati mal-investigazzjonijiet jew il-proċeduri l-oħra tagħha.

(7)

Fi ħdan il-qafas tal-funzjonament amministrattiv tagħha, l-ESMA tista’ twettaq għadd ta’ investigazzjonijiet, bħal investigazzjonijiet amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, attivitajiet preliminari relatati mal-frodi finanzjarja, investigazzjonijiet relatati ma’ każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta jew ta’ fastidju, awditi interni, investigazzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data jew l-etika, investigazzjonijiet dwar tal-ICT, investigazzjonijiet dwar is-sigurtà tal-informazzjoni u attivitajiet imwettqa fil-kuntest ta’ riskji għas-sigurtà u l-ġestjoni ta’ inċidenti. Barra minn hekk, għall-eżerċitar tal-missjonijiet tagħha, l-ESMA twettaq investigazzjonijiet relatati mal-funzjonijiet diretti ta’ superviżjoni jew infurzar tagħha, u tista’ twettaq investigazzjonijiet dwar ksur potenzjali tal-liġi tal-Unjoni, kif ukoll investigazzjonijiet dwar tip partikolari ta’ attività finanzjarja jew tip ta’ prodott jew imġiba, sabiex tivvaluta theddid potenzjali għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

(8)

Ir-regoli interni għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar kollha mwettqa mill-ESMA fit-twettiq tal-investigazzjonijiet ta’ hawn fuq. Dawn għandhom japplikaw ukoll għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa qabel il-ftuħ tal-investigazzjonijiet imsemmija hawn fuq, matul dawn l-investigazzjonijiet u matul il-monitoraġġ tas-segwitu għall-eżitu ta’ dawn l-investigazzjonijiet. Għandhom ikunu inklużi wkoll l-assistenza, il-koordinazzjoni u/jew il-kooperazzjoni mitluba mingħand l-ESMA mill-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-kuntest tal-investigazzjonijiet amministrattivi proprji tagħhom.

(9)

Qabel tagħmel użu mir-restrizzjonijiet previsti f’dawn ir-regoli interni, l-ESMA għandha tqis jekk tapplikax xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725. Fil-każijiet fejn japplikaw restrizzjonijiet skont dawn ir-regoli interni, l-ESMA trid tispjega għalfejn dawn ir-restrizzjonijiet huma strettament meħtieġa u proporzjonali f’soċjetà demokratika, u kif jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

(10)

L-ESMA għandha timmonitorja jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni jkunux għadhom japplikaw u tneħħi r-restrizzjoni meta ma jkunux għadhom japplikaw.

(11)

Il-Kontrollur għandu jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data meta jirrestrinġi l-applikazzjoni ta’ ċerti drittijiet tas-suġġetti tad-data skont din id-Deċiżjoni, meta jestendi restrizzjoni bħal din u meta titneħħa r-restrizzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli interni relatati mal-kundizzjonijiet li taħthom l-ESMA, fil-qafas tal-attivitajiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 5, tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet imniżżlin fl-Artikoli 14 sa 21, u 35, kif ukoll l-Artikolu 4 tagħha, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Dawn ir-restrizzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-eżenzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data pprovduti fir-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Fi ħdan il-qafas tal-funzjonament amministrattiv tal-ESMA, ir-restrizzjonijiet previsti fil-punt 1 ta’ dan l-Artikolu japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali mill-ESMA għall-finijiet ta’:

(a)

investigazzjonijiet amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari;

(b)

irregolaritajiet fl-ipproċessar f’kollegament mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF);

(c)

ipproċessar ta’ każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, każijiet ta’ fastidju (formali u informali), kif ukoll ta’ lmenti interni u esterni;

(d)

awditi interni, investigazzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data jew l-etika;

(e)

investigazzjonijiet tal-ICT, investigazzjonijiet dwar is-sigurtà tal-informazzjoni u attivitajiet imwettqa fil-kuntest ta’ riskji għas-sigurtà u l-ġestjoni ta’ inċidenti, indirizzati internament jew b’involviment estern.

3.   Fi ħdan l-eżerċitar tal-missjonijiet tal-ESMA, ir-restrizzjonijiet previsti fil-punt 1 ta’ dan l-Artikolu japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali mill-ESMA għall-fini ta’:

(a)

investigazzjonijiet relatati mal-funzjonijiet diretti ta’ superviżjoni u infurzar tal-ESMA;

(b)

investigazzjonijiet ta’ ksur potenzjali tal-liġi tal-Unjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-ESMA; u

(c)

investigazzjonijiet dwar tip partikolari ta’ attività finanzjarja jew tip ta’ prodott jew tip ta’ mġiba, sabiex jiġi vvalutat theddid potenzjali għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-ESMA.

4.   Barra minn hekk, dawn ir-restrizzjonijiet japplikaw għall-assistenza, il-koordinazzjoni u/jew il-kooperazzjoni pprovduti mill-ESMA lill-awtoritajiet nazzjonali tat-titoli u s-swieq, inklużi awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, u organizzazzjonijiet internazzjonali fil-kuntest tal-investigazzjonijiet imwettqa għall-eżerċitar tal-missjonijiet statutorji tagħhom.

5.   Ir-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu japplikaw ukoll għal operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa qabel il-ftuħ tal-investigazzjonijiet jew ta’ inkjesti amministrattivi oħra msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 hawn fuq, matul dawn l-investigazzjonijiet u matul il-monitoraġġ tas-segwitu għall-eżitu ta’ dawn l-investigazzjonijiet.

6.   Din id-Deċiżjoni tapplika għal kwalunwke kategorija ta’ data personali pproċessata fil-kuntest tal-attivitajiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 5 hawn fuq.

7.   Soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw għad-drittijiet li ġejjin: il-forniment ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data, id-dritt ta’ aċċess, ir-rettifika, it-tħassir, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar u l-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data.

Artikolu 2

Kontrollur inkarigat mill-investigazzjonijiet u s-salvagwardji applikabbli

1.   Is-salvagwardji stabbiliti biex jiġi evitat ksur ta’ data personali, żvelar jew divulgazzjonijiet mhux awtorizzati fil-kuntest tal-investigazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 huma dawn li ġejjin:

(a)

Dokumenti tal-karta għandhom jinżammu f’armarji siguri u għandhom ikunu aċċessibbli għall-persunal awtorizzat biss;

(b)

Id-data elettronika kollha għandha tiġi ġestita bl-apparat, is-sistemi ta’ informazzjoni, l-applikazzjonijiet u r-riżorsi ta’ ħżin tal-midja approvati tal-ESMA. L-applikazzjonijiet tas-sistema ta’ ġestjoni tad-dokumenti tal-ESMA għandhom jintużaw biex tiġi organizzata, tinstab, tiġi kondiviża, miżmuma u protetta d-data elettronika tal-ESMA. Il-persunal awtorizzat tal-ESMA għandu jingħata aċċess għad-data elettronika abbażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif biss;

(c)

Il-persuni kollha li jkollhom aċċess għad-data huma marbuta bl-obbligu ta’ kunfidenzjalità.

2.   Il-Kontrollur tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar huwa l-ESMA, irrappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha, li jista’ jiddelega l-funzjoni tal-kontrollur. Is-suġġetti tad-data għandhom jiġu infurmati dwar il-kontrollur iddelegat permezz tar-reġistri tal-protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web tal-ESMA.

3.   Il-perjodu ta’ żamma tad-data personali pproċessata ma għandux ikun itwal milli meħtieġ u għandu jkun xieraq għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data. Il-perjodu ta’ żamma għandu jiġi speċifikat fir-reġistri tal-protezzjoni tad-data u fl-istqarrijiet ta’ privatezza msemmija fl-Artikolu 5(1).

4.   Fejn l-ESMA tqis li tapplika restrizzjoni, ir-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data għandhom jitqabblu, b’mod partikolari, mar-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra u r-riskju ta’ kanċellazzjoni tal-effett tal-investigazzjonijiet jew tal-proċeduri tal-ESMA, pereżempju billi tinqered l-evidenza. Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkonċernaw primarjament ir-riskji għar-reputazzjoni u r-riskji għad-dritt tad-difiża u d-dritt ta’ smigħ, iżda mhumiex limitati għal dawn.

Artikolu 3

Restrizzjonijiet

1.   Kwalunkwe restrizzjoni għandha tiġi applikata biss mill-ESMA biex jiġu salvagwardjati:

(a)

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inklużi s-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddidiet għas-sigurtà pubblika;

(b)

objettivi importanti oħra ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari l-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni jew xi interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inklużi kwistjonijiet monetarji, baġitarji u dawk relatati mat-tassazzjoni, mas-saħħa pubblika u mas-sigurtà soċjali;

(c)

is-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, inkluża dik tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika tagħhom;

(d)

il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ksur tal-etika għal professjonijiet regolati;

(e)

funzjoni ta’ monitoraġġ, ta’ spezzjoni jew regolatorja konnessa, anke b’mod okkażjonali, mal-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali fil-każijiet imsemmija fil-punti (a) u (b);

(f)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

2.   Bħala applikazzjoni speċifika tal-finijiet deskritti fil-paragrafu 1 hawn fuq, l-ESMA tista’ tapplika restrizzjonijiet relatati mad-data personali skambjata mas-servizzi tal-Kummissjoni jew ma’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni, ma’ awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)

fejn l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun jista’ jiġi ristrett mis-servizzi tal-Kummissjoni jew minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni abbażi ta’ atti oħra previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725, jew f’konformità mal-Kapitolu IX ta’ dak ir-Regolament jew mal-atti fundaturi ta’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

(b)

fejn l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun jista’ jiġi ristrett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri abbażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jew taħt miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(c)

fejn l-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jkunu jistgħu ifixklu l-kooperazzjoni tal-ESMA ma’ pajjiż terz jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fit-twettiq tal-kompiti tagħha jew tal-kompiti tal-pajjiż terz jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Qabel tapplika restrizzjonijiet fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tikkonsulta s-servizzi tal-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-aġenziji, l-uffiċċji rilevanti tal-Unjoni, jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, sakemm ma jkunx ċar għall-ESMA li l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni tkun prevista minn wieħed mill-atti msemmija f’dawk il-punti.

3.   Kwalunkwe restrizzjoni għandha tkun meħtieġa u proporzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’soċjetà demokratika.

4.   Jekk titqies l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni, għandu jitwettaq test tan-neċessità u tal-proporzjonalità abbażi tar-regoli attwali. Dan għandu jiġi dokumentat permezz ta’ nota ta’ valutazzjoni interna għall-finijiet ta’ akkontabilità, fuq il-bażi ta’ każ b’każ.

5.   Ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew hekk kif ma jibqgħux japplikaw iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawhom. B’mod partikolari, fejn jitqies li l-eżerċitar tad-dritt ristrett ma jibqax jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni imposta jew jaffettwa b’mod avvers id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra.

Artikolu 4

Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

1.   Mingħajr dewmien żejjed, il-Kontrollur għandu jinforma lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (l-“UPD”) kull meta l-Kontrollur jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jew jestendi r-restrizzjoni, f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Il-Kontrollur għandu jipprovdi aċċess lill-UPD għan-nota interna li tinkludi l-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, kif ukoll, fejn applikabbli, l-elementi fattwali u legali sottostanti, u jiddokumenta d-data meta jinforma lill-UPD.

2.   L-UPD jista’ jitlob lill-Kontrollur bil-miktub biex jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet. Il-Kontrollur għandu jinforma lill-UPD bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

3.   Il-Kontrollur għandu jinforma lill-UPD meta tkun tneħħiet ir-restrizzjoni.

4.   Il-Kontrollur għandu jiddokumenta l-involviment tal-UPD tul il-passi differenti tal-proċess, mid-data meta jinforma lill-UPD.

5.   In-nota interna u, fejn applikabbli, l-elementi fattwali u legali sottostanti għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fuq talba.

Artikolu 5

Forniment ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data

1.   L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha r-reġistri tal-protezzjoni tad-data li jinfurmaw lis-suġġetti tad-data kollha dwar l-attivitajiet tagħha li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali, inkluża informazzjoni relatata mar-restrizzjoni potenzjali tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

2.   L-ESMA għandha tinnotifika, individwalment, lis-suġġetti tad-data li hija tqis bħala persuni kkonċernati mill-investigazzjoni jew inkjesta, dwar ir-reġistru tal-protezzjoni tad-data tal-operazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar ikkonċernati, u dan mingħajr dewmien żejjed u bil-miktub.

3.   F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan id-deċiżjoni, l-ESMA tista’ tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, il-forniment ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 2. F’dan il-każ, hija għandha tiddokumenta f’nota interna r-raġunijiet għar-restrizzjoni, il-bażi legali f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, inkluża valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

4.   Ir-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha tkompli tapplika dment li jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawha.

Fejn ma jibqgħux japplikaw ir-raġunijiet għar-restrizzjoni, l-ESMA għandha tinnotifika lis-suġġett tad-data kkonċernat dwar ir-reġistru rilevanti tal-protezzjoni tad-data u dwar ir-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni. Din in-notifika tista’ tiġi akkumpanjata minn stedina biex issir sottomissjoni dwar is-sejbiet tal-investigazzjoni jew l-inkjesta li tkun għaddejja, bħala parti mill-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża tas-suġġett tad-data kkonċernat. Fl-istess ħin, l-ESMA għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar id-dritt li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’kull ħin, jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-ESMA għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur wara l-adozzjoni tagħha u mal-għeluq tal-inkjesta jew l-investigazzjoni rilevanti.

Artikolu 6

Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data

1.   Wara talba mis-suġġett tad-data, l-ESMA tista’ tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, id-dritt ta’ dan is-suġġett tad-data li jikseb konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċernah tkunx qed tiġi pproċessata mill-ESMA fil-kuntest ta’ investigazzjoni jew inkjesta msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni u, fejn dan ikun il-każ, id-dritt ta’ aċċess għal din id-data u għal informazzjoni oħra msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Fejn l-ESMA tirrestrinġi d-dritt ta’ aċċess, fit-tweġiba tagħha għat-talba, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat dwar ir-restrizzjoni applikata u dwar ir-raġunijiet prinċipali għaliha, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-forniment ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud, jekk dan ikun jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fejn dan ikun il-każ, l-ESMA għandha tiddokumenta, f’nota ta’ valutazzjoni interna, ir-raġunijiet għar-restrizzjoni, inkluża valutazzjoni tan-neċessità, il-proporzjonalità tar-restrizzjoni u d-durata tagħha.

4.   L-ESMA għandha teżamina mill-ġdid l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur wara l-adozzjoni tagħha u mal-għeluq tal-inkjesta jew l-investigazzjoni rilevanti.

Artikolu 7

Dritt ta’ rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   Wara talba mis-suġġett tad-data, l-ESMA tista’, fil-kuntest ta’ investigazzjoni jew inkjesta msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, id-dritt ta’ dan is-suġġett tad-data li jikseb rettifika tad-data personali relatata miegħu, li jħassar jew li jirrestrinġi l-ipproċessar tad-data personali tiegħu kif previst fl-Artikoli 18, 19 u 20 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Fejn l-ESMA tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dritt ta’ rettifika, ta’ tħassir jew ta’ restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi hawn fuq, hija għandha tieħu l-passi stipulati fl-Artikoli 6(2) u 6(3) ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   L-ESMA għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur wara l-adozzjoni tagħha u mal-għeluq tal-inkjesta jew l-investigazzjoni rilevanti.

Artikolu 8

Komunikazzjoni dwar ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data

1.   L-ESMA għandha tikkomunika ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data kkonċernat mingħajr dewmien żejjed meta l-ksur ta’ data personali aktarx li jirriżulta f’riskju kbir għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, kif previst fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-deċiżjoni, l-ESMA tista’ tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, il-forniment ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. F’dan il-każ, hija għandha tiddokumenta f’nota interna r-raġunijiet għar-restrizzjoni, il-bażi legali f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, inkluż valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

3.   Ir-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkompli tapplika dment li jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawha.

Fejn ma jibqgħux japplikaw ir-raġunijiet għar-restrizzjoni, l-ESMA għandha tikkomunika l-ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data kkonċernat u tinforma lis-suġġett tad-data dwar ir-raġunijiet prinċipali għar-restrizzjoni. Fl-istess ħin, l-ESMA għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar id-dritt li jressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’kull ħin, jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-ESMA għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur wara l-adozzjoni tagħha u mal-għeluq tal-inkjesta jew l-investigazzjoni rilevanti.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak li fih tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula f’Helsinki, l-1 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Bord Maniġerjali

Steven MAIJOOR

Il-President


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


Top