EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1181

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1181 tat-8 ta' Lulju 2019 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

ST/10475/2019/INIT

ĠU L 185, 11.7.2019, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1181/oj

11.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1181

tat-8 ta' Lulju 2019

dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi (3),

Billi:

(1)

L-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari biex jippromwovu forza tax-xogħol b'ħiliet, imħarrġa u li kapaċi tadatta, kif ukoll swieq tax-xogħol li jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ta' impjieg sħiħ u ta' progress soċjali stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)

F'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti għall-koordinazzjoni tal-politika għall-politiki fiskali, makroekonomiċi u strutturali. Bħala parti minn dawk l-istrumenti, il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1215 (4) (“il-linji gwida dwar l-impjiegi”) -u l-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 (5) jiffurmaw il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 (“il-linji gwida integrati”). Dawn jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, filwaqt li jirriflettu l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett ta' politiki u ta' riformi kkoordinati tal-Unjoni u nazzjonali li jirriżulta jikkostitwixxi ġabra ġenerali xierqa ta' politiki ekonomiċi u soċjali li jenħtieġ li tikseb effetti sekondarji pożittivi.

(3)

Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għas-sorveljanza multilaterali integrata tal-politiki ekonomiċi, baġitarji, soċjali u dwar l-impjiegi u għandu l-għan li jilħaq il-miri tal-Ewropa 2020, inkluż dawk dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE (6). Filwaqt li jiġu promossi l-objettivi ta' politika ta' spinta lill-investimenti, ta' riformi strutturali u tal-iżgurar ta' politiki fiskali responsabbli, is-Semestru Ewropew issaħħaħ u ġie ssimplifikat kontinwament mill-2015. B'mod partikolari, issaħħet l-enfasi tiegħu fuq l-impjiegi u fuq il-qasam soċjali; u ġie approfondit id-djalogu mal-Istati Membri, mas-sħab soċjali u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(4)

F'Novembru 2017 il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw proklamazzjoni interistituzzjonali għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li tistabbilixxi 20 prinċipju u dritt sabiex jiġi appoġġat il-funzjonament tajjeb u ġust tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jikkostitwixxi qafas ta' referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni soċjali u tal-impjiegi tal-Istati Membri, sabiex jiġu xprunati r-riformi fil-livell nazzjonali u sabiex iservi ta' boxxla għal proċess imġedded ta' konverġenza fl-Unjoni kollha.

(5)

Il-linji gwida integrati jenħtieġ li jiffurmaw il-bażi għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista' jindirizza lill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew u minn fondi oħra tal-Unjoni meta jimplimentaw il-linji gwida dwar l-impjiegi. Minkejja li d-destinatarji tal-linji gwida integrati huma l-Istati Membri u l-Unjoni, jenħtieġ li l-linji gwida dwar l-impjiegi jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll tas-sħab soċjali u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(6)

Jenħtieġ li l-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jimmonitorjaw il-mod kif jiġu implimentati l-politiki rilevanti fid-dawl tal-linji gwida dwar l-impjiegi, f'konformità mal-mandati rispettivi tagħhom abbażi tat-TFUE. Jenħtieġ li dawk il-kumitati u korpi preparatorji oħra tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali jaħdmu mill-qrib flimkien. Jenħtieġ li jinżamm id-djalogu dwar il-politiki bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-linji gwida dwar l-impjiegi.

(7)

Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġie kkonsultat.

(8)

Jenħtieġ li l-linji gwida dwar l-impjiegi jibqgħu stabbli sabiex jiġi żgurat li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni tagħhom. Wara valutazzjoni ta' żviluppi fis-swieq tax-xogħol u s-sitwazzjoni soċjali mill-adozzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi fl-2018, ġie determinat li l-ebda aġġornament mhu meħtieġ. Ir-raġunijiet għall-adozzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi fl-2018 jibqgħu validi, u għalhekk jenħtieġ li dawk il-linji gwida jinżammu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif stabbilit fl-Anness għad-Deċiżjoni (UE) 2018/1215, jinżammu għall-2019 u għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-politiki dwar l-impjiegi u fil-programmi tar-riformi tagħhom.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

A.-K. PEKONEN


(1)  Opinjoni tat-18 ta' Marzu 2019 (għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-20 ta' Ġunju 2019 (għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni tad-29 ta' April 2019 (għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1215 tas-16 ta' Lulju 2018 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 224, 5.9.2018, p. 4).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).


Top