Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0120

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/120 tal-24 ta' Jannar 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward tal-estensjoni tad-deroga dwar il-kondizzjonijiet tal-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott minn pajjiżi terzi (notifikata bid-dokument C(2019) 254)

    C/2019/254

    ĠU L 24, 28.1.2019, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/120/oj

    28.1.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 24/27


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/120

    tal-24 ta' Jannar 2019

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward tal-estensjoni tad-deroga dwar il-kondizzjonijiet tal-importazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott minn pajjiżi terzi

    (notifikata bid-dokument C(2019) 254)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta' Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (1), u b'mod partikolari it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/90/KE jirrikjedi lill-Kummissjoni li tiddeċiedi jekk il-materjal tal-propagazzjoni u l-pjanti tal-frott prodotti f'pajjiż terz u li joffru l-istess garanziji rigward l-obbligi tal-fornitur, l-identità, il-karatteristiċi, is-saħħa tal-pjanti, il-mezz tat-tkabbir, l-imballaġġ, l-arranġamenti għall-ispezzjoni, l-immarkar u l-issiġillar humiex ekwivalenti f'dawn l-aspetti kollha għall-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u l-pjanti tal-frott prodotti fl-Unjoni u li jħarsu l-ħtiġijiet u l-kondizzjonijiet ta' dik id-Direttiva. L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/90/KE jipprovdi għal deroga li tippermetti lill-Istati Membri, fl-istennija ta' din id-deċiżjoni, li japplikaw il-kundizzjonijiet għall-importazzjoni ta' materjal ta' propagazzjoni u pjanti tal-frott li ta' mill-inqas huma ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u l-pjanti tal-frott prodotti fl-Unjoni.

    (2)

    Din id-deroga ngħatat sal-31 ta' Diċembru 2018. Għalhekk l-Istati Membri jistgħu japplikaw kondizzjonijiet ekwivalenti għad-Direttivi ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE (2), 2014/97/UE (3) u 2014/98/UE (4).

    (3)

    L-informazzjoni disponibbli attwalment dwar il-kondizzjonijiet li japplikaw f'pajjiżi terzi għadha mhijiex biżżejjed biex tħalli lill-Kummissjoni tadotta xi deċiżjoni bħal din dwar xi pajjiż terz f'dan l-istadju.

    (4)

    Sabiex ix-xejriet tal-kummerċ ma jiġux imħarbta, l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jibbenefikaw minn dik id-deroga.

    (5)

    Mill-14 ta' Diċembru 2019, ir-regoli tas-saħħa tal-pjanti ġodda stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) se japplikaw. Skont dawk ir-regoli ġodda, il-pesti li bħalissa huma elenkati fid-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE kif ukoll rekwiżiti tas-saħħa għal materjal ta' propagazzjoni se jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament. Għalhekk huwa xieraq li jitħalla perjodu biżżejjed taż-żmien biex tiġi vvalutata l-konformità ta' pajjiżi terzi mar-regoli il-ġodda dwar is-saħħa tal-pjanti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/2031 u l-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni tiegħu.

    (6)

    Il-perjodu ta' applikazzjoni tad-deroga stipulat fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/90/KE jenħtieġ li għalhekk jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2022.

    (7)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2008/90/KE tiġi emendata skont dan:

    (8)

    Il-miżuri li għalihom qed isiru provvedimenti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tat-taqsima tal-Materjal tal-Propagazzjoni u l-Pjanti tal-Ġeneri u l-Ispeċi tal-Frott tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/90/KE, id-data “31 ta' Diċembru 2018” tinbidel bil-“31 ta' Diċembru 2022”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Jannar 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 267, 8.10.2008, p. 8.

    (2)  Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/96/UE tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar ir-rekwiżiti għat-tikkettar, is-siġillar u l-imballaġġar ta' materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u ta' pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott, li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE (ĠU L 298, 16.10.2014, p. 12).

    (3)  Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/97/UE tal-15 ta' Ottubru 2014 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' fornituri u ta' varjetajiet u l-lista komuni ta' varjetajiet (ĠU L 298, 16.10.2014, p. 16).

    (4)  Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/98/UE tal-15 ta' Ottubru 2014 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE fir-rigward ta' rekwiżiti speċifiċi għall-ġeneru u l-ispeċi tal-pjanti tal-frott imsemmija fl-Anness I tagħha, rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu ssodisfati mill-fornituri u regoli dettaljati dwar l-ispezzjonijiet uffiċjali (ĠU L 298, 16.10.2014, p. 22).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).


    Top