Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0293

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/293 tat-8 ta' Novembru 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.43785 (2018/C) (ex 2015/PN, ex 2018/NN) implimentata mir-Rumanija għar-ristrutturar ta' Complexul Energetic Hunedoara (notifikata bid-dokument C(2018) 7308) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/7308

ĠU L 48, 20.2.2019, pp. 22–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/293/oj

20.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/293

tat-8 ta' Novembru 2018

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.43785 (2018/C) (ex 2015/PN, ex 2018/NN) implimentata mir-Rumanija għar-ristrutturar ta' Complexul Energetic Hunedoara

(notifikata bid-dokument C(2018) 7308)

(Il-test bir-Rumen biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li għamlet sejħa lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) msemmija hawn fuq (1),

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz ta' ittra datata t-12 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni infurmat lir-Rumanija li din iddeċidiet li tibda proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”) fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturar għal Complexul Energetic Hunedoara S.A. (“CE Hunedoara”). Id-Deċiżjoni tal-ftuħ segwiet notifiki u kuntatti preċedenti bejn il-Kummissjoni u r-Rumanija li jikkonċernaw għajnuna mill-Istat lil CE Hunedoara jew lill-predeċessuri tagħha, kif deskritt f'aktar dettall fid-deċiżjoni tal-ftuħ u t-taqsima 2.1 hawn taħt.

(2)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar dan.

(3)

Fil-15 ta' Mejju 2018, ir-Rumanija pprovdiet kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment minn partijiet interessati. Barra mill-kummenti li rċeviet fil-15 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni organizzat ukoll konferenza bil-vidjo mal-awtoritajiet Rumeni fil-31 ta' Lulju 2018.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA DWAR L-GĦAJNUNA

2.1.   Deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernaw lil CE Hunedoara

(4)

Fit-22 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet dwar l-għajnuna ppjanata għall-ammont ta' RON 1 169 miljun (madwar EUR 251,3 miljun) għall-għeluq ta' tlieta minn seba' minjieri tal-faħam sfruttati minn National Hard Coal Company JSC Petrosani (3) (“Deċiżjoni dwar l-ewwel għajnuna lil minjieri tal-faħam”). F'dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet li l-għajnuna ppjanata kienet kompatibbli mas-suq intern skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE (4) (“id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar għajnuna għal minjieri tal-faħam”).

(5)

Fl-20 ta' April 2015, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li Electrocentrale Paroșeni u Electrocentrale Deva, żewġ kumpaniji tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li kienu ngħaqdu biex jiffurmaw CE Hunedoara fl-2012, bejn l-2009 u l-2011 kienu rċevew għajnuna mill-Istat għall-operat li kienet inkompatibbli mas-suq intern. Fid-deċiżjoni tagħha (5) (“id-Deċiżjoni dwar l-għajnuna inkompatibbli”), il-Kummissjoni talbet lir-Rumanija sabiex tirkupra l-għajnuna u l-imgħax mingħand CE Hunedoara bħala l-kumpanija suċċessur taż-żewġ kumpaniji tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, fil-każ li l-benefiċjarji jfallu mill-jħallsu lura. Fl-10 ta' Ġunju 2015, l-awtoritajiet Rumeni pprovdew informazzjoni li turi li l-ammont ta' RON 34 785 015,45 (madwar EUR 7,48 miljun) li jkopri l-ammont tal-għajnuna li kellu jkun irkuprat u l-imgħax tal-irkupru kien trasferit minn CE Hunedoara lill-Ministeru Rumen għall-Enerġija, biex b'hekk implimentaw id-deċiżjoni tal-irkupru.

(6)

Fil-21 ta' April 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni dwar għajnuna mill-Istat ippjanata li tingħata lil CE Hunedoara fil-forma ta' self iddedikat sal-ammont ta' RON 167 miljun (madwar EUR 37,7 miljun) (6) (“id-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ”) (7). F'dik id-deċiżjoni l-Kummissjoni sabet li s-self kien jikkostitwixxi għajnuna għas-salvataġġ lil CE Hunedoara u ddikjarat li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà (“il-Linji Gwida S&R”) (8), filwaqt li kkunsidrat għadd ta' impenji li ttieħdu mir-Rumanija (ara l-premessi 120 u 123 hawn taħt).

(7)

Fil-21 ta' Ottubru 2015, sitt xhur wara d-deċiżjoni ta' għajnuna għas-salvataġġ. ir-Rumanija ttrażmettiet pjan ta' ristrutturar għal CE Hunedoara (“l-ewwel pjan ta' ristrutturar”) (9). L-għan tar-Rumanija kien li testendi l-perjodu għar-rimbors tas-self ta' salvataġġ, li kien is-suġġett ta' deċiżjoni ta' għajnuna għas-salvataġġ u li tagħti għajnuna ta' ristrutturar lil CE Hunedoara biex din tiffinanzja l-ispejjeż inklużi fl-ewwel pjan ta' ristrutturar. Permezz ta' ittra mibgħuta fit-3 ta' Diċembru 2015, ir-Rumanija kkomunikat l-intenzjoni tagħha li tipprovdi informazzjoni dwar għajnuna għar-ristrutturar erba' ġimgħat wara. Il-ġurnata ta' wara, il-Kummissjoni b'mod amministrattiv fetħet il-każ SA.43785 (2015/PN) li jikkonċerna għajnuna għal ristrutturar lil CE Hunedoara.

(8)

Fit-8 ta' Jannar 2016, ir-Rumanija nnotifikat minn qabel l-intensjoni tagħha li tagħti għajnuna għar-ristrutturar lil CE Hunedoara fuq il-bażi ta' pjan ta' ristrutturar ġdid, emendat meta mqabbel mal-ewwel pjan ta' ristrutturar (“il-pjan ta' ristrutturar emendat”) u ppreżentat informazzjoni ta' appoġġ addizzjonali, li kompliet iżżid magħha fil-11 ta' Jannar 2016. Fit-12 ta' Jannar 2016, saret laqgħa mal-awtoritajiet Rumeni dwar l-informazzjoni ppreżentata.

(9)

Fil-15 ta' Jannar 2016, ir-Rumanija ġiet infurmata li huma rakkommandabbli diversi emendi għall-għajnuna għar-ristrutturar maħsuba u għall-ewwel pjan ta' ristrutturar qabel ma r-Rumanija setgħet tgħaddi għan-notifika formali. Ir-Rumanija ma pprovdiet l-ebda pjan ta' ristrutturar ġdid wara dan.

(10)

F'Jannar 2016, CE Hunedoara bdiet proċeduri ta' insolvenza formali skont il-liġi Rumena, li madankollu ġew miċħuda minn qorti nazzjonali aktar tard.

(11)

Wara dan, ir-Rumanija qieset li, filwaqt li CE Hunedoara eventwalment kienet se tiġi likwidata, kien ser ikun meħtieġ li temporanjament uħud mill-unitajiet ta' ġenerazzjoni ta' enerġija jinżammu operazzjonali flimkien ma' xi minjieri tal-faħam u servizzi relatati għat-tħejjija tal-faħam appoġġati b'kumpens għall-ispejjeż tal-ġenerazzjoni. Abbażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet u pjanijiet ġodda għal suċċessur(i) potenzjali futur(i) għal CE Hunedoara li jopera(w) b'parti mill-assi ta' din tal-aħħar, fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Rumeni ppreżentaw informazzjoni fit-12 ta' Mejju 2016, matul konferenza bil-vidjo fit-18 ta' Mejju 2016, fid-9, il-25 u d-29 ta' Awwissu 2016, matul laqgħa fit-12 ta' Ottubru 2016, kif ukoll fid-9 ta' Novembru 2016, is-17 ta' Mejju 2017 u l-1 ta' Settembru 2017. L-informazzjoni pprovduta fis-17 ta' Mejju 2017 kienet tinkludi, b'mod partikolari, skeda taż-żmien għal-likwidazzjoni eventwali ta' CE Hunedoara.

(12)

Fl-24 ta' Novembru 2016, abbażi ta' notifika separata, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni dwar RON 447,8 miljun (madwar EUR 96,2 miljun) ippjanati li jingħataw lil CE Hunedoara għall-għeluq ta' tnejn mill-erba' minjieri tal-faħam li kienu għadhom jiġu operati minn CE Hunedoara li ma kinux is-suġġett tad-Deċiżjoni dwar l-ewwel għajnuna lil minjieri tal-faħam (10) (“id-Deċiżjoni dwar it-tieni għajnuna lil minjieri tal-faħam”). F'dik id-deċiżjoni l-Kummissjoni sabet li l-għajnuna ppjanata kienet kompatibbli mas-suq intern skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar għajnuna lil minjieri tal-faħam.

2.2.   Il-benefiċjarju: CE Hunedoara

(13)

CE Hunedoara hija kumpanija għall-ġenerazzjoni tal-enerġija integrata vertikalment, bil-kwartieri ġenerali f'Petrosani, il-Kontea ta' Hunedoara. L-ishma tagħha huma proprjetà sħiħa tal-Istat Rumen. CE Hunedoara tuża l-aktar il-faħam indiġenu, li din tikseb mill-minjieri tal-faħam tagħha, sabiex tipproduċi sħana elettrika għall-bliet fil-viċinat. Iż-żewġ impjanti tal-enerġija tagħha, Deva (11) u Paroseni (12), għandhom kapaċità nominali totali installata ta' 1 225 MW. CE Hunedoara tipproduċi madwar 4,2 % tal-elettriku kkunsmat fir-Rumanija, fejn hija l-uniku produttur maġġuri tal-elettriku fiż-żoni taċ-ċentru u tal-Majjistral. Il-kumpanija timpjega madwar 6 600 persuna, li 1 750 impjieg minnhom għandhom x'jaqsmu mal-ġenerazzjoni tal-enerġija u 4 700 oħra mal-attivitajiet fil-minjieri.

(14)

CE Hunedoara twaqqfet f'Novembru 2012 billi ngħaqdu żewġ kumpaniji proprjetà tal-Istat li qabel kienu qed ifallu u issa ġew likwidati, Electrocentrale Paroseni u Electrocentrale Deva (“il-kumpaniji predeċessuri”). Wara l-likwidazzjoni ta' National Hard Coal Company JSC Petrosani, kien hemm erba' minjieri tal-faħam ippjanati li jibqgħu jaħdmu u mhux ippjanati li jirċievu għajnuna għall-għeluq skont id-Deċiżjoni dwar l-ewwel għajnuna għall-minjieri tal-faħam. Dawn ġew amalgamati f'CE Hunedoara flimkien mal-unitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u l-persunal amministrattiv relatat u l-proprjetà immobbli ta' Electrocentrale Paroseni u Electrocentrale Deva, minħabba li kważi l-faħam kollu pprovdut mill-erba' minjieri tal-faħam kien użat minn Electrocentrale Paroseni u Electrocentrale Deva bħala fjuwil għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u l-provvista ta' sħana. B'mod partikolari:

—

Inizjalment, CE Hunedoara ħadet taħt idejha l-assi tal-produzzjoni u l-obbligazzjonijiet mill-kumpaniji predeċessuri. Iż-żewġ kumpaniji b'mod konsistenti ma setgħux ibigħu l-elettriku bi prezzijiet tas-suq kompetittivi fir-Rumanija, u rċevew għajnuna għal operat inkompatibbli fl-ammonti ta' RON 22,62 miljun u RON 3,65 miljun bejn l-2009 u l-2011 (madwar EUR 5,6 miljun b'kollox), li l-Kummissjoni ordnat lir-Rumenija biex tirkupra bl-imgħax mingħand CE Hunedoara fid-Deċiżjoni dwar l-għajnuna inkompatibbli, minħabba l-kontinwità ekonomika u legali mal-benefiċjarji (13).

—

Sussegwentement, f'Awwissu 2013, CE Hunedoara ħadet pussess ta' erba' minn seba' minjieri tal-faħam mingħand National Hard Coal Company JSC Petrosani. Aktar qabel, sal-2011, in-National Hard Coal Company JSC Petrosani kienet tħaddem seba' minjieri, li tlieta minnhom irċevew għajnuna għall-għeluq taħt id-Deċiżjoni dwar l-ewwel għajnuna għall-minjieri tal-faħam. L-erba' minjieri l-oħra li wara ġew inkorporati f'CE Hunedoara allegatament kienu vijabbli. Dawn l-erba' minjieri tal-faħam u assi oħra produttivi kienu ttrasferiti lil CE Hunedoara netti minn kwalunkwe obbligazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' dejn ta' madwar EUR 1,2 biljun akkumulati minn qabel għall-Istat jew entitajiet pubbliċi oħra, l-aktar dovuti għal taxxi u kontribuzzjonijiet mhux imħallsa. Id-dejn akkumulat ma kienx ġie kkunsidrat meta saret valutazzjoni tal-vijabbiltà tal-erba' minjieri. Il-Kummissjoni nnutat l-impenn tar-Rumanija li tinnotifika taħt regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jekk meħtieġ, kwalunkwe miżura tal-Istat dwar dejn dovut lill-Istat. Ir-Rumanija ma nnotifikatx il-proċess (14) meta l-erba' minjieri tal-faħam ġew ittrasferiti lil CE Hunedoara mingħajr dejn.

2.3.   Ir-rendiment operazzjonali u finanzjarju ta' CE Hunedoara

2.3.1.   Ir-rendiment operazzjonali

(15)

Skont ir-Regolatur tal-Enerġija Rumen, (15) is-sehem tal-ġenerazzjoni tal-elettriku nett ta' CE Hunedoara bejn l-2013 u l-2015 kien kif ġej:

Tabella 1

Produzzjoni ta' elettriku totali fl-2013–2015 minn CE Hunedoara meta mqabbla mal-produzzjoni totali

Ġeneratur

Kapaċità użata (MW)

Total ta' elettriku ġġenerat (TWh)

2013

2014

2015

2013

2014

2015

CE Hunedoara

1 110 (6 %)

998 (5 %)

1 063 (5 %)

3 (5 %)

2,7 (4 %)

1,84 (2,9 %)

Volum tas-suq

18 142 (100 %)

18 448 (100 %)

19 086 (100 %)

55,8 (100 %)

62 (100 %)

62,6 (100 %)

(16)

Fir-Rumanija, l-elettriku huwa ġġenerat minn diversi tipi ta' impjanti tal-enerġija bi spejjeż ta' ġenerazzjon li jvarjaw. Minn Lulju 2012, l-elettriku huwa nnegozjat fuq livell bl-ingrossa permezz tal-iskambju, jiġifieri swieq spot u forward tal-Borża Rumena tal-Enerġija (“OPCOM”).

(17)

Kriterju importanti għal operazzjoni ta' impjant tal-enerġija huwa t-tqabbil tal-prezz tas-suq għal ġurnata bil-quddiem u l-ispejjeż marġinali għall-ġenerazzjoni tal-elettriku f'dak l-impjant tal-enerġija. Fil-każ ta' impjanti tal-enerġija termali, l-ispejjeż marġinali ewlenin huma l-ispejjeż tal-fjuwil, l-ispejjeż taċ-ċertifikati għall-emissjonijiet tas-CO2 u l-ispejjeż marġinali operazzjonali.

(18)

CE Hunedoara rreġistrat nefqa tal-produzzjon medja ta' 274,27 RON/MWh (madwar 59 EUR/MWh) fl-2013, 310,19 RON/MWh (madwar 67 EUR/MWh) fl-2014 u 358,90 RON/MWh (madwar 77 EUR/MWh) fl-2015. Barra minn dan, in-nefqa medja tal-estrazzjoni tal-faħam iebes (il-fjuwil) f'CE Hunedoara kien madwar 126 RON/MWh (madwar 27 EUR/MWh), meta mqabbel mal-prezz tal-faħam iebes fis-suq ta' madwar 40 RON/MWh (madwar 9 EUR/MWh) (16).

(19)

Madankollu, il-prezz medju ppeżat annwali tal-elettriku fuq is-suq għal ġurnata bil-quddiem fuq l-OPCOM kien ta' 165,06 RON/MWh (madwar 35 EUR/MWh) fl-2013, 158,93 RON/MWh (madwar 34 EUR/MWh) fl-2014 u 166,35 RON/MWh (madwar 36 EUR/MWh) fl-2015. Barra minn dan, fuq is-suq ċentralizzat bilaterali tal-OPCOM il-prezz medju annwali tal-prezz tal-elettriku kien ivarja bejn 182,94 RON/MWh (madwar 39 EUR/MWh) u 162,41 RON/MWh (madwar 35 EUR/MWh) bejn l-2013 u l-2015 (17). Fi kliem ieħor, bejn l-2013 u l-2015, meta ngħata s-self inkwistjoni, l-ispejjeż medji tal-produzzjoni ta' CE Hunedoara kienu bejn 66 % u 116 % ogħla mill-prezzijiet li bihom l-elettriku kien innegozjat fuq is-suq għal ġurnata bil-quddiem u bejn 50 % u 121 % ogħla mill-prezzijiet fuq is-suq ċentralizzat bilaterali tal-borża Rumena tal-enerġija.

(20)

Wieħed jista' jinnota li b'dawn il-prezzijiet tas-suq CE Hunedoara ma setgħetx topera bi profitt fit-tul minħabba li l-prezzijiet għal ġurnata bil-quddiem u l-prezzijiet forward kienu anqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni ta' CE Hunedoara. F'suq tal-elettriku kompetittiv, wieħed jistenna li kwalunkwe produzzjoni tinbiegħ bi prezz ogħla mill-ispejjeż marġinali tagħha sabiex jinkiseb marġini ta' profitt. Madankollu, CE Hunedoara evidentement ma kinitx kapaċi li tagħmel dan mit-twaqqif tagħha minbarra f'ċerti okkażjonijiet, kif muri mill-fatt li CE Hunedoara falliet milli twarrab dħul operattiv suffiċjenti biex tixtri ċertifikati għall-emissjonijiet tas-CO2 meħtieġa fl-2014 u fl-2015. Impjanti tal-enerġija mħaddma bil-faħam ġeneralment joperaw bħala impjanti tal-enerġija li joperaw permezz ta' karga bażika b'fattur tat-tagħbija ta' 70 % jew aktar (18). Madankollu, wieħed jista' jara mid-data tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fit-Tabella 1 li l-fattur tat-tagħbija għal CE Hunedoara kien ta' 30,8 % fl-2013 u fl-2014, filwaqt li waqa' għal anqas minn 20 % fl-2015. Dan jista' jkun spjegat mill-fatt li l-assi produttivi fil-forma ta' minjieri tal-faħam u ż-żewġ impjanti għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li ngħaqdu f'CE Hunedoara f'Novembru 2012 kienu l-istess bħal dawk operati qabel mill-kumpaniji predeċessui li fallew, mingħajr titjib sinifikanti fil-produzzjoni jew fit-teknoloġija bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni. B'riżultat ta' dan, CE Hunedoara biegħet il-produzzjoni tagħha bi prezz medju ta' 199,22 RON/MWh (madwar 43 EUR/MWh) fl-2013, 167,68 RON/MWh (madwar 36 EUR/MWh) fl-2014 u 181,52 (madwar 39 EUR/MWh) fl-2015 (19) u bħall-predeċessuri tagħha, ma kinitx kapaċi tiġġenera profitti suffiċjenti biex tissodisfa l-ispejjeż tal-operat u d-dejn, inkluż id-dejn lill-entitajiet pubbliċi, kif muri fit-Tabella 2 hawn taħt.

2.3.2.   Ir-rendiment finanzjarju

(21)

Kif muri fit-Tabella 2 hawn taħt, fl-2012, l-ewwel sena tal-operat, CE Hunedoara għamlet profitt (dħul nett) ta' RON 37,9 miljun (madwar EUR 8,1 miljun). Madankollu, mill-2013, meta ġew ittrasferiti l-erba' minjieri tal-faħam u l-unità relatata għall-preparazzjoni tal-faħam, CE Hunedoara bdiet tiġġenera telf dejjem akbar li jammonta għal RON 147,6 miljun (EUR 31,7 miljun) fl-2013 u RON 352,3 miljun (EUR 76 miljun) fl-2014, waqt li bdiet turi deterjorament fl-indikaturi finanzjarji fir-rigward tad-dħul operattiv, tad-dejn għall-ekwità u l-likwidità. Sa tmiem l-2015, CE Hunedoara kellha ekwità negattiva ta' RON 1 082,6 miljun (EUR 232,7 miljun). Sa tmiem l-2017, l-ekwità negattiva kienet irduppjat għal RON 2 842,7 miljun (EUR – 611,18 miljun). Sa mill-2013, ir-riżultat operattiv kien negattiv, u l-kumpanija ma kellhiex likwidità ħielsa disponibbli għar-rimbors ta' dejn finanzjarju u pagamenti, mingħajr ma jiġi inkluż id-dejn addizzjonali dovut lill-korpi mhux kummerċjali tal-Istat, bħal pereżempju l-awtoritajiet tat-taxxa.

Tabella 2

Riżultati finanzjarji ta' CE Hunedoara 2012-2017

RON f'miljuni

2012

2013

2014

2015

2016

2017

Dħul totali

249,4

1 061,1

691,5

574,74

448,4

568,7

Qligħ/telf tal-operat (EBITDA)

20,2

– 167,1

– 341,7

– 1 647,6

– 838,2

– 744,6

Dħul/Telf Nett

37,9

– 147,6

– 352,3

– 1 661,6

– 858,4

– 768,8

Kapital tal-ishma

203,4

349,8

354,5

354,5

354,5

354,5

Ekwità

678,7

980,1

629,3

– 1 082,6

– 2 071,3

– 2 842,7

Dejn fit-tul

170,0

269,5

258,7

270,5

245,4

237,4

Dejn kurrenti ieħor inkluż taxxi

72,3

243,2

371,6

726,7

922,2

1 099,1

Sors: www.cenhd.ro, skont rapporti finanzjarji disponibbli għall-pubbliku, aċċessati f'Ġunju 2018

(22)

Sa April 2015 l-aktar tard, CE Hunedoara kienet tissodisfa l-kriterji biex tkun suġġetta għal proċedimenti ta' insolvenza kollettiva skont il-liġi Rumena (20). F'Jannar 2016, CE Hunedoara kienet suġġetta temporanjament għal proċediment ta' insolvenza. F'Marzu 2016, l-amministratur tal-insolvenza ta' CE Hunedoara ppublika rapport (“ir-rapport tal-amministratur tal-insolvenza”) li kien jinkludi informazzjoni dwar l-obbligi tal-kumpanija, minn fejn irriżulta li CE Hunedoara kellha tagħti madwar RON 2 360 miljun (madwar EUR 507,4 miljun) lil diversi entitajiet tal-Istat. Dan l-ammont irrefera, fost l-oħrajn, għas-self kopert minn din id-deċiżjoni kif ukoll multi dovuti lill-Aġenzija tal-Ambjent minħabba nuqqas biex jinkisbu konċessjonijiet għall-karbonju, ċertifikati ekoloġiċi u djun oħra mal-Istat kif ukoll mal-baġit tas-Sigurtà Soċjali. Skont ir-Rumanija, l-Aġenzija tal-Ambjent talbet ukoll il-ħlas tal-ammonti dovuti lilha minn CE Hunedoara, kif ukoll lil kredituri privati oħra.

(23)

Kif turi l-pożizzjoni ta' ekwità ta' CE Hunedoara, il-kumpanija teknikament hija falluta imma qed tkompli topera għad-detriment tal-biċċa l-kbira tad-djun tagħha u tal-obbligi fiskali tagħha. Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, il-proċess ta' likwidazzjoni ta' CE Hunedoara jista' jdum minimu ta' tliet snin jekk jinbeda mill-Istat Rumen fil-kapaċità tiegħu bħala azzjonist u kreditur ewlieni ta' CE Hunedoara. Sa issa t-talbiet ta' insolvenza ppreżentati fil-Qorti Kummerċjali nazzjonali ma wasslux għad-dikjarazzjoni ta' insolvenza permanenti ta' CE Hunedoara.

2.4.   Is-self mogħti lil CE Hunedoara

(24)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni eżaminat ħames każijiet ta' self iffinanzjati jew appoġġjati b'mod pubbliku mogħtija lil jew għal benefiċċju ta' CE Hunedoara għan-negozju attwali tagħha ta' ġenerazzjoni tal-elettriku u li, sat-30 ta' Ġunju 2016, kienu jammontaw għal dejn dovut lill-Istat Rumen għall-ammont ta' RON 337 107 835 (madwar EUR 72,48 miljun), inkluż l-ammont prinċipali dovut, l-imgħax u l-imgħax għal pagamenti tard u għal spejjeż oħra. It-Tabella 3 t'hawn taħt turi l-informazzjoni aġġornata tar-Rumanija dwar il-kapital dovut ta' dan is-self, fil-31 ta' Marzu 2018.

(25)

Wara d-deċiżjoni tal-ftuħ, l-awtoritajiet Rumeni pprovdew il-kuntratti tas-self li skonthom it-termini u l-kundizzjonijiet inizjali ewlenin tas-self kienu kif ġej:

(a)   Is-self mill-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (“IBRD”) garantit mill-Istat Rumen permezz tal-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi - “is-self mill-IBRD”

(26)

Dan is-self kien jikkoċerna l-proġett ta' riabilitazzjoni u modernizzazzjoni tal-blokk ta' enerġija Nru 3 f'CET Mintia.

(27)

Għal dan il-għan, f'Awwissu 1995, id-Direttorat Awtonomu għall-Enerġija Elettrika “RENEL” (Regia Autonomă de Electricitate) kiseb self mill-Bank Dinji għall-ammont ta' USD 110 000 000 li minnhom l-ammont ta' USD 33 500 000 wara ġie kkanċellat, fi Frar 2001. Sas-17 ta' Mejju 2001, meta l-ftehim kien sospiż minn IBRD, kien inġibed l-ammont totali ta' USD 10 930 016.

(28)

Fil-31 ta' Mejju 2002, IBRD kompla l-ftehim ta' self ma' Electrocentrale Deva. Dan il-ftehim kien garantit mill-Gvern Rumen u kien jippreveri li Electrocentrale Deva seta' jkollha ammont massimu ta' USD 69 908 805 (li minnhom l-ammont ta' USD 1 162 752 wara ġie kkanċellat, fi Frar 2005).

(29)

Id-data tal-maturità tas-self kienet l-1 ta' Novembru 2015 u l-iskeda tal-ħlas kienet tipprevedi rimbors f'pagamenti darbtejn fis-sena (li jitħallsu f'Mejju u f'Novembru) għal 14-il sena, mill-2002.

(30)

Ir-rata ta' interess hija ugwali għan-nefqa tas-self kwalifikat u hija ddeterminata fuq il-bażi tas-semestru preċedenti biż-żieda ta' nofs punt perċentwali, barra minn dan, għal ammonti li għalihom ma jkun sar l-ebda ġbid, Electrocentrale Deva kellha wkoll tħallas it-tariffa ta' impenn ta' 0,25 %.

(b)   Is-self mill-Bank Kummerċjali Rumen (“BCR”) mitlub mill-Ministeru għall-Finanzi għall-benefiċċju ta' CE Hunedoara – “is-self mill-BCR”

(31)

Dan is-self intalab sabiex jiġi ffinanzjat 25 % ta' proġett akbar imsemmi “Centrala Electrica Paroseni” rigward l-installazzjoni ta' proċess ta' desulfurizzazzjoni ta' gass ta' skart u għall-bidla fit-teknoloġija għall-ġbir, it-trasportazzjoni u d-depożitu ta' gagazza u rmied. L-iffinanzjar tal-partijiet l-oħra kien żgurat permezz ta' self mill-BRD (li kien ikopri 25 % tal-ispejjeż totali - informazzjoni dwar dan is-self tingħata taħt il-punt (d) hawn taħt) u self mill-Bank Ewropew għall-Investiment (“BEI”) (għal 50 % tal-ispejjeż totali; dan is-self mhux kopert mid-deċiżjoni tal-ftuħ).

(32)

Permezz ta' kuntratt ta' self mibdi fit-3 ta' Diċembru 2013 bejn il-BCR u l-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, ingħata self għal investiment mill-bank lil mutwatarju, li dan wara ġie mgħoddi lil CE Hunedoara bħala parti minn ftehim ta' self sussidjarju li nbeda fil-5 ta' Diċembru 2013.

(33)

Il-kuntratt ta' self u l-ftehim ta' self sussidjarju t-tnejn kienu jikkonċernaw l-istess kapital ta' RON 83 485 450 (jiġifieri EUR 17 950 000) li inizjalment kien ingħata mill-bank lill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, u wara dan, minn dan tal-aħħar lil CE Hunedoara.

(34)

Iż-żmien ta' maturità għas-self kien ta' 15-il sena, b'perjodu ta' konċessjoni ta' 3 snin. L-iskeda tal-pagament kienet tipprevedi rimbors b'25 pagament ugwali li jsiru darbtejn fis-sena. Ir-rata tal-imgħax kienet stabbilita għal 4,20 % fis-sena.

(35)

L-ammonti kollaterali relatati ma' dan is-self mill-BCR, li jservu wkoll bħala ammonti kollaterali wkoll għas-self mill-BRD ta' EUR 14 700 000 (jiġifieri RON 68 369 000) spjegati taħt il-punt (d) hawn taħt kif ukoll self relatat mill-BEI ta' EUR 32 650 000 (jiġifieri RON 151 855 150) mhux inkużi fid-deċiżjoni tal-ftuħ, kienu stabbiliti bħala ipoteka fuq proprjetà immobbli u assi mobbli ta' CE Hunedoara b'valur totali ta' EUR 93 323 204 (jiġifieri RON 417 481 353,09).

(36)

Fir-rigward ta' dan is-self mill-BCR, CE Hunedoara kellha tħallas ukoll 2,5 % bħala kummissjoni fuq ir-riskju lill-Ministeru tal-Finanzi Pubbliċi, jiġifieri EUR 448 750 maqsuma fi tmien partijiet, għall-“Fond għar-riskju għal dejn pubbliku tal-gven”.

(c)   Is-self mill-Bank għall-Iżvilupp Rumen (“BRD”) mitlub mill-Ministeru għall-Finanzi u subordinat lil CE Hunedoara – “is-self mill-BRD”

(37)

Dan is-self intalab għall-iffinanzjar tal-proġett “Centrala Electrică Paroșeni”.

(38)

Permezz ta' kuntratt ta' ffinanzjar mibdi fid-19 ta' Mejju 2014 bejn il-BRD u l-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, ingħata self mill-bank lil mutwatarju, li dan wara ngħadda lil CE Hunedoara bħala parti minn ftehim ta' self sussidjarju li nbeda fil-5 ta' Ġunju 2014.

(39)

Il-kuntratt ta' ffinanzjar imsemmi hawn fuq u l-ftehim ta' self sussidjarju t-tnejn kienu jikkonċernaw l-istess ammont ta' RON 68 371 170 (jiġifieri EUR 14 700 000) li inizjalment kien ingħata mill-bank lill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, u wara dan minn dan tal-aħħar lil CE Hunedoara.

(40)

Iż-żmien ta' maturità għas-self kien ta' 15-il sena, b'perjodu ta' konċessjoni ta' 3 snin. L-iskeda tal-pagament kienet tipprevedi rimbors b'25 pagament ugwali li jsiru darbtejn fis-sena. Ir-rata tal-imgħax kienet stabbilita għal 3,79 % fis-sena.

(41)

L-ammonti kollaterali relatati ma' dan is-self mill-BRD, imma li jservu bħala ammonti kollaterali wkoll għas-self mill-BCR ta' EUR 17 950 000 (jiġifieri RON 83 485 450) spjegati taħt il-punt (c) hawn fuq kif ukoll self relatat mill-BEI ta' EUR 32 650 000 (madwar RON 151 855 150) mhux inkużi fid-deċiżjoni tal-ftuħ, kienu stabbiliti bħala ipoteka fuq proprjetà immobbli u assi mobbli ta' CE Hunedoara b'valur totali ta' EUR 93 323 204 (jiġifieri RON 417 481 353,09).

(42)

Fir-rigward ta' dan is-self mill-BRD, CE Hunedoara kellha tħallas ukoll 2,5 % bħala kummissjoni fuq ir-riskju lill-Ministeru tal-Finanzi Pubbliċi, jiġifieri EUR 367 000 maqsuma fi tmien partijiet, għall-“Fond għar-riskju għal dejn pubbliku tal-gven”.

(43)

Is-self mill-BRD u s-self mill-BCR iffinanzjaw investimenti għal konformità ambjentali fl-impjant ta' Paroseni (standards tal-UE stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali). Tali investimenti ma setgħux jiġġeneraw aktar rendiment jew inaqqsu spejjeż tal-produzzjoni biex dħul addizzjonali mill-operat ikun jista' jintuża biex jitħallas lura s-self. Kienu biss kundizzjoni minn qabel għall-impjant sabiex dan ikun jista' jibqa' jopera. Attwalment, ir-rikors għal self privat mogħtija lil u sussegwentement mill-Istat Rumen sabiex jiffinanzja konformità ambjentali fl-2013-2014 sar skont każ fejn ir-Rumanija kienet ipprovdiet għotjiet tal-istess tip ta' installazzjoni (desulfurizzazzjoni ta' gass mit-trombi ta' ċmieni) għal impjanti oħra ta' enerġija termali fl-2010 (CE Turceni) u fl-2011 (CE Craiova II) u fejn l-iskambji saru mal-awtortajiet Rumeni fl-2012 (21). Għaldaqstant jidher xieraq li jiġi kkunsidrat li s-self mill-BRD u s-self mill-BCR ttrasferiti mill-Istat u għall-finanzjament ta' konformità kienu għotjiet de facto, bħall-predeċessuri għal impjanti oħra tal-enerġija fl-2011 u fl-2012.

(d)   Self ipprovdut għall-ħlas ta' għajnuna inkompatibbli mitluba li għandha tkun irkuprata mid-Deċiżjoni dwar l-għajnuna inkompatibbli; kapital u imgħax – “is-self biex titħallas lura l-għajnuna inkompatibbli”

(44)

Abbażi tal-Ordinanza ta' Emerġenza tal-Gvern Nru 11 tat-13 ta' Mejju 2015 dwar l-għotja ta' self lil CE Hunedoara S.A., sar ftehim għal self fid-9 ta' Ġunju 2015 bejn il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, CE Hunedoara u l-Ministeru għall-Enerġija, l-SMEs u l-Ambjent Kummerċjali.

(45)

Il-ftehim għal self imsemmi hawn fuq ta' self lil CE Hunedoara għall-ammont ta' RON 34 785 015 (madwar EUR 7 478 778). Dan is-self intuża biex titħallas lura l-għajnuna inkompatibbli msemmmija fil-premessa 5.

(46)

Il-maturità tas-self kienet ta' 90 jum, u għalhekk kien dovut fit-8 ta' Settembru 2015. Ir-rata tal-imgħax maqbula kienet stabbilita għall-valur ta' ROBOR fuq 3 xhur biż-żieda ta' 5 %, jiġifieri 6,27 % fis-sena u kienet stabbilita biex tibqa' fissa matul il-perjodu tas-self.

(47)

Skont l-Artikolu 2(2) tal-Ordinanza ta' Emerġenza tal-Gvern Nru 11 tat-13 ta' Mejju 2015 imsemmija qabel, l-ammonti kollaterali kienu stabbiliti bil-valur ta' RON 49 380 000 (madwar EUR 10 616 700), jiġifieri 120 % tas-self.

(e)   Self li jirrapreżenta għajnuna mogħtija skont id-deċiżjoni għal għajnuna ta' salvataġġ u imgħax – “is-self għal għajnuna ta' salvataġġ”

(48)

Abbażi tal-Ordinanza ta' Emerġenza tal-Gvern Nru 22 tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar l-għotja ta' self lil CE Hunedoara S.A., sar ftehim għal self fl-14 ta' Lulju 2015 bejn il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, CE Hunedoara u l-Ministeru għall-Enerġija, l-SMEs u l-Ambjent Kummerċjali.

(49)

Il-ftehim għal self imsemmi hawn fuq ippreveda l-għoti ta' ammont prinċipali ta' RON 167 000 000 (madwar EUR 35 905 000) lil CE Hunedoara, maqsun f'żewġ partijiet, bl-ewwel parti tammonta għal RON 98 476 900 (madwar EUR 21 172 533) li ngħatat fl-20 ta' Lulju 2015, filwaqt li t-tieni parti ta' RON 68 523 100 (madwar EUR 14 732 466) fil-fatt ma ngħatatx minħabba li CE Hunedoara ma ħallsitx lura self ieħor, li kien ingħata fuq il-bażi tal-Ordinanza ta' Emerġenza tal-Gvern Nru 11/2015 u li kien relatat mal-ħlas lura tad-Deċiżjoni dwar l-għajnuna inkompatibbli (ara l-punt (d) hawn fuq).

(50)

Il-maturità tas-self ta' għajnuna għal salvataġġ kienet ta' 6 xhur, jiġifieri għall-perjodu bejn April u Settembru 2015, madankollu, minħabba r-raġunijiet spjegati hawn fuq, CE Hunedoara rċeviet biss l-ewwel parti tas-self.

(51)

Ir-rata tal-imgħax maqbula kienet stabbilita għall-valur ta' ROBOR fuq 6 xhur biż-żieda ta' 5 %, jiġifieri 6,57 % fis-sena u kienet stabbilita biex tibqa' fissa matul il-perjodu tas-self.

(52)

Skont l-Artikolu 3(3) tal-Ordinanza ta' Emerġenza tal-Gvern Nru 22 tal-24 ta' Ġunju 2015 imsemmija qabel, l-ammonti kollaterali kienu stabbiliti bil-valur ta' RON 123 960 000 (madwar EUR 26 651 400), jiġifieri 120 % tas-self.

2.5.   Raġunijiet għall-ftuħ tal-proċedura

(53)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni b'mod preliminari sabet li ħames każijiet ta' self iffinanzjat jew appoġġjat pubblikament mogħtija lil jew għall-benefiċċju ta' CE Hunedoara setgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kienu għadhom dovuti għal ammont ta' 337 miljun RON (madwar EUR 73 miljun) bħala total fit-30 ta' Ġunju 2016.

(54)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubju dwar jekk il-kundizzjonijiet ta' kompatibilità mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE għall-għajnuna għar-ristrutturar, stabbiliti fil-Linji Gwida ta' għajnuna S&R ġewx issodisfati. Il-Kummissjoni nnutat li l-awtoritajiet Rumeni ma kienux issottomettew pjan ta' ristrutturar validu jew pjan ta' likwidazzjoni ċar skont skeda ta' żmien raġonevoli għall-kumpanija, u l-ebda kontribuzzjoni identifikabbli u valida minn CE Hunedoara għall-ispejjeż tar-ristrutturar, lanqas ma setgħu jiġu identifikati miżuri li jillimitaw id-distorsjoni għall-kompetizzjoni, li huma kundizzjonijiet għall-konformità tal-għajnuna għal ristrutturar skont il-Linji Gwida ta' għajnuna S&R. Finalment, CE Hunedoara la kienet ħallset lura l-għajnuna għas-salvataġġ u lanqas is-self, li kellu jippermetti li din tħallas lura għajnuna inkompatibbli tal-passat.

(55)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni dwar jekk is-self li ngħata kienx ikun disponibbli għal CE Hunedoara fis-swieq finanzjarji u jekk dan ingħatax skont il-kundizzjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni talbet lir-Rumanija sabiex tippreżenta

—

l-kunsiderazzjonijiet dwar l-affidabbiltà kreditizja, l-istandards tas-suq u l-klassifikazzjonijiet ta' CE Hunedoara li l-awtoritajiet Rumeni kienu kkunsidraw sabiex iwaqqfu u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-appoġġ tagħhom, kif dokumentat permezz ta' evidenza kontemporanja għad-dati tal-għoti, l-għoti subordinat jew il-garanzija ta' kull self;

—

evidenza ta' offerti ta' self lil CE Hunedoara li saru minn istituzzjonijiet finanzjarji tas-suq jew banek bejn l-2012 u l-2016, fejn ikun speċifikat jekk intalbitx garanzija mill-Istat jew pubblika, u

—

l-informazzjoni kollha li tista' tgħin fil-valutazzjoni tal-ħames każijiet ta' self.

3.   KUMMENTI MIR-RUMANIJA

(56)

Fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni, ir-Rumanija tissottometti informazzjoni u għadd ta' osservazzjonijiet, kif ġej.

3.1.   Kummenti li jikkonċernaw il-kapital dovut u l-ammonti dovuti fuq il-ħames każijiet ta' self

(a)   Is-self mill-IBRD

(57)

Mill-pagament dovut f'Novembru 2014, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji tagħha, CE Hunedoara ma setgħetx tkompli tagħmel pagamenti u talbet lill-garanti tagħha, il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, sabiex iħallas il-bqija tal-pagamenti minflokha.

(58)

Il-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi, bħala garanti ta' CE Hunedoara, ħallas it-3 pagamenti li kien fadal (jiġifieri Novembru 2014, Mejju 2015 u Novembru 2015) u kkalkula l-penali u l-imgħax għal ħlas tard li kienu dovuti lilu minn CE Hunedoara. Id-dejn li CE Hunedoara kellha tħallas lill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi (inkluż it-tliet pagamenti u l-penali u l-imgħax korrispondenti tagħhom) kien jammonta għal RON 60 711 568 (madwar EUR 13 052 987) fil-31 ta' Marzu 2018.

(b)   Is-self mill-BCR

(59)

Minn Ottubru 2015, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji tagħha, CE Hunedoara infurmat lill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi li ma setgħetx tibqa' tħallas il-pagamenti. Fil-31 ta' Diċembru 2017 CE Hunedoara kellha tagħti lill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi l-ammont ta' EUR 5 343 411 (madwar RON 24 853 078) li jikkorrispondi għall-ammonti dovuti bħala ammont kapitali, imgħax u kummissjoni fuq ir-riskju, flimkien ma' ammont addizzjonali ta' EUR 564 163 (madwar RON 2 763 553) bħala imgħax u penali fuq ħlas tard.

(60)

Fil-31 ta' Marzu 2018, mill-ammont kapitali ta' EUR 17 950 000 (madwar RON 83 485 450), l-ammont ta' EUR 2 154 000 kien tħallas lura (madwar RON 10 018 254) u għalhekk kienu għadhom dovuti EUR 15 796 000 (madwar RON 73 467 196).

(c)   Is-self mill-BRD

(61)

Minn Frar 2016, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji tagħha, CE Hunedoara infurmat lill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi li ma setgħetx tibqa' tħallas il-pagamenti. Fil-31 ta' Marzu 2018 CE Hunedoara kellha tagħti lill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi l-ammont ta' EUR 3 000 357 (madwar RON 13 955 150) li jikkorrispondi għall-ammonti dovuti bħala ammont kapitali, imgħax u kummissjoni fuq ir-riskju, kif ukoll imgħax u penali fuq ħlas tard.

(62)

Fil-31 ta' Marzu 2018, mill-ammont kapitali ta' EUR 14 700 000 (madwar RON 68 371 170), l-ammont ta' EUR 1 764 000 kien tħallas lura (madwar RON 8 204 364) u għalhekk kienu għadhom dovuti EUR 12 936 000 (madwar RON 60 166 806).

(d)   Is-self biex titħallas lura għajnuna inkompatibbli

(63)

Fit-8 ta' Settembru 2015, meta kien dovut il-ħlas lura tas-self iżda dan ma tħallasx, l-imgħax għal ħlas tard kien ikkalkulat u akkumulat mill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi għal kull jum ta' dewmien. Fil-31 ta' Marzu 2018 id-dejn pendenti ta' CE Hunedoara relatat ma' dan is-self kien ta' RON 42 339 794,26 (madwar EUR 9 103 055), li jikkonsisti fl-ammont kapitali ta' RON 34 785 015 (madwar EUR 7 478 778), imgħax fuq is-self ta' RON 545 255,11 (madwar EUR 117 229) u imgħax fuq ħlas tard ta' RON 7 009 525,58 (madwar EUR 1 507 048)

(e)   Is-self għal għajnuna ta' salvataġġ

(64)

Mill-ammont ta' RON 98 476 900 (madwar EUR 21 172 533) li jirrappreżenta l-ewwel parti, CE Hunedoara użat biss RON 93 450 841,17 (madwar EUR 20 091 930) u tat lura d-differenza ta' RON 5 026 058,86 (madwar EUR 1 080 602) lill-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi. Fil-31 ta' Marzu 2018 id-dejn pendenti ta' CE Hunedoara relatat ma' dan is-self kien ta' RON 112 579 946,05 (madwar EUR 24 204 688), li jikkonsisti fl-ammont kapitali ta' RON 93 450 841,17 (madwar EUR 20 091 930), imgħax fuq is-self ta' RON 3 306 854,30 (madwar EUR 710 973) u imgħax fuq ħlas tard ta' RON 15 822 250,68 (madwar EUR 3 401 783).

Tabella 3

L-informazzjoni tar-Rumanija rigward il-kapital pendenti u l-ammonti dovuti fil-ħames każijiet ta' self, fil-31 ta' Marzu 2018

 

Is-self mill-IBRD

Is-self mill-BCR

Is-self mill-BRD

Self għar-rimborż ta' għajnuna inkompatibbli

Self għall-għajnuna għas-salvataġġ

Data tal-għotja

31.5.2002

5.12.2013

5.6.2014

9.6.2015

14.7.2015

Kapital oriġinali

USD 68,75 miljun

EUR 17,95-il miljun

EUR 14-il miljun

RON 34,8 miljun

RON 98,5 miljun

Kapital ta' self pendenti mill-31.3.2018

0

EUR 15,79-il miljun

(RON 73,5 miljun)

EUR 12,9-il miljun

(Ron 60,1 miljun)

RON 34,8 miljun

RON 93,4 miljun

Kapital, penali u mgħax dovuti lill-Ministeru għall-Finanzi mill-31.3.2018

RON 60,7 miljun

(EUR 13,1-il miljun)

EUR 5,3 miljun

(RON 24,9 miljun)

EUR 3,0 miljun

(RON 13,9-il miljun)

RON 42,3 miljun

RON 112,6-il miljun

3.2.   Kummenti oħra

(65)

L-ewwel nett, ir-Rumanija offriet kjarifika fir-rigward tas-self għal għajnuna ta' salvataġġ approvat mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2015. Kif indikat ukoll fid-deċiżjoni tal-ftuħ, fiż-żmien li s-self għas-salvataġġ kien approvat, ir-Rumanija kienet ikkommettiet li tippreżenta, fi żmien massimu ta' sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni dwar għajnuna għas-salvataġġ, jew: (i) il-prova li s-self kien tħallas lura, jew (ii) pjan validu ta' ristrutturar, jew (iii) pjan ta' likwidazzjoni sostanzjat li jistabbilixxi l-passi li jwasslu għal-likwidazzjoni ta' CE Hunedoara fi skeda ta' żmien raġonevoli, mingħajr aktar għajnuna. F'dan ir-rigward, ir-Rumanija kkonfermat li hi fil-fitt kienet għażlet ir-ristrutturar alternattiv ta' CE Hunedoara.

(66)

It-tieni nett, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-ftuħ, ir-Rumanija ppreżentat li, fl-opinjoni tagħha, is-self għal għajnuna ta' salvataġġ approvat mid-deċiżjoni dwar għajnuna għas-salvataġġ ma kien jagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku reali lill-benefiċjarju (jiġifieri lil CE Hunedoara). Ir-Rumanija ddikjarat li s-self ingħata skont kundizzjonijiet eżistenti fis-suq bankarju, jiġifieri fuq il-bażi ta' analiżi ekonomika-finanzjarja mwettqa minn EximBank, kif ukoll il-garanziji imposti mill-Awtorità Nazzjonali għall-Amministrazzjoni tat-Taxxa li kkunsidraw il-valur tas-suq tal-kollateral, li kien ikopri mill-anqas 120 % tal-valur tas-self.

(67)

It-tielet nett, rigward il-proċess ta' likwidazzjoni ta' CE Hunedoara u s-separazzjoni legali bejn in-negozju tal-minjieri tal-faħam u n-negozju tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, ir-Rumanija spjegat li: (i) in-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji, (ii) il-fatt li CE Hunedoara temporanjament daħlet f'insolvenza fuq talba tal-Kumpanija darbtejn fl-2016 u wara din inħarġet mill-istat ta' insolvenza kull darba, kif ukoll (iii) il-fatt li l-qrati nazzjonali, fiż-żmien tas-sottomissjoni tar-Rumanija, kienu għadhom ma ħadux deċiżjoni dwar talba oħra għal proċedimenti ta' insolvenza miftuħa, kollha jikkostitwixxu raġunijiet li pprevenew is-separazzjoni legali tal-minjieri tal-faħam mill-ġenerazzjoni tal-elettriku.

(68)

Ir-Rumanija spjegat li s-separazzjoni legali tirrikjedu l-osservanza ta' ċerti passi proċedurali previsti u li, fin-nuqqas ta' kwalunkwe intervent minn partijiet terzi interessati, il-proċess normalment idum bejn 6 u 9 xhur. Ir-Rumanija kompliet tisħaq li madankollu xorta waħda jinżammu kontijiet separati għall-attivitajiet tal-minjieri tal-faħam u tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, u li l-għajnuna għas-salvataġġ kienet se tintuża esklussivament għan-negozju tal-enerġija, kif kien ippreżentat ukoll fin-notifika għall-għajnuna għas-salvataġġ.

(69)

Ir-raba nett, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-ftuħ li tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-għajnuna għal fornituri ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (“SGEI”), ir-Rumanija ssottomettiet li CE Hunedoara kienet se tkun il-fornitur ta' servizzi indispensabbli għall-funzjonament tas-sistema tal-enerġija elettrika nazzjonali, li fil-fatt kien jintitola lil CE Hunedoara biex tirċievi kumpens, skont id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ (22). F'dan ir-rigward, ir-Rumanija żiedet li informazzjoni meħtieġa għad-definizzjoni ta' SGEI, l-mandat tiegħu, il-kalkolu tal-kumpens u t-tul tagħha bdew jingħataw lill-Kummissjoni sa mill-2016 u dalwaqt kienu se jitlestew.

(70)

Il-ħames nett, ir-Rumanija ssottomettiet ukoll li skont studji li saru mill-Kumpanija Nazzjonali għat-Trasport tal-Enerġija Elettrika Transelectrica S.A., il-waqfien taż-żewġ impjanti ta' ġenerazzjoni tal-enerġija, Mintia u Paroseni, kien ser jaffetwa b'mod negattiv il-funzjonament tas-sistema nazzjonali tal-enerġija elettrika.

(71)

Is-sitt nett, skont l-istimi tar-Rumanija, unitajiet oħra li jipproduċu l-enerġija elettrika jkunu mistennija li ma jibqgħux disponibbli fil-futur viċin minħabba d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442 (23).

(72)

Madankollu, ir-Rumanija ma pprovdiet l-ebda informazzjoni li tagħti evidenza ta' valutazzjoni ex ante mill-awtoritajiet Rumeni jew minn atturi tas-suq qabel l-għoti tas-self, u ma pprovdietx evidenza ta' appoġġ għall-kompatibbiltà tas-self ma' regoli tal-għajnuna mill-Istat.

(73)

Fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, ir-Rumanija ma kkunstestatx li s-self għal għajnuna ta' salvataġġ, is-self mogħti biex titħallas lura għajnuna inkompatibbli, u t-tliet każijiet l-oħra ta' self jirrappreżentaw riżorsi tal-Istat u li huma attribwiti lill-Istat.

4.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

(74)

Din id-deċiżjoni tikkonċerna il-ħames każijiet ta' self iffinanzjat jew appoġġjat pubblikament deskritti fit-Taqsima 2.4.

(75)

Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta' kwalunkwe miżura oħra ta' appoġġ mogħtija lil CE Hunedoara. Dan jinkludi, b'mod partikolari, il-postponiment jew il-kanċellazzjoni ta' dejn minn entitajiet pubbliċi għall-benefiċċju dirett ta' CE Hunedoara, kif hemm referenza fid-deċiżjoni tal-ftuħ kif ukoll kanċellazzjonijiet preċedenti jew abbandun ta' dejn pubbliku dovut mill-kumpanija National Hard Coal Company JSC Petrosani qabel il-likwidazzjoni tagħha, fil-każ li CE Hunedoara ssir is-suċċessur ekonomiku tal-kumpanija tal-aħħar.

(76)

Il-Kummissjoni l-ewwel se teżamina jekk il-ħames miżuri inkwistjoni jinvolvux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Wara l-Kummissjoni se teżamina jekk l-għajnuna kinitx diġà implimentata u jekk tali għajnuna tistax tkun kompatibbli mas-suq intern.

(77)

Bħala osservazzjoni preliminari, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-kummenti tar-Rumanija fir-rigward tas-self mill-BCR u mill-BRD. L-ewwel, filwaqt li r-Rumanija fil-fatt ħallset parti mill-ammont kapitali lil BCR u BRD rispettivament (fil-kwalità tagħha ta' mutwatarju), dan ma kienx il-każ għal CE Hunedoara, għax din tal-aħħar ma ħallset l-ebda parti mill-kapital (tas-self subordinat) lill-Istat Rumen, u għaldaqstant fil-verità l-kapital oriġinali kollu (tas-self subordinat) għadu pendenti, u mhux parti biss minnu. It-tieni, il-Kummissjoni lanqas ma taqbel mal-kummenti tar-Rumanija fir-rigward tas-somom dovuti lill-Ministeru għall-Finanzi fil-31 ta' Marzu 2018 għal dawn iż-żewġ każijiet ta' self; fil-fatt, kif se jkun spjegat hawn taħt, il-Kummissjoni tqis li l-ammonti kapitali sħaħ tas-self (subordinat) mill-BCR u mill-BRD (u mhux biss il-pagamenti tal-kapital li kellhom jitħallsu sal-31 ta' Marzu 2018 skont l-iskeda tal-pagamenti) huma diġà dovuti fl-intier tagħhom minn CE Hunedoara lill-Istat Rumen.

4.1.   Eżistenza ta' għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE

(78)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE “kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(79)

Il-kwalifika ta' miżura bħala għajnuna fis-sens ta' din id-dispożizzjoni għaldaqstant tirrikjedi li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun tista' tiġi attribwita lill-Istat u ffinanzjata minn riżorsi tal-Istat; (ii) din trid tagħti vantaġġ lil min jirċeviha; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid twassal għal distorsjoni jew tkun ta' theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni u taffetwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

4.1.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat

(80)

Kif ġie ddikjarat mill-Qorti (24), sabiex miżuri jiġu kwalifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, (a) dawn iridu jiġu mir-riżorsi tal-Istat, direttament jew indirettament minn kwalunkwe entità intermedjarja li taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha u (b) dawn iridu jkunu attribwibbli għall-Istat. L-idea ta' Stat Membru jinkludi l-livelli kollha ta' awtoritajiet pubbliċi, irrispettivament minn jekk din hix awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali (25).

(81)

Fir-rigward tas-self mill-IBRD, ir-Rumanija spjegat li dan is-self kien ir-riżultat ta' ftehim iffirmat fil-31 ta' Mejju 2002 bejn l-IBRD u Electrocentrale Deva, il-predeċessur legali ta' CE Hunedoara. Dan il-ftehim ta' self kien garantit mill-Gvern Rumen. Skont il-ġurisprudenza (26), il-ħolqien ta' riskju konkret bl-impożizzjoni ta' piż addizzjonali fuq l-Istat fil-futur, permezz ta' garanzija jew ta' offerta kuntrattwali, huwa biżżejjed għall-iskopijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE. Bħala tali, il-garanzija tas-self mill-IBRD kienet tinvolvi riżorsi mill-baġit tal-Istat.

(82)

Fir-rigward tas-self mill-BCR, ir-Rumanija kkonfermat li dan is-self kien riżultat ta' kuntratt li nbeda fit-3 ta' Diċembru 2013 bejn BCR u l-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi bħala finanzjament għall-proġett ta' investiment “Centrala Electrică Paroșeni”. Dan is-self sussegwentement ġie mogħti wkoll lil CE Hunedoara bħala ftehim ta' self sussidjarju li nbeda fil-5 ta' Diċembru 2013. Bħala tali, il-ftehim ta' self sussidjarju (relatat mas-self mill-BCR taħt kuntratt mill-Istat Rumen) kien offrut lil CE Hunedoara minn riżorsi li ġejjin mill-baġit tal-Istat.

(83)

Fir-rigward tas-self mill-BRD, ir-Rumanija kkonfermat li dan is-self kien ir-riżultat ta' ftehim iffirmat fid-19 ta' Mejju 2014 bejn il-BRD u l-Ministeru għall-Finanzi Pubbliċi. Dan is-self ingħata mill-bank lil mutwatarju, li sussegwentement għaddieh lil CE Hunedoara bħala ftehim ta' self sussidjarju li nbeda fil-5 ta' Ġunju 2014, biex jiffinanzja kwart ieħor ta' “Centrala Electrică Paroșeni”. Bħala tali, il-ftehim ta' self sussidjarju (relatat mas-self mill-BRD taħt kuntratt mill-Istat Rumen) kien offrut lil CE Hunedoara minn riżorsi li ġejjin mill-baġit tal-Istat.

(84)

Is-self ta' għajnuna għas-salvataġġ, inkluż il-porzjon imtawwal u mhux imħallas tiegħu, u s-self biex titħallas lura l-għajnuna inkompatibbli jinvolvu riżorsi tal-Istat, minħabba li dawn kienu pprovduti minn fondi mwarrba fi u li ġejjin mill-baġit tal-Istat.

(85)

Id-diversi atti li bihom il-Ministeru għall-Finanzi kkuntratta, issubordina jew iggarantixxa self lil CE Hunedoara, kemm ex officio, permezz tas-setgħat tal-Istat mogħtija lilu, jew skont l-istruzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri tar-Rumanija, huma imputabbli lill-Istat Rumen.

(86)

Abbażi ta' dan t'hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ħames każijiet ta' self inkwistjoni jinvolvu riżorsi tal-Istat u huma imputabbli lill-Istat Rumen.

4.1.2.   Vantaġġ ekonomiku

(87)

L-Artikolu 107(1) TFUE jirrikjedi li miżura, sabiex tkun definita bħala għajnuna mill-Istat, tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Self jew garanziji pprovduti mill-Istat direttament jew indirettament, jistgħu jiffavorixxu lill-impriża benefiċjarja meta dawn jipprovdu fondi li l-benefiċjarju ma kienx isib fis-swieq finanzjarji bl-istess kundizzjonijiet, jew l-ebda fond. Sabiex tivverifika jekk impriża tkunx ibbenefikat minn vantaġġ ekonomiku, il-Kummissjoni tapplika l-kriterju tal-“prinċipju ta' operatur tal-ekonomija fis-suq” (“il-prinċipju MEO”). Skont dan il-prinċipju, il-valutazzjoni tiffoka fuq it-transazzjoni mill-perspettiva ta' kreditur/investitur privat prudenti ipotetiku, f'sitwazzjoni viċin kemm jista' jkun għal dik tal-Istat (27).

(88)

Fil-każ inkwistjoni, l-Istat Rumen huwa kemm kreditur u kemm l-azzjonist ewlieni ta' CE Hunedoara. F'din is-sitwazzjoni, ir-Rumanija setgħet tipprovdi jew tiggarantixxi self jew garanzija jikkonformaw mal-MEO fuq bażi indipendenti jekk it-termini li bihom jingħata s-self huma skont il-kundizzjonijiet tas-suq, sakemm teżisti l-probabbiltà ta' ħlas lura jew dħul miżjud lill-azzjonist f'forma differenti.

(89)

Għaldaqstant, il-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet li bihom jingħata s-self minn azzjonist trid tikkunsidra d-dħul possibbli mis-sehem li l-azzjonist jista' jistenna b'mod raġonevoli fil-kapaċità tiegħu bħala azzjonist. F'dan il-każ, dan huwa evidenti fid-dawl ta' (i) iċ-ċifri finanzjarji ta' CE Hunedoara murija fit-Tabella 2 hawn fuq; (ii) l-ispejjeż tal-produzzjoni marġinali sostanzjalment ogħla ta' CE Hunedoara meta mqabbla mal-prezzijiet tas-suq; u (iii) l-istorja tal-kumpaniji predeċessuri, li l-Istat Rumen, jew kwalunkwe investitur fis-suq f'pożizzjoni simili bħall-Istat, ma seta' jistenna l-ebda dħul possibbli fil-forma ta' dividendi jew qligħ kapitali mill-ishma tiegħu f'CE Hunedoara sa mill-2013.

(90)

L-ewwelnett, għat-tliet każijiet ta' self minn IBRD, BCR u BRD ikkuntrattat jew iggarantit mill-Ministeru għall-Finanzi Rumen għall-benefiċċju ta' CE Hunedoara, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija u l-istorja tal-predeċessuri tagħha għandhom jiġu kkunsidrati għall-valutazzjoni, għax dan kien jiġi eżaminat minn kwalunkwe sellief jew investitur prudenti fis-suq. Anke qabel April 2015, meta CE Hunedoara allegatament ma setgħetx taċċessa finanzi fuq termini tas-suq, il-kumpanija kienet qed tagħmel telf konsistenti mill-ewwel sena tal-operat sħiħ tagħha meta l-minjieri tal-faħam u l-ġenerazzjoni tal-enerġija kienu inklużi taħt l-istess kumpanija.

(91)

It-tieni nett, fir-rigward tas-self għall-ħlas lura tal-għajnuna inkompatibbli, id-deċiżjoni tal-ftuħ innutat li, vantaġġ ekonomiku ta' natura simili (bħal dak relatat mas-self għas-salvataġġ) ingħata lil CE Hunedoara bħala kumpanija suċċessur li topera assi għall-ġenerazzjoni ta' enerġija ta' Electrocentrale Paroșeni u Electrocentrale Deva permezz ta' għajnuna mill-Istat li kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni dwar l-għajnuna inkompatibbli adottata fl-20 ta' April 2015 u, b'konsegwenza ta' dan, permezz tas-self pubbliku mogħti lil CE Hunedoara biex tħallasha lura. Is-self biex tħallas lura l-għajnuna inkompatibbli ngħata fi żmien meta, skont ir-Rumanija, CE Hunedoara ssodisfat il-kriterji biex tkun suġġetta għal proċedimenti ta' insolvenza taħt il-liġi Rumena, u għalhekk, jista' jkun eskluż il-fatt li l-kumpanija setgħet issib finanzjament simili f'termini tas-suq.

(92)

It-tielet nett, fir-rigward tas-self għal għajnuna ta' salvataġġ, kif indikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, l-awtoritajiet Rumeni ddikjaraw li CE Hunedoara ma setgħetx tikseb dan minn banek kummerċjali, u b'mod aktar ġenerali, huma rrikonoxxew li dan kien qed jipprovdi vantaġġ (selettiv) (28). Il-porzjon imtawwal u li għadu ma tħallasx lura tas-self għal għajnuna ta' salvataġġ miżmum minn CE Hunedoara jikkostitwixxi wkoll vantaġġ ekonomiku li l-kumpanija ma tistax tikseb fil-kundizzjonijiet tas-suq, pereżempju bl-iffinanzjar mill-ġdid u l-ħlas lura tal-porzjon mhux imħallas b'self minn bank kummerċjali.

(93)

Fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, ir-Rumanija argumentat li hi fil-fatt kellha l-intenzjoni li tirristruttura lil CE Hunedoara u tbiddel is-self għal salvataġġ f'parti minn għajnuna għal ristrutturar. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li r-Rumanija ma ppreżentatx pjan ta' ristrutturar validu skont il-Linji Gwida S&R, u l-intenzjoni għal ristrutturar waħedha ma tnaqqasx il-vantaġġ mogħti mis-self għal għajnuna ta' salvataġġ minħabba li s-self ma tħallasx fi żmien sitt xhur wara l-għoti tal-għajnuna.

(94)

Ir-Rumanija kompliet targumenta fil-kummenti tagħha għad-deċiżjoni tal-ftuħ li s-self ta' salvataġġ kien ingħata skont “kundizzjonijiet eżistenti fis-suq bankarju” wara l-analiżi minn EximBank u li dan kien ġie kollateralizzat. Din id-dikjarazzjoni, madankollu, hija ppruvata bħala falza mis-sempliċi fatt li CE Hunedoara ma kinitx kapaċi tikseb self minn banek kummerċjali kif spjegat fil-premessi 100 u 101 ta' din id-deċiżjoni. Barra minn dan, ir-Rumanija ma pprovdietx analiżi għar-riskju ta' kreditu tal-EximBank.

(95)

Ir-raba nett, il-kumpaniji predeċessuri wkoll ta' CE Hunedoara ma kienux kapaċi jonoraw id-djun tagħhom, li minnhom kienu tħallew aktar minn EUR 1,2 biljun mhux imħallsa fil-likwidazzjoni. Bħala kumpanija maħluqa reċentement, minkejja li kienet tnaddfet mill-parti l-kbira tad-djun ta' Electrocentrale Paroșeni u Electrocentrale Deva u ta' National Hard Coal Company JSC Petroșani, CE Hunedoara ma kellhiex storja ta' kreditu affidabbli u solida, nuqqas li jwassal biex is-selliefa tas-suq jżommu lura milli jiffinanzjaw operazzjonijiet f'dan il-każ. Fil-fatt, il-ħames każijiet ta' self li huma s-suġġett ta' dawn il-proċedimenti kollha ngħataw minn riżorsi li jappartjenu għall-baġit tal-Istat (ara 4.1.1 aktar 'il fuq). Min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda evidenza ta' kwalunkwe kreditur tas-suq privat li pprovda self lil CE Hunedoara għal xi miżura li tista' titqabbel. Minkejja l-istedina lir-Rumanija, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, biex tipprovdi evidenza ta' offerti ta' self lil CE Hunedoara magħmula minn isitutzzjonijiet finanzjarji fis-suq jew banek bejn l-2012 u l-2016, fejn ikun speċifikat jekk intalbitx garanzija mill-Istat jew pubblika, ma ġiet ipprovduta l-ebda offerta jew evidenza ta' evalwazzjoni pożittiva minn selliefa tas-suq.

(96)

Il-ħames nett, kif spjegat fil-premessa 20 hawn fuq, l-assi produttivi ta' CE Hunedoara kienu wkoll dawk operati mill-kumpaniji predeċessuri qabel, mingħajr ebda titjib produttiv jew teknoloġiku sinifikanti li jipprovdi lill-azzjonisti biex b'mod raġonevoli jistennew aktar bejgħ jew aktar qligħ mill-bejgħ ta' elettriku u sħana fis-suq tal-elettriku Rumen. L-awtoritajiet Rumeni, b'sjieda sħiħa ta' CE Hunedoara u l-predeċessuri, filwaqt li huma wkoll il-kreditur ewlieni, ma setgħux jinjoraw l-inkapaċità struttuali ta' CE Hunedoara biex tiġġenera biżżejjed profitti mill-operat biex tissodisfa d-djun tagħha. Huma pprovdew il-fondi minn finanzi pubbliċi, li CE Hunedoara ma kinitx tkun tista' tikseb mis-suq finanzjarju bi kwalunkwe rata.

(97)

Il-ħames fatti msemmija hawn fuq kollha jinfluwenzaw l-affidabbiltà kreditizja ta' CE Hunedoara u jagħmluha impossibbli li mingħajr l-intervent tal-Istat CE Hunedoara kienet issib selliefa li lesti jiffinanzjawha f'termini tas-suq, bil-fiduċja li CE Hunedoara tħallas lura s-self. Bl-istess mod, mhux probabbli li r-Rumanija setgħet tantiċipa dħul mill-ishma tagħha f'CE Hunedoara u, b'mod partikolari minn dħul li ntilef meta ngħata self lil CE Hunedoara taħt it-termini tas-suq.

(98)

Bħala konklużjoni, is-self inkwistjoni jidher li ffavorixxa lil CE Hunedoara. Fil-fatt, CE Hunedoara kienet kumpanija li tissellef bi storja ta' kreditu dgħajfa minħabba l-predeċessuri insolventi u likwidati, u ma kellha l-ebda storja ta' kreditu fl-2012-2013, meta twaqqfet il-kumpanija. CE HUnedoara kienet żiedet it-telf tal-operat, u b'hekk ma ppermettietx li jintlaħaq il-ħlas tad-dejn mill-2013-2014, u fil-fatt naqset milli tħallas id-djun u kkawżat lill-kumpanija biex potenzjalment tkun suġġetta għal proċedimenti ta' insolvenza mill-2015. Barra minn dan, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-awtoritajiet Rumeni ħadu passi fil-ħin li kreditur diliġenti kieku kien jieħu biex jirkupra l-ħlas tiegħu, bħal pereżempju li l-mutwatarju jintalab iħallas lura s-self jew tintalab l-eżekuzzjoni furzata tal-pagamenti għall-ħlasijiet li ma jkunux seħħu. Għalkemm f'Jannar 2016 ġiet ippreżentata talba għal insolvenza kontra CE Hunedoara (ara l-premessa 22 hawn fuq) din għadha ma pproduċiet l-ebda rkupru effettiv sal-lum. Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tal-kumpanija u l-probabbiltà baxxa ta' ħlas lura meta s-self ingħata jew ġie mtawwal, is-self inkwistjoni ta vantaġġ ekonomiku lil CE Hunedoara fil-forma ta' finanzi u fondi, li ma kinux ikunu jistgħu jinkisbu fis-suq.

(99)

Fir-rigward tal-kwalifika ta' dan il-vantaġġ ekonomiku, fil-premessa 34 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni għamlet referenza għas-Sentenza tal-Qorti Ġenerali f'Larko (29) li f'ċirkostanzi fejn il-mutwatarju jkun f'sitwazzjoni finanzjarja delikata karatterizzata partikolarment minn dħul li jonqos, ekwità negattiva, u nuqqas ta' kapaċità għall-ħlas lura ta' self minn fondi proprji, il-vantaġġ ekonomiku inkluż f'self jista' jkun ugwali għall-ammont totali ta' fondi mislufa, anke jekk l-Istat jiggarantixxi biss is-self. L-awtoritajiet Rumeni ma pprovdew l-ebda evidenza li CE Hunedoara kellha aċċess għal finanzjament mis-suq f'kundizzjonijiet tas-suq, li jindika li CE Hunedoara ppruvat, imma ma rnexxilhiex, tissellef mis-suq mingħajr għajnuna mill-Istat.

(100)

Kif innutat fil-premessa 43, is-self mill-BRD u s-self mill-BCR trasferiti mill-Istat Rumen sabiex jiffinanzjaw il-konformità ambjentali fl-2013-2014 isegwu każijiet fejn ir-Rumanija kienet ipprovdiet għotjiet tal-istess tip ta' installazzjoni (desulfurizzazzjoni ta' gass mit-trombi ta' ċmieni) għal impjanti oħra ta' enerġija termali fl-2010 (CE Turceni) u fl-2011 (CE Craiova II) u ddeċidiet li twaqqaf il-prattika li tipprovdi tali għotjiet bħala strumenti ta' għajnuna. Madankollu, minħabba l-karatteristiċi, l-iskop u s-sitwazzjoni finanzjarja ta' CE Hunedoara, jidher xieraq li wieħed iqis li s-self mill-BRD u s-self mill-BCR trasferiti mill-Istat u li jiffinanzjaw il-konformità ambjentali kienu għotjiet de facto, minkejja l-kwalifikazzjoni legali tagħhom ta' self.

(101)

Fl-istess ħin, ir-rikors għall-Istat Rumen li ttrasferixxa s-self li kien irċieva minn BDR u BCR juri li dawn il-banek privati ma xtaqux li jieħdu r-riskju ta' likwidità fuq CE Hunedoara minħabba peress li qiesu li n-nuqqas ta' ħlas lura fuq is-self kien virtwalment żgur.

(102)

Bħala tali, abbażi ta' dawn t'hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ħames każijiet ta' self mogħti lil CE Hunedoara pprovdew vantaġġ ekonomiku u tqis li dan il-vantaġġ huwa ugwali għall-ammont totali tal-kapital tas-self meta ngħata.

4.1.3.   Selettività

(103)

L-Artikolu 107(1) TFUE jirrikjedi li miżura, sabiex tkun definita bħala għajnuna mill-Istat, tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Il-Kummissjoni tinnota li l-ħames każijiet ta' self kienu pprovduti fuq bażi ad hoc lil CE Hunedoara bħala appoġġ għall-operat kontiwu tagħha f'sitwazzjonijiet speċifiċi li jirrikjedu investiment għal konformità ambjentali, spejjeż ta' operat jew ħlas lura ta' għajnuna inkompatibbli, u ma kienux parti minn miżura aktar wiesgħa ta' politika ekonomika ġenerali biex jingħata appoġġ lil impriżi, f'sitwazzjoni legali u ekonomika li tista' titqabbel, attivi fil-ġenerazzjoni tal-elettriku jew f'setturi ekonomiċi oħra. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li dan is-self huwa selettiv skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

4.1.4.   Effett fuq il-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni

(104)

Meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża meta mqabbla ma' impriżi oħra li qed jikkompetu f'kummerċ ġewwa l-Unjoni, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affetwati minn din l-għajnuna (30). Huwa biżżejjed li dak li jirċievi l-għajnuna jikkompeti ma' impriżi oħra fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni (31).

(105)

CE Hunedoara tipprovdi l-elettriku u s-sħana fir-Rumanija. Skont ir-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar is-suq intern tal-elettriku (32), il-fornituri tal-elettriku jistgħu jistabbilixxu l-operat tagħhom b'mod liberu u jfittxu klijenti fir-Rumanija. Effettivament, għadd ta' kompetituri mir-Rumanija (eż. SN Nuclearelectrica, SN Hidroelectrica) jew Stati Membri Oħra (eż. CEZ, Alpiq) għamlu attwalment dan. Il-Kummissjoni tinnota li s-sistema tal-elettriku tar-Rumanija hija attwalment interkonnessa mas-sistemi tal-elettriku tal-Bulgarija u tal-Ungerija, sabiex flussi ta' elettriku jiġu prodotti f'dawn l-Istati Membri u nnegozjati bejniethom.

(106)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa possibbli li s-self taħt skrutinju jaffetwa l-kummerċ tal-UE u li jikkawża distorsjoni jew jhedded li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

4.1.5.   Konklużjoni dwar il-preżenza ta' għajnuna

(107)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li abbażi tal-argumenti ppreżentati hawn fuq, is-self mill-IBRD garantit mill-Istat Rumen għal CE Hunedoara, is-self mill-BCR u mill-BRD ikkuntrattat għall-benefiċċju ta' CE Hunedoara, is-self mogħti biex titħallas lura għajnuna preċedenti inkompatibbli u s-self għal għajnuna ta' salvataġġ, inkluż il-prozjon imtawwal u mhux imħallas lura tiegħu, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

4.2.   Il-legalità tal-għajnuna

(108)

Il-ftehim ta' self mill-IBRD iggarantit mill-Istat għall-benefiċċju ta' CE Hunedoara kien iffirmat fil-31 ta' Mejju 2002 ma' Electrocentrale Deva, wieħed mill-predeċessuri legali ta' CE Hunedoara, u għalhekk qabel id-dħul tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea fl-2007, u għaldaqstant is-self mill-IBRD ma kienx illegali, anke jekk ikun stabbilit li dak is-self involva għajnuna mill-Istat. Għalhekk, il-pagamenti mill-Istat bħala garnati, għalkemm seħħew wara l-adeżjoni, jirrapreżentaw għajnuna eżistenti u bħala tali mhumiex illegali, mingħajr preġudizzju għall-kwalifika taħt ir-regoli ta' għajnuna mill-Istat bħala falliment possibbli fil-futur tal-Istat li sussegwentement jeżerċita d-dritt ta' rikors tiegħu kontra CE Hunedoara.

(109)

Madankollu, is-self mill-BCR, is-self mill-BRD u s-self mogħti biex titħallas lura għajnuna inkompatibbli, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE u, minħabba li dawn tħallsu fi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali.

(110)

Is-self għal għajnuna ta' salvataġġ li dwarha l-Kummissjoni ma qajmet l-ebda oġġezzjoni fid-deċiżjoni dwar għajnuna ta' salvataġġ tal-21 ta' April 2015 ma ddaħħalx fis-seħħ qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u għalhekk ma kienx għajnuna mill-Istat illegali. Madankollu, it-titwil eċċessiv tiegħu u n-nuqqas ta' ħlas lura lil hinn mill-perjodu ta' sitt xhur li kien iggarantit għalih jagħmlu dan it-titwil illegali.

4.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna u l-bażi legali għall-valutazzjoni

(111)

Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-miżuri ta' għajnuna identifikati hawn fuq jistgħux ikunu kompatibbli mas-suq intern. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, huwa f'idejn l-Istat Membru biex jinvoka r-raġunijiet possibbli ta' kompatibilità, u biex juri li l-kundizzjonijiet għal din il-kompatibilità jintlaħqu (33). Ħlief inizjalment għas-self għal għajnuna ta' salvataġġ u t-titwil ta' dan wara sitt xhur mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2015, u s-self mill-IBRD li ma setax jiġi notifikat minħabba li dan ingħata qabel l-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni, ir-Rumanija ma nnotifikatx is-self mogħti għall-ħlas lura tal-għajnuna inkompatibbli, is-self mill-BCR u s-self mill-BRD u lanqas ma invokat il-bażi possibbli għall-kompatibbiltà fis-suq intern.

(112)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, u kif innutat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tqis li l-unika bażi ta' kompatibbiltà possibbli għall-miżuri li qed jiġu vvalutati huma l-Linji Gwida għall-għajnuna S&R. Il-Linji Gwida jipprovdu regoli u kundizzjonijiet għall-iskopijiet tal-valutazzjoni ta' kompatibbiltà ta' għajnuna ta' salvataġġ u ristrutturar lil impriżi f'diffikultà skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

4.3.1.   Applikabbiltà tal-Linji Gwida S&R

(113)

Skont il-punti 137 u 138 tal-Linji Gwida S&R, “Il-Kummissjoni ser teżamina l-kompatibilità mas-suq intern ta' kwalunkwe għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha u għalhekk li tkun qed tikser l-Artikolu 108(3) tat-Trattat abbażi ta' dawn il-linji gwida jekk ftit mill-għajnuna jew l-għajnuna kollha tingħata wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea” u “fil-każijiet l-oħra kollha, ser twettaq l-eżami abbażi tal-linji gwida li kienu japplikaw fiż-żmien ta' meta ngħatat l-għajnuna”.

(114)

Is-self għal għajnuna ta' salvataġġ u s-self mogħti biex titħallas lura għajnuna inkompatibbli ngħataw wara d-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida għall-għajnuna S&R fl-1 ta' Awwissu 2014. Għalhekk, il-Linji Gwida għall-għajnuna S&R huma applikabbli għal dawn iż-żewġ każijiet ta' self.

(115)

Barra minn dan, is-self mill-BCR u mill-BRD ma kienx notifikat lill-Kummissjoni, fi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Minn dan isegwi li anke jekk dan is-self kien ingħata qabel l-1 ta' Awwissu 2014, minħabba li jrid ikun ivvalutat b'mod konġunt bħala parti minn operazzjoni waħda li tipprovdi għajnuna lil kumpanija f'diffikultà, il-Linji Gwida għall-għajnuna S&R japplikaw ukoll għas-self mill-BCR u mill-BRD.

4.3.2.   Applikazzjoni tal-Linji Gwida S&R

(116)

Huma biss impriżi f'diffikultà kif definit fil-punt 20 tal-Linji Gwida għall-għajnuna S&R u mhux attivi fis-setturi tal-faħam, tal-azzar u tal-finanzi kif definit fil-punt 16 ta' dan li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għas-salvataġġ jew ristrutturar. Kif innutat fid-deċiżjoni ta' għajnuna għal salvataġġ, f'April 2015 CE Hunedoara kienet diġà ssodisfat il-kriterji biex titpoġġa fi proċedimenti ta' insolvenza kollettiva kif stabbilit fil-punt 20(c) tal-Linji Gwida għall-għajnuna S&R u fil-fatt, f'Jannar 2016, il-kumpanija daħlet f'tali proċedimenti (ara l-premessa 22 hawn fuq). Għalhekk CE Hunedoara tista' titqies bħala kumpanija f'diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida għall-għajnuna S&R.

(117)

Il-Kummissjoni tinnota l-ewwel li r-Rumanija ma pprovdiet l-ebda evidenza dwar konformità possibbli mal-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà għall-għajnuna ta' salvataġġ jew ritrutturar kif stabbilit fil-Linji Gwida għall-għajnuna S&R.

(118)

Fir-rigward tas-self mill-BCR, is-self mill-BRD, u s-self mogħti biex titħallas lura għajnuna inkompatibbli, f'dan li ġej il-Kummissjoni ser tivvalutahom b'mod konġunt minħabba li dawn ingħataw lil kumpanija f'diffikultà bħala investiment jew għajnuna għall-operat li ppermetta lil CE Hunedoara biex tissodisfa l-ispejjeż tagħha fin-nuqqas ta' aċċess għal swieq finanzjarji (ara l-premessa 99). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà għall-għajnuna ta' ristrutturar stabbiliti fil-Linji Gwida għall-għajnuna S&R mhumiex issodisfati, minħabba li (i) il-pjan ta' ristrutturar (ippreżentat f'Ottubru 2015 u emendat f'Jannar 2016) ma kienx validu sa mill-bidu minħabba li dan ma setax jiżgura l-vijabbiltà fit-tul ta' CE Hunedoara mingħajr aktar għajnuna kontinwa u ma tkompliex; (ii) ma hemm l-ebda kontribuzzjoni proprja evidenti ta' CE Hunedoara skont il-punti minn 62 sa 64 tal-Linji Gwida għall-għajnuna S & R; u (iii) ma ġiet identifikata l-ebda miżura li tillimita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni skont il-punti minn 74 sa 86 tal-Linji Gwida għall-għajnuna S&R.

(119)

Fir-rigward tal-punti minn 99 sa 103 tal-Linji Gwida għall-għajnuna S&R, għalkemm dawn jipprevedu kundizzjonijiet speċifiċi għal għajnuna lil fornituri SGEI f'diffikultà, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li s-self li qed jiġi vvalutat ma jistax jitqies jew jiġi kkunsidrat bħala kumpens għall-provvista ta' tali servizzi kif hemm riferenza fil-punt 100 tal-Linji Gwida għall-għajnuna S&R. L-ewwel nett, mhux iddikjarat jew stabbilit li CE Hunedoara kienet qed topera fuq il-bażi ta' atti ta' fiduċja validi li jidentifikaw kwalunkwe differenza unika li tista' tkun ġustifikata mal-produzzjoni tal-elettriku minn ġeneraturi oħra tal-elettriku attivi fir-Rumanija; skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (34), il-preżenza ta' att ta' fiduċja validu hija kundizzjoni essenzjali sabiex l-għajnuna mill-Istat titqies bħala kumpens validu għal Servizz ta' Interess Ekonomiku Ġenerali. It-tieni nett, is-self inkwistjoni kien self ad hoc għal skopijiet speċifiċi u ma ngħatax fir-rigward ta' spejjeż żejda identifikabbli u ġustifikati għal provvista ta' servizz. It-tielet, l-ammonti tas-self ma ġewx stabbiliti, individwalment jew b'mod kumulattiv, fuq il-bażi ta' parametri oġġettivi stabbiliti minn qabel u kkalibrati speċifikament għall-ispejjeż determinati tal-SGEI filwaqt li jitqiesu d-dħul u l-ispejjeż kollha ta' CE Hunedoara. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax, taħt il-punti 100 u 101 tal-Linji Gwida għall-għajnuna S&R, tikkunsidra li s-self inkwistjoni jista' jitqies bħala kumpens validu taħt id-Deċiżjoni SGEI (35) jew il-Qafas SGEI (36).

(120)

Ir-Rumanija naqset ukoll milli tissodisfa l-impenn tagħha li legalment tissepara l-minjieri tal-faħam mill-ġenerazzjoni tal-enerġija f'CE Hunedoara, li kien impenn li din għamlet fiż-żmien meta kienet approvata l-għajnuna għal salvataġġ u li, skont is-sottomissjonijiet tagħha, jista' jieħu bejn sitt u disa' xhur. Żewġ minjieri tal-faħam qed jirċievu għajnuna tal-operat għal għeluq skont id-Deċiżjoni dwar it-tieni għajnuna għall-minjieri tal-faħam (il-premessa (12) hawn fuq). Ir-Rumanija argumentat fil-kummenti tagħha għad-deċiżjoni tal-ftuħ li jinżammu kontijiet separati għall-attivitajiet tal-minjieri u tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, madankollu fihom infushom il-kontijiet separati ma jipprevenux il-kontrofinanzjar tal-attività tal-minjieri. Ir-Rumanija ma wrietx li ma sar l-ebda kontrofinanzjar billi, pereżempju, pprovdiet evidenza li l-użu tal-għajnuna mill-Istat kien ta' benefiċċju biss għall-attività tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. Minħabba n-nuqqas ta' din l-evidenza neċessarja, ma jistax ikun eskluż li xi parti mis-self kopert minn din id-deċiżjoni ma bbenefikax direttament jew indirettament il-minjieri tal-faħam ta' CE Hunedoara, fi ksur tal-punt 16 tal-Linji Gwida għall-għajnuna S&R li jeskludu s-settur tal-faħam mill-għajnuna S&R.

(121)

Fl-aħħarnett, tajjeb li jiġi nnutat li r-rikavat mis-self mogħti biex titħallas lura l-għajnuna inkompatibbli għadu disponibbli għal CE Hunedoara. Fid-dawl tal-prinċipju Deggendorf (37), il-kumulu ta' self mhux imħallas lura mogħti biex titħallas lura għajnuna inkompatibbli preċedenti mat-tliet każijiet ta' self l-oħra, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-għajnuna għar-ristrutturar possibbli lil CE Hunedoara hija kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-punt 94 tal-Linji Gwida għall-għajnuna S&R. Madankollu, filwaqt li tibbenefika minn għajnuna mill-Istat fil-forma tas-self inkwistjoni sal-punt li dan għadu ma tħallasx lura, CE Hunedoara tkompli topera għad-detriment tal-kompetituri tagħha.

(122)

Bħala konklużjoni, abbażi ta' dan kollu, il-Kummissjoni tqis li s-self mill-BCR u mill-BRD ikkuntrattat għall-benefiċċju ta' CE Hunedoara, ivvalutat b'mod konġunt mat-titwil eċċessiv tas-self għall-għajnuna ta' salvataġġ li nbidel f'self għar-ristrutturar u s-self mogħti biex titħallas lura għajnuna inkompatibbli, huma inkompatibbli mas-suq intern.

(123)

Fir-rigward tas-self għall-għajnuna ta' salvataġġ, skont il-punt 55(d) tal-Linji Gwida għall-għajnuna S&R, ir-Rumanija impenjat ruħha li tissottometti, fi żmien sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-għajnuna għal salvataġġ jew il-ħlas lura tal-ewwel pagament (il-premessa 54 tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna ta' salvataġġ), jew prova li s-self tħallas lura, jew pjan ta' ristrutturar validu, jew pjan ta' likwidazzjoni sostanzjat li jistabbilixxi l-passi li jwasslu għal-likwidazzjoni ta' CE Hunedoara fi skeda ta' żmien raġonevoli, mingħajr aktar għajnuna. Ir-Rumanija ma ssodisfatx dan l-impenn, minħabba li (i) is-self ta' salvataġġ ma tħallasx bis-sħiħ, u (ii) ir-Rumanija kienet infurmata li l-pjan ta' ristrutturar (ippreżentat mir-Rumanija f'Ottubru 2015 u emendat f'Jannar 2016) ma kienx jiżgura li CE Hunedoara setgħet tilħaq vijabbiltà fit-tul mingħajr aktar għajnuna kontinwa.

(124)

Barra minn dan t'hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li l-iskeda ta' żmien għal-likwidazzjoni ta' CE Hunedoara b'tul massimu ta' tliet snin, kif ippreżentata mir-Rumanija f'Mejju 2017 (jiġifieri sena u nofs wara l-iskadenza ta' Ottubru 2015, jiġifieri sitt xhur wara l-għoti ta' għajnuna ta' salvataġġ approvata mid-deċiżjoni għal għajnuna ta' salvataġġ), tidher kemmxejn twila.

(125)

Minn dan kollu l-Kummissjoni tikkonkludi li t-titwil tas-self għal għajnuna ta' salvataġġ huwa inkompatibbli mas-suq intern.

5.   IRKUPRU

(126)

Skont it-TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, il-Kummissjoni għandha l-kompetenza li tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat għandux ineħħi jew ibiddel l-għajnuna meta jkun instab li din hija inkompatibbli mas-suq intern (38). Il-Qorti wkoll konsistentement sostniet li l-obbligu fuq Stat Membru li jneħħi għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa maħsub biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti preċedentement (39).

(127)

F'dan il-kuntest, il-Qorti stabbiliet li dan l-objettiv jinkiseb ladarba min ikun irċieva l-għajnuna jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, biex b'hekk jintilef il-vantaġġ li kien kiseb fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u b'hekk terġa' tinkiseb is-sitwazzjoni qabel il-ħlas tal-għajnuna (40).

(128)

F'dan ir-rigward, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (41) jgħid li “Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]”.

(129)

Għaldaqstant, (i) is-self mill-BCR, (ii) is-self mill-BRD, (iii) is-self biex titħallas lura l-għajnuna inkompatibbli, u (iv) is-self għall-għajnuna ta' salvataġġ - li sar illegali mill-mument li l-għajnuna ta' salvataġġ ma tħallsitx lura fi żmien sitt xhur wara li ngħatat u/jew ħarġu l-flus - kienu implimentati fi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, u għandhom jitqiesu bħala għajnuna illegali u inkompatibbli, u għandhom jiġu rkuprati biex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ma ngħataw. L-irkupru għandu jkopri ż-żmien minn meta l-vantaġġ ingħata lill-benefiċjarju, jiġifieri minn meta l-għajnuna fil-forma ta' ammont kapitali ta' self tpoġġiet b'mod illegali għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sal-irkupru effettiv, u s-somom li għandhom ikunu rkuprati għandhom jiġu miżjuda bl-imgħax sakemm iseħħ l-irkupru effettiv. L-imgħax tal-irkupru huwa distint mill-imgħax kuntrattwali, l-interess għal pagamenti tard, jew somom oħra relatati mas-self inkwistjoni dovuti minn CE Hunedoara lill-Istat.

(130)

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-insolvenza tal-benefiċjarju u l-inkapaċità tiegħu li jħallas lura l-għajnuna mhumiex raġuni valida biex dan jiġi eżentat mill-obbligu tiegħu li jħallas lura l-għajnuna (42). F'dan il-każ, ir-restawr għas-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-għajnuna u t-tneħħija tad-distorsjoni għall-kompetizzjoni fil-prinċipju jistgħu jinkisbu billi jiġu rreġistrati d-djun relatati mal-pagament lura tal-għajnuna fl-iskeda ta' djun bħala parti mill-proċedura ta' likwidazzjoni ssorveljata mill-Qorti. Fejn Stat Membru ma jkunx kapaċi jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna, ir-reġistrazzjoni tar-responsabbiltà tista' tissodisfa l-obbligu tal-irkupru biss jekk il-proċeduri ta' insolvenza jirriżultaw fl-istralċ tal-impriża li kienet irċeviet l-għajnuna illegali, jiġifieri l-waqfien definittiv tal-attivitajiet tagħha (43). Il-likwidazzjoni ta' CE Hunedoara fil-każ li ma tkunx irkuprata l-għajnuna ta' salvataġġ fi żmien sitt xhur mill-approvazzjoni tagħha jew l-għoti hija meqjusa wkoll fil-Linji Gwida għal għajnuna S&R, fid-deċiżjoni ta' għajnuna għal salvataġġ (il-premessi 20, 21 u 52, il-punt d).

(131)

Il-Kummissjoni tinnota d-diskussjonijiet riċenti mar-Rumanija fejn ġie stabbilit li l-istralċ ta' CE Hunedoara jista' jwassal biex l-assi tagħha jiġu likwidati u mibjugħa sabiex tissodisfa d-djun, inkluż dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-irkupru impost fuq ir-Rumanija b'riżultat ta' din id-Deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet Rumeni kkonfermaw l-eżistenza ta' dispożizzjonijiet legali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jiżguraw il-kontinwità tal-operat u semmew dan fir-rigward tal-Liġi Nru 123 tal-10 ta' Lulju 2012 dwar l-enerġija elettrika u l-gass naturali, l-aktar il-Kapitolu għas-sigurtà u s-sikurezza.

(132)

Fil-kuntest ta' likwidazzjoni u inkonsiderazzjoni tal-obbligu legali tagħha li tiżgura l-kontinwità tal-provvista, ir-Rumanija tista' tippjana li tadotta miżuri bl-għan li tevita xkiel fil-provvista tal-elettriku għar-reġjun li għalih CE Hunedoara topera u tipprovdi servizzi. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom ikunu proprozjonati, raġjonevoli, u limitati fiż-żmien u l-iskop fir-rigward ta' dak li huwa indispensabbli għaż-żamma tal-valur tal-assi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Fl-eżekuzzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni trid tiġi infurmata minn qabel u tkun f'pożizzjoni li tista' tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet jitlaħqu. Konsegwentement, din id-deċiżjoni hija ġeneralment mingħajr preġudizzju għal dawn il-miżur xierqa u għall-proċedura li tirrigwarda t-trasferiment tal-assi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.

(133)

Barra minn dan, kif imsemmi matul konferenza bil-vidjo li saret fil-31 ta' Lulju 2018 (ara l-premessa 3 hawn fuq), ir-Rumanija esprimiet l-intenzjoni tagħha li tieħu miżura xierqa biex tipproċedi bil-proċess fir-rigward tat-trasferiment tal-assi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija minn CE Hunedoara għall-Kumpanija Ġdida (NewCo) li għad trid titwaqqaf. Hu ppjanat li din tieħu l-forma ta' Ordinanza ta' Emerġenza tal-Gvern f'forma ta' trasferiment fi tliet stadji minflok ħlas (bir-Rumen “dare în plată”) li jseħħ fir-rigward tal-assi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija biss, jiġifieri mingħajr il-minjieri. Skont il-minuti approvati mar-Rumanija, dan il-proċess jenħtieġ li jinvolvi:

(i)

L-ewwel, it-tħejjija ta' rapport ta' valutazzjoni obbligatorju biex ikun determinat il-valur tal-assi ta' ġenerazzjoni tal-enerġija (bħalissa garantiti mill-Ministeru għall-Finanzi) u l-ammont tad-dejn dovut minn CE Hunedoara;

(ii)

It-tieni, dawn l-assi garnatiti jiġu ttrasferiti lill-Ministeru għall-Finanzi u wara lill-Ministeru għall-Enerġija;

(iii)

It-tielet, dawn l-assi jiġu ttrasferiti lill-kumpanija l-ġdida, u din tal-aħħar imbagħad tkun fdata bil-provvista ta' Servizz ta' Interess Ekonomiku Ġenerali.

(134)

Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal tali trasferiment tal-assi permezz ta' Ordinanza ta' Emerġenza tal-Gvern ippjanata, sakemm dan it-trasferiment previst jitwettaq mill-awtoritajiet Rumeni skont ir-rekwiżiti legali, inkluż, b'mod partikolari, valutazzjoni tajba ta' dawn l-assi.

6.   KONKLUŻJONI

(135)

Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li r-Rumanija tat lil CE Hunedoara għajnuna mill-Istat illegali li hija inkompatibbli mas-suq intern u li għandha tkun irkuprata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-self tal-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (is-self mill-IBRD) iggarantit mill-Istat Rumen u li għalih CE Hunedoara saret il-benefiċjarju suċċessur ma ngħatax b'mod illegali lil CE Hunedoara, fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Is-self li ġej favur CE Hunedoara u fl-ammonti stabbiliti fil-punti minn (a) sa (d), jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li ngħatat illegalment (jew mhux imħallsa lura fir-rigward tal-punt (d)) mir-Rumanija, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u huwa inkompatibbli mas-suq intern:

(a)

Is-self mill-Bank Kummerċjali Rumen ikkuntrattat mill-Ministeru għall-Finanzi u wara mogħti lil CE Hunedoara permezz ta' ftehim għal self sussidjarju (is-self mill-BCR) - RON 83 485 450.

(b)

Is-self mill-Bank għall-Iżvilupp Rumenk ikkuntrattat mill-Ministeru għall-Finanzi u wara mogħti lil CE Hunedoara permezz ta' ftehim għal self sussidjarju (is-self mill-BRD) - RON 68 371 170.

(c)

Self ipprovdut għall-ħlas ta' għajnuna inkompatibbli mitluba li għandha tkun irkuprata bid-Deċiżjoni dwar l-għajnuna inkompatibbli (is-self biex titħallas lura għajnuna inkompatibbli) - RON 34 785 015.

(d)

Self li jirrapreżenta għajnuna mogħtija skont id-deċiżjoni dwar għajnuna ta' salvataġġ u l-imgħax (is-self għal għajnuna ta' salvataġġ) - kif żborżat effettivament għall-ammont ta' RON 98 476 900 u mhux rimborżat wara sitt xhur li ngħata.

Artikolu 3

1.   Ir-Rumanija ser tirkupra l-għajnuna inkompatibbli li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 2 mill-benefiċjarju.

2.   Is-somon effettivi li għandhom ikunu rkuprati għandhom ikunu ugwali għall-ammonti fil-fatt mogħtija lill-benefiċjarju u mhux imħallsa lura minn dan tal-aħħar lill-Istat Rumen, dawn is-somom għandhom ikunu miżjuda bl-imgħax mid-data minn meta dawn tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sakemm attwalment jiġu rkuprati.

3.   L-imgħax se jkun ikkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (44).

4.   Ir-Rumanija għandha tikkanċella l-pagamenti kollha dovuti tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 għandu jkun immedjat u effettiv, mingħajr preġudizzju għal miżuri xierqa li tista' tadotta r-Rumanija bil-ħsieb li tħares l-operat kontinwu tal-assi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li huma meħtieġa għall-provvista ta' elettriku u sħana, sakemm dawn il-miżuri huma proporzjonati, raġonevoli, u limitati fiż-żmien u fl-iskop għal dak li huwa indispensabbli biex jinżamm il-valur tal-assi.

2.   Ir-Rumanija għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni hija implimentata fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, ir-Rumanija għandha tippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont toali (kapital u ingħax tal-irkupru) li għandhom ikunu rkuprati mill-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li jkunu ttieħdu u ppjanati għall-konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u ppjanati biex jitħares l-operat kontinwu tal-assi tal-ġenerazzjoni tal-elettriku;

(d)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju jkun ġie ordnat biex iħallas lura l-għajnuna.

2.   Ir-Rumanija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali mittieħda biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm ikun tlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2. Din għandha tissottometti immedjatament, fuq talba sempliċi mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu u ppjanati għall-konformità ma' din id-Deċiżjoni. Din għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax tal-irkupru diġà rkuprati mill-benefiċjarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoini hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 158, 4.5.2018, p. 47.

(2)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(3)   ĠU C 23, 25.1.2013, p. 3.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE tal-10 ta' Diċembru 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat biex ikun faċilitat l-għeluq ta' minjieri mhux kompetittivi (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 24).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1877 tal-20 ta' April 2015 dwar tariffi mitluba minn S.C. Hidroelectrica SA tar-Rumanija lil S.C. Termoelectrica SA u S.C. Electrocentrale Deva SA — SA.33475 (12/C) (ĠU L 275, 20.10.2015, p. 46), il-premessi minn 117 sa 124.

(6)  Ir-rata tal-kambju użata għal informazzjoni f'din id-deċiżjoni hija RON/EUR = 0,215 (il-31 ta' Jannar 2018).

(7)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2015 SA.41318 (2015/N) – ir-Rumanija – Notifika dwar l-għajnuna għas-salvataġġ lil Complexul Energetic Hunedoara (ĠU C 203, 19.6.2015, p. 5).

(8)   ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.

(9)  Dak il-pjan ġie diskuss ukoll matul laqgħa mal-awtoritajiet Rumeni fit-23 ta' Ottubru 2015.

(10)  L-Awtorizzazzjoni għal għajnuna mill-Istat skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Każijiet fejn il-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni (ĠU C 127, 21.4.2017, p. 1).

(11)  Ikkummissjonata f'żewġ stadji, l-ewwel waħda bejn l-1969 u l-1971 u t-tieni waħda bejn l-1977 u l-1980 - ara r-rapport GMC Insolvency Consulting ta' Marzu 2016, paġna 37, cigmc.ro/files/Raport%20art.%2097.pdf

(12)  Ikkummissjonata f'żewġ stadji, l-ewwel waħda bejn l-1956 u l-1959 u t-tieni waħda bejn l-1962 u l-1964 - ara l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq https://uzinaparoseni.wordpress.com/.

(13)  Deċiżjoni dwar l-għajnuna inkompatibbli adottata fl-20 ta' April 2015, il-premessi 84, minn 88 sa 90, 98 u minn 117 sa 124. Deċiżjoni ta' għajnuna għas-salvataġġ tal-21 ta' April 2015, il-premessi 13 u 63.

(14)  Deċiżjoni dwar l-ewwel għajnuna lill-minjieri tal-faħam adottata fit-22 ta' Frar 2012, il-premessi minn 4 sa 10.

(15)  Rapporti annwali ANRE għall-2013, 2014 u 2015, disponibbli fuq: http://www.anre.ro/en/about-anre/annual-reports-archive. Ara wkoll data ta' Transelectrica dwar il-kapaċità ta' ġenerazzjoni installata totali u disponibbli għal kull unità spedibbli, għal kull sors primarju tal-enerġija, disponibbli fuq: http://transelectrica.ro/web/tel/productie.

(16)  CE Hunedoara, Rapporti maħruġa mill-Bord tal-Amministrazzjoni għall-2013, l-2014 u l-2015, disponibbli fuq: http://www.cenhd.ro/index.php/situatii-financiare/.

(17)  Rapporti annwali tal-OPCOM għall-2013, 2014 u 2015, disponibbli fuq: https://www.opcom.ro/compania/compania.php?lang=ro&id=6.

(18)  Ara, pereżempju, il-fatturi tat-tagħbija rrappurtati fid-Deċiżjoni SA.38760 (2016/C) (ĠU C 46, 5.2.2016, p. 19).

(19)  http://www.cenhd.ro/images/File/Situatii%20financiare/2013/Raportul%20administratorilor%20-%202013.pdf, paġna 3.

http://www.cenhd.ro/images/File/Situatii%20financiare/2014/Raportul%20administratorilor%20-%202014.pdf, paġna 3.

http://www.cenhd.ro/images/File/Situatii%20financiare/2015/Raportul%20administratorilor%20-%202015.pdf, paġna 11.

(20)  Deċiżjoni ta' għajnuna għas-salvataġġ tal-21 ta' April 2015, il-premessi 14, 16 u 17.

(21)  SA. 33812 (2012/NN) – ir-Rumanija - Għajnuna mill-Istat illegali għal proġetti ambjentali obbligatorji.

(22)  Ordinanza ta' Emerġenza tal-Gvern Nru 26/2018 u Deċiżjoni tal-Gvern Nru 760/2017.

(23)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442 tal-31 ta' Lulju 2017 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU L 212, 17.8.2017, p. 1).

(24)  Ara l-Kawża C-482/99 Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust Marine), ECLI:EU:C:2002:294.

(25)  Il-Kawża C-248/84 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:1987:437, il-paragrafu 17.

(26)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni u Oħra, Kawżi Konġunti C-399/10 P u C-401/10 P, ECLI:EU:C:2013:175, il-paragrafi 137, 138 u 139.

(27)  Il-Kawża C-300/16P Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, ECLI:EU:C:2017:706, il-paragrafu 28.

(28)  Deċiżjoni ta' għajnuna għas-salvataġġ tal-21 ta' April 2015, il-premessi 30 u 31.

(29)  Il-Kawża T-423/14, Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2018:57, il-paragrafu 193 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(30)  B'mod partikolari ara l-Kawża 730/79, Philip Morris vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:1980:209, il-paragrafu 11; Il-kawża C-53/00 Ferring,ECLI:EU:C:2001:627, il-paragrafu 21; il-kawża C-372/97, L-Italja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2004:234, il-paragrafu 44.

(31)  Il-Kawża T-214/95 Het Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:1998:77.

(32)  Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55).

(33)  Ara l-Kawża C-364/90, L-Italja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:1993:157, il-paragrafu 20.

(34)  Il-Kawża C-280/00 Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark [2003] Ġabra I-7747.

(35)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil ċerti impriżi f'dati bl-operat ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3).

(36)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kumpens għal servizz pubbliku (2011) (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15).

(37)  Il-Kawżi T-244/93 u T-486/93 TWD Deggendorf vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:1995:160, il-paragrafu 56.

(38)  Ara l-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, ECLI:EU:C:1973:87, il-paragrafu 13.

(39)  Ara l-Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:1994:325, il-paragrafu 75.

(40)  Ara l-Kawża C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:1999:311, il-paragrafi 64 u 65.

(41)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(42)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-277/00, ECLI:EU:C:2004:238, il-paragrafu 85; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-52/84, ECLI:EU:C:1986:3, il-paragrafu 14; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-142/87, ECLI:EU:C:1990:125, il-paragrafi minn 60 sa 62.

(43)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, ECLI:EU:C:2012:781, il-paragrafu 104.

(44)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).


Top