This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D1040
Commission Decision (EU) 2018/1040 of 16 June 2017 on the State aid SA.32544 (2011/C) implemented by Greece in favour of the Greek Railway Group TRAINOSE SA (notified under document C(2017) 4047) (Text with EEA relevance.)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1040 tas-16 ta' Ġunju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.32544 (2011/C) implimentata mill-Greċja favur il-Grupp Ferrovjarju Grieg TRAINOSE S.A. (notifikata bid-dokument C(2017) 4047) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1040 tas-16 ta' Ġunju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.32544 (2011/C) implimentata mill-Greċja favur il-Grupp Ferrovjarju Grieg TRAINOSE S.A. (notifikata bid-dokument C(2017) 4047) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
C/2017/4047
ĠU L 186, 24.7.2018, pp. 25–56
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
24.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 186/25 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1040
tas-16 ta' Ġunju 2017
dwar l-għajnuna mill-Istat SA.32544 (2011/C) implimentata mill-Greċja favur il-Grupp Ferrovjarju Grieg TRAINOSE S.A.
(notifikata bid-dokument C(2017) 4047)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom.
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Permezz ta' ittra datata d-9 ta' Frar 2011, il-Greċja nnotifikat lill-Kummissjoni b'ċerti miżuri favur il-Grupp Ferrovjarju Grieg – TRAINOSE S.A. (“TRAINOSE”). |
|
(2) |
Permezz ta' ittri datati t-23 ta' Marzu 2011 u l-5 ta' Lulju 2011, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni dwar il-miżuri nnotifikati, li l-Greċja pprovdiet permezz ta' ittri datati s-6 ta' Mejju 2011 u l-5 ta' Ottubru 2011. |
|
(3) |
Permezz ta' ittra datata t-13 ta' Lulju 2011, il-Kummissjoni għarrfet lill-Greċja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) fir-rigward tal-miżuri nnotifikati (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”) (1). Permezz ta' ittra datata t-13 ta' Settembru 2011, il-Greċja pprovdiet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ. |
|
(4) |
Permezz ta' ittri datati l-21 ta' Diċembru 2011, l-14 ta' Frar 2012, is-16 ta' Marzu 2012, it-23 ta' Marzu 2012, il-11 ta' Ġunju 2012, il-25 ta' Ottubru 2012, is-7 ta' Frar 2013, it-12 ta' Marzu 2013, l-24 ta' Lulju 2015, it-28 ta' Jannar 2016, il-21 ta' April 2016, l-10 ta' Ottubru 2016 u t-13 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mill-Greċja. |
|
(5) |
Il-Greċja pprovdiet lill-Kummissjoni b'aktar informazzjoni permezz ta' ittri datati l-5 ta' Ottubru 2011, l-20 ta' Jannar 2012, l-14 ta' Mejju 2012, l-4 ta' Lulju 2012, is-26 ta' Marzu 2013, is-26 ta' Awwissu 2015, il-15 ta' Frar 2016, l-10 ta' Marzu 2016, it-23 ta' Mejju 2016, it-2 ta' Diċembru 2016, il-5 ta' Diċembru 2016, id-9 ta' Diċembru 2016, il-31 ta' Jannar 2017 u s-27 ta' Marzu 2017. |
|
(6) |
Permezz ta' ittra datata l-1 ta' Lulju 2013, il-Greċja nnotifikat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li tirtira l-miżura li tirrigwarda t-trasferiment tas-sjieda ta' ħames terminals mill-Organizzazzjoni Ferrovjarja Ellenika (Οργανισμός Σιδηροδρόμων Ελλάδος, Ο.Σ.Ε. jew “OSE”) lil TRAINOSE (il-Miżura 6, kif deskritta fit-Taqsima 3.6). Permezz ta' ittra datata d-9 ta' Diċembru 2016, il-Greċja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar il-fatt li hija ddeċidiet li tirtira l-miżura li tirrigwarda t-tieni segment taż-żieda fl-ekwità li tammonta għal EUR 65 miljun favur TRAINOSE (il-Miżura 2, kif deskritta fit-Taqsima 3.2). |
|
(7) |
Permezz ta' ittra datata t-2 ta' Diċembru 2016, il-Greċja qablet b'mod eċċezzjonali li din id-deċiżjoni tiġi adottata bl-Ingliż biss. |
2. KUNTEST TAL-MIŻURI
|
(8) |
Il-benefiċjarju tal-miżuri hija TRAINOSE, l-operatur eżistenti Grieg tat-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija bil-ferrovija, li hija 100 % proprjetà tal-Istat. |
|
(9) |
TRAINOSE ġiet stabbilita fl-2005, bħala sussidjarja tal-OSE. F'Diċembru 2008, TRAINOSE saret entità ġuridika separata, indipendenti għal kollox mill-OSE. |
|
(10) |
TRAINOSE hija l-fornitur uniku ta' servizzi tat-trasport bil-ferrovija fil-Greċja. Hija tipprovdi wkoll servizzi internazzjonali tal-kowċis. |
|
(11) |
Sa mill-2008, is-sitwazzjoni finanzjarja ta' TRAINOSE iddeterjorat b'mod kostanti. TRAINOSE kienet affettwata mis-sitwazzjoni ekonomika tal-Greċja, tant li esperjenzat taqlib sinifikanti, bħal tnaqqis fid-domanda għas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija, minħabba l-waqfien tal-attivitajiet ta' ċerti impriżi u l-inkapaċità ta' ċerti negozji li jħallsu l-kontijiet tagħhom. Bejn l-2008 u l-2012, il-kilometri tal-passiġġieri naqsu b'49 % u t-tunnellati-kilometri ta' merkanzija naqsu b'xejn inqas minn 64 %. Din is-sitwazzjoni wasslet għal tnaqqis tad-dħul operattiv ta' TRAINOSE. |
|
(12) |
Fil-perjodu bejn l-2008 u l-2012, TRAINOSE kellha qligħ negattiv qabel l-imgħax, it-taxxi, id-deprezzament u l-ammortizzament (EBITDA). Barra minn hekk, sal-aħħar tal-2013, hija esperjenzat ekwità proprja negattiva u żieda fid-dejn, kif spjegat fil-qosor fit-Tabella 1 ta' hawn taħt. Għalkemm il-kumpanija ilha eliġibbli għal xoljiment skont il-leġiżlazzjoni Griega mill-inqas sa mill-2008, l-Istat, fil-kwalità tiegħu ta' proprjetarju uniku, għażel li ma jipproċedix bix-xoljiment ta' TRAINOSE. Tabella 1 Ħarsa ġenerali lejn l-indikaturi finanzjarji ewlenin ta' TRAINOSE 2008-2015
|
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(13) |
Fit-3 ta' Mejju 2010, sabiex tirċievi self ta' assistenza finanzjarja mill-FMI u mill-UE, il-Greċja ffirmat Memorandum ta' Qbil (“MtQ”) (3) mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-Fond Monetarju Internazzjonali (“Trojka”). Il-MtQ esiġa l-privatizzazzjoni ta' TRAINOSE mill-2010 (4). |
|
(14) |
Il-programm ta' rkupru makroekonomiku għall-Greċja jikkonsisti f'miżuri elenkati fid-dettall fil-MtQ li fuqhom hija kundizzjonali l-assistenza finanzjarja mill-UE u mill-FMI, jiġifieri r-riformi li l-Greċja impenjat ruħha li twettaq sabiex tindirizza l-isfidi ekonomiċi tagħha. Il-programm ta' rkupru makroekonomiku identifika lil TRAINOSE bħala li teħtieġ ristrutturar minħabba l-importanza sistemika tagħha għall-ekonomija Griega. Mill-2010, TRAINOSE saret ukoll parti mill-Programm ta' Privatizzazzjoni (5) tal-Greċja, li l-implimentazzjoni tiegħu twettqet mill-Hellenic Republic Asset Development Fund S.A (6). (“HRADF”), li huwa 100 % proprjetà tal-Istat Grieg. |
|
(15) |
Fit-18 ta' Jannar 2013, il-Greċja ddeċidiet li tipproċedi bil-privatizzazzjoni ta' TRAINOSE permezz tal-bejgħ ta' ishma li jirrappreżentaw 100 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpanija (7). Fil-5 ta' April 2013, il-Greċja ttrasferiet l-ishma kollha ta' TRAINOSE lill-HRADF. Fit-28 ta' Ġunju 2013, il-Bord tad-Diretturi tal-HRADF approva l-proċess, l-iskeda ta' żmien u l-kundizzjonijiet għall-bejgħ ta' 100 % tal-kapital azzjonarju ta' TRAINOSE lil investitur, li jintgħażel permezz ta' proċedura ta' offerti pubbliċi. Minn hemm 'il quddiem, l-HRADF ippubblika l-offerta tal-privatizzazzjoni għal TRAINOSE (8). Minkejja li tliet investituri ppreżentaw espressjoni tal-interess tagħhom, ħadd minnhom ma ressaq offerta vinkolanti għal TRAINOSE. |
|
(16) |
Il-proċess ta' privatizzazzjoni reġa' nbeda f'Jannar 2016. Fis-26 ta' Lulju 2016, Ferrovie Dello Stato Italiane S.p.A. (“TRENITALIA”), kumpanija azzjonarja proprjetà tal-Istat li tiġġestixxi l-infrastruttura u s-servizzi tat-trasport fuq in-netwerk ferrovjarju Taljan, ressqet offerta vinkolanti għal TRAINOSE. Il-prezz tal-privatizzazzjoni miftiehem għal TRAINOSE huwa EUR 45 miljun. Il-Ftehim ta' Bejgħ u Xiri (“Sale Purchase Agreement” - “SPA”) ġie ffirmat mill-HRADF u minn TRENITALIA fit-18 ta' Jannar 2017 u t-tranżazzjoni mistennija li tingħalaq wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni preżenti. |
3. DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI U R-RAĠUNIJIET GĦAD-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ
|
(17) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni identifikat il-miżuri li ġejjin bħala li potenzjalment jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lil TRAINOSE:
|
3.1. Miżura 1: Kanċellazzjoni tad-dejn
|
(18) |
Il-Greċja tipprevedi l-kanċellazzjoni ta' dejn sa EUR 748,6 miljun lejn l-OSE għal imposti fuq l-infrastruttura, il-provvista u l-manutenzjoni ta' vetturi ferrovjarji u servizzi oħrajn, li kien akkumulat minn TRAINOSE fuq il-perjodu 2007-2010, kif muri fit-Tabella 2. Il-kanċellazzjoni tad-dejn għadha ma ġietx implimentata u hija soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Tabella 2 L-evoluzzjoni tad-djun ta' TRAINOSE lejn l-OSE matul il-perjodu 2007-2010 (9)
|
||||||||||||||||||
|
(19) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma tagħha li l-kanċellazzjoni tad-dejn tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u esprimiet dubji dwar jekk l-għajnuna hijiex se tkun kompatibbli mas-suq intern. B'mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-kanċellazzjoni tad-djun ta' TRAINOSE lejn l-OSE tistax titqies bħala kumpens lil TRAINOSE għat-twettiq ta' obbligu ta' servizz pubbliku (“OSP”) fin-nuqqas ta' att ta' fiduċja u ammont ta' kumpens stabbilit ex ante. |
3.2. Miżura 2: Żieda fl-ekwità
|
(20) |
Fl-2009, il-Greċja żiedet il-kapital azzjonarju ta' TRAINOSE b'EUR 60 miljun. |
|
(21) |
Il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni li t-tieni segment taż-żieda fil-kapital li tammonta għal EUR 65 miljun, li kien inizjalment ippjanat, baqa' ma ġiex implimentat, mhux se jiġi segwit aktar u għandu jitqies bħala li ġie rtirat. |
|
(22) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk fl-2009 Operatur f'Ekonomija tas-Suq (“OES”) kienx jinjetta kapital fi TRAINOSE minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tal-kumpanija. Għalhekk, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma tagħha li ż-żieda fl-ekwità tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u esprimiet dubji dwar jekk l-għajnuna hijiex se tkun kompatibbli mas-suq intern. |
3.3. Miżura 3: Għotjiet annwali lil TRAINOSE għall-perjodu 2011–2013
|
(23) |
Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), l-għotjiet annwali lil TRAINOSE għat-twettiq ta' servizzi ta' trasport tal-passiġġieri kienu limitati għal EUR 50 miljun matul il-perjodu 2011–2013. |
|
(24) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni suffiċjenti, il-Kummissjoni esprimiet id-dubju li l-allegat kumpens għal OSP fil-forma ta' għotjiet annwali jista' jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku indebitu għal TRAINOSE. Għalhekk, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma preliminari li l-għotjiet annwali lil TRAINOSE għall-perjodu mill-2011 sal-2013 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u esprimiet dubji dwar jekk l-għajnuna hijiex se tkun kompatibbli mas-suq intern. |
3.4. Miżura 4: It-trasferiment tal-impjegati ta' TRAINOSE lil impjegaturi oħrajn fis-settur pubbliku
|
(25) |
Matul il-perjodu mill-2011 sal-2013, ġew ittrasferiti 593 impjegat ta' TRAINOSE lil impjegaturi oħrajn fis-settur pubbliku, bħal sptarijiet pubbliċi, Ministeri, awtoritajiet u muniċipalitajiet reġjonali, universitajiet, fondi tal-pensjonijiet u tal-assigurazzjoni soċjali u mużewijiet. Għall-impjegati li baqgħu fi TRAINOSE, is-salarji u l-privileġġi tnaqqsu. |
|
(26) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-Greċja ma wrietx l-eżistenza ta' żvantaġġ strutturali fl-impjegar tal-impjegati kkonċernati. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li t-trasferiment ta' dawk l-impjegati jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u esprimiet dubji dwar jekk din l-għajnuna tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern. |
3.5. Miżura 5: FLS bejn TRAINOSE u l-OSE
|
(27) |
Wara r-rakkomandazzjoni tat-Trojka li jiġu fformalizzati r-relazzjonijiet kummerċjali bejn TRAINOSE u l-OSE, TRAINOSE kkonkludiet mal-OSE għadd ta' FLS dwar: (a) il-provvista tal-manutenzjoni ta' vetturi ferrovjarji; (b) il-lokazzjoni ta' vetturi ferrovjarji; (c) it-taħriġ tal-persunal; (d) il-kiri ta' uffiċini; u (e) il-kiri ta' kowċis. |
|
(28) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-FLS bejn l-OSE u TRAINOSE ġewx konklużi skont it-termini tas-suq u jekk l-għajnuna tkunx kompatibbli mas-suq intern. |
3.5.1. FLS dwar il-provvista tal-manutenzjoni ta' vetturi ferrovjarji
|
(29) |
Skont l-FLS dwar il-provvista tal-manutenzjoni ta' vetturi ferrovjarji konklużi bejn l-OSE u TRAINOSE fi […] (*1), l-ispejjeż indikattivi għas-servizzi ta' manutenzjoni ġew stabbiliti bħala EUR [0–50] miljun fis-sena. Il-prezz mitlub ġie stabbilit bħala funzjoni tal-kostijiet tal-materjal u tal-parts tal-bdil, tal-kostijiet tal-persunal tal-manutenzjoni u tal-kostijiet amministrattivi rilevanti. Id-durata ta' dan l-FLS kienet ta' sentejn, li tista' tiġi estiża aktar b'sena waħda. Il-fatturar kien isir kull xahar (jekk mhux possibbli, darbtejn fis-sena). Kien previst ikklerjar fl-aħħar ta' kull sena. L-FLS inkluda klawżoli kontra ż-żewġ partijiet għall-kunsinna tard ta' vetturi ferrovjarji, għall-manutenzjoni, kif ukoll klawżola kontra TRAINOSE f'każ ta' ħlasijiet tardivi. |
|
(30) |
Il-Greċja ddikjarat li s-salarju annwali tal-persunal tal-manutenzjoni tal-OSE (EUR [25 000–50 000]) huwa simili għal dak tal-persunal ta' AMEL (Attiko Metro Operation Company). |
|
(31) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk it-tqabbil tal-ispiża tal-manutenzjoni tal-OSE mal-ispejjeż sħaħ ta' AMEL, u mhux mal-ispejjeż tal-persunal tal-manutenzjoni ta' AMEL biss, kienx pertinenti. |
3.5.2. FLS dwar il-lokazzjoni ta' vetturi ferrovjarji
|
(32) |
Skont l-FLS dwar il-lokazzjoni ta' vetturi ferrovjarji konkluż bejn l-OSE u TRAINOSE fi […], l-ispejjeż indikattivi ta' TRAINOSE ġew stabbiliti bħala EUR [0–50 miljun fis-sena]. L-FLS ħa f'kunsiderazzjoni d-deprezzament annwali tal-vetturi ferrovjarji mogħtija b'lokazzjoni u l-ispejjeż tal-finanzjament ta' dawk il-vetturi ferrovjarji (jiġifieri l-imgħax tas-self għall-kisba tal-vetturi ferrovjarji). Il-fatturar kien isir kull xahar (jew, jekk ma jkunx possibbli, darbtejn fis-sena) u kien hemm ikklerjar fl-aħħar ta' kull sena. Id-durata tal-FLS mal-OSE kienet ta' sentejn, b'possibbiltà ta' estensjoni għal sena waħda addizzjonali. |
|
(33) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-konformità tas-suq tal-lokazzjoni, minħabba li l-formula tal-kalkolu tagħha kienet tinkludi fattur ta' deprezzament mhux spjegat ta' 2/3. |
3.5.3. FLS dwar it-taħriġ tal-persunal
|
(34) |
Skont l-FLS għat-taħriġ tal-persunal ta' […], l-OSE pprovdiet lil TRAINOSE b'taħriġ tekniku u professjonali tal-membri tal-persunal li jittrattaw iċ-ċirkolazzjoni u s-sikurezza (eż. taħriġ u ħruġ ta' liċenzji sabiex jaħdmu fuq netwerks ferrovjarji elettriċizzati). L-ispejjeż indikattivi ta' TRAINOSE għal dawn is-servizzi ġew stabbiliti bħala EUR [0–5] miljun fis-sena. It-tariffa kienet funzjoni tal-għadd totali ta' sigħat ta' taħriġ imwettqa u l-għadd ta' membri tal-persunal parteċipanti, b'EUR [0–30] fis-siegħa għal gruppi ta' aktar minn 15-il persuna, EUR [20–40] fis-siegħa għal gruppi ta' bejn 10 u 15-il persuna u EUR [20–40] fis-siegħa għal gruppi ta' bejn 5 u 9 persuni. It-taħriġ ġie pprovdut fil-bini tal-OSE u in situ fuq in-netwerk ferrovjarju. Il-ħlasijiet tat-taħriġ kienu jinkludu tariffi għall-persunal tat-taħriġ, l-ispejjeż tal-materjal u t-tagħmir tat-taħriġ, l-ispejjeż tal-bini fejn isir it-taħriġ u t-taxxi u d-dazji kollha relatati. Id-durata tal-FLS kienet ta' sentejn, b'possibbiltà ta' estensjoni għal sena waħda addizzjonali. |
|
(35) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk it-tariffi tat-taħriġ ippreżentati kinux jirriflettu t-tariffi tas-suq, minħabba li l-Greċja ma pprovdiet ebda informazzjoni dettaljata dwar taħriġ simili minn fornituri oħrajn. |
3.5.4. FLS dwar il-kiri ta' uffiċini
|
(36) |
Skont l-FLS bejn GAIAOSE (li sal-2013 kienet is-sussidjarja tal-proprjetà immobbli tal-OSE) u TRAINOSE ta' […], TRAINOSE kien qed jagħti b'lokazzjoni uffiċini ta' [0–5 000] m2 għal EUR [0–50 000] fix-xahar (EUR [0–15]/m2), għal perjodu ta' [0–5] snin. Il-lokazzjoni kienet aġġustabbli għal bidliet fl-Indiċi tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (“Consumer Price Index” — “CPI”) fuq bażi annwali. TRAINOSE kellu jiddepożita garanzija ta' xahrejn ta' lokazzjoni (EUR [0–50] għall-ewwel sena, li kellha tiġi aġġustata fuq bażi annwali). It-taxxi, id-dazji u l-ispejjeż kollha relatati mal-lokazzjoni (l-ispejjeż tal-elettriku, tal-manutenzjoni, eċċ.) tħallsu minn TRAINOSE. |
|
(37) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-lokazzjoni ta' kull xahar mitluba lil TRAINOSE kinitx konformi mas-suq, minħabba li kien jidher li din kienet ġiet ikkalkolata minn TRAINOSE nnifsu u mhux minn evalwatur indipendenti. |
3.5.5. FLS dwar il-kiri ta' kowċis
|
(38) |
Skont l-FLS dwar il-kiri ta' kowċis konkluż bejn l-OSE u TRAINOSE fi […], TRAINOSE kien qed jagħti b'lokazzjoni [20–50] kowċ, [0–10] bawżers, [10–25] trakk u [0–10] karozzi tal-passiġġieri għal perjodu ta' [0–5] snin, b'possibbiltà ta' estensjoni għal sena waħda addizzjonali. L-ispejjeż ta' TRAINOSE għall-kiri ta' kowċis ġew stabbiliti bħala EUR [0–5] miljun fis-sena. L-ammont ta' lokazzjoni kien funzjoni tal-valur tal-vetturi fi […] […], skontat b'[5–10] % fuq bażi annwali għad-deprezzament. TRAINOSE ħallas it-taxxa taċ-ċirkolazzjoni, kif ukoll l-ispejjeż tal-manutenzjoni u tal-assigurazzjoni. |
|
(39) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-ispejjeż tal-lokazzjoni annwali kinux f'livell tas-suq, minħabba li kienu bbażati fuq il-valur attwali tal-vetturi, filwaqt li pjuttost għandhom jiddependu fuq il-provvista u d-domanda għal dawk l-assi. |
3.6. Miżura 6: It-trasferiment tat-terminals tal-merkanzija mill-OSE lil TRAINOSE
|
(40) |
Inizjalment, il-Greċja pprevediet li tittrasferixxi ħames terminals tal-OSE lil TRAINOSE. Permezz ta' ittra datata l-1 ta' Lulju 2013, il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni li kienet irtirat din il-miżura. |
3.7. Il-kompatibbiltà tal-għajnuna
|
(41) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk, fin-nuqqas ta' informazzjoni kompluta dwar l-atti ta' fiduċja u l-metodoloġija ta' kumpens, il-Miżuri 1 u 3 jistgħux jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007. |
|
(42) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà (11) (“Linji Gwida R&R”). B'mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-pjan ta' ristrutturar propost ta' TRAINOSE kienx ibbażat fuq suppożizzjonijiet realistiċi fir-rigward tal-kundizzjonijiet operattivi futuri u jekk huwiex se jreġġa' lura l-vijabbiltà fit-tul ta' TRAINOSE fi żmien raġonevoli. Il-Kummissjoni staqsiet ukoll jekk il-miżuri ta' kumpens proposti humiex se jkunu biżżejjed sabiex jikkumpensaw għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna għar-ristrutturar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk TRAINOSE huwiex se jkun jista' jipprovdi kontribuzzjoni proprja sinifikanti għar-ristrutturar tiegħu. Minbarra dan, fin-nuqqas ta' informazzjoni suffiċjenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta jekk il-kriterju ta' “darba, l-aħħar darba” kienx irrispettat. |
|
(43) |
Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni ħabbret li hija se tesplora jekk il-miżuri nnotifikati jistgħux jitqiesu bħala għajnuna kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. Il-Kummissjoni osservat li t-trasport bil-ferrovija jista' jikkostitwixxi servizz essenzjali għall-funzjonament tal-ekonomija ta' Stat Membru u li interruzzjoni fit-trasport bil-ferrovija tista' twassal għal riperkussjonijiet sistemiċi fuq l-ekonomija kollha, b'mod partikolari minħabba interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista. Il-Kummissjoni enfasizzat li dawn l-effetti jistgħu jkunu partikolarment severi f'pajjiżi li jkunu għaddejjin minn ristrutturar makroekonomiku. Madankollu, fin-nuqqas ta' informazzjoni suffiċjenti, il-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tistabbilixxi jekk l-għajnuna tistax titqies bħala li tikkontribwixxi sabiex tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija tal-Greċja. Għalhekk, hija stiednet lill-Greċja u lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw kwalunkwe informazzjoni rilevanti f'dan ir-rigward. |
4. KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI
|
(44) |
Wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ma kien hemm ebda parti interessata li ressqet il-kummenti tagħha. |
5. KUMMENTI MILL-GREĊJA
|
(45) |
Il-Greċja sostniet li l-miżuri favur TRAINOSE wasslu għal riorganizzazzjoni tal-kumpanija u, b'mod aktar ġenerali, tas-settur ferrovjarju Grieg, li t-tnejn kienu impenji tal-Greċja magħmula lejn it-Trojka skont, fost l-oħrajn, il-MtQ tat-3 ta' Mejju 2010. Barra minn hekk, is-settur ferrovjarju huwa settur kruċjali fl-ekonomija Griega kemm minħabba l-impjiegi li jsostni kif ukoll minħabba r-rwol tiegħu fil-katina tal-provvista fil-Greċja. |
|
(46) |
Il-Greċja affermat li l-miżuri deskritti fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, kemm jekk parzjalment kif ukoll jekk b'mod sħiħ, mela allura l-għajnuna għandha titqies bħala kompatibbli mat-Trattat. |
|
(47) |
Fit-tweġiba tagħha għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Greċja pprovdiet aktar kjarifiki dwar il-miżuri deskritti fit-Taqsima 3 u l-kompatibbiltà tagħhom. |
5.1. Miżura 1: Kanċellazzjoni tad-dejn
|
(48) |
Permezz ta' ittra datata t-23 ta' Marzu 2017, il-Greċja kkjarifikat li d-djun pendenti li kien maħsub li jiġu kkanċellati jammontaw għal EUR 748,6 miljun (ara t-Tabella 2). |
|
(49) |
Il-kanċellazzjoni tad-djun akkumulati għandha tikkumpensa lil TRAINOSE għall-operat mingħajr profitt ta' 26 rotta tal-passiġġieri bħala riżultat tal-obbligi ta' servizz u pprezzar (“service and pricing obligations” - “SPOs”), li jirrappreżentaw l-SPOs imposti mil-liġi Griega (12). Skont il-Greċja, l-Istat qatt ma rrispetta l-impenji tiegħu sabiex jikkumpensa lil TRAINOSE għat-telf li rriżulta mit-twettiq ta' dawn l-SPOs. |
|
(50) |
Il-kanċellazzjoni ta' dawn id-djun allegatament ma hija se tipprovdi ebda vantaġġ ekonomiku indebitu għal TRAINOSE, minħabba li l-kumpanija tkun intitolata skont il-liġi Griega (13) li titlob dan il-kumpens bħala danni kumpensatorji. Madankollu, ma ġie segwit ebda approċċ ġudizzjarju, minħabba li dan jista' jdewwem ir-ristrutturar ta' TRAINOSE. Għalhekk, il-Greċja tqis li, kif ġie stabbilit mill-Qorti, inter alia, fis-sentenza Asteris (14) u kif sostnut mill-Kummissjoni f'każ li jirrigwardja l-esproprjazzjoni ta' bdiewa Ġermaniżi, (15) il-kumpens għad-danni mġarrba għal atti/nuqqas ta' azzjoni imputabbli lill-Istat ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. |
|
(51) |
Il-Greċja affermat li, għalkemm il-kumpens kien iddeterminat ex post, huwa xorta kien ikkalkolat b'mod li ggarantixxa li jkun kemm jista' jkun qrib il-livell tiegħu kieku kien ikkalkolat ex ante u pproduċa riżultat qrib l-istima inkluża fil-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ta' TRAINOSE għall-2007 abbażi tad-data tal-2005. |
|
(52) |
Il-bażi tal-kalkolu kienet it-telf li kien iġarrab TRAINOSE kieku opera n-netwerk sħiħ wara l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar, jiġifieri esklużi kwalunkwe ineffiċjenzi tal-imgħoddi. Fi kliem ieħor, il-kumpens għal OSP ex post ma ġiex ikkalkolat abbażi tat-telf ta' TRAINOSE għal kull linja fl-2010, iżda abbażi tat-telf ta' TRAINOSE ristrutturat, jiġifieri kumpanija mmexxija sewwa li għandhom mezzi tat-trasport adegwati, li tkun kapaċi tissodisfa l-OSP meħtieġa. Għalhekk, il-Greċja sostniet li ma hemm ebda riskju ta' internalizzazzjoni tal-ineffiċjenzi tal-imgħoddi u li l-kumpens ma jaqbiżx dak li huwa neċessarju sabiex ikopri l-ispejjeż kollha mġarrba nieqes id-dħul kollu rilevanti u mingħajr ma jiġi inkluż xi profitt raġonevoli, li għalih ikun intitolat TRAINOSE. |
5.2. Miżura 2: Żieda fl-ekwità
|
(53) |
Il-Greċja tenniet li ż-żieda fl-ekwità ta' EUR 60 miljun imwettqa fl-2009 ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, sakemm din il-miżura kienet f'konformità mal-prinċipju ta' operatur f'ekonomija tas-suq (“OES”). It-tieni segment taż-żieda fl-ekwità ta' EUR 65 miljun ma twettaqx u għandu jitqies bħala li ġie rtirat. |
|
(54) |
Abbażi tal-informazzjoni li kienet disponibbli fil-mument taż-żieda fl-ekwità u meta wieħed iqis li fl-2009 diġà kien previst ristrutturar tal-kumpanija fid-dawl ta' privatizzazzjoni ta' TRAINOSE, il-Greċja enfasizzat li huwa mistenni redditu aċċettabbli fuq il-kapital injettat fi żmien raġonevoli. |
|
(55) |
Id-deċiżjoni li tiżdied l-ekwità kienet immotivata mill-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
|
|
(56) |
Il-Greċja sostniet li dawk il-kunsiderazzjonijiet kienu f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qrati Ewropej, li abbażi tagħha jkun aċċettabbli li jiġi kkunsidrat ukoll benefiċċju materjali indirett, bħax-xewqa li tiġi protetta l-immaġini tal-grupp jew li l-attivitajiet tiegħu jingħataw direzzjoni ġdida (16). |
|
(57) |
L-unika għażla alternattiva disponibbli kienet il-likwidazzjoni ta' TRAINOSE, li kien ikollha konsegwenzi diżastrużi kemm għall-Istat, bħala l-azzjonist uniku, kif ukoll għall-ekonomija Griega. Minħabba li TRAINOSE ma kellhiex assi sinifikanti li jippermettu lil investitur ta' ekwità jirkupra xi parti mill-kapital investit tiegħu, l-Istat Grieg kien jispiċċa jitlef l-investiment tiegħu fil-kumpanija. Barra minn hekk, il-Greċja kienet tispiċċa titlef l-uniku operatur ferrovjarju tagħha u tipperikola wkoll il-pożizzjoni tal-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja tagħha, jiġifieri l-OSE. |
|
(58) |
Il-Greċja allegat li, fil-kapaċità tagħha bħala l-azzjonist attwali, hija setgħet taċċetta redditi temporanji aktar baxxi meta żżid l-investiment eżistenti tagħha. Awtorità pubblika li tikkontrolla impriża jew grupp ta' impriżi tkun inqas motivata minn kunsiderazzjonijiet ta' profitt purament għal żmien qasir. |
5.3. Miżura 3: Għotjiet annwali lil TRAINOSE għall-perjodu 2011–2013
|
(59) |
Il-Greċja kkjarifikat li l-għotjiet annwali lil TRAINOSE għall-perjodu 2011–2013 ingħataw bi qbil mat-Trojka sabiex il-kumpanija tkun tista' tilħaq ekwilibriju, filwaqt li żżomm l-operat ta' għadd ta' rotot li jagħmlu t-telf. Il-kumpens jingħata abbażi ta' Ftehim ta' OSP, li ngħata direttament mingħajr offerta pubblika. Il-Ftehim ta' OSP ġie ffirmat fil-15 ta' Ġunju 2011. Il-Greċja sostniet li l-Ftehim ta' OSP huwa konformi mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, għajr għall-obbligu għall-pubblikazzjoni minn qabel ta' ċerta informazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali. |
|
(60) |
Il-Greċja affermat li l-parametri tal-kalkolu fi ħdan il-Ftehim ta' OSP huma konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Minħabba n-nuqqas ta' separazzjoni tal-kont ta' TRAINOSE minn mindu ġiet inkorporata, il-kalkolu tal-kumpens kien ibbażat fuq l-aktar estimi u suppożizzjonijiet aġġornati ta' TRAINOSE (kontijiet ta' ġestjoni). Minn Ottubru 2011, TRAINOSE żammet kontijiet separati għall-attivitajiet relatati mal-OSP u dawk li mhumiex relatati mal-OSP u, b'hekk, evitat kull sussidjar reċiproku bejn l-attivitajiet differenti. Is-separazzjoni tal-kontijiet kienet applikata wkoll ex post għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sat-30 ta' Settembru 2011 abbażi tal-kontijiet ta' ġestjoni. Il-kumpens għall-OSP kien limitat bi qbil mat-Trojka għal massimu ta' EUR 50 miljun fis-sena. |
|
(61) |
Il-Ftehim ta' OSP kien jinkludi dispożizzjonijiet li jipprevedu l-possibbiltà li l-kumpens għall-OSP jiġi mmodifikat (bħat-tnaqqis tal-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi) f'każ ta' żieda tal-ispejjeż jew tnaqqis tad-dħul, sabiex jinżamm il-limitu massimu ta' EUR 50 miljun fis-sena. |
|
(62) |
It-tiġdid tal-kuntratt attwali għal servizz pubbliku għat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija kellu jitlesta permezz ta' għotja diretta lil TRAINOSE sal-aħħar ta' April 2014 u għandu jkollu tul massimu ta' ħames snin. |
5.4. Miżura 4: It-trasferiment tal-impjegati ta' TRAINOSE lil impjegaturi oħrajn fis-settur pubbliku
|
(63) |
Il-Greċja sostniet li, f'konformità mas-sentenza Combus, (17) it-trasferiment tal-impjegati ma ta ebda vantaġġ lil TRAINOSE, minħabba li dan ma taffiex għall-kumpanija piżijiet normalment assunti fil-baġit ta' impriża, iżda pjuttost ta' piżijiet li kienu imposti mill-Istat minħabba l-istatus ta' impjegati kważi taċ-ċivil tal-impjegati ta' TRAINOSE (kif rifless fir-restrizzjonijiet ta' tkeċċija u s-salarji ogħla minn dawk tas-suq). Il-Greċja tqis li, fis-sustanza, il-miżura hija relatata mat-tneħħija ta' żvantaġġ strutturali li jirriżulta minn perjodu meta l-kumpanija kienet monopolju tal-Istat. |
|
(64) |
Il-Greċja ddikjarat li l-istatus ta' impjegati kważi taċ-ċivil tal-impjegati ta' TRAINOSE u l-piżijiet rispettivi merfugħa minn TRAINOSE kienu imposti mil-liġi u, għalhekk, huma imputabbli lill-Istat Grieg. |
|
(65) |
TRAINOSE ġiet legalment separata mill-OSE fl-2008 u r-relazzjoni tagħha mal-persunal tagħha hija soġġetta għall-istess liġijiet tax-xogħol Griegi, ftehimiet kollettivi tax-xogħol (“collective employment agreements” - “CEAs”) u statuti ġenerali tax-xogħol (“GEKAP”) bħal dawk tal-OSE (kollettivament magħrufa bħala “Regolamenti Speċifiċi dwar ix-Xogħol”). Għaldaqstant, TRAINOSE, bħala s-suċċessur tal-OSE fir-rigward tas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija, wirtet il-qafas kollu tal-liġi tax-xogħol applikabbli għall-OSE. Bl-istess mod, fl-1970 l-OSE wirtet il-qafas tax-xogħol tagħha mingħand Railways of the Hellenic State (Σιδηρόδρομοι Ελληνικού Κράτους jew “SEK”) (18), kumpanija rregolata bil-liġi pubblika, li kellha l-monopolju fuq l-operat tan-netwerk ferrovjarju Grieg u li l-impjegati tagħha kellhom l-istatus ta' impjegati taċ-ċivil u, għaldaqstant, kienu jibbenifikaw mill-vantaġġi kollha derivati minn dak l-istatus. |
|
(66) |
Fl-2005, id-dritt għal status ta' impjegat kważi taċ-ċivil għal ingaġġi ġodda ġie abolit, iżda l-impjegati ingaġġati skont ir-reġim preċedenti komplew iżommu b'mod sħiħ l-istatus preċedenti tagħhom. Għalhekk, fid-dawl tal-Greċja, l-Istat Grieg huwa responsabbli għal-livell għoli b'mod anormali ta' salarji li jirċievu l-impjegati ta' TRAINOSE. |
|
(67) |
Il-Greċja tispjega wkoll li, anki wara li ġie ffirmat is-CEA l-ġdid tal-24 ta' Marzu 2011, li abolixxa bosta benefiċċji tal-impjegati ta' TRAINOSE, l-impjegati ta' TRAINOSE li fadal xorta jibbenifikaw minn salarju ogħla, jiġifieri medja ta' [10–30] % ogħla mis-salarji tal-impjegati fis-settur privat b'esperjenza ta' xogħol simili, kif muri fit-Tabella 3. |
|
(68) |
Sa mill-ħolqien tiegħu fl-2007, TRAINOSE ma ingaġġax impjegati ġodda, ħlief għal persuna waħda. |
|
(69) |
Il-Greċja spjegat li, f'konformità mal-Artikoli 15, 16 u 18(2) tal-Liġi 3891/2010, (19) ġew ittrasferiti b'kollox 593 impjegat ta' TRAINOSE (575 fl-2011, 10 fl-2012 u 8 fl-2013) lil impjegaturi oħrajn fis-settur pubbliku, jiġifieri 4 % inqas minn kemm previst oriġinarjament (20). |
|
(70) |
TRAINOSE ma għandhiex il-mezzi finanzjarji sabiex toffri lill-persunal tagħha skema ta' rtirar volontarju (SRV). Il-Greċja enfasizzat li kwalunkwe vantaġġ li għandu jinkiseb minn TRAINOSE mit-trasferiment tal-impjegati xorta waħda jiġi paċut mit-telf li l-kumpanija għandha tkompli ġġarrab bħala riżultat tal-istatus privileġġat tal-impjegati tagħha kif impost mill-Istat, minħabba li anki wara l-ftehim kollettiv propost dwar it-tnaqqis fis-salarju, l-impjegati li fadal xorta jibqgħu jaqilgħu salarji ogħla mill-medja tas-suq. Tabella 3 Paragun bejn l-iskema ta' salarju regolari ta' TRAINOSE u s-salarju regolari medju ta' kull xahar tas-settur privat
|
|
(71) |
Sabiex tikkwantifika l-vantaġġ li jirriżulta mit-trasferiment tal-impjegati, il-Greċja pprovdiet studju mħejji mill-kumpanija tal-awditjar PricewaterhouseCoopers. Il-kalkoli huma bbażati fuq it-trasferiment inizjalment previst ta' 620 impjegat. Skont l-istudju, il-vantaġġ jammonta għad-differenza bejn il-“kostijiet normali” ta' SRV ipotetika sostnuta minn kumpanija privata u l-kostijiet ta' SRV ipotetika għall-impjegati ta' TRAINOSE (EUR [100–200] miljun). Id-differenza bejn iż-żewġ skemi ta' SRV tammonta għal EUR [0–100] miljun. Madankollu, skont il-Greċja, il-kostijiet għall-SRV ta' TRAINOSE kienu jinkludu aktar minn EUR [0–100] miljun ta' kostijiet anormali mħallsin minn TRAINOSE minħabba l-istatus permanenti u s-salarji ogħla tal-impjegati tagħha, li ma għandhomx jittieħdu f'kunsiderazzjoni. Tabella 4 Kwantifikazzjoni tal-vantaġġ mogħti lil TRAINOSE permezz tat-trasferiment ta' 593 impjegat (abbażi ta' Studju tal-PWC għal 620 impjegat)
|
||||||||||||||||||||||||||||
5.5. Miżura 5: FLS bejn TRAINOSE u l-OSE
|
(72) |
Fir-rigward tal-FLS bejn TRAINOSE u l-OSE, il-Greċja affermat li, skont ir-rakkomandazzjonijiet tat-Trojka, l-FLS ġew konklużi skont it-termini tas-suq u, għalhekk, l-FLS ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
5.5.1. FLS dwar il-provvista tal-manutenzjoni ta' vetturi ferrovjarji
|
(73) |
Il-Greċja spjegat li l-paragun ippreżentat tal-kostijiet tal-manutenzjoni tal-OSE twettaq abbażi tal-persunal tal-manutenzjoni ta' AMEL u mhux abbażi tat-totalità tal-persunal ta' AMEL. Għaldaqstant, fil-mument li ġie konkluż l-FLS, is-salarju annwali tat-tekniċi tal-manutenzjoni ta' AMEL kien ivarja bejn EUR [25 000–50 000] u EUR [25 000–50 000] skont l-esperjenza u s-snin ta' impjieg fil-kumpanija, li jwasslu għal salarju annwali medju tat-tekniċi tal-manutenzjoni ta' AMEL ta' EUR [25 000–50 000]. |
|
(74) |
Barra minn hekk, il-Greċja spjegat li s-salarju medju annwali tal-persunal tal-manutenzjoni ta' vetturi ferrovjarji tal-OSE fil-mument meta ġie konkluż l-FLS kien stmat bħala EUR [25 000–50 000] jew EUR [20–40] fis-siegħa. L-istima kienet ibbażata fuq is-salarju regolari medju f'Diċembru 2010 u fuq provvedimenti li jikkonsistu f'pagamenti ta' sahra u kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni. Wara l-implimentazzjoni tal-Liġi 3899/2010 (21), is-salarju aġġustat tal-persunal tal-manutenzjoni ta' vetturi ferrovjarji tal-OSE kien jammonta għal EUR [20–40] minħabba tnaqqis ulterjuri fis-salarji. Konsegwentement, il-qligħ għall-OSE jammonta għal EUR [0–5] għal kull siegħa ta' manutenzjoni, li jwassal għal marġini ta' redditu ta' [0–10] %. |
5.5.2. FLS dwar il-lokazzjoni ta' vetturi ferrovjarji
|
(75) |
Il-Greċja spjegat il-kalkolu tat-tariffi tal-lokazzjoni ta' vetturi ferrovjarji stabbiliti fl-FLS rilevanti. It-tariffi kienu bbażati fuq id-deprezzament annwali tal-vetturi ferrovjarji u l-kostijiet tal-finanzjament għall-kisba tal-vetturi ferrovjarji rilevanti, li l-Greċja qieset bħala b'parità mar-rati tas-suq. |
|
(76) |
Il-Greċja spjegat ukoll il-ġustifikazzjoni għall-fattur ta' deprezzament użat (2/3) u sostniet li dan huwa kompletament konformi mal-istandards kontabilistiċi tad-dovuti kollha tal-kumpaniji Griegi S.A. Il-fattur ta' deprezzament kien jikkorrespondi għal […] tal-valur li kien iffinanzjat permezz tar-riżorsi proprji tal-kumpanija u […] tal-valur li kien iffinanzjat permezz ta' self. Skont il-Greċja, ir-rapporti finanzjarji kollha tal-OSE ġew awditjati kull sena minn awditur estern iċċertifikat u l-OSE applikat Standards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) għar-rapporti finanzjarji tagħha. Għalhekk, il-valur kontabilistiku u d-deprezzament annwali tal-vetturi ferrovjarji, kif irreġistrati fir-reġistru tal-assi tal-OSE, kienu konformi bis-sħiħ mal-IFRS fir-rigward tal-valur tal-assi wkoll. |
|
(77) |
Il-Greċja żiedet li l-OSE tapplika politika mhux diskriminatorja u titlob l-istess prezz għall-istess servizzi lil kwalunkwe operatur ferrovjarju ieħor. Abbażi ta' dan, il-Greċja pprovdiet kalkolu aġġornat tal-Istudju tal-PWC kif muri fit-Tabella 4. |
5.5.3. FLS dwar it-taħriġ tal-persunal
|
(78) |
L-OSE pprovdiet lil TRAINOSE b'taħriġ tekniku u professjonali obbligatorju, inkluż taħriġ dwar il-flotta tal-ferroviji attwali, taħriġ u ħruġ ta' liċenzji lil persuni sabiex jaħdmu fuq netwerks ferrovjarji elettriċizzati, is-sewqan ekonomiku, eċċ. Il-programm ta' taħriġ kien konformi mal-Qafas dwar l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi ta' Interoperabilità (TSI) tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (22) u l-avviżi tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għat-trasport bil-ferrovija (23). |
|
(79) |
Sabiex tiddetermina l-kostijiet tipiċi medji fis-siegħa li jenħtieġ li l-OSE titlob għall-attivitajiet ta' taħriġ tagħha, il-Greċja għamlet paragun ma' fornituri oħrajn ta' taħriġ fil-Greċja. Dan il-paragun tal-kostijiet tat-taħriġ tal-persunal mal-prezzijiet tas-suq ma kienx dirett minħabba li l-OSE hija l-unika organizzazzjoni li tipprovdi seminars tekniċi għas-sewwieqa tal-ferroviji u dwar suġġetti oħrajn relatati mal-ferroviji. Għalhekk, LAEK (il-Fond għall-Impjiegi u t-Taħriġ Professjonali) u IEKEM TEE (l-Istitut tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ għall-membri tal-Kamra Teknika tal-Greċja) ntgħażlu għall-paragun minħabba s-servizzi relatati mat-taħriġ li jipprovdu. |
|
(80) |
Fil-mument li ġie konkluż l-FLS, LAEK ipprovda sussidji lill-benefiċjarji li jammontaw għal massimu ta' EUR [20–40] fis-siegħa għal kull persuna għat-taħriġ tal-persunal tagħhom meta jużaw servizzi ta' taħriġ/għalliema esterni. Għas-servizzi ta' taħriġ tal-persunal ipprovduti mill-kumpaniji internament (bl-użu ta' għalliema u/jew infrastruttura tagħhom stess), is-sussidju pprovdut minn LAEK, skont l-għadd ta' parteċipanti, kien ivarja bejn EUR 33 u EUR 14 fis-siegħa u għal kull persuna, kif spjegat fil-qosor fit-Tabella 5. Tabella 5 Sussidju medju ta' LAEK għat-taħriġ intern fis-siegħa u għal kull parteċipant
|
||||||||||||
|
(81) |
Fl-opinjoni tal-Greċja, fil-mument li ġie konkluż l-FLS, IEKEM TEE ħallas medja ta' EUR 26 fis-siegħa għal seminars tekniċi ekwivalenti, kif muri fit-Tabella 6 ipprovduta mill-Greċja. Tabella 6 Tariffi tat-taħriġ fis-siegħa għas-sessjonijiet ta' taħriġ offruti minn IEKEM TEE
|
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(82) |
Il-Greċja affermat li l-kostijiet medji fis-siegħa għal kull parteċipant li ġew innegozjati bejn TRAINOSE u l-OSE kienu fil-medda tal-paragun tas-suq. Il-kostijiet għat-taħriġ tal-persunal ta' TRAINOSE pprovdut mill-OSE kienu ekwivalenti għall-kostijiet tal-provvista ta' servizzi simili minn kumpanija oħra. Barra minn hekk, in-negozjati ħadu f'kunsiderazzjoni l-prattika tas-suq standard li jiġi offrut skont għall-programmi ta' taħriġ għall-kumpaniji b'ammont kbir ta' parteċipanti fit-taħriġ. |
5.5.4. FLS dwar il-kiri ta' uffiċini
|
(83) |
Il-Greċja enfasizzat li l-kera fix-xahar ta' EUR [0–10] għal kull metru kwadru (m2) għal uffiċini ta' superfiċe totali ta' [0–5 000] m2, jiġifieri total ta' EUR [0–50 000] fix-xahar, ġiet stabbilita fi prezz tas-suq ibbażat fuq valwazzjoni tal-proprjetà immobbli tal-OSE fl-2005 (aġġustata għall-2011) minn GAIAOSE, kumpanija kompletament separata u indipendenti minn TRAINOSE. Bħala bażi għall-evalwazzjoni, intuża rapport minn Eurobank Properties Services għal binjiet f'Ateni b'karatteristiċi simili. |
|
(84) |
Il-Greċja spjegat li l-aġġustamenti fil-kera ħadu f'kunsiderazzjoni l-istat tal-bini mikri, il-post fejn jinsab u l-istat li qed jiddeterjora kontinwament taż-żona tal-madwar, it-tnaqqis fid-domanda fis-suq immobiljari u l-ambjent ekonomiku inċert. Il-Greċja sostniet li fil-mument li ġie konkluż l-FLS, ħafna mill-ftehimiet tal-kera ġew innegozjati mill-ġdid u dan wassal għal tnaqqis tal-kera sa 30 %. |
5.5.5. FLS dwar il-kiri ta' kowċis
|
(85) |
Il-Greċja spjegat li l-kostijiet tal-kera annwali ta' kull vettura mikrija minn TRAINOSE kienu funzjoni tal-valur attwali tagħha u tal-kost tad-deprezzament tagħha għal dik is-sena partikolari. Sabiex jiġi żgurat li jintalbu r-rati tas-suq, il-valur attwali ta' kull vettura fit-triq fl-1 ta' Jannar 2011 u d-deprezzament rispettiv ġew stmati mill-fornituri ta' kull tip ta' vettura. |
5.6. Il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern
|
(86) |
Il-Greċja sostniet li jenħtieġ li l-miżuri jitqiesu bħala għajnuna kompatibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, li jiddikjara li l-għajnuna tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern jekk l-għan tagħha jkun “li tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru”. |
|
(87) |
Il-Greċja sostniet li hija ma setgħetx tilħaq pożizzjoni baġitarja bilanċjata mill-ewwel Programm ta' Stabbiltà tagħha f'Diċembru 2010 minħabba l-miri fiskali li ma ntlaħqux minħabba nefqa eċċessiva, evażjoni tat-taxxa, projezzjonijiet fiskali ottimistiċi żżejjed u n-nuqqas ta' riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet u tas-saħħa. Fl-2009, is-settur tal-gvern kien jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-PDG, tant li spiċċa eskluda l-investimenti privati u dgħajjef il-prestazzjoni ekonomika. Fl-2009, id-dejn tal-gvern gross kien jammonta għal 115 % tal-PDG, filwaqt li d-dejn estern nett kien jammonta għal kważi 100 % tal-PDG, fejn xejn inqas minn 75 % tad-dejn estern nett kien jappartjeni għas-settur pubbliku u għandu maturitajiet relattivament twal. |
|
(88) |
Skont il-Greċja, ir-riġidità tas-swieq tal-prodotti u tax-xogħol u l-prestazzjoni baxxa f'ħafna oqsma ta' politika strutturali kellhom impatt negattiv fuq il-prestazzjoni ekonomika tagħha, li wassal għal livelli baxxi ta' impjiegi u produttività tax-xogħol. Għalhekk, il-Greċja kienet partikolarment vulnerabbli għall-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji globali tal-2008/09. Il-proporzjon medju tal-adegwatezza kapitali tal-banek Griegi tjieb għal 11,7 % fl-aħħar tal-2009, grazzi parzjalment għall-injezzjonijiet ta' kapital pubbliku. Madankollu, is-self improduttiv żdied minn 5 % fl-2008 għal 7,7 % f'Diċembru 2009, tant li qajjem tħassib dwar l-affidabbiltà kreditizja tad-dejn sovran. |
|
(89) |
F'April 2010, il-Greċja talbet għal assistenza finanzjarja uffiċjali li wasslet għall-konklużjoni tal-MtQ tal-2010. Minħabba l-importanza sistemika tas-settur ferrovjarju Grieg u d-dipendenza diretta tiegħu fuq il-baġit tal-Istat Grieg, il-MtQ impona r-ristrutturar tas-settur ferrovjarju Grieg kollu bħala kundizzjoni għall-ħlas tal-għajnuna finanzjarja mitluba mill-Greċja. |
|
(90) |
Ir-ristrutturar tas-settur ferrovjarju kien importanti ħafna għall-Greċja. Il-ferroviji kienu strumentali fl-iżvilupp reġjonali tal-Greċja u l-għajbien potenzjali tagħhom ikollu konsegwenzi diżastrużi fuq l-ekonomija tal-Greċja b'mod ġenerali. |
|
(91) |
TRAINOSE huwa l-uniku operatur ferrovjarju fil-Greċja. Bħala tali, huwa jservi għadd ta' rotot fit-trasport kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija permezz tan-netwerk ferrovjarju urban u suburban b'tul ta' 2 554 km li jaqsam min-Nofsinhar sat-Tramuntana tal-Greċja u li jipprovdi servizzi lill-akbar bliet u portijiet minn fejn jgħaddi. Li kieku TRAINOSE kellha twaqqaf l-operazzjonijiet jew iġġarrab interruzzjonijiet sostanzjali fis-servizzi tagħha, dan ikollu effetti negattivi fuq għadd ta' partijiet ikkonċernati. B'mod partikolari, dan jaffettwa lill-passiġġieri, lill-klijenti/fornituri, lill-impjegati, lil entitajiet kummerċjali oħrajn fis-settur pubbliku u privat relatati mal-attivitajiet ferrovjarji u, fl-aħħar mill-aħħar, lill-ekonomija Griega kollha kemm hi, minħabba li ħafna min-negozju attwali u, aktar importanti, ħafna opportunitajiet potenzjali, b'mod partikolari fis-settur tat-trasport tal-merkanzija, jispiċċaw jintilfu jew jonqsu b'mod sinifikanti. |
|
(92) |
Kwalunkwe waqfien/interruzzjoni tal-operazzjonijiet ta' TRAINOSE jċaħħdu lill-passiġġieri minn għadd ta' rotot pubbliċi, kemm urbani kif ukoll suburbani, għal perjodu ta' żmien partikolari. TRAINOSE jopera bejn wieħed u ieħor 300 servizz ta' trasport tal-passiġġieri kuljum, inklużi servizzi bejn il-bliet u suburbani ta' kwalità għolja, u bejn wieħed u ieħor 16-il miljun passiġġier fis-sena jużaw is-servizzi ta' TRAINOSE. Ir-rotot ta' OSP operati minn TRAINOSE jammontaw għal aktar minn 98 % tar-rotot domestiċi kollha tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija fil-Greċja. Kwalunkwe interruzzjoni tas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija toħloq piż kbir fuq in-netwerk tat-trasport pubbliku globali, primarjament fin-netwerk urban ta' Ateni (użat minn 8 miljun passiġġier fis-sena), Tessaloniki u Patras. Rotot urbani speċifiċi bi traffiku għoli huma servuti esklussivament minn TRAINOSE u, b'hekk, avveniment bħal dan mhux biss jiddeterjora l-kundizzjonijiet tat-traffiku f'żoni urbani, iżda wkoll iġiegħel lill-passiġġieri jużaw mezzi tat-trasport oħrajn, li huma aktar għaljin u li jniġġsu, l-aktar f'rotot suburbani. Eżempju ta' dan huwa l-interruzzjoni tas-servizz ta' TRAINOSE fl-2011 fir-rotta bejn Edessa u Florina fit-tramuntana tal-Greċja, fejn il-kost tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri żdied b'50 %. Fl-2011, bi qbil mat-Trojka, il-Greċja ddeċidiet li tieqaf topera ċerti rotot li ma kinux qegħdin jagħmlu profitt u li żżid b'mod sinifikanti l-prezzijiet tal-biljetti tal-ferrovija fuq rotot li komplew bl-operazzjonijiet tagħhom. Fl-istess ħin, il-Greċja ddeċidiet li twaqqaf in-nollijiet skontati li qabel kienu jiġu offruti lil studenti, persunal militari, familji kbar, eċċ. |
|
(93) |
Minbarra dan, il-Greċja ddikjarat li TRAINOSE toffri servizzi niċċa u speċjalizzati ta' natura turistika fuq rotot provinċjali li, minnhom infushom, huma kkaratterizzati bħala attrazzjonijiet. Dawn ir-rotot jagħtu spinta lill-attività ekonomika lokali tant meħtieġa u jespandu u jikkomplimentaw l-offerta ta' prodotti kritikament importanti tal-industrija tat-turiżmu tal-Greċja. |
|
(94) |
It-tunnellaġġ ta' merkanzija ttrasportata minn TRAINOSE fuq bażi annwali huwa stmat li jammonta għal aktar minn [0–500] miljun tunnellata. Madwar [50–100] % minnhom ikunu merkanzija għall-esportazzjoni. Konsegwentement, TRAINOSE tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-isforzi tal-esportazzjoni tal-kumpaniji tal-manifattura Griegi. Minħabba d-daqs u t-tunnellaġġ tagħhom, ċerti prodotti jistgħu jiġu ttrasportati biss bil-ferrovija u l-interruzzjoni tas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija jkollha konsegwenzi serji fil-katina tal-provvista fil-Greċja, tant li taffettwa kumpaniji bħal EBZ S.A. u VIOHALKO S.A., kif ukoll il-portijiet ta' Piraeus u Tessaloniki. Filwaqt li l-privatizzazzjoni tal-port ta' Piraeus tlestiet fl-2016, il-port ta' Tessaloniki kien mistenni jiġi privatizzat f'Marzu 2017. |
|
(95) |
Il-ferrovija tintuża bħala mezz tat-trasport mill-Forzi Armati Griegi. Dan it-trasport jinkludi kemm trasport skedat u regolari tal-merkanzija (trasport tal-karburanti, tagħmir militari tqil), kif ukoll trasport tal-persunal tal-Forzi Armati Griegi matul żminijiet ta' paċi. Il-ferrovija u TRAINOSE huma wkoll elementi kritiċi fil-pjanijiet ta' trasport u mobilizzazzjoni tal-massa tal-Forzi Armati Griegi f'każ ta' kriżi. Eżerċizzji ta' mobilizzazzjoni mgħaġġla sabiex jittestjaw, fost affarijiet oħra, il-ħinijiet ta' rispons, jitwettqu regolarment, bi TRAINOSE jkollha rwol kruċjali. Għal dawn il-ħtiġijiet kollha, TRAINOSE jeħtiġilha żżomm disponibbli u lesti għall-użu fi kwalunkwe ħin mill-inqas […] vaguni u […] bawżers. |
|
(96) |
TRAINOSE hija impjegatur dirett u indirett importanti ħafna fil-Greċja, fejn aktar minn 99 % tal-kumpaniji huma SMEs. Hija għandha 655 impjegat full-time, li jippossjedu esperjenza u kompetenzi akkumulati sinifikanti fis-settur ferrovjarju.. Il-Greċja diġà għandha waħda mill-ogħla rati tal-qgħad fl-UE (23 %) u li kieku TRAINOSE kellha twaqqaf l-operazzjonijiet tagħha, din is-sitwazzjoni ovvjament tkompli tmur saħansitra għall-agħar. |
|
(97) |
Skont il-Greċja, il-likwidazzjoni ta' TRAINOSE jkollha wkoll konsegwenzi negattivi għall-fornituri tagħha. EESSTY, il-fornitur tal-manutenzjoni tal-vetturi ferrovjarji, u l-OSE, il-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja, jispiċċaw jiffaċċjaw diffikultajiet estremi u probabbilment ma jibqgħux joperaw. EESSTY bħalissa jimpjega 416-il impjegat u bejn wieħed u ieħor 100 % tad-dħul annwali tiegħu jiġi ġġenerat mir-relazzjoni kummerċjali tiegħu ma' TRAINOSE. L-OSE timpjega 1 595 persuna (1 396 impjegat fl-OSE u 199 oħrajn f'ERGOSE, kumpanija sussidjarja tal-OSE responsabbli mill-iżvilupp u l-ameljorament tal-infrastruttura ferrovjarja) u l-ħlasijiet tal-aċċess għall-binarji miġbura minn TRAINOSE fl-2015 kienu jammontaw għal 86 % tad-dħul annwali tal-OSE mill-aċċess għall-binarji għal dik is-sena. Barra minn hekk, GAIAOSE, il-maniġer tal-vetturi ferrovjarji u tal-assi ta' proprjetà immobbli, jiġi affettwat ukoll b'mod negattiv. Għadd ta' negozji privati, bħal fornituri ta' servizzi u kuntratturi għal servizzi ta' tindif, forniment tal-ikel u qtugħ tal-biljetti, spedizjoniera, eċċ., jiġu affettwati wkoll b'mod negattiv ħafna. |
|
(98) |
Barra minn hekk, il-Greċja tfakkar li l-kostruzzjoni ta' netwerk ferrovjarju sikur, modern u integrat hija waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni. Skont il-Greċja, il-ferrovija hija l-aktar mezz tat-trasport sikur u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Għalhekk, miżura li tħalli lill-Greċja essenzjalment mingħajr ferroviji tmur kontra l-isforzi kollha li għamlet l-Unjoni fl-imgħoddi sabiex taqleb it-traffiku għall-ferrovija u sabiex ittejjeb in-netwerk ferrovjarju tal-Unjoni. It-tlestija tax-xogħlijiet ta' ameljorament tal-infrastruttura ferrovjarja fis-sentejn jew tliet snin li ġejjin, inklużi l-kostruzzjoni u l-elettrifikazzjoni ta' linja ferrovjarja ġdida b'binarji doppji u ta' veloċità għolja, se tiżgura li jkun hemm fis-seħħ il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-provvista ta' servizzi ferrovjarji aktar effiċjenti. |
|
(99) |
Il-Greċja affermat li l-approvazzjoni tal-għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat tkun konsistenti wkoll mal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni. Fl-1987, il-Kummissjoni approvat l-għajnuna fil-forma ta' riorganizzazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji fis-settur pubbliku fil-Greċja, billi nnotat li “kieku sezzjoni kbira bħal din tal-industrija Griega kellha titħalla tmur f'likwidazzjoni, hija jkollha effetti negattivi kbar fuq il-kisba possibbli tas-suċċess tal-programm ta' awsterità” (24). Fil-każ inkwistjoni, jekk TRAINOSE titħalla tmur f'likwidazzjoni, dan bla dubju jaffettwa b'mod negattiv il-possibbiltajiet ta' rkupru tal-Greċja. Barra minn hekk, fl-1991, il-Kummissjoni approvat l-għajnuna għal programm ta' riforma fil-Greċja (25), billi nnotat li l-programm inkwistjoni kien jifforma parti integrali mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/136/KEE (26) li kienet tikkonċerna l-irkupru tal-ekonomija Griega. Bl-istess mod, fil-każ preżenti, ir-ristrutturar tas-settur ferrovjarju huwa parti mill-ftehim ta' finanzjament bejn il-Greċja u t-Trojka għall-irkupru tal-ekonomija tal-Greċja. |
|
(100) |
Barra minn hekk, il-Greċja impenjat ruħha li twettaq il-miżuri li ġejjin sabiex tiżgura l-ftuħ ulterjuri tas-suq ferrovjarju Grieg:
|
|
(101) |
Għalhekk, fl-opinjoni tal-Greċja, l-għajnuna lil TRAINOSE hija element importanti fl-isforzi li kienet qed tagħmel il-Greċja sabiex tegħleb waħda mill-agħar kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji fl-istorja tagħha u, għalhekk, tikkwalifika bħala li għandha l-għan li tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru. |
6. IRTIRAR TAN-NOTIFIKA
|
(102) |
Kif ġie ddikjarat fit-Taqsima 3, il-Greċja rtirat in-notifika tagħha dwar iż-żieda fl-ekwità li tammonta għal EUR 65 miljun (parti mill-Miżura 2) u t-trasferiment ta' ħames terminals minn OSE lil TRAINOSE (il-Miżura 6). |
|
(103) |
Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, (27) l-Istat Membru kkonċernat jista' jirtira n-notifika fi żmien debitu qabel ma l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-għajnuna. Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2015/1589, f'każijiet fejn il-Kummissjoni tkun bdiet il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għandha tagħlaq il-proċedura. |
|
(104) |
Minħabba l-fatt li l-Greċja rtirat in-notifika tagħha u mhijiex se tipproċedi la biż-żieda fil-kapital ta' EUR 65 miljun (parti mill-Miżura 2) u lanqas bit-trasferiment tat-terminals (il-Miżura 6), huwa xieraq li jiġi deċiż li tingħalaq il-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward ta' dawk il-miżuri nnotifikati. |
7. VALUTAZZJONI
7.1. L-eżistenza tal-għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat
|
(105) |
Bis-saħħa tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat “…kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti għandha, safejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.” |
|
(106) |
Il-kriterji stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, jeħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
7.1.1. L-attività ekonomika u l-kunċett ta' impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat
|
(107) |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni jeħtiġilha l-ewwel tistabbilixxi min se jkun il-benefiċjarju tal-miżuri taħt valutazzjoni. L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jirreferi għall-kunċett ta' impriża fid-definizzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna. |
|
(108) |
Il-Kummissjoni tqis li billi tipprovdi servizzi ta' trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija għal rimunerazzjoni, TRAINOSE qed twettaq attività ekonomika. Għalhekk, TRAINOSE għandha titqies bħala impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat għall-perjodu kollu li fih ingħataw jew se jingħataw il-miżuri ta' għajnuna inkwistjoni. |
7.1.2. Miżura 1: Kanċellazzjoni tad-dejn
7.1.2.1.
|
(109) |
Sabiex tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-miżura inkwistjoni trid tiġi ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat u d-deċiżjoni li tingħata l-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat (28). |
|
(110) |
Il-kanċellazzjoni tad-djun se ssir minn OSE abbażi ta' deċiżjoni ministerjali konġunta skont l-Artikolu 13(1) tal-Liġi Griega 3891/2010. |
|
(111) |
Fis-sentenza mogħtija fil-kawża Stardust Marine (29) il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li r-riżorsi ta' impriża inkorporata taħt liġi privata, li l-maġġoranza tal-ishma tagħha huma proprjetà pubblika, jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat. |
|
(112) |
OSE hija 100 % proprjetà tal-Istat Grieg. Għalhekk, huwa ċar li din hija impriża pubblika skont it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE (30). Minħabba li OSE hija impriża pubblika, ir-riżorsi tagħha jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat. |
|
(113) |
Fir-rigward tal-imputabbiltà, fis-sentenza tagħha fil-kawża Stardust Marine, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li l-fatt li l-Istat jew entità tal-Istat ikunu l-azzjonist waħdieni jew maġġoritarju ta' impriża mhuwiex biżżejjed sabiex jinstab li trasferiment tar-riżorsi minn dik l-impriża huwa imputabbli lill-azzjonisti pubbliċi tiegħu (31). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk l-Istat kien f'pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u li jeżerċita influwenza dominanti fuq l-operazzjonijiet tagħha, l-eżerċitar effettiv ta' dak il-kontroll f'każ partikolari ma jistax jiġi preżunt awtomatikament, minħabba li impriża pubblika tista' taġixxi wkoll b'aktar jew inqas indipendenza, skont il-livell ta' awtonomija li jħallilha l-Istat. |
|
(114) |
Il-Kummissjoni tosserva li l-kanċellazzjoni tad-dejn se ssir minn OSE abbażi ta' deċiżjoni ministerjali konġunta li tagħti struzzjonijiet lill-kumpanija sabiex tikkanċella d-djun ta' TRAINOSE. |
|
(115) |
Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-kanċellazzjoni tad-dejn tinvolvi l-użu ta' riżorsi tal-Istat u hija wkoll deċiża mill-Istat Grieg u hija imputabbli lilu. |
7.1.2.2.
|
(116) |
Vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li impriża ma setgħetx tikseb taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, jiġifieri fin-nuqqas ta' intervent mill-Istat (32). Huwa biss l-effett tal-miżura fuq l-impriża li huwa rilevanti, mhux il-kawża jew l-objettiv tal-intervent mill-Istat (33). |
|
(117) |
F'dan il-każ, il-Greċja se tikkanċella EUR 748,6 miljun ta' djun relatati direttament mal-attivitajiet ferrovjarji ta' TRAINOSE. Ebda operatur raġonevoli f'ekonomija tas-suq ma jikkanċella obbligazzjonijiet ta' kobor bħal dan mingħajr rimunerazzjoni. Billi teħles lil TRAINOSE mill-obbligu ġuridiku li tagħti servizz u eventwalment tħallas lura dan id-dejn, il-miżura se tipprovdi effettivament lil TRAINOSE b'fondi addizzjonali li tkun tista' tuża għall-operazzjonijiet kummerċjali u/jew l-investiment tagħha u sabiex ittejjeb l-indikaturi finanzjarji tagħha, li min-naħa tagħhom jistgħu potenzjalment inaqqsu l-kostijiet tas-self futuri u/jew itejbu l-aċċess għall-finanzjament tas-suq. B'hekk, il-kanċellazzjoni tad-dejn tista' tipprovdi lil TRAINOSE b'vantaġġ ekonomiku li ma jkunx disponibbli b'mod ieħor fil-kundizzjonijiet tas-suq. |
|
(118) |
Il-Greċja asserixxiet li l-kanċellazzjoni tad-djun ta' TRAINOSE lejn OSE tinvolvi kumpens għat-twettiq ta' OSP. |
|
(119) |
Fir-rigward tal-għoti ta' vantaġġ ekonomiku permezz ta' kumpens għall-ispejjeż imġarrba għat-twettiq ta' OSP, il-Qorti għamlitha ċara fis-sentenza Altmark li l-għoti ta' vantaġġ jista' jiġi eskluż jekk jiġu ssodisfati l-erba' kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin (34):
|
|
(120) |
Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li l-Greċja ma pprovditilha ebda att ta' għoti ta' kompitu b'rabta mal-perjodu li qed jiġi analizzat (jiġifieri 2007-2010). L-Artikolu 7 tal-Liġi Griega 674/1970 sempliċiment jirreferi għall-possibbiltà li operatur jitlob li jintlaħaq Ftehim Finanzjarju meta l-operat ta' rotot ġodda jew iż-żamma tal-operat tar-rotot eżistenti jiġu imposti b'mod obbligatorju u jwasslu għal attività li tagħmel it-telf jew inkella jtawluha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 20 tal-Liġi Griega 674/1970, kwalunkwe telf li jirriżulta mill-obbligu li jiġu pprovduti servizzi bi prezz speċifiku għandu jiġi rregolat minn Ftehim Finanzjarju. Skont l-Artikolu 18 tal-Liġi Griega 674/1970, tali Ftehim Finanzjarju għandu jirregola wkoll ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-operatur ferrovjarju (f'dak iż-żmien l-OSE) u l-Istat Grieg u għandu jinkludi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kumpens li jrid jitħallas sabiex ikopri t-telf eventwali mill-isfruttament għal perjodu ta' mhux aktar minn 13-il sena mir-ratifika ta' dak il-ftehim. Kif kien ikkonfermat mill-Greċja, ma ġie konkluż ebda Ftehim bħal dan bejn l-operatur u l-Istat Grieg għall-perjodu li qed jiġi analizzat. Minn dan jirriżulta li TRAINOSE ma kellhiex obbligi ta' servizz pubbliku definiti b'mod ċar xi twettaq u tikkumpensa matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, jiġifieri bejn l-2007 u l-2010. Għalhekk, il-Miżura 1 mhijiex konformi mal-ewwel kundizzjoni ta' Altmark. |
|
(121) |
It-tieni nett, anki jekk skont il-Liġi Griega 2671/1998, l-operatur ferrovjarju (li sa dak iż-żmien kien għadu l-OSE) kien inkarigat sabiex iwettaq l-OSP u jopera ċerti rotot bi prezz partikolari, l-obbligi tal-Istat Grieg sabiex jikkumpensa lill-operatur ferrovjarju kienu limitati sal-31 ta' Diċembru 2007, kif stabbilit espressament fl-Art. 9.5 tal-liġi. |
|
(122) |
It-tielet nett, il-Kummissjoni tosserva li l-parametri għall-kumpens ma ġewx stabbiliti minn qabel. Il-kumpens previst huwa bbażat biss fuq kalkolu ex post ibbażat fuq l-estimi finanzjarji ta' TRAINOSE wara r-ristrutturar tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-parametri li abbażi tagħhom ġie kkalkolat l-allegat kumpens nieqes mill-Greċja ma kinux ġew stabbiliti minn qabel u li, għalhekk, il-Miżura 1 mhijiex konformi mat-tieni kundizzjoni ta' Altmark lanqas. |
|
(123) |
Minħabba n-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet ta' Altmark, mhuwiex meħtieġ li l-Kummissjoni teżamina jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħrajn ġewx issodisfati fil-każ preżenti. |
|
(124) |
Għalhekk, huwa konkluż li d-deċiżjoni tal-Greċja li tikkanċella l-obbligazzjonijiet ta' TRAINOSE se tagħti vantaġġ ekonomiku lil dik l-impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
7.1.2.3.
|
(125) |
Sabiex miżura tal-Istat taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, hija trid tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti”. B'hekk, huma biss dawk il-miżuri li jiffavorixxu lill-impriżi li jagħtu vantaġġ b'mod selettiv li jaqgħu taħt il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat. Billi mill-kanċellazzjoni tad-dejn se jibbenifika biss TRAINOSE u din mhijiex disponibbli għal impriżi Griegi oħrajn bħala parti minn miżura ġenerali ta' politika ekonomika, hija selettiva skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
7.1.2.4.
|
(126) |
Il-Kummissjoni għandha tanalizza jekk il-miżura tfixkilx jew theddidx li tfixkel il-kompetizzjoni u jekk jistax ikollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Hemm suppożizzjoni li teżisti distorsjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat kull meta l-Istat jagħti vantaġġ finanzjarju lil impriża f'settur liberalizzat fejn hemm, jew jista' jkun hemm, kompetizzjoni (35). |
|
(127) |
Meta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża meta mqabbla ma' impriżi oħrajn li jikkompetu fil-kummerċ intra-UE, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affettwati minn dik l-għajnuna (36). Huwa biżżejjed li l-benefiċjarju tal-għajnuna jikkompeti ma' impriżi oħrajn fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni (37). |
|
(128) |
Is-suq tal-merkanzija bil-ferrovija tal-UE nfetaħ għall-ewwel darba għall-kompetizzjoni fuq in-netwerk trans-Ewropew tal-merkanzija bil-ferrovija fil-15 ta' Marzu 2003 permezz tal-ewwel pakkett ferrovjarju (38). It-tieni pakkett ferrovjarju lliberalizza t-trasport tal-merkanzija internazzjonali kollu fl-1 ta' Jannar 2006 u l-merkanzija bil-ferrovija nazzjonali mill-1 ta' Jannar 2007 (39). Madankollu, bosta Stati Membri lliberalizzaw b'mod unilaterali s-swieq nazzjonali tagħhom qabel dik id-data. |
|
(129) |
Fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri, mill-1 ta' Jannar 2010, it-tielet pakkett ferrovjarju fetaħ is-suq għat-trasport tal-passiġġieri internazzjonali (40). Filwaqt li dan jikkonċerna biss is-servizzi internazzjonali, huwa ma jinkludix l-attivitajiet tal-benefiċjarji fuq dawk il-linji. Fi kwalunkwe każ, kif stabbilit mill-Qorti fis-sentenza Altmark, il-fatt li kumpanija tat-trasport hija attiva biss fi Stat Membru wieħed ma jeskludix il-possibbiltà ta' għajnuna li tfixkel il-kummerċ intra-UE (41). F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li mill-1995 'l hawn kien hemm bosta Stati Membri li fetħu b'mod unilaterali t-trasport tagħhom tal-passiġġieri bil-ferrovija u li kwalunkwe vantaġġ mogħti lil kumpanija tat-trasport bil-ferrovija fi Stat Membru wieħed jista' jnaqqas il-possibbiltà għal kompetitur minn Stat Membru ieħor li jinnegozja f'dak is-suq ġeografiku. |
|
(130) |
F'dan il-każ, TRAINOSE tipprovdi servizzi f'kompetizzjoni ma' impriżi oħrajn li jipprovdu servizzi tat-trasport fis-suq intern u wħud minn dawk is-servizzi huma transfruntieri. Għalhekk, il-vantaġġ ekonomiku selettiv mogħti permezz tal-kanċellazzjoni tad-dejn ippjanata favur TRAINOSE jsaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tagħha, minħabba li jeħles lill-operatur ferrovjarju mid-djun imġarrba fil-perjodu 2007-2010. Konsegwentement, TRAINOSE se tkun qed tipprovdi servizzi tat-trasport bil-ferrovija fis-suq intern mingħajr ma ġġorr l-ispejjeż operattivi u/jew tal-investiment kollha rilevanti li saru fl-imgħoddi. |
|
(131) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura se tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern u tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
7.1.2.5.
|
(132) |
Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kanċellazzjoni tad-dejn li qed tippjana li timplimenta l-Greċja tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
7.1.3. Miżura 2: Żieda fl-ekwità
7.1.3.1.
|
(133) |
Kif iddikjarat fil-premessa 109, il-miżura inkwistjoni għandha tiġi ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat u d-deċiżjoni li tingħata l-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat. |
|
(134) |
Iż-żieda fl-ekwità ġiet iffinanzjata direttament mill-baġit tal-Istat Grieg u ġiet deċiża mill-Kumitat Interministerjali għall-Organizzazzjonijiet u l-Intrapriżi Pubbliċi, kumitat li jirrappreżenta lill-awtoritajiet ċentrali Griegi. |
|
(135) |
Għalhekk, iż-żieda fl-ekwità kienet tinvolvi l-użu ta' riżorsi tal-Istat u kienet ukoll deċiża mill-Istat Grieg u imputabbli lilu. |
7.1.3.2.
|
(136) |
Il-Greċja affermat li ż-żieda fl-ekwità ma tagħti ebda vantaġġ ekonomiku indebitu lil TRAINOSE, minħabba li kwalunkwe investitur privat f'sitwazzjoni simili għal dik tal-Greċja kien jagħżel li jinvesti aktar fil-kumpanija sabiex iżomm l-investiment eżistenti tiegħu aktar milli jfittex il-likwidazzjoni tal-kumpanija. Il-Greċja stenniet li ż-żieda fl-ekwità li twassal għar-ristrutturar ta' TRAINOSE, segwit mill-privatizzazzjoni tagħha, tippermettilha tirkupra parti akbar mill-investiment tagħha u jevita kwalunkwe effetti negattivi fuq l-OSE. |
|
(137) |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-investiment tal-Greċja jagħtix vantaġġ lil TRAINOSE, jeħtieġ li jiġi vvalutat jekk, f'ċirkostanzi simili, investitur privat ta' daqs komparabbli li jopera f'kundizzjonijiet normali ta' ekonomija tas-suq (operatur f'ekonomija tas-suq, il-prinċipju “OES”) kienx jitħajjar jagħmel l-investiment inkwistjoni (42). |
|
(138) |
Il-Greċja affermat li d-deċiżjoni tagħha li tinjetta kapital fi TRAINOSE kienet immirata sabiex hija tevita l-kollass tal-operatur ferrovjarju uniku fil-Greċja u kwalunkwe effetti konsegwenzjali fuq l-ekonomija Griega bħala tali. |
|
(139) |
Madankollu, it-test tal-OES għandu jiġi applikat billi jitwarrbu l-kunsiderazzjonijiet kollha li jirrigwardjaw esklussivament ir-rwol ta' Stat Membru bħala awtorità pubblika (pereżempju, kunsiderazzjonijiet ta' politika soċjali, reġjonali jew settorjali) (43). Fi kliem ieħor, jekk intervent mill-Istat ikun xprunat minn raġunijiet ta' ordni pubbliku, pereżempju, għal raġunijiet ta' żvilupp soċjali jew reġjonali li jżidu t-telf jew inaqqsu l-profitti tal-azjenda, l-imġiba tal-Istat, filwaqt li tkun razzjonali minn perspettiva tal-ordni pubbliku, tista' fl-istess ħin tinkludi kunsiderazzjonijiet li OES normalment ma jikkunsidrax jew saħansitra jirrifjuta, jekk dawn inaqqsu r-redditu mistenni fuq l-azjenda. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, għall-finijiet tat-test tal-OES taż-żieda fl-ekwità, jeħtieġ li jitwarrbu l-effetti konsegwenzjali negattivi fuq l-ekonomija Griega jew il-fatt li TRAINOSE hija l-operatur ferrovjarju uniku fil-Greċja. |
|
(140) |
Il-Greċja ddikjarat ukoll li fl-2009 diġà kien previst li TRAINOSE tiġi ristrutturata bl-għan li tiġi privatizzata u, għalhekk, seta' kien mistenni redditu aċċettabbli fuq il-kapital injettat fi żmien raġonevoli. Il-Greċja enfasizzat ukoll li redditi aktar baxxi effimeri jkunu aċċettabbli għal investitur eżistenti. |
|
(141) |
Jekk intervent mill-Istat huwiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq irid jiġi eżaminat fuq bażi ex ante, wara li titqies l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien meta ġie deċiż l-intervent (44). Fil-fatt, kwalunkwe operatur prudenti f'ekonomija tas-suq normalment iwettaq il-valutazzjoni ex ante proprja tiegħu tal-istrateġija u tal-prospetti finanzjarji ta' proġett (45). Mhuwiex biżżejjed li wieħed jiddependi fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi ex post li jinvolvu sejba retrospettiva li l-investiment magħmul mill-Istat Membru kkonċernat kien fil-fatt profittabbli (46). |
|
(142) |
Evalwazzjoni ekonomika abbażi ta' metodoloġija ta' valutazzjoni standard aċċettata b'mod ġenerali (47) trid tkun ibbażata fuq id-dejta oġġettiva, verifikabbli u affidabbli disponibbli (48), li jenħtieġ li tkun dettaljata biżżejjed u għandha tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika fiż-żmien li fih ġiet deċiża t-tranżazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-livell tar-riskju u l-aspettattivi futuri. Metodoloġija standard aċċettata b'mod wiesa' sabiex jiġi ddeterminat ir-redditu (annwali) fuq l-investimenti hija li tiġi kkalkolata r-rata ta' redditu interna (RRI) (49). Wieħed jista' jevalwa wkoll id-deċiżjoni tal-investiment f'termini tal-valur preżenti nett (VPN) tagħha, (50) li jipproduċi riżultati ekwivalenti għar-RRI f'ħafna mill-każijiet. |
|
(143) |
Qabel ittieħdet id-deċiżjoni li tiġi injettata ekwità ta' EUR 60 miljun mill-Kumitat Interministerjali għall-Organizzazzjonijiet u l-Intrapriżi Pubbliċi fl-2009, ma twettqet ebda valutazzjoni tal-profittabbiltà tar-redditu mistenni mill-Greċja, bl-użu ta' kwalunkwe waħda mill-metodoloġiji ta' valutazzjoni standard aċċettati b'mod ġenerali jew kwalunkwe metodoloġija oħra. Il-Greċja ma ppreżentat ebda evidenza fattwali li turi kwalunkwe profittabbiltà futura għall-azzjonist sabiex tappoġġja d-deċiżjoni li tinjetta kapital fi TRAINOSE. Ma hemm ebda dokument li juri xi illustrazzjoni jew kalkolu tar-rimunerazzjoni tal-kapital għall-azzjonist ta' TRAINOSE jew żieda fil-valur tal-parteċipazzjoni fil-kapital tal-Greċja wara l-injezzjoni ta' kapital. Il-Kummissjoni tosserva li l-previżjonijiet tat-telf u l-profitt ta' TRAINOSE sempliċiment juru li l-kumpanija kienet mistennija li tirritorna għal profittabbiltà mill-2011 'il quddiem. Lanqas il-profittabbiltà mistennija akkumulata sal-2013 (EUR 14-il miljun) ma hija biżżejjed sabiex tpaċi t-telf mistenni ta' TRAINOSE fl-2011 (EUR – 165 miljun). |
|
(144) |
Barra minn hekk, il-Greċja la vvalutat il-prospetti tal-privatizzazzjoni ta' TRAINOSE u lanqas ikkwantifikat ir-rikavat mistenni mill-privatizzazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li f'dak il-mument meta ġiet deċiża b'mod irrevokabbli ż-żieda fl-ekwità (jiġifieri fl-2009), seta' kien hemm sempliċiment pjanijiet vagi għall-privatizzazzjoni tal-kumpanija, iżda kien għadu ma ġie ppubblikat ebda mandat ta' privatizzazzjoni, kienet għadha ma ġiet sottomessa ebda offerta vinkolanti u fuq kollox kien għadu mhuwiex ċar jekk il-privatizzazzjoni kinitx se tirnexxi. TRAINOSE saret parti mill-Programm ta' Privatizzazzjoni tal-Greċja mhux qabel l-2010 (51), u kien biss fl-2013 li l-Greċja fil-fatt iddeċidiet li tipproċedi bil-privatizzazzjoni tal-kumpanija (52). Madankollu, ma kien hemm ebda investitur li ressaq offerta vinkolanti u l-proċess ta' privatizzazzjoni kellu jiġi mniedi mill-ġdid fl-2016 u jwassal għal privatizzazzjoni mistennija fl-2017. |
|
(145) |
Il-fatt li l-korp pubbliku kkonċernat ikollu skopertura ekonomika preċedenti għal impriża għandu jiġi kkunsidrat meta jiġi eżaminat jekk tranżazzjoni hijiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq (53). Skopertura preċedenti għandha titqies fil-qafas ta' xenarji kontrofattwali għall-fini tat-test tal-OES. Pereżempju, fil-każ ta' intervent ta' ekwità jew dejn f'impriża pubblika f'diffikultà, ir-redditu mistenni fuq investiment bħal dan għandu jitqabbel mar-redditu mistenni fix-xenarju kontrofattwali tal-likwidazzjoni tal-kumpanija. F'każ li l-likwidazzjoni tipprovdi aktar qligħ jew inqas telf, operatur prudenti f'ekonomija tas-suq jagħżel dik l-opzjoni (54). |
|
(146) |
Qabel iż-żieda fl-ekwità, il-Greċja ma vvalutat ebda prospett għal rikavat minn likwidazzjoni ipotetika ta' TRAINOSE. Il-Kummissjoni tosserva li, fil-31 ta' Diċembru 2008, il-valur kontabilistiku tal-assi ta' TRAINOSE kien jammonta għal EUR 104 miljun, filwaqt li l-valur tad-djun tagħha kien jammonta għal EUR 376 miljun. Għalhekk, il-Greċja, bħala l-azzjonista ta' TRAINOSE f'xenarju ta' likwidazzjoni ipotetika, mhux probabbli li tibbenifika minn xi redditu. Għalhekk, bħala korollarju, legalment, il-Greċja ma jkollha ebda responsabbiltà għajr it-telf tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji tagħha, mingħajr ebda investiment ulterjuri fil-kumpanija. |
|
(147) |
Minkejja l-pressjoni politika u soċjali li tirriżulta minn deċiżjoni li tippermetti lil TRAINOSE tidħol fil-proċedura ta' likwidazzjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kostijiet għal OES f'sitwazzjoni simili jkunu żero, minħabba li l-Istat Grieg huwa l-uniku azzjonist ta' TRAINOSE. F'dawk iċ-ċirkostanzi, iż-żieda fil-kapital tista' tinvolvi biss telf għall-Istat Grieg, li OES ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għalih. |
|
(148) |
Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-deċiżjoni li żżid l-ekwità ta' TRAINOSE b'EUR 60 miljun tat vantaġġ ekonomiku lil TRAINOSE li hija ma kenitx tkun tista' tikseb taħt kundizzjonijiet tas-suq normali. |
7.1.3.3.
|
(149) |
Miż-żieda fl-ekwità bbenifika biss TRAINOSE u din ma kinitx parti minn miżura usa' tal-politika ekonomika ġenerali disponibbli għall-impriżi Griegi. Għalhekk, din titqies bħala selettiva skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
7.1.3.4.
|
(150) |
Għar-raġunijiet spjegati fit-Taqsima 7.1.2.4, iż-żieda fl-ekwità fixklet jew heddet li tfixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern u setgħet taffettwa wkoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
7.1.3.5.
|
(151) |
Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ż-żieda fl-ekwità ta' EUR 60 miljun implimentata fl-2009 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
7.1.4. Miżura 3: Għotjiet annwali lil TRAINOSE għall-perjodu 2011–2013
7.1.4.1.
|
(152) |
L-għotjiet annwali lil TRAINOSE għall-perjodu 2011–2013 ingħataw direttament mill-baġit tal-Istat Grieg, b'hekk, il-miżura tinvolvi l-użu ta' riżorsi tal-Istat, kienet ukoll deċiża mill-Istat u, għalhekk, hija imputabbli lilu. |
7.1.4.2.
|
(153) |
Il-Greċja affermat li l-għotjiet annwali lil TRAINOSE għall-perjodu 2011–2013 jinvolvu kumpens għat-twettiq ta' OSP. |
|
(154) |
Wara l-gwida pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Altmark (55), il-Kummissjoni tosserva li l-Ftehim ta' OSP għall-perjodu mill-2011 sal-2013 ma ngħatax wara offerta pubblika. |
|
(155) |
Meta l-OSP ma jiġix stabbilit abbażi ta' proċedura għall-għoti ta' kuntratt, il-livell ta' kumpens meħtieġ irid jiġi ddeterminat abbażi ta' analiżi tal-ispejjeż li impriża tipika, immexxija sewwa u pprovduta b'mezzi adegwati sabiex tkun tista' tissodisfa l-obbligi ta' servizz pubbliku, tkun ġarrbet fit-twettiq ta' dawk l-obbligi, filwaqt li jitqiesu l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għat-twettiq ta' dawk l-obbligi. |
|
(156) |
Il-Kummissjoni tinnota li meta ġie konkluż il-Ftehim ta' OSP fl-2011, TRAINOSE kienet qed tiffaċċja diffikultajiet finanzjarji u l-ispejjeż tagħha ma setgħux jitqiesu bħala spejjeż ta' impriża tipika, immexxija sewwa u pprovduta b'mezzi adegwati sabiex tkun tista' tissodisfa l-obbligi ta' servizz pubbliku. Il-kumpens ta' OSP għas-snin 2011–2013 kien ibbażat fuq l-estimi tal-pjan ta' ristrutturar ta' TRAINOSE mingħajr ebda valutazzjoni kontrofattwali tal-ispejjeż ta' impriża tipika u mmexxija sewwa pprovduta b'mezzi adegwati sabiex effettivament tkun tista' tissodisfa l-obbligi ta' servizz pubbliku. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-kriterju ma ġiex irrispettat. |
|
(157) |
Minħabba n-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet ta' Altmark, mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk it-tliet kundizzjonijiet l-oħrajn ta' Altmark ġewx issodisfati fil-każ preżenti. |
|
(158) |
Għalhekk, huwa konkluż li l-għotjiet lil TRAINOSE fil-perjodu mill-2011 sal-2013 jagħtu vantaġġ ekonomiku lil TRAINOSE skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
7.1.4.3.
|
(159) |
L-għotjiet annwali fil-perjodu 2011–2013 kienu disponibbli biss għal TRAINOSE u minnhom ibbenifikat hija biss, għalhekk, jitqiesu bħala selettivi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
7.1.4.4.
|
(160) |
Għar-raġunijiet stabbiliti fit-Taqsima 7.1.2.4, l-għotjiet fixklu jew heddew li jfixklu l-kompetizzjoni fis-suq intern u setgħu wkoll jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
7.1.4.5.
|
(161) |
Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-għotjiet annwali implimentati mill-Greċja fil-perjodu 2011–2013 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
7.1.5. Miżura 4: It-trasferiment tal-impjegati ta' TRAINOSE lil impjegaturi oħrajn fis-settur pubbliku
7.1.5.1.
|
(162) |
L-iskema għat-trasferiment tal-impjegati ta' TRAINOSE toriġina mil-Liġi Griega 3891/2010. Hija tipprevedi t-trasferiment tal-impjegati ta' TRAINOSE lil impjegaturi oħrajn fis-settur pubbliku, bħal Ministeri jew muniċipalitajiet, li jirrimunerawhom bir-riżorsi pubbliċi tagħhom. |
|
(163) |
Għalhekk, il-miżura tinvolvi l-użu ta' riżorsi tal-Istat u hija wkoll deċiża mill-Istat Grieg u imputabbli lilu. |
7.1.5.2.
|
(164) |
Skont il-Greċja, it-tnaqqis tal-forza tax-xogħol permezz tat-trasferiment tal-impjegati ma jipprovdi ebda vantaġġ lil TRAINOSE, minħabba li għandu jitqies bħala kumpens ta' darba għall-iżvantaġġ strutturali li TRAINOSE tkompli ġġorr fir-rigward tal-impjegati li fadal. |
|
(165) |
B'mod alternattiv, sabiex tikkwantifika l-vantaġġ possibbli li jirriżulta mit-trasferiment tal-impjegati, il-Greċja pprovdiet studju mħejji minn konsulent. Skont l-istudju, il-vantaġġ jammonta għad-differenza bejn il-“kostijiet normali” ta' SRV ipotetika sostnuta minn kumpanija privata u l-kostijiet ta' SRV ipotetika għall-impjegati ta' TRAINOSE. Dawn tal-aħħar jammontaw għal EUR 120 miljun. Madankollu, il-Greċja ssostni li mill-kostijiet tal-SRV ipotetika wieħed għandu jnaqqas il-“kostijiet anormali” li ġġarrab il-kumpanija permezz tal-istatus ta' impjegat kważi taċ-ċivil tal-impjegati ta' TRAINOSE, kemm dawk ittrasferiti kif ukoll id-904 impjegati li fadal. Skont il-Greċja, il-vantaġġ “veru” mit-trasferiment tal-impjegati jammonta għal EUR 37 miljun. |
|
(166) |
Il-Kummissjoni tinnota li kull meta s-sitwazzjoni finanzjarja ta' impriża titjieb bħala riżultat ta' intervent mill-Istat fuq termini li jkunu differenti mill-kundizzjonijiet tas-suq normali, ikun hemm vantaġġ (56). F'dan ir-rigward, l-għoti ta' vantaġġi ekonomiċi pożittivi mhux biss huwa rilevanti għall-kunċett ta' għajnuna mill-Istat, iżda l-ħelsien minn piżijiet ekonomiċi jista' wkoll jikkostitwixxi vantaġġ. Dan ikopri kwalunkwe mitigazzjoni ta' imposti normalment inklużi fil-baġit ta' impriża (57). Jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, wara li ttieħdet il-miżura tal-Istat, kienx hemm titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża, imqabbla mas-sitwazzjoni finanzjarja li kienet tkun fiha l-entità li kieku ma tteħditx dik il-miżura (58). |
|
(167) |
Għalhekk, jeħtieġ li jiġi vvalutat jekk it-trasferiment tal-impjegati ta' TRAINOSE jikkorrespondix għal ħelsien minn żvantaġġ strutturali li TRAINOSE tkompli tiffaċċja fin-nuqqas tal-miżura partikolari. |
|
(168) |
Il-Kummissjoni tinnota li TRAINOSE kienet qed tiffaċċja sitwazzjoni ta' persunal żejjed. F'kundizzjonijiet tas-suq normali, impriża jkollha tistabbilixxi SRV sabiex tħeġġeġ lill-persunal tagħha jirtiraw. Madankollu, kif ġie sostnut mill-Greċja, TRAINOSE ma kellhiex fondi għal skema bħal din u, għalhekk, l-iskema għat-trasferiment tal-impjegati lil impjegaturi oħrajn fis-settur pubbliku ġiet stabbilita mill-Istat Grieg. |
|
(169) |
Bl-istess mod, l-argument li l-miżura ma tagħti ebda vantaġġ lil TRAINOSE minħabba li hija f'kumpens għal żvantaġġ partikolari li din l-impriża wirtet minn obbligi skont ftehimiet kollettivi tax-xogħol tal-imgħoddi ma jistax jiġi aċċettat. It-trasferiment tal-impjegati ta' TRAINOSE kellu l-effett ta' tnaqqis tal-kostijiet tal-persunal li TRAINOSE kien ikollha tħallas u li jikkostitwixxu l-kostijiet normali ta' impriża, anki jekk dawk il-kostijiet ikunu rriżultaw mill-istatus speċifiku tal-impjegati ta' TRAINOSE u kienu ogħla minn dawk ta' impjegati li ma kellhomx status simili (59). |
|
(170) |
Barra minn hekk, il-vantaġġi finanzjarji ta' TRAINOSE, li jirriżultaw mill-kostijiet aktar baxxi tal-persunal minħabba t-trasferiment ta' wħud mill-impjegati tiegħu lil impjegaturi oħrajn fis-settur pubbliku, ma jistgħux jitqabblu mal-allegati żvantaġġi li jirriżultaw mill-istatus ta' impjegati kważi taċ-ċivil għall-impjegati ta' TRAINOSE skont il-ftehimiet kollettivi. |
|
(171) |
B'reazzjoni għall-argumenti invokati mill-Greċja dwar l-allegati żvantaġġi kkawżati mill-istatus ta' impjegati kważi taċ-ċivil tal-impjegati ta' TRAINOSE, jistgħu jsiru tliet kunsiderazzjonijiet. L-ewwel nett, TRAINOSE, wara l-ftuħ sħiħ tas-suq ferrovjarju Grieg għall-kompetizzjoni, kellha u qed tkompli żżomm membri tal-persunal imħarrġin u kompetenti, li mingħajrhom ma kenitx tkun tista' żżomm il-pożizzjoni tagħha fis-suq. It-tieni nett, kif irrimarkat mill-Greċja, skont il-Ftehim Kollettiv tax-Xogħol il-ġdid, tneħħew bosta benefiċċji tal-impjegati ta' TRAINOSE u ttieħdu miżuri sabiex jitnaqqsu l-kostijiet tal-persunal eżistenti għal TRAINOSE. It-tielet nett, bħalissa ma hemm ebda operatur ferrovjarju ieħor attiv fil-Greċja u l-paragun ġenerali li sar mill-Greċja ma' impjegati oħrajn fis-settur privat b'esperjenza ta' xogħol simili ma jistax jitqies bħala parametru referenzjarju validu meta titqies l-ispeċifiċità tal-persunal ta' TRAINOSE. |
|
(172) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-kostijiet relatati mal-benefiċċji li joriġinaw minn liġi preċedenti jidhru li huma kostijiet normali li jridu jitħallsu minn kwalunkwe kumpanija. Għalhekk, il-ħelsien ta' tali kostijiet permezz tat-trasferiment tal-impjegati jiffavorixxi lil TRAINOSE skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
7.1.5.3.
|
(173) |
Mit-trasferiment tal-impjegati bbenifikat biss TRAINOSE u, għalhekk, dan jitqies bħala selettiv skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
7.1.5.4.
|
(174) |
Għar-raġunijiet spjegati fit-Taqsima 7.1.2.4, it-trasferiment tal-impjegati fixkel jew hedded li jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern u seta' jaffettwa wkoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
7.1.5.5.
|
(175) |
Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li t-trasferiment tal-impjegati ta' TRAINOSE lil impjegaturi oħrajn fis-settur pubbliku bejn l-2011 u l-2013 jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
7.1.6. Miżura 5: FLS bejn TRAINOSE u l-OSE
7.1.6.1.
|
(176) |
Kif ġie ddikjarat fit-Taqsima 3.5.5, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-FLS bejn TRAINOSE u l-OSE ġewx konklużi skont it-termini tas-suq. |
|
(177) |
B'reazzjoni għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Greċja pprovdiet aktar kjarifiki dwar il-metodu li permezz tiegħu ġew stabbiliti t-tariffi għas-servizzi speċifikati fid-diversi FLS bejn TRAINOSE u l-OSE. Kif ġie ddikjarat fil-premessa 72, il-Greċja affermat li skont ir-rakkomandazzjonijiet tat-Trojka, l-FLS ġew konklużi skont it-termini tas-suq u, għalhekk, ma taw ebda vantaġġ ekonomiku lil TRAINOSE. |
|
(178) |
Għalhekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk it-termini u l-kundizzjonijiet tal-FLS konklużi bejn TRAINOSE u l-OSE pprovdewx vantaġġ ekonomiku lil TRAINOSE, li ma kienx ikun disponibbli għal TRAINOSE f'kundizzjonijiet tas-suq normali (60). Għal dak l-għan, il-Kummissjoni jeħtiġilha tivvaluta jekk operatur f'ekonomija tas-suq (“OES”) ipotetiku f'sitwazzjoni simili għall-OSE, filwaqt li jitqiesu l-informazzjoni disponibbli u l-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti f'dak il-mument, kif ukoll kwalunkwe żviluppi prevedibbli, kienx jidħol fl-FLS inkwistjoni bl-istess termini u kundizzjonijiet (61). |
|
(179) |
L-FLS ma ġewx konklużi permezz ta' offerta kompetittiva, trasparenti, mhux diskriminatorja u mhux kundizzjonali, li kienet tipprovdi evidenza diretta u speċifika ta' konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq. It-Trojka rrakkomandat li jiġu konklużi FLS sabiex jiġu fformalizzati r-relazzjonijiet kummerċjali li diġà jeżistu mal-OSE li, f'dak il-mument, kienet mhux biss il-maniġer tal-infrastruttura, iżda wkoll il-fornitur ta' vetturi ferrovjarji u servizzi ta' manutenzjoni, taħriġ tal-persunal, uffiċini u kowċis lil TRAINOSE. F'dak iż-żmien meta ġew konklużi l-FLS, TRAINOSE kienet l-uniku operatur ferrovjarju fil-Greċja. TRAINOSE kienet tiddependi wkoll fuq ħafna mis-servizzi li kienet qed tipprovdi l-OSE. |
|
(180) |
Il-fatt li l-FLS ma ġewx konklużi permezz ta' offerta ma jfissirx li dawn mhumiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq (62). Fin-nuqqas ta' offerta, il-konformità tal-FLS mal-kundizzjonijiet tas-suq tista' tiġi vvalutata fid-dawl tat-termini li taħthom twettqu t-tranżazzjonijiet komparabbli minn operaturi privati komparabbli f'sitwazzjonijiet komparabbli (parametraġġ referenzjarju) jew bl-użu ta' metodi ta' valutazzjoni oħrajn (63). |
|
(181) |
Sabiex jiġi identifikat parametru referenzjarju xieraq, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lit-tip ta' operatur ikkonċernat, it-tip ta' tranżazzjoni inkwistjoni u s-suq jew is-swieq ikkonċernati. It-twaqqit tat-tranżazzjonijiet huwa partikolarment rilevanti wkoll meta jkunu seħħew żviluppi ekonomiċi sinifikanti. Fejn xieraq, jista' jkun meħtieġ li l-parametri referenzjarji disponibbli fis-suq jiġu aġġustati skont il-karatteristiċi speċifiċi tat-tranżazzjoni tal-Istat (64). Ħafna drabi, parametraġġ referenzjarju ma jistabbilixxix valur referenzjarju preċiż wieħed, iżda pjuttost jistabbilixxi firxa ta' valuri possibbli permezz ta' valutazzjoni ta' sett ta' tranżazzjonijiet komparabbli. |
(a) FLS dwar il-provvista tal-manutenzjoni ta' vetturi ferrovjarji
|
(182) |
Il-Kummissjoni tosserva li l-prezz għall-provvista ta' servizzi ta' manutenzjoni ta' vetturi ferrovjarji kien stabbilit bħala funzjoni tal-kostijiet tal-materjal u tal-parts tal-bdil, tal-kostijiet tal-persunal tal-manutenzjoni u tal-kostijiet amministrattivi rilevanti. B'hekk, il-prezz stabbilit fl-FLS kopra l-kostijiet kollha relatati mal-provvista ta' servizzi ta' manutenzjoni pprovduti mill-OSE, inkluża anki kontribuzzjoni għall-kostijiet amministrattivi rilevanti. |
|
(183) |
Il-fattur ewlieni tal-ispejjeż għall-provvista ta' servizzi ta' manutenzjoni huwa l-kost tal-persunal tal-manutenzjoni. AMEL, il-kumpanija inkarigata mill-operazzjonijiet tal-metro ta' Ateni sal-2010, kienet l-unika kumpanija fil-Greċja li kienet komparabbli mal-OSE, b'kunsiderazzjoni tan-natura tas-servizzi pprovduti u l-ambjent tas-suq prevalenti. Qabel il-konklużjoni tal-FLS, l-OSE ħallset lill-persunal tal-manutenzjoni tagħha salarju medju ta' EUR [25 000–50 000] fis-sena jew EUR [20–40] fis-siegħa. Il-Kummissjoni tinnota li, fil-mument li ġie konkluż l-FLS, is-salarju annwali tat-tekniċi tal-manutenzjoni ta' AMEL kien ivarja bejn EUR [25 000–50 000] u EUR [25 000–50 000] skont l-esperjenza u s-snin ta' impjieg fil-kumpanija, li jwasslu għal salarju annwali medju tat-tekniċi tal-manutenzjoni ta' AMEL ta' EUR [25 000–50 000]. Għaldaqstant, is-salarju medju tal-persunal tal-manutenzjoni tal-OSE kien komparabbli mas-salarju tat-tekniċi tal-manutenzjoni ta' AMEL. |
|
(184) |
Il-Kummissjoni tinnota li wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi 3899/2010, il-kostijiet tal-persunal tal-manutenzjoni tal-OSE komplew jonqsu b'EUR [0–5] fis-siegħa, filwaqt li l-ftehim ta' TRAINOSE ma ġiex aġġustat. Konsegwentement, il-profitt għall-OSE żdied b'EUR [0–5] għal kull siegħa ta' manutenzjoni, li jkompli jikkontribwixxi sabiex l-OSE tikseb marġini ta' redditu xprunat mis-suq ta' [0–10] %. |
|
(185) |
Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-FLS ġie konkluż għal perjodu ta' sentejn, li jista' jiġi estiż b'sena waħda addizzjonali. L-FLS kien jinkludi wkoll penali għal dewmien fil-kunsinna tal-vetturi ferrovjarji u għal ħlasijiet tardivi. Dan jindika li l-FLS ġie miftiehem wara li tqiesu l-interessi kummerċjali tal-partijiet u ma jidhirx li dan jikkostitwixxi mezz moħbi sabiex l-OSE tintuża bħala veikolu li jagħti vantaġġ indebitu fuq il-kundizzjonijiet tas-suq lil TRAINOSE. |
|
(186) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, jista' jitqies li l-FLS dwar il-provvista ta' manutenzjoni tal-vetturi ferrovjarji kien ikun konkluż minn OES ipotetiku u, għalhekk, ma ta ebda vantaġġ ekonomiku indebitu lil TRAINOSE. |
(b) FLS dwar il-lokazzjoni ta' vetturi ferrovjarji
|
(187) |
Il-Kummissjoni tosserva li l-ħlasijiet għal-lokazzjoni tal-vetturi ferrovjarji stabbiliti fl-FLS huma bbażati fuq id-deprezzament annwali u l-kostijiet tal-finanzjament ta' dawk il-vetturi ferrovjarji. Għaldaqstant, il-fattur ta' deprezzament jirrifletti t-taħlita ta' finanzjament u kien jikkorrispondi għal […] tal-valur, li kien iffinanzjat permezz tar-riżorsi proprji tal-kumpanija u […] tal-valur, li kien iffinanzjat permezz ta' self. |
|
(188) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-fattur ta' deprezzament jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards kontabilistiċi tad-dovuti tal-kumpaniji Griegi S.A. u li r-rapporti finanzjarji tal-OSE ġew ivverifikati minn awditjar estern iċċertifikat kull sena. Barra minn hekk, minħabba li r-rapporti finanzjarji tal-OSE kienu bbażati fuq l-IFRS, il-valur tal-vetturi ferrovjarji rreġistrat fir-reġistru tal-assi tal-OSE jikkorrespondi għall-valur tas-suq. |
|
(189) |
Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-FLS dwar il-lokazzjoni ta' vetturi ferrovjarji ġie konkluż skont it-termini tas-suq u, b'hekk, ma jagħti ebda vantaġġ ekonomiku indebitu lil TRAINOSE. |
(c) FLS dwar it-taħriġ tal-persunal
|
(190) |
Il-Kummissjoni tinnota li, qabel it-twaqqif tal-FLS dwar it-taħriġ tal-persunal, TRAINOSE pprova jqabbel il-kostijiet tat-taħriġ fis-siegħa mitluba minn fornituri tat-taħriġ oħrajn fil-Greċja. Minħabba li l-OSE hija l-uniku fornitur ta' taħriġ tekniku għas-sewwieqa tal-ferroviji u suġġetti oħrajn relatati mal-ferroviji, dan il-paragun tal-kostijiet tat-taħriġ tal-persunal ma kienx dirett. |
|
(191) |
Kif ġie ddikjarat fil-premessa 79, LAEK u IEKEM TEE ntgħażlu għall-paragun minħabba s-servizzi relatati mat-taħriġ li huma jipprovdu. Il-kostijiet tat-taħriġ fis-siegħa jvarjaw bejn EUR [0–20] u EUR [20–40] għat-taħriġ ipprovdut minn LAEK u bejn EUR [0–15] u EUR [50–70] għat-taħriġ mogħti minn IEKEM TEE. |
|
(192) |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kostijiet tat-taħriġ innegozjati bejn l-OSE u TRAINOSE kienu stabbiliti fil-medda tal-prezzijiet tas-suq u, għalhekk, li l-FLS tal-persunal li jikkonċerna t-taħriġ tal-persunal ġie konkluż skont it-termini tas-suq u ma jagħti ebda vantaġġ indebitu lil TRAINOSE. Il-kost tat-taħriġ huwa funzjoni tal-għadd totali ta' sigħat ta' taħriġ imwettqa matul il-programm ta' taħriġ, l-għadd ta' apprendisti li jipparteċipaw fil-programm ta' taħriġ (minimu ta' ħames (5) persuni) u l-kost medju fis-siegħa tal-programm ta' taħriġ għal kull parteċipant, skont l-għadd ta' parteċipanti għal kull programm ta' taħriġ, kif ġej:
|
(d) FLS dwar il-kiri ta' uffiċini
|
(193) |
Il-kera fix-xahar stabbilita fl-FLS konkluż fl-2011 dwar il-kiri ta' uffiċini ġiet stabbilita abbażi ta' rapport minn stimatur indipendenti tal-proprjetà immobbli fl-aħħar tal-2005 u aġġustata minn GAIAOSE sabiex jittieħdu f'kunsiderazzjoni kemm l-istat attwali tal-bini u taż-żoni tal-madwar, kif ukoll il-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti. |
|
(194) |
Fl-aħħar tal-2005, il-valur stmat tal-kiri tal-uffiċini kien jammonta għal EUR [10–20] kull m2. Il-bini fejn jinsabu l-uffiċini mikrija nbena fl-1972 u ma jissodisfax l-istandards ta' infrastruttura moderna tal-uffiċini, meta wieħed iqis li ma għandux spazji miftuħa u għandu perċentwal għoli ħafna (30 %) ta' żoni komuni. Il-bini nnifsu jinsab fi stat medjokri ta' tiswijiet, filwaqt li, matul is-snin riċenti, iż-żona tal-madwar iddeterjorat, inkluż b'żieda fl-attività kriminali. |
|
(195) |
Il-Kummissjoni tinnota li meta ġie konkluż l-FLS dwar il-kiri ta' uffiċini, id-domanda għall-kiri ta' spazji ta' uffiċini naqset b'madwar 30 % bejn l-aħħar tal-2005 u Frar 2011 minħabba l-kriżi ekonomika emerġenti, tant li wasslet għal tnaqqis fil-kirjiet. Dan huwa kkonfermat mir-rapport tas-suq imħejji minn stimatur indipendenti privat, Eurobank Properties Services, li stabbilixxa l-kirjiet fis-suq għal binjiet b'karatteristiċi simili fiż-żona fejn jinsabu l-uffiċini f'medda ta' bejn EUR 11 u EUR 14 għal kull m2 għal Lulju 2010, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 20 % meta mqabbla mal-2009. |
|
(196) |
Meta wieħed iqis il-fatturi msemmija fil-premessi 193 u 194, il-kera ta' kull xahar kienet aġġustata minn EUR [10–20] għal kull m2 fl-2005 għal EUR [0–10] għal kull m2 fl-2011. Dan l-aġġustament wassal għal tnaqqis b'[20–40] %, li jikkorrespondi bejn wieħed u ieħor għat-tnaqqis fil-prezzijiet f'dik iż-żona u għall-istat tal-bini mikri (65). Minbarra li kellu jħallas il-kera bażika, TRAINOSE kienet obbligata li tkopri l-kostijiet kollha relatati mal-uffiċini, bħall-manutenzjoni, l-enerġija, it-taxxi u d-dazji, eċċ. |
|
(197) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-FLS dwar il-kiri ta' uffiċini ġie stabbilit skont it-termini tas-suq u li huwa ma jagħti ebda vantaġġ indebitu lil TRAINOSE. |
(e) FLS dwar il-kiri ta' kowċis
|
(198) |
Il-Kummissjoni tosserva li t-tariffi għal-lokazzjoni ta' kowċis u vetturi oħrajn stabbiliti fl-FLS rilevanti kienu bbażati fuq il-valur tas-suq ta' kull waħda mill-vetturi fl-1 ta' Jannar 2001 aġġustat mid-deprezzament annwali. Kemm il-valur tas-suq tal-vetturi, kif ukoll id-deprezzament annwali ġew stmati mill-fornituri ta' dawk il-vetturi. |
|
(199) |
Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-FLS dwar il-kiri ta' kowċis ġie konkluż skont it-termini tas-suq u, b'hekk, ma jagħti ebda vantaġġ ekonomiku indebitu lil TRAINOSE. |
(f) Konklużjoni
|
(200) |
Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-FLS ma taw ebda vantaġġ ekonomiku indebitu lil TRAINOSE. |
|
(201) |
Fid-dawl tal-fatt li l-kundizzjonijiet meħtieġa li jiddeterminaw l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi, in-nuqqas ta' kwalunkwe waħda minnhom huwa deċiżiv. Għalhekk, mhuwiex meħtieġ li jiġi vvalutat jekk il-Miżura 5 tissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħrajn tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
|
(202) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 5 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
7.2. Il-legalità tal-għajnuna
|
(203) |
Skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, l-Istati Membri jeħtiġilhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe pjanijiet li jagħtu jew ibiddlu l-għajnuna, u ma għandhomx jimplimentaw il-miżuri proposti qabel ma l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat tirriżulta f'deċiżjoni finali. |
|
(204) |
Il-Kummissjoni tosserva li l-Miżura 1 għadha ma ġietx implimentata u li l-implimentazzjoni tagħha hija soġġetta għal din id-deċiżjoni. Minħabba li l-Miżura 1 għadha ma ġietx implimentata, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Greċja rrispettat l-obbligu ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat (66). |
|
(205) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-Miżuri 2, 3 u 4 ġew implimentati fil-perjodu 2011–2013. L-għajnuna mogħtija permezz ta' dawk il-miżuri ma rċevietx l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni; għalhekk, il-Greċja ma rrispettatx l-obbligu ta' waqfien stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Għalhekk, il-Miżuri 2, 3 u 4 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali. |
7.3. Il-kompatibbiltà tal-għajnuna
|
(206) |
Minħabba li l-Miżuri 1, 2, 3 u 4 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni jeħtiġilha tivvaluta jekk l-għajnuna tistax tinstab li hija kompatibbli mas-suq intern. |
|
(207) |
Fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi ħafna tal-każ preżenti u tal-ekonomija Griega, il-Greċja affermat li l-għajnuna inkwistjoni tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat minħabba li tfittex li tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru. |
|
(208) |
Skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat “Din li ġejja tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern: […] għajnuna […] sabiex tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru; […]”. |
|
(209) |
Fir-rigward ta' kwalunkwe deroga mill-projbizzjoni fuq l-għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat, dik id-dispożizzjoni trid tiġi interpretata u applikata b'mod ristrett. Tali applikazzjoni stretta tirrikjedi li jitqiesu, b'mod partikolari, in-natura u s-serjetà oġġettiva tat-taqlib fl-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat, fuq naħa waħda, u l-adegwatezza, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna maħsuba biex tindirizza dak it-taqlib, fuq in-naħa l-oħra, filwaqt li jitqiesu wkoll l-importanza possibbilment sistemika u l-pożizzjoni tal-benefiċjarju u s-settur ikkonċernat, kif ukoll l-evitar ta' effetti negattivi indebiti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
7.3.1. Is-sitwazzjoni ekonomika fil-Greċja
|
(210) |
Is-sitwazzjoni ekonomika tal-Greċja hija oġġettivament ikkaratterizzata minn kriżi profonda u mtawla bla preċedent. Fl-2016, il-Greċja esperjenzat id-disa' sena konsekuttiva ta' reċessjoni. Ir-reċessjoni kienet partikolarment profonda fl-2009, fl-2010, fl-2011 u fl-2012 (bi tnaqqis tal-prodott domestiku gross fi prezzijiet kostanti bi 3,1 %, 4,9 %, 7,1 % u 6 %, rispettivament). Fil-perjodu 2008-2016, il-PDG ċkien b'aktar minn 25 %. Id-dejn pubbliku gross tal-Greċja kien mistenni jilħaq l-ogħla livell fl-2016 għal 179,7 % tal-PDG tagħha. Ir-rata tal-qgħad fil-Greċja kienet 24,9 % bħala medja, li f'ċerti reġjuni laħqet sa 30,7 %, imqabbla mal-medja ta' 9,4 % fl-UE28. L-Istat Grieg prattikament ma għandu ebda aċċess għas-swieq tal-kapital u l-finanzi pubbliċi tiegħu għadhom dipendenti fuq il-Grupp tal-Euro u fuq kredituri internazzjonali oħrajn li joħorġu segmenti ġodda ta' self ippjanat, li għadhom qegħdin jiġu diskussi. Għalhekk, l-ekonomija tal-Greċja xorta għadha vulnerabbli ħafna għal inċertezzi u xokkijiet f'Ġunju 2017. |
|
(211) |
Kif innotat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-20 ta' Diċembru 2011 li tapplika l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat għal miżuri li jindirizzaw is-sitwazzjoni fil-Greċja (67), l-iskala u t-tul tat-tnaqqis ekonomiku li qed tesperjenza l-Greċja jmorru ferm 'lil hinn mill-isfidi li esperjenzaw l-ekonomiji tal-Istati Membri fil-kuntest taċ-ċiklu kummerċjali standard, fejn it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jrid jiġi aċċettat bħala parti mill-mudell normali ta' tkabbir u żvilupp. |
|
(212) |
L-effetti eċċezzjonali tal-kriżi u l-abbiltà tal-għajnuna mill-Istat, mogħtija lil fornituri ta' servizzi tal-enerġija li għandhom pożizzjonijiet importanti fis-suq Grieg, li tirrimedja jew tindirizza l-effetti tagħha, ġew rikonoxxuti wkoll mill-Kummissjoni fl-2013 u fl-2014 (68). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tabilħaqq tqis l-estensjoni sat-30 ta' Ġunju 2017 tal-appoġġ tal-għajnuna mill-Istat ipprovdut lis-settur finanzjarju Grieg bħala neċessarja sabiex jiġi rrimedjat it-taqlib serju tal-ekonomija Griega, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat (69). Dawk il-konklużjonijiet rigward is-sitwazzjoni tal-ekonomija Griega minn Diċembru 2011 xorta għadhom validi għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. |
|
(213) |
Il-Kummissjoni taqbel mal-Greċja li din is-sitwazzjoni kellha impatt fuq is-settur ferrovjarju Grieg, billi kkawżat għadd ta' disturbi, bħal tnaqqis fid-domanda għal servizzi ta' trasport bil-ferrovija kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija minħabba l-għeluq ta' ċerti impriżi, l-inkapaċità ta' ċerti negozji li jħallsu l-kontijiet tagħhom (eż. l-Industrija taz-Zokkor Ellenika jew “HSI” (“Hellenic Sugar Industry”)) u t-tnaqqis fl-attività ekonomika f'ċerti oqsma, kif ukoll il-likwidazzjoni possibbli ta' TRAINOSE, Il-Kummissjoni tosserva li bejn l-2008 u l-2012, il-kilometri tal-passiġġieri naqsu b'49 % u t-tunnellati-kilometri ta' merkanzija naqsu b'64 %. |
|
(214) |
It-taqlib fl-operazzjonijiet ta' TRAINOSE joħloq piż kbir fuq in-netwerk tat-trasport pubbliku b'mod ġenerali u fuq in-netwerk urban ta' Ateni (użat minn 8 miljun passiġġier fis-sena), Tessaloniki u Patras, b'mod partikolari. Is-sinifikat ta' TRAINOSE bħala l-uniku fornitur ta' servizzi ta' trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bil-ferrovija fil-Greċja ntwera fl-ogħla punt tal-kriżi tar-refuġjati meta ċerti rotot tal-ferrovija kienu parzjalment magħluqin jew meta tnaqqas it-traffiku. Meta nfetħet il-fruntiera ta' Idomeni, madwar tmien ferroviji tal-merkanzija kienu qegħdin jivvjaġġaw lejn l-Ewropa ċentrali u lura. Wara l-għeluq tal-fruntiera, dawn tnaqqsu għal erba' ferroviji biss, li bdew jivvjaġġaw tul rotta itwal mill-pajjiż ġar tal-Bulgarija, li allura kien ifisser kostijiet tat-trasport ogħla għall-importaturi u l-esportaturi Griegi. Ferrovija li tiġbed 34 vettura normalment tiġi tiswa sa EUR 50 000 sabiex tittrasporta merkanzija lejn l-Ewropa Ċentrali fi żmien jumejn jew tlett ijiem. Iżda r-rotta itwal ikkawżat dewmien b'sa 12-il jum, li żied il-kost bi kważi 20 %. Il-kostijiet addizzjonali diretti għal assoċjazzjoni tal-esportaturi fit-tramuntana tal-Greċja, li tirrappreżenta madwar 500 negozju żgħir, ammontaw għal madwar EUR 5 miljun u waqqfu l-isforzi sabiex terġa' tinbeda l-ekonomija wara sitt snin ta' reċessjoni. Għaldaqstant, huwa essenzjali li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel sabiex jintlaħaq l-għan strateġiku tal-bejgħ li jmiss ta' 100 % tal-kapital azzjonarju ta' TRAINOSE lill-investitur, li għandu jitqies bħala pass importanti fl-implimentazzjoni tal-programm miftiehem mal-Grupp tal-Euro (70). |
7.3.2. Il-pożizzjoni ta' TRAINOSE fl-ekonomija tal-Greċja
|
(215) |
Bħala riżultat tal-kriżi ekonomika profonda u mtawla, TRAINOSE ġarrbet tnaqqis bla preċedent tad-dħul operattiv u żieda fid-dejn, kif jidher fit-Tabella 1. Barra minn hekk, kombinazzjoni ta' kundizzjonijiet straordinarji u bla preċedent wasslet għal pagamenti li suppost diġà saru fis-sistema Griega tat-trasport bil-ferrovija, għal membri tal-persunal żejda u għal xogħol b'lura f'investimenti fl-infrastruttura, li jħallu wkoll effetti negattivi fuq l-OSE (71) u jpoġġu f'riskju l-konnettività tan-netwerk tat-trasport bil-ferrovija fil-Greċja. |
|
(216) |
L-appoġġ ipprovdut mill-miżuri soġġetti għad-deċiżjoni preżenti mogħti jew ippjanat li jingħata lil TRAINOSE u lill-OSE ppermettielhom iżommu n-netwerk tal-infrastruttura ferrovjarja Griega u li jtejbu l-infrastruttura sottożviluppata (bħall-elettrifikazzjoni tal-linja bejn Ateni u Tithorea), kif ukoll li jkomplu jipprovdu servizzi ta' trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija permezz tan-netwerk ferrovjarju urban u suburban b'tul ta' 2 554 km, li jaqsam min-Nofsinhar sat-Tramuntana tal-Greċja u li jipprovdi servizzi lill-akbar bliet u portijiet minn fejn jgħaddi. |
|
(217) |
Il-Kummissjoni tosserva li TRAINOSE topera bejn wieħed u ieħor 300 servizz ta' trasport tal-passiġġieri kuljum u li bejn wieħed u ieħor 16-il miljun passiġġier fis-sena jużaw is-servizzi ta' TRAINOSE. Ir-rotot ta' OSP operati minn TRAINOSE jammontaw għal aktar minn 98 % tar-rotot domestiċi kollha tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija fil-Greċja. Kwalunkwe waqfien/interruzzjoni tal-operazzjonijiet ta' TRAINOSE ċertament iċaħħdu lill-passiġġieri minn rotot pubbliċi essenzjali, kemm urbani kif ukoll suburbani. F'dak il-każ, l-unika għażla tkun il-kontinwità ta' emerġenza possibbli ta' OSP. |
|
(218) |
Barra minn hekk, kwalunkwe interruzzjoni tas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija toħloq piż kbir fuq in-netwerk tat-trasport pubbliku globali, primarjament fin-netwerk urban ta' Ateni (użat minn 8 miljun passiġġier fis-sena), Tessaloniki u Patras. Rotot urbani speċifiċi bi traffiku għoli huma servuti esklussivament minn TRAINOSE u, b'hekk, avveniment bħal dan mhux biss jiddeterjora l-kundizzjonijiet tat-traffiku f'żoni urbani, iżda wkoll iġiegħel lill-passiġġieri jużaw mezzi tat-trasport oħrajn, li huma aktar għaljin u li jniġġsu aktar, l-aktar f'rotot suburbani, li jwasslu għal żieda fil-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri. Minbarra dan, l-operat ta' TRAINOSE huwa kruċjali wkoll għat-turiżmu, li għandu rwol importanti fl-ekonomija Griega (kontribuzzjoni diretta ta' madwar 8 % għall-PDG). |
|
(219) |
Barra minn hekk, aktar minn 300 miljun tunnellata ta' merkanzija jiġu ttrasportati kull sena minn TRAINOSE, li madwar 83 % minnhom ikunu merkanzija għall-esportazzjoni, sabiex b'hekk jikkontribwixxu għall-esportazzjonijiet mill-kumpaniji Griegi. TRAINOSE tgħaqqad il-portijiet ta' Piraeus u Tessaloniki. Barra minn hekk, minħabba d-daqs u t-tunnellaġġ tagħhom, ċerti prodotti jistgħu jiġu ttrasportati biss bil-ferrovija u l-interruzzjoni tas-servizzi tat-trasport bil-ferrovija jkollha konsegwenzi serji fil-katina tal-provvista fil-Greċja, tant li taffettwa kumpaniji bħal HSI S.A. u VIOHALKO S.A., kif ukoll il-portijiet ta' Piraeus u Tessaloniki. |
|
(220) |
Barra minn hekk, TRAINOSE tipprovdi trasport għall-Forzi Armati Griegi u għandha rwol importanti għall-mobilizzazzjoni tal-massa tal-Forzi Armati Griegi f'każ ta' kriżi. |
|
(221) |
TRAINOSE għandu 655 impjegat full-time, li jippossjedu esperjenza u kompetenzi akkumulati sinifikanti fis-settur ferrovjarju. Huwa impjegatur dirett u indirett importanti ħafna fil-Greċja, fejn aktar minn 99 % tal-kumpaniji huma SMEs. Ir-rati tal-qgħad huma fl-ogħla livelli storiċi u jirrappreżentaw l-aktar varjabbli diffiċli sabiex jissolva. Fil-Greċja, l-SMEs jiffaċċjaw riskji anormali ta' volatilità ekonomika bħala riżultat tal-ambjent ekonomiku instabbli tal-pajjiż u, b'mod partikolari, l-effett li dan għandu fuq l-aċċess għall-finanzi, li huwa kruċjali għall-SMEs. |
|
(222) |
Ma kien hemm ebda prospett raġonevoli li TRAINOSE kien se jirnexxielu joħroġ mid-diffikultà finanzjarja li sab ruħu fiha u li kontinwament kompliet tmur għall-agħar mill-2008. Il-likwidazzjoni ta' TRAINOSE tkun konsegwenza inevitabbli tal-fatt li ma tiġix approvata l-għajnuna soġġetta għal din id-deċiżjoni. Il-likwidazzjoni tagħha ma taffettwax biss lil TRAINOSE nnifisha, iżda jkollha wkoll effetti negattivi fuq il-fornituri tagħha. EESSTY, il-fornitur tal-manutenzjoni tal-vetturi ferrovjarji, jispiċċa jiffaċċja diffikultajiet sinifikanti u probabbilment ma jibqax jopera. EESSTY bħalissa jimpjega 416-il impjegat u bejn wieħed u ieħor 100 % tad-dħul annwali tiegħu jiġi ġġenerat mir-relazzjoni kummerċjali tiegħu ma' TRAINOSE. |
|
(223) |
Minħabba l-fatt li TRAINOSE hija l-uniku operatur ferrovjarju u li l-OSE hija l-uniku maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja, ir-riskju ta' waqfien li jista' jirriżulta mill-fatt li TRAINOSE ma tkunx tista' tkompli tipprovdi servizzi ta' trasport bil-ferrovija min-naħa tiegħu jista' jpoġġi f'riskju l-kontinwità tal-provvista tas-servizzi ta' trasport bil-ferrovija għall-passiġġieri u l-merkanzija fil-Greċja u, min-naħa l-oħra, il-kapaċità tal-OSE li tagħmel il-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja. L-OSE timpjega 1 595 persuna (1 396 impjegat fl-OSE u 199 oħrajn f'ERGOSE, kumpanija sussidjarja tal-OSE responsabbli mill-iżvilupp u l-ameljorament tal-infrastruttura ferrovjarja), filwaqt li l-ħlasijiet tal-aċċess għall-binarji miġbura minn TRAINOSE fl-2015 kienu jammontaw għal 86 % tad-dħul annwali tal-OSE mill-aċċess għall-binarji għal dik is-sena. |
|
(224) |
Barra minn hekk, GAIAOSE, il-maniġer tal-vetturi ferrovjarji u tal-assi ta' proprjetà immobbli, flimkien ma' għadd ta' negozji privati oħrajn, bħal fornituri ta' servizzi u kuntratturi għal servizzi ta' tindif, forniment tal-ikel u qtugħ tal-biljetti, spedizjoniera, eċċ., jiġu affettwati wkoll b'mod negattiv. |
|
(225) |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna b'hekk tindirizza riskju speċifiku għas-sistema ferrovjarja Griega u l-konsegwenzi drammatiċi tal-waqfien tal-provvista ta' servizzi tat-trasport bil-ferrovija għall-ekonomija Griega u għall-popolazzjoni, 'lil hinn mis-sitwazzjoni ta' TRAINOSE u l-benefiċċji għaliha. Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi u straordinarji li qed jiffaċċja s-settur ferrovjarju Grieg, bħala settur inugwali tal-ekonomija Griega kif spjegat fil-premessa 230 ta' hawn taħt, l-għajnuna mill-Istat lil TRAINOSE tinstab li għandha l-għan leġittimu li tirrimedja taqlib serju tal-ekonomija Griega. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu vverifikati l-adegwatezza, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-għajnuna sabiex tindirizza dak it-taqlib serju, kif ukoll l-impatt tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tfakkar li l-kriżi ekonomika eċċezzjonali li qed tiffaċċja l-ekonomija Griega, kif spjegat fit-taqsima 7.3.1, flimkien mar-rwol vitali tas-settur ferrovjarju għall-ekonomija Griega, jiġġustifikaw l-użu eċċezzjonali tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. |
7.3.3. L-adegwatezza, il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-għajnuna u l-evitar ta' effetti negattivi indebiti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri
|
(226) |
Il-Greċja tenniet li l-miżuri ta' għajnuna favur TRAINOSE huma adegwati, neċessarji u proporzjonali u mhux se jkollhom impatt negattiv indebitu fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fir-rigward tas-servizz u s-swieq ġeografiċi li fihom huwa u għandu jkun attiv TRAINOSE. |
7.3.3.1.
|
(227) |
Fir-rigward tal-adegwatezza tal-għajnuna lil TRAINOSE maħsuba sabiex tirrimedja taqlib ta' ekonomija sħiħa, il-Kummissjoni tinnota li din hija ġustifikata minħabba l-partikolaritajiet tas-settur Grieg tat-trasport bil-ferrovija. |
|
(228) |
L-ewwel nett, is-settur ferrovjarju fil-Greċja huwa uniku u mhux komparabbli ma' setturi oħrajn tal-industrija. TRAINOSE tirrappreżenta, de facto, is-settur ekonomiku kollu tat-trasport bil-ferrovija għall-merkanzija u l-passiġġieri. |
|
(229) |
It-tieni nett, it-trasport bil-ferrovija huwa vitali għall-funzjonament ta' setturi oħrajn tal-industrija li jiddependu fuq it-trasport ta' oġġetti u persuni minn post għal ieħor fi kwalunkwe żmien partikolari. Għalhekk, is-servizzi tat-trasport bil-ferrovija għandhom potenzjal qawwi li jwasslu għal riperkussjonijiet detrimentali fuq l-ekonomija kollha, jekk ma jiġix ipprovdut servizz. Ma hemm ebda settur ieħor tal-industrija li għandu rwol daqstant vitali meta tiġi vvalutata d-dipendenza tal-atturi l-oħrajn f'ekonomija tas-suq fuq is-servizzi li jipprovdi. |
|
(230) |
Fid-dawl tan-negozjati kontinwi li għaddejjin bejn il-Greċja u l-kredituri tagħha dwar il-kwistjonijiet pendenti ewlenin (72) li jeħtieġ li jissolvew sabiex jintlaħaq ftehim dwar is-sensiela ta' miżuri globali li jippermettu li titlesta t-tieni reviżjoni tal-programm ta' aġġustament ekonomiku tal-Greċja, hija meħtieġa attenzjoni partikolari sabiex tiġi pprovduta ċarezza għall-bejgħ ippjanat ta' TRAINOSE. |
|
(231) |
Għalhekk, l-għajnuna hija xierqa sabiex tindirizza riskju speċifiku għas-sistema ferrovjarja u tevita l-waqfien tal-provvista ta' servizzi tat-trasport bil-ferrovija għall-ekonomija Griega u għall-popolazzjoni, 'lil hinn mis-sitwazzjoni ta' TRAINOSE u l-benefiċċji għalih. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi u straordinarji li qed jiffaċċja s-settur ferrovjarju Grieg, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna lil TRAINOSE hija xierqa sabiex tirrimedja taqlib serju tal-ekonomija Griega. Din l-għajnuna se tkun biżżejjed għall-kumpaniji sabiex jerġgħu lura għal vijabbiltà jew għall-inqas iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod affidabbli. |
7.3.3.2.
|
(232) |
L-appoġġ huwa limitat fiż-żmien minħabba li jikkonsisti prinċipalment f'għajnuna limitata ta' darba li kienet ipprovduta jew li se tiġi pprovduta primarjament permezz ta' tħassir tal-obbligazzjonijiet ta' TRAINOSE lejn l-OSE, żieda fil-kapital ta' EUR 60 miljun fl-2009, għotjiet diretti ta' EUR 50 miljun għall-perjodu 2011–2013 u trasferiment tal-impjegati ta' TRAINOSE lil impjegaturi oħrajn fis-settur pubbliku. Mingħajr dawk il-miżuri, li jammontaw għal EUR 1,02 biljun, TRAINOSE tispiċċa ma tibqax topera u dan jikkawża taqlib serju u implikazzjonijiet sistemiċi għal impriżi Griegi oħrajn li huma dipendenti fuq is-servizzi tat-trasport ipprovduti minn TRAINOSE. Barra minn hekk, TRAINOSE se tiġi pprivatizzata kompletament, pass li għandu jippermetti lis-sjieda l-ġdida terġa' torjenta, safejn ikun meħtieġ, l-operazzjonijiet tal-kumpanija sabiex issir aktar kompetittiva ladarba jissolvew il-problemi li jeżistu fis-suq ferrovjarju kkawżati mill-kriżi ekonomika fil-Greċja. It-tnaqqis tal-piż finanzjarju ta' parti mill-obbligazzjonijiet tal-imgħoddi huwa prekundizzjoni sabiex tkun tista' sseħħ il-privatizzazzjoni. |
|
(233) |
Safejn huma kkonċernati l-għotjiet annwali, l-ammonti jidhru li huma proporzjonati, minħabba li l-għotjiet huma ta' natura kumpensatorja u, barra minn hekk, ġew iddeterminati bi qbil mat-Trojka. Huma servew biss sabiex ikopru parzjalment it-telf operatorju mġarrab bejn l-2008 u l-2011 (ara t-Tabella 1) u, għalhekk, ma pprovdewx lil TRAINOSE b'riżorsi addizzjonali li setgħet użat il-kumpanija sabiex tinvesti u/jew tespandi l-attivitajiet tagħha fi swieq ġeografiċi jew ta' servizzi oħrajn. L-istess jista' jingħad, mutatis mutandis, safejn huma kkonċernati ż-żieda fil-kapital ta' EUR 60 miljun fl-2009 u t-tħassir ippjanat tal-obbligazzjonijiet lejn l-OSE. It-tħassir ippjanat huwa proporzjonat mal-ammont ta' dejn dovut minn TRAINOSE u, anki meta kkombinat maż-żieda fil-kapital tal-imgħoddi, xorta jonqos milli jassorbi t-telf tal-imgħoddi u milli jreġġa' lura l-proporzjon ta' dejn-ekwità tal-kumpanija għal sitwazzjoni ta' solvenza b'saħħitha (ara t-Tabella 1). L-indikaturi finanzjarji ta' TRAINOSE matul il-perjodu tal-kriżi ekonomika fil-Greċja mill-2008 juru li, fil-preżent, il-pagamenti lill-OSE ma jistgħux isiru mir-riżorsi proprji. Ikun detrimentali u mhux realistiku fil-kuntest tat-taqlib tal-ekonomija Griega kieku TRAINOSE kellha żżid it-tariffi jew il-prezzijiet tagħha b'mod sinifikanti sabiex jiġġenera biżżejjed dħul fuq perjodu ta' żmien qasir bl-għan li jħallas dan id-dejn. |
|
(234) |
Fir-rigward tat-trasferiment ta' 593 impjegat, l-informazzjoni pprovduta mill-Greċja turi li l-miżura kienet ristretta u kkalibrata sabiex ittaffi s-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal żejda u tnaqqas uħud mill-kostijiet li jintirtu tal-persunal ta' TRAINOSE li oriġinaw mill-istatus speċifiku ta' impjegat kważi taċ-ċivil tal-persunal tiegħu u mill-politika ta' reklutaġġ tal-imgħoddi tal-kumpanija. Kumpaniji oħrajn fil-Greċja li jimpjegaw persunal soġġett għal-liġi komuni, inklużi l-fornituri attwali jew potenzjali ta' servizzi ta' trasport bil-ferrovija, ma jġorrux kostijiet tal-istess natura u ammont. Għalhekk, il-vantaġġ ipprovdut lil TRAINOSE permezz tat-trasferiment ta' 593 impjegat tal-manutenzjoni ma marx 'lil hinn milli jpoġġi lil TRAINOSE fuq livell ekwu mal-kompetituri attwali u/jew potenzjali fir-rigward tal-kostijiet tal-persunal. |
|
(235) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis l-għajnuna bħala meħtieġa u proporzjonata bl-għan li tippermetti lil TRAINOSE twettaq il-kompiti tagħha b'mod affidabbli u li tevita li x-xoljiment possibbli tagħha jkompli jiggrava t-taqlib serju tal-ekonomija li qed tiffaċċja l-Greċja. |
7.3.3.3.
|
(236) |
Fir-rigward tal-evitar ta' effetti negattivi indebiti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandu jiġi nnotat li l-miżuri huma marbuta direttament mal-iżgurar tas-sopravivenza interim tal-ferroviji Griegi, jiġifieri TRAINOSE, sal-implimentazzjoni u t-tlestija tal-akkwiżizzjoni tal-kumpanija, u ma jistgħux jitqiesu bħala li għandhom riperkussjonijiet avversi b'mod sinifikanti fuq Stati Membri oħrajn. |
|
(237) |
Il-miżuri inkwistjoni la qatt servew u lanqas qegħdin iservu biex iżidu l-kapaċità ta' TRAINOSE. Għall-kuntrarju, il-Greċja rristrutturat u reġgħet organizzat lil TRAINOSE sabiex iżżid l-effiċjenza tiegħu u, safejn kien possibbli, sabiex tillimita l-effetti negattivi tat-taqlib imsemmija fuq. Bil-privatizzazzjoni ta' TRAINOSE għal TRENITALIA, il-Greċja definittivament qatgħet ir-rabtiet bejn il-maniġer tal-infrastruttura ferrovjarja tagħha u l-operatur ferrovjarju. |
|
(238) |
Barra minn hekk, il-Greċja impenjat ruħha li ssaħħaħ il-ftuħ tas-suq ferrovjarju Grieg, sabiex b'hekk tistabbilixxi awtorità kontraenti indipendenti għal kuntratti għal servizzi pubbliċi għat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, tibda taġġudika, mill-2021 'il quddiem, il-kuntratti ta' OSP mill-awtorità kontraenti indipendenti permezz ta' offerti pubbliċi għal pakketti ta' servizzi b'tul massimu ta' 5 snin kull wieħed, tipprovdi lill-parteċipanti f'dawk l-ewwel offerti għal OSP bl-informazzjoni rilevanti u b'biżżejjed żmien sabiex iħejju l-offerta tagħhom u tissinkronizza l-kuntratti ta' lokazzjoni tal-vetturi ferrovjarji mal-kuntratti ta' OSP. |
|
(239) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq u l-impenji tal-Greċja, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma toħloqx effetti negattivi indebiti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
7.3.4. Konklużjoni
|
(240) |
Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mill-Istat lil TRAINOSE għandha l-għan leġittimu li tirrimedja taqlib serju tal-ekonomija Griega; hija xierqa, neċessarja u proporzjonali, u ma toħloqx effetti negattivi indebiti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, hija trid titqies bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. |
7.4. Konklużjonijiet
|
(241) |
Fid-dawl tal-irtirar tan-notifika li tirrigwardja t-trasferiment tat-terminals minn OSE u ż-żieda fl-ekwità ta' EUR 65 miljun favur TRAINOSE (ara parti mill-Miżura 2 u l-Miżura 6), il-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-miżuri nnotifikati jenħtieġ li tingħalaq. |
|
(242) |
Il-Kummissjoni tqis li l-kanċellazzjoni prevista tad-djun ta' TRAINOSE li jammontaw għal EUR 748,6 miljun (il-Miżura 1), iż-żieda fl-ekwità ta' EUR 60 miljun implimentata fl-2009 (parti mill-Miżura 2), l-għotjiet annwali lil TRAINOSE għall-perjodu mill-2011 sal-2013 li jammontaw sa EUR 150 miljun (il-Miżura 3) u t-trasferiment tal-impjegati ta' TRAINOSE lil impjegaturi oħrajn fis-settur pubbliku (il-Miżura 4) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u jistgħu jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat abbażi tal-iskop tagħhom li jirrimedjaw taqlib serju fl-ekonomija Griega. |
|
(243) |
Fir-rigward tal-FLS bejn TRAINOSE u OSE (il-Miżura 5), il-Kummissjoni tqis li l-FLS ġew konklużi skont it-termini tas-suq u, għalhekk, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Wara l-irtirar tan-notifika tat-trasferiment tat-terminals minn OSE lil TRAINOSE u taż-żieda fl-ekwità ta' EUR 65 miljun, il-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward ta' dawn il-miżuri ppjanati nnotifikati favur TRAINOSE S.A. saret mingħajr skop u b'hekk qed tingħalaq.
Artikolu 2
1. L-għajnuna mill-Istat fil-forma tal-kanċellazzjoni ta' djun li jammontaw għal EUR 748,6 miljun favur TRAINOSE, li l-Greċja qed tippjana li timplimenta, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. L-implimentazzjoni tal-kanċellazzjoni ta' dawn id-djun hija b'hekk awtorizzata.
2. Iż-żieda fl-ekwità ta' EUR 60 miljun implimentata fl-2009 favur TRAINOSE tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.
3. L-għotjiet annwali sa massimu ta' EUR 150 miljun implimentati fil-perjodu mill-2011 sal-2013 favur TRAINOSE jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.
4. It-trasferiment ta' 593 impjegat lil impjegaturi oħrajn fis-settur pubbliku matul il-perjodu mill-2011 sal-2013 huwa kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.
5. Il-Ftehimiet dwar il-Livell ta' Servizz li jikkonċernaw il-provvediment ta' manutenzjoni tal-vetturi ferrovjarji, il-lokazzjoni tal-vetturi ferrovjarji, it-taħriġ tal-persunal, il-kiri ta' uffiċini u l-kiri ta' kowċis, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 272, 15.9.2011, p. 7.
(2) EBITDA tfisser il-qligħ qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-ammortizzament; QQT (“earnings before tax” — EBT) tfisser il-qligħ qabel it-taxxa.
(3) Memorandum ta' Qbil dwar il-Kundizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika, it-3 ta' Mejju 2010.
(4) Skont l-iskeda ta' żmien inizjali, il-proċess ta' ħruġ ta' offerti għal Trainose kien ippjanat li jitnieda fir-raba' kwart tal-2012, bl-assi tiegħu jiġu ttrasferiti għall-fond Grieg tal-privatizzazzjoni.
(5) Il-Programm ta' Privatizzazzjoni huwa stipulat fit-Tabella II tal-Kapitolu B' tal-Liġi 3985/2011 dwar il-Qafas tal-Istrateġija Fiskali ta' Nofs it-Terminu 2012–2015. Ittra ta' Intenzjoni, Memorandum ta' Politiki Ekonomiċi u Finanzjarji u Memorandum ta' Qbil Tekniku tat-8 ta' Diċembru 2010, ara: https://www.imf.org/external/np/loi/2010/grc/120810.pdf
(6) L-HRADF ġie stabbilit f'konformità mal-Liġi 3986/2011 dwar Miżuri Urġenti għall-implimentazzjoni tal-Qafas tal-Istrateġija Fiskali ta' Nofs it-Terminu 2012–2015, il-Gazzetta tal-Gvern Grieg A'152 /1.7.2011.
(7) Id-Deċiżjoni Nru. 226 tat-18 ta' Jannar 2013 tal-Kumitat Inter-Ministerjali għall-Privatizzazzjonijiet u r-Ristrutturar tal-Assi (“ICARP”).
(8) Id-Deċiżjoni Nru. 232 tal-5 ta' April 2013 tal-ICARP (il-Gazzetta tal-Gvern Grieg B'803/5.4.2013).
(9) Sottomissjoni tal-Ġreċja datata s-27 ta' Marzu 2017, p. 1.
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).
(*1) Informazzjoni kunfidenzjali.
(11) ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.
(12) Il-Liġi Griega 674/1970, id-Digriet Irjali Grieg 404/1972, id-Digriet Leġiżlattiv Grieg 1300/1972 u l-Liġi Griega 2671/1998 (il-Gazzetta tal-Gvern Grieg A'289/28.12.1998).
(13) Sottomissjoni tal-Greċja datata s-27 ta' Marzu 2017, p. 1.
(14) Il-Kawżi Magħquda 106/87 sa 120/87 Asteris u Oħrajn vs Il-Greċja u l-KEE [1988] ECLI:EU:C:1988:457, il-paragrafi 24-25.
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/268/KE (ĠU L 107, 24.4.1999, p. 21).
(16) Kawża C-303/88, L-Italja vs Il-Kummissjoni, [1991] ECLI:EU:C:1991:136.
(17) Kawża T-157/01 Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni [2004] ECLI:EU:T:2004:76.
(18) SEK kienet entità fis-settur pubbliku li ġiet stabbilita fl-1920 u li operat fuq il-biċċa l-kbira tal-linji ferrovjarji Griegi sal-31 ta' Diċembru 1970, meta l-ferroviji kollha fil-Greċja, bl-eċċezzjoni tal-linji industrijali privati u E.I.S. ġew ittrasferiti lill-entità tal-Istat li kienet għadha kif twaqqfet, Hellenic Railways Organisation S.A., jiġifieri l-OSE.
(19) Il-Gazzetta tal-Gvern Grieg A'188/4.1.2010.
(20) Sottomissjoni tal-Greċja datata s-27 ta' Marzu 2017, p. 2.
(21) Il-Gazzetta tal-Gvern Grieg Α'212/17.12.2010.
(22) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/106/UE tal-5 ta' Diċembru 2014 li temenda l-Annessi V u VI tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (ĠU L 355, 12.12.2014, p. 42).
(23) L-Awtorità Regolatorja għall-Ferroviji (Ρυθμιστική Αρχή Σιδηροδρόμων jew RAS (“Regulatory Authority for Railways”)).
(24) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 88/167/KEE tas-7 ta' Ottubru 1987 dwar il-Liġi 1386/1983 li permezz tagħha l-Gvern Grieg jagħti għajnuna lill-industrija Griega (ĠU L 76, 22.3.1988, p. 18).
(25) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat NN 11/91, mhux ippubblikata.
(26) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/136/KEE tal-4 ta' Marzu 1991 dwar self Komunitarju favur ir-Repubblika Ellenika (ĠU L 66, 13.3.1991, p. 22).
(27) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).
(28) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (“ Stardust Marine ”), C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294.
(29) Stardust Marine, il-paragrafu 51 et seq.
(30) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17).
(31) Stardust Marine, il-paragrafu 51 et seq.
(32) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1996, Syndicat français de l'Express international (SFEI) u oħrajn vs La Poste u oħrajn, C-39/94, ECLI:EU:C:1996:285, il-paragrafu 60; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 1999, Ir-Renju ta' Spanja vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, C-342/96, ECLI:EU:C:1999:210, il-paragrafu 41; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (“Stardust Marine”), C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-paragrafu 69.
(33) Sentenza tal-Qorti tat-2 ta' Lulju 1974, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, C-173/73, ECLI:EU:C:1974:71, il-paragrafu 13.
(34) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans, C-280/00, ECLI:EU:C:2003:415, il-paragrafi 87 sa 95.
(35) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ġunju 2000, Alzetta u oħrajn vs Il-Kummissjoni, T-298/97, ECLI:EU:T:2000:151, il-paragrafi 141 sa 147.
(36) Ara, b'mod partikolari, is-Sentenza tal-Qorti tas-17 ta' Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni, C-730/79, ECLI:EU:C:1980:209, il-paragrafu 11; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Novembru 2001, Ferring, C-53/00, ECLI:EU:C:2001:627, il-paragrafu 21; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, ECLI:EU:C:2004:234, il-paragrafu 44.
(37) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 1998, Het Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, ECLI:EU:T:1998:77.
(38) Id-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferroviji tal-Komunità (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 1), id-Direttiva 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar l-għoti ta' liċenzji għal impriżi ferrovjarji (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 26), id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29).)
(39) Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (ir-Regolament tal-Aġenzija) (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1), id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (id-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44), id-Direttiva 2004/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE dwar l-interoperabilità tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji ta' veloċità kbira u d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema trans-Ewropea dwar ferroviji konvenzjonali (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 114) u d-Direttiva 2004/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 164).
(40) Fl-2007 ġie adottat it-tielet pakkett, li jinkludi r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1), ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14), id-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 44) u d-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51).
(41) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdenburg, C-280/00, ECLI:EU:C:2003:415, il-paragrafi 77-81.
(42) Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, (“Tubemeuse”), C-142/87, ECLI:EU:C:1990:125, il-paragrafu 29; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni (“Alfa Romeo”), C-305/89, ECLI:EU:C:1991:142, il-paragrafi 18 u 19; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 1998, Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T-16/96, ECLI:EU:T:1998:78, il-paragrafu 51; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta' Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, Kawżi Magħquda T-129/95, T-2/96 u T-97/96, ECLI:EU:T:1999:7, il-paragrafu 104; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta' Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u l-Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, Kawżi Magħquda T-228/99 u T-233/99, ECLI:EU:T:2003:57.
(43) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, ECLI:EU:C:2012:318, il-paragrafi 79, 80 u 81; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, ECLI:EU:C:1986:302, il-paragrafu 14; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 40/85, ECLI:EU:C:1986:305, il-paragrafu 13; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, Kawżi Magħquda C-278/92 sa C-280/92, ECLI:EU:C:1994:325, il-paragrafu 22; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-334/99, ECLI:EU:C:2003:55, il-paragrafu 134; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta' Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u l-Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, Kawżi Magħquda T-228/99 u T-233/99, ECLI:EU:T:2003:57; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta' Settembru 2008, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, T-20/03, ECLI:EU:T:2008:395; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Ottubru 2002, Linde vs Il-Kummissjoni, T-98/00, ECLI:EU:T:2002:248.
(44) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, ECLI:EU:C:2012:318, il-paragrafi 83, 84 u 85 u 105; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust), C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-paragrafi 71 u 72; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 1998, Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T-16/96, ECLI:EU:T:1998:78, il-paragrafu 76.
(45) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, ECLI:EU:C:2012:318, il-paragrafi 82 sa 85 u 105.
(46) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, ECLI:EU:C:2012:318, il-paragrafu 85.
(47) Ara s-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta' Marzu 2007, Scott vs Il-Kummissjoni, T-366/00, ECLI:EU:T:2007:99, il-paragrafu 134, u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2010, Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe, C-239/09, ECLI:EU:C:2010:778, il-paragrafu 39.
(48) Ara s-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta' Settembru 2004, Valmont Nederland BV vs Il-Kummissjoni, T-274/01, ECLI:EU:T:2004:266, il-paragrafu 71.
(49) Ir-RRI mhijiex ibbażata fuq qligħ kontabbilizzat f'sena partikolari, iżda tqis il-fluss tal-likwidità futura li l-investitur jistenna li jirċievi matul il-ħajja kollha tal-investiment. Hija definita bħala r-rata ta' skont li għaliha l-VPN ta' fluss tal-likwidità jkun żero.
(50) Il-VPN huwa d-differenza bejn il-likwidità pożittiva u negattiva matul il-ħajja tal-investiment, skontata fir-redditu xieraq (il-kost tal-kapital).
(51) Ara l-premessa 14.
(52) Ara l-premessa 15.
(53) Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' April 2014, ING Groep NV, C-224/12 P, ECLI:EU:C:2014:213, il-paragrafi 29 sa 37.
(54) Ara, f'dan ir-rigward, is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta' Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-296/97, ECLI:EU:T:2000:289, jew is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Jannar 2013, Frucona vs Il-Kummissjoni, C-73/11 P, ECLI:EU:C:2013:32, il-paragrafi 79 u 80.
(55) Ara l-premessa 119.
(56) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1996, SFEI u Oħrajn, C-39/94, ECLI:EU:C:1996:285, il-paragrafu 60; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, ECLI:EU:C:1999:210, il-paragrafu 41.
(57) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, ECLI:EU:C:1994:100, il-paragrafu 13; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, ECLI:EU:C:2000:467, il-paragrafu 25; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-6/97, ECLI:EU:C:1999:251, il-paragrafu 15; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Marzu 2005 Heiser, C-172/03, ECLI:EU:C:2005:130, il-paragrafu 36.
(58) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, ECLI:EU:C:1974:71, il-paragrafu 13.
(59) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/540/UE tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 25/08 (ex NN 23/08) riforma tal-mod ta' finanzjament tal-pensjonijiet tal-uffiċjali tal-Istat li jaħdmu ma' France Télécom imwettqa mir-Repubblika Franċiża favur France Télécom (ĠU L 279, 12.10.2012, p. 1); ikkonfermata mis-Sentenza tal-Qorti tas-26 ta' Ottubru 2016 fil-Kawża C-211/15 P, Orange (France Télécom) vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2016:798 u mis-Sentenza tal-Qorti tat-22 ta' Ottubru 2014 fil-Kawża C-620/13 P BT plc vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2014:2309.
(60) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1996, SFEI u Oħrajn, C-39/94, ECLI:EU:C:1996:285, il-paragraph 60; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, ECLI:EU:C:1999:210, il-paragrafu 41.
(61) Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2016/C 262/01), il-punt 74; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta' Frar 2012, Il-Land Burgenland u l-Awstrija vs Il-Kummissjoni, Kawżi Magħquda T-268/08 u T-281/08, ECLI:EU:T:2012:90; Il-Kawża T-274/01Valmont vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2004:266, il-paragrafu 45; Il-Kawża C-290/07 P Il-Kummissjoni vs Scott, ECLI:EU:C:2010:480, il-paragrafu 68; Il-Kawżi Magħquda T-228/99 u T-233/99 Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2003:57, il-paragrafu 246 u l-ġurisprudenza ċċitata fihom. Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, ECLI:EU:C:2012:318, il-paragrafi 83, 84 u 85 u 105; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust), C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-paragrafi 71 u 72; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 1998, Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T-16/96, ECLI:EU:T:1998:78, il-paragrafu 76.
(62) Ara s-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta' Ġunju 2014, Sarc vs Il-Kummissjoni, T-488/11, ECLI:EU:T:2014:497, il-paragrafu 98.
(63) Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2016/C 262/01), il-punt 97.
(64) Ara s-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta' Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, Kawżi Magħquda T-228/99 u T-233/99, ECLI:EU:T:2003:57, il-paragrafu 251.
(65) Ara The Bank of Greece, Is-suq immobiljari: żviluppi u prospetti, Rapport Annwali 2010 (April 2011) https://www.bankofgreece.gr/BogDocumentEn/Governor%27s_AnnualReport2010,April2011ChapterV,S,ection2.pdf
(66) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T-109/01, ECLI:EU:T:2004:4.
(67) SA.34044 (2011/N)*EL*Estensjoni tal-iskema temporanja Griega għal garanziji għal self (ĠU C 29, 2.2.2012, p. 4).
(68) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2013 f'SA.34986 (2012/NN) — Il-Greċja — Appoġġ ta' likwidità fis-settur tal-enerġija — DEPA, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU — estiża aktar f'SA. 36871 (2013/NN), Estensjoni tal-appoġġ ta' likwidità ta' DEPA (ĠU C 348, 3.10.2014, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Lulju 2014 f'SA.36323 — Il-Greċja — Appoġġ ta' Likwidità lill-PPC Grieg (2013/NN) (ĠU C 348, 3.10.2014, p. 7).
(69) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2016 fil-kawża SA.46955 (2016/N) dwar l-għajnuna mill-Istat — il-Greċja — Estensjoni tal-Iskema ta' Garanzija tal-Istat (l-Artikolu 2 tal-liġi 3723/2008), li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU.
(70) http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/05/25/eurogroup-statement-greece/
(71) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża SA.32543 (2011/N) dwar l-għajnuna mill-Istat - Miżuri favur il-grupp tal-OSE (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).
(72) http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/eurogroup/2017/03/20/