Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0116

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/116 tal-15 ta' Ottubru 2018 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi

    ST/5883/2017/REV/2

    ĠU L 24, 28.1.2019, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/116/oj

    Related international agreement

    28.1.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 24/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/116

    tal-15 ta' Ottubru 2018

    dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Taħt il-punt (b) tal-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (2), prodotti li nkisbu fin-Norveġja, fl-Iżvizzera jew fit-Turkija li jinkorporaw materjali li ma jkunux inkisbu kompletament hemmhekk għandhom jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw f'pajjiż benefiċjarju, dment li tali materjali jkunu għaddew minn xogħol jew ipproċessar suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 45 ta' dak ir-Regolament (“is-sistema ta' akkumulazzjoni”).

    (2)

    Taħt l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2015/2446, is-sistema ta' akkumulazzjoni tapplika bil-kundizzjoni li n-Norveġja tagħti, b'mod reċiproku, l-istess trattament lill-prodotti li joriġinaw f'pajjiżi benefiċjarji li jinkorporaw materjali li joriġinaw fl-Unjoni.

    (3)

    Sa fejn hija kkonċernata n-Norveġja, is-sistema ta' akkumulazzjoni ġiet stabbilita inizjalment permezz ta' ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni u n-Norveġja. Dan l-iskambju ta' ittri seħħ fid-29 ta' Jannar 2001, wara li l-Kunsill kien ta l-approvazzjoni tiegħu permezz tad-Deċiżjoni 2001/101/KE (3).

    (4)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' kunċett tal-oriġini li jikkorrispondi għaldak stabbilit fir-regoli ta' oriġini tas-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi (“SĠP”) tal-Unjoni, in-Norveġja mmodifikat ir-regoli tal-oriġini tas-SĠP tagħha. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi rivedut il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni u n-Norveġja.

    (5)

    Is-sistema ta' aċċettazzjoni reċiproka taċ-ċertifikati ta' oriġini ta' sostituzzjoni, Formola A, mill-Unjoni, min-Norveġja u mill-Iżvizzera għandha tkompli fl-ambitu tal-iskambju ta' ittri rivedut u tiġi applikata mit-Turkija b'mod kondizzjonali, sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn l-Unjoni, in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija.

    (6)

    Barra minn hekk, ir-regoli tal-oriġini fis-SĠP tal-Unjoni, kif riformati fl-2010, jipprevedu l-implimentazzjoni ta' sistema ġdida għall-istabbiliment tal-provi ta' oriġini minn esportaturi reġistrati, li għandha tiġi applikata mill-1 ta' Jannar 2017. F'dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jsiru modifiki fl-iskambju ta' ittri.

    (7)

    Sabiex jantiċipa l-applikazzjoni ta' dik is-sistema ġdida u r-regoli relatati magħha, fit-8 ta' Marzu 2012 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja Ftehim man-Norveġja, fil-forma ta' skambju ta' ittri, dwar l-aċċettazzjoni reċiproka taċ-ċertifikati ta' oriġini ta' sostituzzjoni, Formola A, jew dikjarazzjonijiet ta' sostituzzjoni dwar l-oriġini u li jipprovdi li l-prodotti b'kontenut ta' oriġini Norveġiża, Żvizzera jew Torka għandhom jiġu ttrattati mal-wasla tagħhom fit-territorju doganali tal-Komunità bħala prodotti b'kontenut ta' oriġini mill-Unjoni.

    (8)

    In-negozjati man-Norveġja saru mill-Kummissjoni u rriżultaw fil-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (“il-Ftehim”).

    (9)

    Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar l-akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera, ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qafas tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fil-paragrafu 18 tal-Ftehim. (4)

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' Ottubru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. KÖSTINGER


    (1)  Il-Kunsens għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/101/KE tal-5 ta' Diċembru 2000 fir-rigward tal-approvazzjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità u kull wieħed mill-pajjiżi EFTA illi jagħti preferenzi fuq it-tariffi taħt is-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi (in-Norveġja u l-Iżvizzera), illi jipprovdi illi l-merkanzija illi toriġina fin-Norveġja jew l-Iżvizzera għandha tiġi trattata hekk kif tidħol fit-territorju doganali tal-Komunità bl-istess mod tal-merkanzija illi jkollha kontenut tal-oriġini Komunitarja (ftehim reċiproku) (ĠU L 38, 8.2.2001, p. 24).

    (4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top